Omar Seguna
Kissirtu kullimkien
Ta’ Lara Calleja
Pubblikazzjoni: Merlin Publishers
Ilkoll niftakru l-kanzunetti taljaniIl ragazzo delle Via Gluck u Un albero di trenta piani tal-kbir Adriano Celentano fejn dan l-artist jilmenta fuq l-iżvilupp li beda jsir fl-ibliet. Dan il-ktieb jibni fuq ir-rabja ta’ bosta għall-iżvilupp eċċessiv fi gżiritna. Imma r-rabja mhijiex biss għall-qerda ambjentali. Ma’ din ambjentali qed neqirdu wkoll il-karattru tal-irħula, is-serenita’ fid-djar tagħna u l-kwalita’ tal-ħajja li qed ngħixu. Għaliex jekk ninsabu mirdumin minn binjiet għoljin ma bqajniex ingawdu l-istess veduti u arja li kellna qabel. Telenka numru ta’ diffikultajiet li spiċċajna kontra kull għażla oħra tagħna ngħixu f’dik li Calleja tiddeskrivi bħala “geġwiġija” fit-tielet storja. In-nies jisimgħu lil xulxin fl-appartamenti, mhux għax irridu imma kif insibu fl-ewwel storja l-prezzijiet m’għadhomx kif kienu dari (ara Rożi tax-Xgħajra). Illum il-prezz ta’ propjeta żgħira għola m’għola s-sema (Geġwiġja)
X’inhuma l-konsegwenzi ta’ dan kollu? Tifla tmut għaliex jaqa’ ganċ fuq rasha (Geġwiġija). Ovvjament din hija fittizja pero’ mhux ‘il bogħod mir-realta’ fejn kellna l-mewt ta’ mara li spiċċat maqtula taħt it-tiġrif ta’ darha stess u inċidenti oħrajn fejn weġġgħu in-nies. Biex ma nsemmgħux ukoll il-mewt ta’ ħaddiema fl-industrija tal-kostruzzjoni. Dwar dan il-fenomenu ta’ ħaddiema barranin li jaħdmu f’pajjiżna Calleja wkoll għandha storja “Konkos griż. Jemal iswed”. Sitwazzjoni kerha li tfakkrek fil-parabbola tal-Għalqa tad-Dwieli. Minkejja iżda li l-konkos qed jgħajjex lil Jemal, dan xorta deskritt mill-kumplament tal-poplu b’ħafna aġġettivi koroh, saħansitra terrorist, pervertit u ikrah. Ċertament li l-awtriċi hija infurmata mid-diskors stess tal-Maltin. Stampa tat-taħdit tal-Maltin lejn ħutna bnedmin li narawhom ser jinvadewna, ser joħdulna pajjiżna u tant differenti minna minħabba l-kulur tal-ġilda tatihulna f’”Kieku jista’, isoddok”. Hemmhekk tatina sitwazzjonijiet differenti, bosta minnhom jixhdu diskors ta’ mibegħda.
L-iżvilupp sfrenat tal-bini għaldaqstant f’dan il-ktieb joffru sfont u ppreżentati bħala l-kawża ta’ ħafna problemi oħra. Kollha huma kawża tar-regħba tal-ftit. Insemmu lil Rożi li tispiċċa f’dar tax-xjuħ mir-raħal pittoresk tax-Xgħajra. Hemmhekk intilfet il-karatteristika ta’ dan ir-raħal biex tat lok għal numru kbir ta’ appartamenti. Ta’ min nieqfu ftit u niftakru ftit dwar is-sbuħija ta’ djar li kien hafna f’pajjiżna. Id-djar antiki flok il-gabubi li qed jinbnew illum. Ġulja u n-narratriċi jiskopru dar antika u jdawruna ma’ dar antika. Sakemm taqa’ l-mannara fuqha wkoll.
Fil-ktieb ma jonqsux ir-rakkonti li jiddepoloraw l-attitudini maskilista ta’ xi wħud anke żgħażagħ u ‘l mod kif inħarsu lejn il-mara – kultant mhux bħala persuna imma bħala oġġett.
Il-ktieb mhux kompletament negattiv. Irrid negħid li hemm mumenti ta’ tama wkoll. Insemmi fost oħrajn ix-xufier tal-135 li kien jistenna lil Fransina, anzjana.
Kissirtu kullimkien ta’ Lara Calleja. B’saħħtu intens u personali u affaċċja l-problema tal-iżvilupp sfrenat madwarna. Calleja tikteb b’mod qawwi ħafna, kif ngħidu bil-Malti sbukkat. Hija tingħaqad ukoll mal-vuċi dominanti ħafna fiċ-ċrieki letterarji kontra l-isfreġju ambjentali. Personalment nara wkoll maturita’ mill-ewwel wieħed ta’ din l-awtriċi “Lucy, min?”.
L-iżvilupp qed iwassal għal djar aktar żgħar, qed nitilfu l-karattru fl-irħula tagħna u s-serenita’ fid-djar tagħna, nuqqas fil-kwalita’ tal-ħajja u xi drabi anke mwiet. Tal-anqas il-ktieb iħallina ftit nostalġija għad-djar tal-imgħoddi, għar-riħa tat-te’ u l-larinġ maqtugħ frisk minn xi siġra ġo xi bitħa.
Dan il-ktieb jinkiseb mill-ħwienet ewlenin jew mis-sit elettroniku https://merlinpublishers.com/product/kissirtu-kullimkien

Fir-rutina tal-kwarantina
Kitba: Alfred Massa
Pubblikazzjoni: BDL
Dan huwa rumanz bi storja ħelwa, kif jaf jagħtina dan l-awtur Alfred Massa, imma ambjentata fi żmien partikolari: iż-żmien tal-pandemija. Għaldaqstant hija storja ta’ kuraġġ u tama, mhux biss dwar il-marda fiha nfisha imma għal bosta ostakli fil-ħajja li niltaqgħu magħhom. F’dan il-ktieb fost oħrajn insibu d-dimensja, il-firda ta’ xi membri tal-familja, l-argumenti jaħarqu u saħansitra l-mewt. Il-ħajja trid tkompli, u għalhekk naħseb li dan il-ktieb jinqeda bis-sitwazzjoni attwali imma jista’ jservi ta’ kuraġġ għal bosta realtajiet oħra.
L-istorja tlaqqgħana mal-familja ta’ Manwel u Karmena ġenituri ta’ Pawlu, Salvinu u Norma. Imbagħad niltaqgħu ukoll ma’ karattri oħrajn fosthom Bernard, eks maħbub ta’ Norma u Romina l-ħabiba tagħha, u oħrajn.
F’dan ir-rumanz insibu bilanċ bejn id-djalogar u anke r-rakkont. It-taħdit idaħħalna fl-esperjenza, fl-emozzjonijiet u l-qarrej iġarrab l-istess sentimenti. Għoġobni ħafna li l-ktieb jibda bir-rutina tal-ħajja permezz tad-djalogu u għalhekk il-qarrej jidħol mill-ewwel fl-atmosfera. Mill-banda l-oħra mbagħad għandna l-vuċi narranti li mhix parti mill-ġrajja u għalhekk nistgħu mhux biss nifhmu aktar dwar il-karattri, dak kollu li għaddew u li għaddejjin minnu, u anke dwar il-kuntest tal-ġrajja iddominat mill-aħbarijiet dwar il-Covid-19. Dawn huma ppreżentati b’mod kronoloġiku ta’ kif żviluppat il-marda f’Malta, mill-ewwel każ `il quddiem, għaliex il-ġrajja tagħna hija ambjentata f’dan iż-żmien tal-pandemija.
Dan ir-rumanz jinqasam fi 17-il kapitlu u kull kapitlu jerġa’ jinqasam f’partijiet iċken. Dan għaliex l-awtur joħodna f’xenarji differenti. Kif wieħed jista’ jimmaġina allura, u min qara x-xogħlijiet ta’ dan l-awtur jista’ jikkonferma, il-ktieb huwa wieħed mexxej u tieħu gost taqrah. Waqtiet tħoss l-istess sentimenti; jiena ngħid għalija laqtitni ħafna l-istorja ta’ Bernard, Norma, Romina u anke l-mod kif daħlet ukoll Elizabeth. Ħassejt li din kienet parti movimentata ħafna u fl-istess ħin toħloq bilanċ mad-diqa li anke jien bħala qarrej ħassejt meta tmut omm Romina.
Jidhirli li jispikkaw ħafna t-temi ta’ firda u biża’, mumenti ħelwin u t’għaqda u dawk ta’ ferħ u mrar u xtaqt nikkummenta ftit dwarhom.
Firda u biża’
Il-firda toħroġ ċar bosta drabi. Għandna l-firda tal-mewt. Manwel ħalla din id-dinja. Dettal imqanqal tat-tebut ta’ omm Romina nieżel fil-ħofra.
Firda oħra hija dik tal-post. Il-persuni għadhom magħna imma mifrudin minn xulxin għax f’pajjiżi differenti. Pawlu u Jessie issetiljaw f’Sheffield. Kemm hu qawwi tak il-mument li missieru jaċċetta li ibnu ser jitlaq lejn l-Ingilterra!
Aktar `il quddiem, wara l-marda li ħakmet lil Jessie hija tħoss in-nuqqas ta’ binha Stephen u tgħid li mhux biżżejjed li semgħet leħnu imma trid tarah. U dan iġibni wkoll għall-firda emozzjonali. Kif ħassitha Norma meta ssir taf li ħabibtha Romina qed toħroġ mal-eks maħbub tagħha Bernard? Mhux ta’ b’xejn ma qaltiliex bil-mewt ta’ ommha! Ovvjament hemm ukoll in-niket meta tinfirex mill-qraba tiegħek li qegħdin l-isptar minħabba l-Coronavirus.
Waqt li fil-ktieb għandna mumenti ta’ ferħ ukoll kif ser nikkummenta aktar ‘il quddiem, anke l-fatt li din l-istorja sseħħ fi żmien ta’ pandemija ma jonqosx fiha mumenti ta’ biża’. Naqraw li fil-bidu tal-pandemija fejn fil-belt Valletta naqset it-tbissima tas-soltu. Għandna l-biża’ mill-mard u l-biża’ mill-firda. Naqraw ngħidu aħna li “Allaħares kellu jitlef lil ommu”.
F’mumenti ta’ biża’, r-reliġjon hija ta’ konsolazzjoni. Naqraw li jitolbu lill-“Madonna ta’ Caraffa”. Jgħidu r-rużarju lil Santa Rożalja. Biex inkun ċar l-awtur ma jibnix xi sterjotip reliġjuż-kattoliku tal-poplu Malti, imma jkun realistiku.
Mumenti ħelwin u ta’ għaqda
Fil-ktieb insibu bosta mumenti ħelwin fosthom fejn ikun hemm l-għaqda bejn il-familji u anke ħbieb. Il-ġrajja tibda propju meta Pawlu u Jessie jirritornaw lura mill-Ingilterra.
Bħala qarrej ħassejt u esperjenzajt din l-affinita’ bejn il-membri tal-familja u ħbieb. Għadna mumenti ħelwin oħra t’għaqda bħal ma ngħidu aħna l-familja kollha, fosthom Pawlu u Salvinu u n-nisa tagħhom miġbura flimkien biex jawguraw lil ommhom Karmena f’għeluq is-sebgħin sena tagħha.
Ir-reliġjon mhijiex biss ta’ konsolazzjoni imma parti mil-kultura u tradizzjoni tal-Maltin. Jissemma “ix-xahar ta’ San Pawl”, il-ġirżirana eċċ. Ir-reliġjon kienet ta’ importanza kemm fl-imgħoddi, eżempju Karmena tieħu l-fjuri quddiem il-Madonna u anke fil-preżent.
Ferħ u mrar
Sebgħin sena ta’ ferħ u mrar, iddeskriviet ħajjitha Karmena f’għeluq is-sebgħin sena tagħha. U hekk hu. Il-ħajja hija mimija ward u xewk. Fl-aħħar mill-aħħar il-ħajja tkompli anke fiż-żmien ta’ din il-pandemija. Biex idaħħalna fil-kuntest il-ktieb ifakkarna meta tifla taljana ta’ tnax -il sena u l-ġenituri tagħha li jgħixu f’Malta qegħdin jinżammu f’taqsima iżolata fl-Isptar Mater Dei wara li kienu ċertifikati pożittivi għall-Coronavirus. Id-diffikulta’ anke biex tmur bl-isptar minħabba l-marda. Barra l-pandemija, Karmena bdiet tbati bid-dimensja. Norma kienet tilfet ukoll lil missierha ħames snin qabel. Hemm ukoll l-aċċident ikrah li kien involut Berard, l-ambizzjoni tiegħu u anke `l mod kif kien jipprova jimmanipula. Kif diġa semmejna Romina tilfet lil ommha.
Mill-banda l-oħra għandna kemm hu mument ta’ ferħ meta’ Jessie rritornat lura lejn id-dar wara l-mara li ħakmitha.
Konklużjoni
Il-ktieb huwa ta’ 150 paġna u ideali wkoll għal min ma jħobbx kotba twal ħafna. (Mhux kumment li nħobb ngħid dwar it-tul tal-kotba imma għal raġunijiet diversi jkun hemm qarreja li jispeċifikaw dan ukoll). Laqtuni ħafna postijiet f’Malta bħal ngħidu aħna n-naħa magħrufa bħala “il-Munxar” fir-Ramla ta’ San Tumas f’Wied il-għajn. Il-ktieb huwa ambjentat fi żmien tal-pandemija tal-Covid-19 pero’ mhuwiex dwar hekk imma dwar l-isfidi b’mod ġenerali tal-ħajja, fosthom f’dan iż-żmien partikolari. Kif għidt fl-introduzzjoni huwa ktieb ta’ tama, grazzi wkoll għat-tobba u l-infermiera fil-ġlieda tagħhom kontra l-Covid-19. Mhux ta’ b’xejn li l-ktieb huwa iddedikat “lill-awtoritajiet tas-saħħa ta’ pajjiżna, lit-tobba, lill-infermiera u lill-ħaddiema għas-sehem li qegħdin jagħtu b’risq il-poplu tagħna waqt il-pandemija tal-Covid-19”.
Dan il-ktieb jista’ jinkiseb mill-ħwienet ewlenin jew mis-sit https://bdlbooks.com/product/fir-rutina-tal-kwarantina/.
Ra
Poeżiji ta’ Jesmond Sharples
Pubblikazzjoni: Klabb Kotba Maltin
It-titlu ta’ dan il-ktieb Ra, li kien alla Eġizzjan, jindikalna mal-ewwel bit-tip ta’ metafora ta’ dan il-poeta, forsi ngħid jien differenti minn dik li soltu mdorrijin biha. Għalkemm il-mitoloġija, l-allat u l-filosofija orjentali bla dubju ta’ xejn mhumiex restritti għal Sharples u affaxxinaw lil bosta poeti oħrajn. Dawn il-poeżiji huma bħal vjaġġ; Vjaġġ kemm interjuri u kemm esterjuri fin-numru ta’ postijiet li joħodna fihom. Huma wkoll vjaġġ fiż-żmien fejn iwaħħad ix-xbiehat tal-imgħoddi mal-preżent u anke ngħid jien mal-ġejjieni.
Interessanti kif minn allat li mhux marbutin mal-kultura Maltija (Ra, Oris,..) huwa jirnexxielu b’mod tajjeb ħafna jgħaqqdu ma’ dak li jidentifika ma’ dak li hu Malti. Huwa l-poeta li kapaċi jaħseb ‘il barra mill-isfera tiegħu innifsu u għaldaqstant jesprimi lilu nnifsu b’mitoloġiji, b’metafori misluta minn filosofiji barranin. Pero’ dawn jużhom għall-finijiet tiegħu, kif ser infisser aktar ‘il quddiem u għaldaqstant dan l-artiklu ser inqassmu fi tlieta: Vjaġġi interjuri, vjaġġi esterjuri u Sharples bħala poeta razzjonali. Dan il-ktieb jinklud kritika letterarja minn Bernard Micallef li kif nagħmel is-soltu nħaġġeġ li wieħed jaqra dawn il-l-analiżi li fihom infushom ikollhom valur letterarju.
Vjaġġi interjuri
L-ewwel parti tal-ktieb titratta x-xemx, id-dawl u d-dlam. Ix-xemx tagħti d-dawl fuq dak li hemm mistur. Ra huwa l-alla li jikxef dak li hemm mistur u jirbaħ id-dlam. Ix-xemx titla’ mill-lvant u għalhekk l-orjent għandu dan is-sinifikat speċjali; dak tad-dawl.
Sharples għaldaqstant huwa wkoll realistiku ħafna. Ċertament li l-“allat” fil-poeżija ta’ Sharples ma jinqatgħux mill-kotra. Anzi dan id-dawl, metafora importanti ħafna, dejjem hemm biex ifakkarna minn aħna, u minn fejn tlaqna.
“għax kull meta titla’ x-xemx
Niftakar li qed ngħum
F’kożmos dejjem jitbiddel
Imma li f’qiegħ surtu
Jibqa’ dejjem l-istes…”
(Illużjoni, p.2)
Fl-aħħar mill-aħħar bħal ħafna poeti mhux ħieles minn mistoqsijiet eżistenzjali tal-ħajja u l-mewt:
“u pjanta
tixxettel
u tikber,
uinxef…”
(Ħajja…u mewt, p.4)
Waqt li l-kotra għandna ħabta niġġeneralizzaw u nħarsu pjuttost lejn il-qoxra ta’ barra, il-poeta jħaffer u jara kull sitwazzjoni fl-uniċita’ tagħha.
“Hemm xemx irħama
U kiesħa treżżaħ,
Hemm xemx tittama
U dik li tfewwaħ.”
(Hemm xemx, p. 17)
Għall-bniedem kwalunkwe teżisti xemx waħda imma għall-poeta hemm bosta xmux – huma iktar esperjenzi tal-ħajja – wħud isaħħnuk, iwennsuk u oħrajn diżappuntanti. Għall-poeta mhemmx realtà waħda imma diversi u uħud huma kunfliġġenti jew kontrastanti, kontradittorji bħall-ossimoro tax-xemx kiesħa rħam. Din fuq kollox hi l-ħajja tal-poeta. Fiha bosta xmux.
Dak li huwa sabiħ fil-ħajja jixxennaq li qatt ma jintemm. Bħal kull poeta, artist, huwa ħalliem, u jittama f’dinja aħjar kif joħroġ aktar fit-tieni u t-tielet kapitlu. Imma anke f’dak li huwa personali, huwa jibża’ li l-esperjenza ta’ mħabba li jkun għadda minnha bħal tinżamm f’bozza.
“Fejn hi, fejn hi x-xemx
li fuqha dawlha rħiet,
fuq imħabbitna tħeġġeġ
li qatt ma ntfiet?”
(Ħdejn il-breakwater, p.8)
Din l-esperjenza ma jixtieqx li tintilef għax fil-maħbuba tiegħu qalbu tfur u l-vojt ta’ ħajtu jimtela, u għaldaqstant jgħidilha:
“F’ħarstek hemm ix-xemx
li ddawwal kull rokna dlam sewdien.
F’ħarstek isbaħ l-għodwa
b’leħnek jgħanni ferħan l-innu tal-ħolqien.”
(F’Ħarstek, p.10)
Il-pożittivita’ ta’ Sharples ma tnaqqas xejn min-niket u tbatija li jġarrab kull bniedem. Fost oħrajn hemm il-frustrazzjoni fuq il-post tax-xogħol, speċjalment meta l-enerġija u l-inizjattiva jispiċċaw maħnuqa bil-medjokrita’. “Jien sirt fajl mitluq, f’uffiċju pubbliku” (p.66) jgħidilna l-poeta.
Vjaġġi esterjuri
Fit-tieni parti joħroġ aktar ‘il bżonn li l-poeta jestendi l-vjaġġ intern. Ta’ min jgħid li f’kull poeżija li għandna jissemma l-post fejn inkitbet. Din hija karatteristika differenti għal dan il-poeta, kontra poeti oħra bħal fil-każ tiegħi personali ngħidu aħna, fejn nippeferi li ma norbotx il-poeżija mal-kuntest li tkun inkitbet fih. Il-post hawnhekk, joħloq kronaka ta’ fejn kien u jistabbilixxi l-kuntest. L-għeruq tal-poeta huma f’pajjiżna fejn issawru ħsibiietu.
Xi wħud mill-poeżiji jinkitbu huma stess waqt il-vjaġġ barra minn pajjiżna, u oħrajn huma dwar il-vjaġġ innifsu. Għalhekk għandna numru ta’ poeżiji marbuta mal-post li jkun ra, ngħidu aħna, Fuq l-Għadira ta’ Garda (p.12). F’misraħ il-belt [ta’ Riga] (p.12), Fl-imsieraħ Rumani (p.63), Max-xmara Danubju (p.68), F’Paseo del prado (p.81), F’Villa d’Este – Tivoli (p.83), F’Misraħ San Pietru (p.85). F’dawn il-poeżiji bħal jieħu ritratt ta’ dak il-mument.
Mhux talli dawn il-poeżiji mhumiex superfiċjali imma Sharples jaf is-sitwazzjonijiet ta’ madwaru tant tajjeb, li kapaċi jaħseb u jagħrbel, u għalhekk kif għidt fil-bidu, dak li huwa estern iħalli intern fuq dak li huwa interjuri. Hekk jagħmel ngħidu aħna Ix-xemx tkellmet (p.14) li hija dwar Liverpool, fejn jirrifletti dwar il-faqar tal-ħaddiema f’kuntrast mal-lussu tal-Karidrali. Minn Albert Dock hemm id-dehra maestuża tal-Katidral Anglikan (fil-fatt huwa wieħed mill-akbar binjiet reliġjużi) u anke l-katirdral Kattoliku u qed jistjajjel (għaliex illum Albert Dock m’għadux li kien dari) it-tbatija tal-ħaddiema,
Interessanti l-ħajki waqt l-idea tal-vjaġġ. Il-qosor tal-ħajku parti mil-ġirja taż-żmien imma f’dak iż-żmien qasir joħroġ riflessjoni profonda.
Poeta razzjonali
Sharples huwa poeta li ma jinġarrx ma’ xi kurrent ideoloġiku malajr. Jikkritika elementi liberali daqs kemm huwa fl-istess ħin soċjali. Jibqa’ konsistenti u ċertament ma jinħakimx mill-propoganda politika. Fil-poeżija “Fehmet in-nies, p.19” jagħti tbeżbiża lill-poplu:
“Fehmet in-nies
il-bużbież jitbandal ma’ kull żiffa,
li titqaxqax f’xemx tiżreġ
u tumda fin-nida bikrija
t’għodwa sajfija…”
Ċertament jikkritika
“ix-xarabankizzazzjoni ta’ Malta –
Il-pseudo-għorrief isuquha” (p.91).
Waqtiet ifakkrek f’Orwell fejn wara li l-kotra jkunu tneżżgħu minn kull individwalita’ u l-fakulta’ ta’ ħsieb ħieles u infurmat, jibilqgħu b’mod aktar faċli l-propoganda u saħansitra jirringrazjawhom talli tawhom, kif niddeskriviha jiena, il-laqx li waqgħu mill-imwejjed tal-pranzi. F’dan iċ-ċimiterju mentali, ħa nsejjaħlu hekk, Sharples jiddeskrivi l-poter (p.90) bħala
“il-ħolma renjanti
raqda mekkanika
f’dagħbien
ta’ kotra injoranti”
Dan il-kunċett jidher f’poeżiji oħra bħal “Il-ħsieb” (p.88).
Din l-affermazzjoni politika hija soda u tinkorpora l-valuri soċjali flimkien ma’ dawk tal-ġustizzja, tinfatam mil-liberaliżu estrem. Ma jiddejjaq xejn jesprimi t-twemmin reliġjuż tiegħu, waqtiet magħġun ma’ dak soċjali. Jattakka l-ipokrezija tad-dinja, fejn pajjiżi jistgħanew minn fuq il-faqar ta’ ħaddieħor, jinvestu fl-armi biex ikissru lil ħaddieħor u fl-istess ħin bi ħsieb li jfakkarni f’dak ta’ Ġwanni Pawlu II jitnikket għall-qerda tal-feti f’soċjeta’ żviluppata li qed issir aktar konxja li ttejjeb il-ħajja.
“Fejn hemm il-ġid noqtlu l-feti bla leħen…
Fejn hemm iż-żejt inbiċċruhom bil-gwerer.” (F’labirint l-ipokrisija, p.50).
Jitnikket bil-gwerra qrib ix-xtut tagħna, fil-Libja fejn il-poplu jibqa’ jittama li jkun hemm is-sliem (p.70).
Konklużjoni
F’xi wħud mill-poeżiji Sharples minbarra fil-ħoss jilgħab ukoll bil-mod kif tidher il-poeżija, ittri ikbar mill-oħrajn eċċ. Irrid ngħid li anke dawk ikkwotati hawn, jista’ jkun li ma jidhrux eżatt kif inhuma fil-ktieb u jkun ġust li nirrikonoxxi dan, speċjalment għal fatt li l-punteġġjatura, l-identazzjoni u l-preżentazzjoni kollha kemm hi għandhom rwol importanti mmens f’dawn il-poeżiji.
Nagħlaq bi kliem Prof Bernard Micallef li kiteb il-preżentazzjoni ta’ dan il-ktieb:
“…il-lirika ta’ Sharples hija interpretazzjoni ġdida ta’ lingwaġġ li diġà esprima t-tensjonijiet fundamentali ta’ ħajjitna, diġà pprovdielna s-simboli, l-analoġiji, u l-assoċjazzjonijiet li mill-eqdem rakkonti mitoloġiċi ddeterminaw kif se nestendu l-arketipi li jsawruna. Din hija poeżija li tixhed kif ir-rakkont uman, ladarba beda, jista’ biss jitkompla b’suppliment kemm liriku kif ukoll narrattiv. L-esperjenza lirika tal-motif tax-xemx f’dan il-ktieb tibda fejn jiltaqgħu flimkien il-poeżija u r-rakkont, il-mit antik u x-xjenza moderna, id-djalogu kożmiku u l-jien liriku, u l-opposti l-oħra kollha li jesiġu interazzjoni bla waqfien bejn ġeneri differenti tad-diskors uman.” Prof Bernard Micallef.
Il-Familja Frattarija u d-dar li tagħtas
Ta’ Kari Smeland bi traduzzjoni ta’ Simone Inguanez u illustrazzjonijiet oriġinali ta’ Francesca Grech