Awtur: Joseph Grech
Pubblikazzjoni: Klabb Kotba Maltin
Fil-Paġna Letterarja tal-25 ta’ Frar 2018 kienet deheret intervista li għamit mal-awtur Joseph Grech u fost oħrajn tkellimna dwar is-sehem tiegħu fil-Moviment Qawmien Letterarju, id-drammi ta’ Lino Spiteri u naturalment dwar il-Ktieb tiegħu “Fil-Pjazza”. Parti sostanzjali minn dan il-ktieb huma ambjentati f’Buġibba fostom “Trijangli”, “L-aħħar storja”, Il-Lifgħa” u oħrajn.
U l-Pjazza kienet propja l-ispirazzjoni wkoll għal dan il-ktieb. Il-Pjazza ta’ Buġibba jqisha bħala d-dar tiegħu; hemm kulħadd irid jgħid kelma u ssib min hu tassew interessanti kemm jekk hu Malti jew barrani. Dawn l-inkontri jagħtu lill-awtur fuqiex jaħseb u mal-karattru ta’ dawn inħallat l-esperjenzi tiegħi sabiex noħloq storja ġdida. Bħal “Fl-Pjazza” hawnhekk għandna wkoll numru ta’ stejjer qosra.
Id-Dar ta’ Delina hija riflessjoni dwar iċ-ċirklu tal-ħajja, l-praspar taż-żogħżja u li donnu mbagħad nistgħu permezz tagħhom nifhmu aktar liż-żgħażagħ tagħna. F’din l-istorja, kif jagħmel ta’ spiss, ta dik il-laqta kontemporanja fejn jispikka l-aktar il-problema tas-single mothers u l-konfront tal-ġenituri ma’ binthom Katie.
Li jolqotni f’dan l-awtur huwa li ma tiddejjaq xejn jisfida t-taboos morali anke jekk xi ftit kontroversjali, filwaqt
li jagħraf tajjeb tirrsipetta l-integrita’ tal-qarrejja maturi tiegħek. F’din l-istorja, ngħidu aħna, naraw ir-relazzjonijiet intimi mat-tfajla tiegħu kif ukoll l-esperimenti taż-żgħażagħ li jkunu m’għarfux eżatt is-sesswalita’ tagħhom. Ta’ min insemmu awtur ieħor li ħadem qatigħ biex jisfida n-normi soċjali ta’ ċerta żminijiet, qed nirreferi għal Alfred Palma. Dan narah importanti, mhux biss għax is-soċjeta’ llum saret aktar
tolleranti, imma għax bħal Palma u oħrajn Grech mela vojt letterarju, għax wara kollox jekk taħbi r-realta’ ser ikun hemm nuqqas kbir.
Fl-istejjer ta’ Grech jinħass ħafna dan l-aspett li l-bniedem kemm issa kif ukoll żmien ilu dejjem jgħaddi mill-istess avventuri. Naraw fost oħrajn dawk fuq il-post tax-xogħol (In-Namra tas-Safar), l-“imqarbizza” taż-żogħżija (It-tabakk tan-nannu) u relazzjonijiet extra maritali u l-konsegwenzi tagħhom (L-Ajurplan) u tkissir tal-familja (Meta morna tal-Imġarr). “Kulħadd irid jiekol” hija storja tipika ta’ dak li jseħħ f’Buġibba, fil-pjazza u fil-pitch tal-Boċċi, naturalment imżewqa b’esperjenzi personali kif ukoll maħluqin sabiex inlaħħam il-karattru tal-protagonisti tiegħi –Spiru u Johnny. Bħal Johnny, jidhru oħrajn fil-pjazza, narawhom għal ftit, nifirħu bihom, għax nafu li jkunu għaddejjin minn fejqan u jgħixu bl-għajnuna soċjali. Malli jerġgħu jidhru jonfqu li jkollhom u spiss jispiċċaw jittalbu xi ħaġa, issib min jgħinhom u ssib oħrajn li jgħidulek mhux xogħolhom. Hekk kien jħasibha Spiru sakemm Johnny messlu qalbu.
Waqtiet jinħassu wkoll aspetti nostalġiċi għall-ambjent ta’ dari għalkemm kif għidna, l-istejjer ta’ dari wkoll huma miżgħuda bi problemi bħal tal-lum. Fil-kitba ta’ Grech jolqotni ħafna l-mod li bih jitratta l-aspett soċjali, b’mod sublimi fl-istorja bla ma jtellef il-gost tal-qari. Ngħidu aħna, “La Porchetta”, “Tliet Aħwa”, “Sardinella” huma stejjer attwali ħafna jirrakkontaw grajjiet li jirriflettu ż-żminijiet tal-lum bħan-nuqqas ta’ vokazzjonijiet, id-drittijiet ċivili u l-iżvilupp bla rażan f’Buġibba flimkien mal-addatament diffiċli li wieħed iġarrab meta jiġi biex jirtira.
Insibu wkoll numru ta’ stejjer oħrajn fuq ton aktar leġġier fosthom “Influwenza Ħamra”, l-istorja ta’ Kola, dik tal-aħwa Johnny u Marju fl-istorja ‘Il-Mara tal-Lampa’.
Dawn hua stejjer li fihom il-qarrej jiltaqa’ ma’ karattri ħelwin li jnisslulu tbissima fi ġrajjiet ta’ kuljum. Ċertament l-influwenza tal-esperjenzi tal-Pjazza jidhru sew ukoll f’dan il-ktieb, u l-awtur donnu jridu jaqsam dawn l-esperjenza magħna. Dan għaliex hawn ser insibu numru ta’ temi kontemporani, suġġetti differenti bħallikieku qed nisimgħuhom fuq xi bank … fil-pjazza ta’ Buġibba. U l-ħitan tad-dar ta’ Delina għandhom ħafna x’jirrakontaw!
Joseph Grech huwa awtur li għandu numru ta’ esperjenzi pero’ baqa’ żagħżugħ. Il-maturita’ għalhekk fil-kitba tiegħu ma xejħitux u għadha tinħass fiha l-istess enerġija. Hawnhekk ser insibu qari leġġer għal mogħdija taż-żmien imma li joħroġ minnu wkoll aspetti biex ma ngħidx ukoll sfidi soċjali.