Sherlock, Lupin u jien: Is-Sinjura s-Sewda

Traduzzjoni ta’ Dwayne Ellul

Pubblikazzjoni: Merlin 

Ilkoll nafu bil-popolarita’ kbira tal-karattru ta’ Sherlock Holmes, maħluq minn Sir Arthur Conan Doyle.    Fil-fatt fil- Guinness World Records  dan huwa l-aktar karattru fittizju popolari li oriġina mill-letteratura.  Minbarra Sherlock Holmes ta’ min insemmu wkoll lil Arsène Lupin, karatttru li nħoloq mill-Franċiż Maurice Leblanc. Leblanc li daħħal il-karattru ta’ Sherlock Holmes fl-istejjer ta’ Lupin fin-novella “Sherlock Holmes Arrives Too Late” f’ Je sais tout li ħareġ fl-1906.   Fis-sensiela ta’ logħob diġitali Sherlock Holmes, insibu wkoll il-logħba Sherlock Holmes Versus Arsène Lupin 

Mhux ta’ b’xejn li mistoqsija frekwenti hija jekk it-tfal għandhomx jaqraw l-istejjer ta’ Sherlock Holmes.  Il-ġenituri jistaqsu mhux biss dwar il-lingwaġġ, jekk hemmx dmija jew xeni grafiċi imma anke dwar il-kontenut u jekk it-tfal jistgħux jifhmuh.   

Dan il-ktieb ħelu jlaqqa’ lil tliet karattri importanti, Sherlock Holmes, Irene Adler li tirrakonta fl-ewwel persuna u anke Lupin.  

Kien is-sajf u Irene Adler kienet kuntenta meta missierha ddeċieda li hija u ommha kellhom iqattgħu l-vaganzi tas-sajf f’villeġjatura f’Saint-Malo.  Wara sitt siegħat vjaġġ minn Pariġi, Irene kienet ħerqana mhux ftit biex tara ‘l-madwar.   Għalkemm ommha stenniet li tgħinna joħorġu l-affarijiet Irene rnexxiela tiżgiġġa mill-villeġġjatura u sabet ruħha fejn il-ħitan tar-raħal fejn iltaqgħet ma’ tifel twil u rqiq li kien qed jara ktieb.  Għalkemm għall-ewwel deher x ftit ostili, l-karattru ta’ Sherlock laqat lil Irene u għamlet sforz biex issir tafu aktar.  Kien evidenti ħafna li għalkemm kien ftit differenti, u forsi jidher ftit stramb imma kellu karattru interessanti. 

Sherlock offra li jgħin lil Iren “taħrab” meta daħal fix-xena s-Sur Nelson u stedinha sabiex tiltaqa’ mal-ħabib tiegħu, Lupin.  Irene hekk għamlet u addio ippakkjar!  Fis, hija, Sherlock u Lupin spiċċaw fuq dgħajsa fil-port lejn dar vojta, Ashcroft, fejn huma setgħu isiru jafu lil xulxin ħafna aħjar.  

Irene tant ħadet gost li minkejja t-tbeżbiża mingħand ommha filgħaxija, xorta ma ħasbitiex darbtejn biex l-għada filgħodu terġa’ tiltaqa’ ma’ sħabha.  Jerġgħu imorru f’Ashcoft bex iqattgħu ġurnata hemm.  Iżda kif kienu serjrin lura d-dar ħarsu lejn il-bajja u hemm jaraw persuna fuq ir-ramel li ma kienx qed jitħarrek.  Sherlock jersaq qrib biex jara jekk kienx mejjet.  Il-persuna ma kienx jingħaraf imma Sherlock irnexxielu jsib biċċa karta f’wieħed mill-bwiet.  Il-kliem kien jindika li r-raġel neħħa ħajtu b’idejh.  Iżda f’dak il-ħin Irene tinnota lil xi ħadd qed josserva l-passi tagħhom u ddeċidew li jitilqu jiġru mill-aktar fis.  

L-għada f’Saint-Malo kulħadd beda jitkelem dwar dan il-karattru.  Ħadd ma kien jaf min hu.  Kienet mewta naturali, suwiċidju jew ikella qtil volontaru?  U fuq kollox min hu?  Mingħajr ma qagħdu jaħsbuha Irene, Sherlock u Lupin bdew jippruvaw isibu min seta’ kien ir-raġel li nstab mejjet f’Saint-Malo.   Meta nsterqet ġiżirana tad-djamati prezzjuża mid-dar tas-Sinjura Martigny aktar komplew jinfirxu qlajjiet.  Tgħid kien hemm xi rabta bejn din is-serqa u l-qtil?  Irene u t-tlett iħbieb tagħha jippruvaw isibu tarf ta’ din il-kobba mħabbla. 

Grazzi għal Dwayne Ellul dan il-ktieb nistgħu naqrawh b’ilsien pajjiżna.  Nifhem li din kien jeħtieġ biċċa xogħol ġmielha billi Ellul pprova jkun leali kemm jista’ jkun lejn it-test.    Dan il-ktieb qed ikompli jżid mal-firxa sabiħa ta’ kotba għat-tfal kbar u l-adoloxxenti li qed tkompli tiżdied f’pajjiżna.   Ktieb bħal dan qed jagħti dan l-għarfien lit-tfal tax-xena letterarja barra minn xtutna u qed isiru familjari ma’ karattri li forsi ħafna minnha lkoll nafu bihom.  

Dan huwa L-ewwel ktieb f’sensiela eċitanti ta’ misteru u investigazzjoni.  Inħeġġeġ ukoll li wieħed jakkwista wkoll it-tieni ktieb Sherlock, Lupin u Jien: L-Aħħar Att fit-Teatru tal-Opra.   Hawnhekk ser niltaqgħu ma’ Qtil misterjuż li heżżeż id-dinja operistika!

Sherlock Holmes, Arsène Lupin u Irene Adler miftehmin li jiltaqgħu Londra. Imma Lupin ma jiftaċċax — missieru jinżamm arrestat u akkużat b’serqa u bil-qtil tal-assistent personali tal-kompożitur ċelebri Giuseppe Barzini. It-tlett iħbieb jibdew jinvestigaw ħalli jaraw kif jistgħu jippruvaw li huwa innoċenti — u meta jsalvaw lis-sopran popolari Ophelia Merridew, ikun għadu biss il-bidu ta’ sorpriża wara l-oħra li jwasslu lil Sherlock u ’l sħabu biex jikxfu min kien il-veru ħati.


Nitkellmu ma’ Aleks Farrugia

  • Dan il-ktieb jikkonsisti f’20 novella ambjentati fi żminijiet differenti tal-istorja Maltija.  Hawnhekk għandna stejjer jolqtu fil-laħam il-ħaj, u jirrakontaw it-trapass tiegħek bħala awtur fil-mixja li tifhem il-poplu Malti permezz ta’ analiżi bir-reqqa ta’ karattri bosta drabi fil-periferija tas-soċjeta’.   Aleks, inti storiku u ovvjament ser nistaqsik dwar dan.  Pero’ x’wasslek biex tagħżel dan l-istil satiriku, u xi waqtiet iġiblek tbissima.  Tħoss li b’dan il-mod tkun qed iġġgħalna aktar bħala Maltin nidħqu bina nfusna sabiex nimxu ‘l quddiem?

Naħseb li l-mistoqsija dwar għaliex storiku jagħżel li jikteb xogħol ta’ natura letterarja hija aktar minn leġittima. Hija għażla, u ma kinitx għażla li wasalt għaliha malajr. Nista’ ngħid li meta wasalt għaliha kien ukoll il-mument meta fhimt xi tfisser għalija l-istorja, kif naraha jien, il-filosofija tiegħi tal-istorja. U dan wasalt għalih waqt ir-riċerka li kont qed nagħmel fl-arkivji kriminali. Fi ftit kliem wasalt għall-konklużjoni li għalija l-istorja hija qabel kollox esplorazzjoni tal-bniedem f’kuntest partikolari. L-interess arkeoloġiku tal-istorja huwa kif il-bniedem jgħix żmienu u kif waqt li jagħmel dan iħalli traċċi li jibqgħu jintirtu minn ġenerazzjoni għall-oħra. Il-letteratura, imnebbħa mill-istorja, tagħtik għalhekk il-possibilta’ li sa ċertu punt tinħall mill-konvenzjoni akkademika biex tkun aktar kreattiv, biex tmur lilhinn mill-konfini tad-dixxiplina storika u proprju għalhekk tagħrbel, tifli, tagħmel dekostruzzjoni tal-istorja nnifisha. Is-satira, l-ironija, il-logħba noli ta’ kliem b’tifsiriet volatili u fluwidi, hija għalhekk strateġija ta’ dekostruzzjoni storika – il-mod li bih l-awtur jiftaħ quddiem il-qarrej bagalja ta’ possibiltajiet. Jekk issa nimxux ‘il quddiem jew le, minix ċert ‘il quddiem xi jfisser. L-idea Kantjana ta’ proċess progressiv tal-istorja ma togħġobnix. L-istorja kif naraha jien hija aktar ċirkolari, fis-sens Nietzschejan, fejn l-istorja hija bħal rota dejjem iddur, rikorrenza eterna. Ma taħsibx li dak li qed naraw illum diġa’ rajnih darb’oħra? Forsi għalhekk ukoll is-satira: iddaħħakna b’xi ħaġa li narawha bogħod minna, minkejja li hija daqstant intimament qrib tagħna.

  • Ġieli ngħidu li huwa faċli tidħaq b’ħaddieħor imma mhux bina nfusna.  Inti f’dawn l-istejjer tisfida dak li normalment nistennew li ser naraw.  Aħna f’moħħna għandna l-ideal f’moħħna mhux biss tal-mexxejja tagħna issa imma anke tal-ħakkiema tal-imgħoddi.  U niskomodaw ruħna jekk dawn nagħrfu li kienu mod ieħor.    F’dan il-ktieb tlaqqa’ mod tajjeb l-umoriżmu mat-traġiku.  Il-qarrej jidħaq għax is-sitwazzjoni kultant hija tad-daħk.  Jien nistħajjel li qed tara din il-mixja ta’ poplu bħal fuq palk, fejn quddiem il-popolin jiġi proġettat l-immaġini mixtieqa xi drabi f’kuntrast man-nies.   Kemm tarah dan id-distakk bejn dak li naraw fuq is-settijiet tat-televixin tagħna, aħseb u ara fl-imgħoddi bejnn dak li kienu jaħsbu li huwa n-nies u r-realta’?

Jien minn dejjem kont affaxxinat immens mit-teatru ta’ Aristofani. Għaliex il-farsa Aristofanika ddaħkek, anke jekk hija ambjentata f’dinja li hija tant bogħod minn tagħna? Aħna nidħku għax f’dak li nidħku bih naraw riflessjoni ta’ xi ħaġa li nagħrfu lilna nfusna fiha. Fil-fatt, jekk nieħdu ċ-ċajt, iċ-ċajta hija tajba sakemm il-kodiċi lingwistiku użat fiha huwa kodiċi li aħna nidentifikaw miegħu. Għalhekk li ġieli ċajta meta tkun tradotta għal lingwa oħra titlef is-sens tagħha. Sa ċertu punt, iżda, nidħku wkoll għax niddistanzjaw ruħna minn dik ir-riflessjoni li qed naraw fil-mera tal-komiċita’. Bħal kull distanza, tista’ tfisser fatma imma tista’ wkoll l-istess fatma tfisser qrubija, fejn in-nuqqas isir preżenza, u fis-satira dak hu l-iskop – li d-distanza bejna u bejn il-karattri tqarribna lejhom billi nagħrfu fihom biċċiet minna nfusna. Dan hu l-oppost tal-mitifikazzjoni. Meta noħolqu mit li jiġri hu li nipproġġettaw lilna nfusna fil-mit biex niddistanzjaw lilna nfusna minnu u għalhekk anke minna nfusna. L-ideal huwa dejjem il-jien qatt milħuq.

  • Inti titratta ħafna din l-umanita’ f’dan il-ktieb.  Għandna l-umanita’ tal-Leader wara li rebaħ l-elezzjoni tal-1987.  Clinton Portelli li ħa xogħol Brussels u allura jħossu superjuri avolja jieħu l-pastizzi miegħu.  Dan Kien wieħed mill-għanijiet tiegħek li titratta din l-umanita’?

Jien dejjem interessani l-uman. Anzi, nasal ngħid li qatt ma nteressani xejn għajr l-uman fil-kundizzjoni eżistenzjali tiegħu, l-uman li jgħammar (u mhux sempliċiment jgħix) fid-dinja tiegħu. Fl-istorja il-Leader, ipprovajt nifhem il-bniedem fil-persunaġġ ta’ Eddie Fenech Adami, bniedem li għal żmien twil nistqarr li qatt ma ħarist lejh minn perspettiva umana. Anke meta ppruvajt ikolli interazzjoni personali miegħu sibtu bħala bniedem diffiċli ħafna biex b’xi mod inħossni fuq l-istess binarju miegħu. Bniedem impenetrabbli. Clinton Portelli huwa s-simbolu ta’ dawk il-Maltin li jħossu li telgħu skala għax marru jaħdmu u jgħixu barra. Minn dejjem laqtitni l-psike ta’ dawn it-talin. Għaliex iħossuhom hekk? X’inhi l-oppressjoni li jridu jaħarbu minnha? Għax wara kollox aħna lkoll għandna l-oppressjonijiet tagħna, il-ħarbiet li rridu naħarbu, mhux lanqas minn din Malta tagħna – bħall-missier li rridu noqtlu biex il-jien tagħna jasserixxi lilu nnifsu.

  • Fi żmien il-ħaġar Toto’ kien jitkellem mal-allat.  Taħseb li għadna nħossu din il-ħtieġa li nitkellmu mal-“allat”?

Konna, għadna u nibqgħu. L-allat tagħna għamilnihom fuq xbieha tagħna. Nitkellmu magħhom biex anke nitkellmu magħna nfusna. Kultant hu diffiċli wisq li nitkellmu dirett magħna nfusna. Għalhekk li l-allat għandhom użu u jibqagħlhom. Permezz tagħhom nesternalizzaw il-kelma li hemm ġo fina. Huma simboli, il-projjezzjoni tal-jien f’dak li l-jien mhuwiex, l-assolut, l-immutabbli. Għalhekk li aktar faċli titkellem ma’ Alla milli miegħek innifsek, għax aktar faċli tifhem min hu Alla milli min int int.

  • Nifhem kemm kien għal qalbek li tikteb dwar l-istorja ta’ Malta.  Dan il-ktieb għalkemm bi stejjer mistħajla inti tistudja lill-Maltin fil-kuntest ta’ ġrajjiethom, f’dawn l-20 perjodu differenti.  X’kien jinvolvi dan ix-xogħol?  Nimmaġina li waqt ir-riċerka tiegħek mhux l-ewwel darba li għaddew minn moħħok xi ħsibijiet u ispirazzjonijiet umoristiċi li bdejt tieħu notamenti tagħhom.

L-istejjer oriġinaw minn sorsi differenti. Oriġinarjament il-proġett kien li l-ġabra tkun kollha umoristika, kollha satirika. Imma maż-żmien ċerti ġrajjiet ħassejt li d-drammatiċita’ tagħhom toħroġ ferm aħjar jekk il-komiku u l-farsesk ikun imżewweġ direttament, magħġun kompletament, fit-traġiku. Għall-istoriku li jidħol fl-arkivji dawn l-elementi ġieli jsibhom quddiem wiċċu f’episodji li jiddokumentaw il-ħajja reali. L-istejjer li ltqajt magħhom fl-arkivju xi minn daqqiet iħalluk tistaqsi lilek innifsek jekk ir-realta’ hijiex kultant aktar stramba mill-mistħajjel.

  • It-tagħlim tal-istorja anke fl-iskejjel għadda minn ngħid jien revoluzzjoni.  Illum qed nitilqu mll-esperjenza, minn dak li jaraw it-tfal.  Pero’ mhux minn dejjem kien hekk.  Nazzarda ngħid li ġieli anke ħallatna l-element tar-realta’ mal-fantażija sabiex noħolqu l-eroj u forsi dan għen ukoll biex il-poplu Malti fqir u maħkum, intellgħuh ftit għallinqas fil-mentalita’ tan-nies.  Donnu li f’dan il-ktieb inti wkoll ħloqt satira ta’ dan.  Ma nafx kienx il-każ imma għandna eżempju lil Ġiżwaldu jispara l-kanun, persuna b’diffikulta’ mentali imma b’ċikka joqtol lil dragut.  X’taħseb dwar dan?

Jien wieħed minn dawk li nemmen ħafna fit-tagħlim tal-istorja. L-istorja mhijiex biss int minn fejn ġej, imma wkoll riflessjoni dwar int min int. Issa tista’ tkun taf ħafna matematika u titkellem b’ħafna lingwi, imma jekk mintix kapaċi tirrifletti dwar min int u minn fejn ġej mela allura għadek ma taf xejn. Lingwa għandek bejn wieħed u ieħor tliet snin titgħallimha biex tkun kapaċi tużaha sew. Biex titgħallem min int trid ħafna ħafna aktar żmien. Fi żmien il-kolonjaliżmu kienu jgħallmuna min aħna bħala poplu mhux biex ngħarfu lilna nfusna, imma biex jagħġnuna f’min riduna li nkunu. Illum it-tama hi li ħriġna minn dik il-fażi, imma jekk tistaqsini jekk din it-tama narahiex reali ngħidlek li le. U nieħu gost li inti qbadt proprju ma’ Ġiżwaldu. Min hu Ġiżwaldu? Ġiżwaldu huwa wieħed mill-karattri favoriti tiegħi. Ġiżwaldu huwa l-bniedem bla użu. Dak li ommu ma tafx x’se tagħmel bih. Li missieru ma ridux mill-bidu u jibqa’ sa ma joqtlu. Ġiżwaldu huwa l-parodija ta’ Kristu fil-bniedem iż-żgħir, is-salvatur li l-kotba tal-istorja jinjoraw. U hawnhekk, jekk tippermettili, nixtieq nirrakkomanda lill-pubblikatur SKS għall-kuraġġ biex joħroġ din l-antoloġija. L-SKS ma ddejjaqx li jippubblikaw dawn l-istejjer skomdi u rrid inżid li kwalinkwe mertu letterarju jista’ jkollhom mhuwiex bis-saħħa tiegħi imma tal-istejjer infushom, li sawru lilhom infushom, bħat-tarbija li tinfatam mill-ġenitur tagħha biex issir persuna awtonoma bil-karattru u s-sura li tinseġ għaliha nnifisha.

  • F’dan il-ktieb inti wkoll ma bżajtx titratta ċerta temi.  Ngħidu aħna Caxaru bħala omosesswali.  Għaliex wara kollox x’hemm ħażin li kieku kien omosesswali?

Fiż-żminijiet tan-nofs l-omosesswalita’ kienet affront kontra Alla nnifsu. L-iben li jirribella kontra missieru. Jiġfieri, f’termini medjevali, is-sovverżjoni tal-ordni prestabbilit. L-eżekuzzjoni deskritta f’din in-novella hija riskostruzzjoni storika ta’ kif kienu jinqatlu dawk li jinstabu ħatja ta’ sodomija. L-agħar forma ta’ eżekuzzjoni. U fis-sentenza kien imniżżel espliċitament li għandhom jinħarqu biex tagħhom lanqas biss tibqa’ l-memorja. L-omosesswali kienu theddida politika. U naħseb li jekk taqra l-Kantilena ta’ Caxaro fiha wieħed isib din it-theddida, din l-istedina sovverżiva, tal-bniedem li jibni lilu nnifsu anke wara li jiġġarraf – il-bniedem li jissara mad-destin tiegħu, liema theddida eventwalment kellha twassal għar-rivoluzzjoni mentali meta Nietzsche ħabbar li ‘Alla miet’.

  • Nerġa’ naqbiżlek fuq l-essenza ta’ dan il-ktieb, jiġifieri l-ħajja ordinarja tal-persuni.   Hawnhekk insibu karattri żgħar, nies mill-ħajja ta’ kuljum.  Pero’ wkoll inti f’dan il-ktieb mhux talli ma tidealizzax l-eroj tal-istorja imma lanqas tagħmel ġudizzju.  Tippreżenta realta’ aktar minn dak li l-poplu għandu jaħseb li huwa ideali u tajjeb.  Hawnhekk għandna messaġġ politiku favur il-bniedem fil-periferija.  Kemm hu minnu dan?

Sa ċert punt kull bniedem jinsab fil-periferija, anke dak li qiegħed fil-qalba tal-poter, anzi xi drabi min qiegħed fil-poter jinsab fil-periferija aktar minn oħrajn għax il-poter huwa post fejn tirrenja s-solitudni. Bniedem jista’ jkun fil-periferija tas-soċjeta’ imma jista’ jkun ukoll fil-periferija tiegħu nnifsu. In-nies li niltaqgħu magħhom f’‘Għall-Glorja tal-Patrija’ huma n-nies żgħar u kbar li jinsabu f’periferiji differenti, mhux neċessarjament skont iċ-ċokon jew il-kobor tagħhom. Il-bniedem jogħġobni fil-vulnerabilita’ tiegħu, fil-fraġilita’ tiegħu. Il-bniedem tranżitorju, il-bniedem volatili. Il-bniedem kuntradizzjoni. Iva, dan huwa xogħol politiku għall-aħħar. Huwa xogħol anarkiku. Naħseb s’issa l-aktar xogħol li ħassejt viċin tiegħi. 

  • Inti persuna versatili ħafna f’kitbietek.  Tajtna l-ktieb li mar tajjeb ferm “The grasshopper” li huwa differenti ħafna minn dan.  Ktibt ukoll poeżija.  X’qed nistennew minn Alex Farrugia fil-futur?

Jekk ir-ritmu ta’ kitba jibqa’ sejjer kif inhu, f’Novembru li ġej il-qarrejja se jiltaqgħu ma’ Salvu Camilleri, spettur fis-snin 30. Afdat bil-missjoni ta’ ħajtu. Irid jiġġieled ħafna dimonji, mhux lanqas id-dimonji ta’ ġo fih. Bdejt niktbu qabel il-ġrajjiet tal-aħħar ftit xhur tas-sena li għaddiet imma b’mod misterjuż ħafna donnu huwa metafora għal dak li ġara f’pajjiżna tul dawk ix-xhur. It-tradiment, anke minn ġewwa; is-sens ta’ telfien, anke ta’ telfien tal-kawża; id-diżillużjoni; id-dwejjaq; il-ġlieda … kollha huma elementi ewlenin f’dan ir-rumanz. Fuq kollox huwa esplorazzjoni tal-ġlieda kontinwa kontra l-faxxiżmu, dak antik u dak modern. Il-faxxiżmu istituzzjonali u dak intern ġewwa fina. U kif, fuq kollox, minkejja d-diżillużjoni tul it-triq, tibqa’ l-perseveranza tal-ġlieda. 


Mas-Sbieħ id-Dlam

Awtur:  Wayne Farrugia; Pubblikazzjoni: Horizons

Jekk il-bniedem jitfa’ ħarstu fuq baħar kalm, mingħajr mewġ, ma jfissirx li l-maltemp qatt mhu se jħabbat wiċċu miegħu. Minn kmieni l-jum jibda jbexbex iżda fi ħdanu jibda jirrenja ċ-ċpar li jwassal għal konsegwenzi kbar. Il-ħajja ta’ Rose u Mario kienet feliċi fil-bidu li nġibdu lejn xulxin, imma flok ward u żahar kellhom jaffrontaw xewk u mrar sforz iċ-ċirkostanzi li nibtu fir-relazzjoni tagħhom. Hekk kif jisbaħ jum ġdid f’ħajjithom it-tnejn, jibda qajl riesaq dlam li jsewwed il-ferħ f’qalbhom. Min minnhom se jerfa’ l-piż fuq spalltu l-ewwel u jġorr ir-responsabbiltà ta’ għemilu? Jista’ dan id-dlam li feġġ mal-għodwa, jintrebaħ u jsibu s-serenità li kellhom qabel?

Rumanz … u rumanz tajjeb

Sikwit titolbuni xi suġġeriment għal xi rumanz u ċertament li dan mhux ser jiddiżappuntakom.   Ir-rumanz jista’ jikkonsisti fi storja a’ mħabba imma b’dan kollu ma jfissirx li jkollna storja mexxejja li tolqot lil xi wħud u daqshekk.  Jista’ jkollna ktieb li jkollu dawn l-ingredjenti pero’ jkun hemm storja tajba ħafna, ħsieb warajha, ġġibilna emozzjonijiet differenti u fuq kollox imżewqa b’Malti tajjeb.   Dan huwa dak li għamel Wayne Farrugia f’dan ir-rumanz. 

Ir-Rumanz jiftaħ bil-protagonista tal-istorja, Mario żagħżugħ mimli saħħa, mibni li jieħu grazzja ma’ din it-tfajla, Rose, tabiba li qed tistudja fil-kors tal-mediċina. Hija tifla unika fil-familja filwaqt li ommha u missierha kontinwament isusu fuqha kemm ma’ min qed tagħmilha kif ukoll fl-istudji tagħha. Dawn iż-żewġ żgħażagħ jiltaqgħu u jieħdu grazzja ma’ xulxin. Jidħol fix-xena karattru ieħor, Tony bniedem makakk, intelliġenti u midħla ta’ Mario li għal dil-ħabta beda jqis il-passi ta’ sieħbu. Beda jxomm li sieħbu kien tbiddel tabilħaqq, ma setax iġarragħha li se jieħu l-istat tiegħu, li wara kollox se jinġabar. U dawn it-tnejn minn ħbieb saru l-ikbar għedewwa. Sadanittant ir-relazzjoni taż-żewġ maħbubin kienet dieħla fil-profond, relazzjoni li tiżvolġi f’waħda intima. Iżda kif jgħid il-Malti: il-ġarra ġejja u sejra fl-aħħar tinkiser! L-indħil tal-kunjata, omm Mario beda jitlef it-tempra lil Rose. Rose spiċċat tqila minnu u mbarrija minn darha wara li tlewmet ma’ missierha bl-ikrah. Spiċċat ta’ fuqha senduqha bla saqaf fuq rasha sa kellha tieqaf mill-kors biex tieħu ħsieb it-tarbija. Mario kien tbiddel mil-lejl għan-nhar u flok beda jgħin lil għarustu beda jagħmel ħwejjeġ mingħul id-dinja.

Għal riflessjoni ta’ dan ir-rumanz, tkellimna mas-Sur Tariċisju Zarb li qasam magħna ftit riflessjonijiet. 

In-narrazzjoni

Qabel il-lingwa tibda tissensel, hemm ċans, li aħna nibdew ‘nirrakkuntaw’. Ir-rakkont, huwa parti sħiħa, mill-stess tifsiliet ta’ ħsiebna. Aħna, aħna l-irrakkuntar tagħna nfusna — għal rasna, kif ukoll ma’ ħaddieħor. Il-konverżazzjonijiet intimi għaddejjin il-ħin, u dawn il-konverżazzjonijiet isibu xi tip ta’ tifsila, hekk kif aħna nippruvaw indaħħluhom f’xi tip ta’ skema mentali.

U dan, huwa sewwa sew li jagħmel  Wayne Farrugia, l-awtur ta’ dan ir-rumanz — rumanz li jimxi bil-linji tal-bidu, il-kumplikazzjoni u t-tmiem, għalkemm mhux tmiem daqshekk definittiv. Hawnhekk, l-awtur jidħol kexxun fl-istil tan-narrattiva, dik il-fenomenoloġija, li tibni billi tikkumplika, sakemm imbagħad fl-aħħar tħoll kollox, jew kważi kollox. Jgħinu f’din it-tip ta’ narrattività hemm il-ħjut varji li jinbnew permezz tar-relazzjonijiet bejn bnedmin umani, li jgħixu f’ċirkustanzi speċifiċi. Huma dawk it-tipi ta’ ċirkustanzi li l-‘karattri’, jew forsi aħjar ir-rappreżentazzjonijiet ta’ xi tip jew ieħor ta’ qagħda ta’ ruħ, ‘vizzju’ jew ‘virtù’, jiksbu d-definizzjoni tagħhom.

L-‘istorja’, hawnhekk titħiet bil-lingwaġġ tad-djalogu kif ukoll bil-lingwaġġ tar-riflessjonijiet ta’ xeħta filsofika u ħassieba, li fihom niltaqgħu, ma’ ruħ sensittiva ta’ awtur, li filwaqt li jirrakkonta storja ta’ tiħbit bejn u ma’ naħiet differenti ta’ esperjenzjalità, huwa fuq kollox il-‘poeta’, li jagħraf li lil hinn mill-fenomenoloġija kiefra tal-ħajja, li tgħaddik minn frugħ u tlugħ kif jogħġobha, hemm ukoll l-aspett ‘moralistiku’ li għandu jiġi ‘iddikjarat’, jekk mhux b’mod dirett, b’mod inferenzjali. 

Il-labirinti li fihom insibu ruħna f’din in-narrattiva huma verosimili, għal ħafna narrattivi oħra li jseħħu f’ħajjet il-bniedem. Huma labirinti, li l-bnedmin isibu ruħhom, min b’mod drammatiku, u min b’mod inqas drammatiku, biex b’hekk jasal għal xi tip ta’ ‘tidwir’, ‘realizzazzjoni’, ‘wasla’, jew addiritura, mixja lura f’dan l-istess labirinti. Hawnhekk, aktarx iva milli le, niltaqgħu ma’ tip ta’ labirintizzazzjoni li twassalna nifhmu u nintuwixxu l-ħajja, bħala li hi magħmula mit-‘tajjeb’ u l-‘ħażin’, l-‘ikrah’ u s-‘sabiħ, li għaddejjin il-ħin kollu jiffruxxjaw f’xulxin, iwasslu biex jiġirħu lil kull min isib ruħu maqbud fihom. 

Minkejja l-età tenera tiegħu, l-awtur-żagħżugħ, dan jirnexxilu jintuwixxih, jekk xejn, forsi mhux wisq b’esperjenzjalità vera u propja, fil-ħajja ta’ kuljum, imma wisq aktar, — probabilment — mill-qari ta’ rumanzi oħra, li fihom forzi qawwija ta’ tiġlid u ta’ realizzazzjonijiet varji jseħħu, hekk kif ċirkustanzjalment il-bnedemin jiltaqgħu ma’ xulxin u jittieħdu ċerti deċiżjonijiet — deċiżjonijiet li wħud minnhom ikunu maħsuba, filwaqt li oħrajn, ikunu aċċidentali. L-aċċidentali, madankollu, mhuwiex, ħlief ħaġa oħra ta’ ‘tiħsib’ — dak it-‘tiħsib’, ta’ min, minkejja li ma jkollux konxjożità tiegħu, xorta waħda jkun qiegħed jissuċċiedi.

Dan kollu, l-awtur żagħżugħ jagħmlu b’lingwaġġ mirut min-narrattiva Maltija — lingwaġġ tal-għażla ta’ kliem li jsostni lill-istess narrattiva, kif ukoll aspetti sintattiċi li saru ‘endemiċi’ għal dawn l-istess narrattivi, u li fihom jiġbru lill-istess ‘ruħ’ tar-rumanz. Id-dijalettika, għaldaqstant tinħass għaddejja l-ħin kollu, tħit it-traġedji umani, fejn erwieħ differenti jsiru kemm-il vittmi, kif ukoll it-tiranni, ta’ dawn id-determinaturi li jsibu ruħhom, f’kuntatt magħhom. 

Ir-rumanz, huwa miktub b’mod li wieħed faċilment isegwih, u jgħin, għaldaqstant biex wieħed, filwaqt li jaqra storja, li tirreferi għal stejjer oħra, li ħafna drabi niltaqgħu magħha fl-istil tar-rapport, tal-film, tar-rumanz u aspetti artistiċi oħra, tagħtina wkoll dimensjoni, ta’ realtajiet, li llum il-ġurnata, qegħdin isiru aktar dehiera fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Aħna, m’aħniex aħna, imma aħna, aħna n-narrazzjonijiet li ninnarraw. Wayne, uriena aħna min aħna, jew min nistgħu nkunu darba waħda ma nagħrfux nimxi skont parametri li jsostnu dak li huwa sabiħ u tajjeb. 

L-awtur 

Wayne Farrugia huwa żagħżugħ li qed jipprometti ħafna.  Huwa esperimenta bi stili letterarji dfferenti, fosthom il-poeżija.  Tant li huwa wkoll kiteb il-lirika tal-kanzunetta ta’ Bernie and Pod li hija għal qalb tant ħafna nies, Ħelwa tal-għaġeb.  F’din il-paġna iżda qed nippreżentalkom poeżija ta’ dan l-awtur. 

Meta jaqbdek l-għatx:-

Ejja miegħi ħa nimxu flimkien max-xatt

max-xatt fejn donnha tispiċċa d-dinja

waħidna, jien miegħek, jew int miegħi

imsomma jien u int

għax qalbi saret tiegħek

u qalbek sfumat f’tiegħi

u qlubna tħarrku twaħħdu

saru donnhom essri wieħed

 – Irridek miegħi ħa nixorbu

mix-xmara ta’ Lete, u int tixrob miegħi

ħa naqtgħu l-għatx flimkien, forsi – 

Miegħek biss nixrob

ma nafx hux ix-xarba ilma

inkella semm, imma naf

li miegħek biss nixrob

għax int il-Poeżija tiegħi!


Għamlu isem

Awtur: Joe Julian Farrugia; Pubblikazzjoni: Klabb Kotba Maltin

Il-ħajja ma niċċelebrawiex bir-retorika u ħafna kliem sabiħ.  Il-legat li jħallu warajhom numru ta’ persuni tajjeb li kultant nibqgħu niftakruh.  Waħda mill-affarijiet li tweġġgħani hija meta nibqgħu ngawdu l-frott il-ħidma li xi wħud ikunu għamlu u xi drabi qajla nkunu nafu lil dawk li kienu pijunieri fit-twaqqif ta’ xi istituzzjoni, għaqda sportiva jew fergħa politika u soċjali.  

Dan huwa fil-fatt ir-raba’ ktieb minn din is-sensiela ta’ Joe Julian li fil-fema tiegħi u ta’ ħafna (għax intlaqgħu tajjeb ħafna) qed jagħmel biċċa xogħol tajba mmens.  Iżda ma nistax ma ngħidx li din il-ħolma bdiet ħafna qabel “Għamlu isem” u bdiet propju hawn fuq dan il-ġurnal, “It-Torċa” u dawn il-bijografiji ta’ personalitajiet Maltin saru parti mis-sensiela “Ulied is-Seklu l-ieħor”.  Nistqarr li ma kontx nitlef programm wieħed minn meta Farrugia kien jagħmel “Għamlu isem” fuq ir-radju.  Grazzi għat-teknoloġija dawn il-programmi nistgħu nisimgħuhom fuq is-sit elettroniku https://www.mixcloud.com/joejulianfarrugia/.

Waħda mill-karatteristiċi sbieħ ta’ dawn il-kotba hija li l-personaġġi li għandna ġejjin qabel xejn minn kull qasam tas-soċjeta’.  Jiġri li meta ma tkunx wisq midħla ta’ dak il-qasam tkun smajt bil-persuna imma tkun tixtieq tisma’ aktar informazzjoni.   Joe Julian (qed insejjaħlu bl-ewwel isem għax bħala persuna fil-qasam tal-media hekk jafu kulħadd) jagħtina din l-informazzjoni b’mod pjaċevoli ħafna li wieħed jaqrha.  B’ħila kbira jqassar ir-riċerka li għandu u jippreżentahielna b’mod mexxej ħafna.  U hawn hekk għandna ktieb li jixħet dawl fuq nies straordinarji imma xi kultant mill-ħajja ordinarja ta kuljum, fi-sena li mhux neċessarjament hawnhekk ser insibu politiċi jew persuni oħra li diġa tant ingħataw importanza.   

F’dan il-ktieb ser insiru nafu dwar  Charles Izzo; Jimmy Dowling; Dun Frans Camilleri; Joe H. Griffiths; Manwel Mifsud; Frans Galea; Carmelo Pace; Freddie Underwood; Nicky Doublet; Ġeraldu Azzopardi; Wiġi Bongailas; Robbie De Cesare; Joe Fiteni; Joe Cassar; Giovanni Curmi; Paul Nani; Joe Bajada; Giorlando Valente; Pawlu Friggieri; Joe Curmi; John Buontempo; Amante Attard; Watty Cachia; Salvu Darmanin; Hugo Carbonaro; Giuseppe Camilleri; Dun Karm Sant; Salvu Grima; Ċensu Curmi; Ġużi Tanti; Sunny Galdes; Nikol Biancardi; Turu Galea; Samuel Bugeja; Turu Pace; Salvu Cuschieri; Ġammarì Spiteri Amletu; Joe Mompalao de Piro; Patri Donat Spiteri; u Charles Lucas.

Ejja nkunu patrijottiċi wkoll u nsiru nafu dwar il-Maltin li għamlulna unur.  Dawn huma persuni li għamlu isem imma huma persuni wkoll li jagħmlulna ġih.  Fuq kollox huma persuni li taw ħafna lil dan il-pajjiż b’xi mod jew ieħor għaliex komplew valur permezz tal-ħida tagħhom.  Inħeġġeġ ħafna li takkwistaw kopja ta’ dan il-ktieb. 


Mikiel Anton Vassalli: It-Traduttur

jinkludi Storja tas-Sultan Ċiru Meħuda mir-Rollin Addattament mill-Franċiż ta’ Mikiel Anton Vassalli

Bi studju, miġbur u mwassal għalina b’ortografija tal-lum min Ivan Said

Pubblikazzjoni:  Horizons

Huwa ta’ pjaċir għalija li fil-bidu ta’ sena ġdida nippreżenta għalikom ktieb bħal dan.  Smajna ħafna dwar Vassalli, xi wħud minna forsi mil-lenti soċjo politika u oħrajn dwar l-aspett lingwistiku.  Mikiel Anton Vassalli huwa meqjus bħala ħassieb kbir kif ukoll wieħed minn tal-ewwel li kiteb bil-Malti.  Mhux ta’ b’xejn li dan il-poplu maħkum mill-barrani, li dejjem serva popli oħra, għaraf f’Vassalli bħala patrijott mhux biss għax kien wieħed mill-Maltin li spikka għall-għerf tiegħu imma saħansitra wkoll iddefenda bi sħiħ ilsien pajjiżna.  Permezz tal-kitbiet tegħu, Vassalli poġġa lsien pajjiżna fuq il-livell ta’ ilsna barranin, fejn ma baqax biss il-mezz ta’ komunikazzjoni tal-popolin imma għaraf is-siwi wkoll ta’ dan l-ilsien fil-letteratura kif insibu f’dan il-ktieb.  

X’inhi l-importanza ta’ dan il-ktieb?  Storja tas-Sultan Ċiru rat l-ewwel tbigħ tagħha fl-1831 imma Said qed jippreżentahielna bl-ortografija tal-lum. Nifakru li sa dak iż-żmien ma kellniex regoli stabbiliti kif nifhmu llum dwar l-ortografija u kif għandu jinkiteb l-ilsien Malti.    L-akkademja tal-Malti (hu għalhekk qed nagħtiha rikonoxximent f’dan l-artiklu) ħadmet qatigħ biex dan beda jseħħ.  Vassalli ħadem biex jara b’liema vokabolarju ser jinqeda.  Juża fost oħrajn iċ-ċirkumfless fil-każ ta’ vokali dittongalizzata u y minflok i (dwar dan naraw aktar’il quddiem).  Fil-qosor, f’dan il-ktieb ser naraw dan l-iżvilupp interessanti fl-Ilsien Malti li anke jekk ma tkunx midħla tal-lingwistika ċertament tapprezza dan il-fatt interessanti.  Ovvjament imbagħad għadna l-istorja fiha nfisha, li nistgħu naqrawha grazzi għax-xogħol siwi li għamel Ivan Said.  

F’din l-istorja naraw rabta mal-ħidma ta’ Vassalli fosthom dik politika.  Vassalli huwa sinonimu mal-ħelsien ta’ pajjiżna bħalma l-poplu Lhudi ried ħelsien mill-Babiloniżi.   Kif nafu, Vassalli ħallas prezz qares għall-oppożizzjoni li wera kontra l-ħakma barranija li oppressat lill-Maltin.  Wara li nqabad bi pjan kontra l-Gran Mastru kienu qatgħuhielu għall-mewt imma minflok qafluh għal għomru fil-Forti Ricasoli.  Ħbiebu ħarrbuh lejn Salerno iżda reġa ġie Malti mal-miġja tal-Franċiżi.  Din iżda kienet qasira ħafna għaliex meta l-Franċiżi ġew megħluba, fi żmien l-Imblokk spiċċa arrestat għal darb’oħra mill-Maltin u l-Portugiżi bħala spjun tal-Franċiżi.   Kien għalhekk li fl-1800 ġie kkundannat għal għomru fl-eżilju (xiv).   Wara l-eżilju rritorna Malta fqir u għajjien.   Għaldaqstant dan huwa punt ieħor ta’ importanza illi joħroġ minn dan il-ktieb, għaliex jinqeda b’din l-istorja biex iwassal il-ħsieb politiku tiegħu.  Napprezzaw il-fatt li Vassalli jagħraf is-saħħa li kellha l-kitba u anke li jinforma, għaliex poplu infurmat biss jista’ jagħmel bidla soċjali.  Dan naturalment f’kunrast mal-kolonjatur li fl-interess tiegħu li jżomm il-poplu injorant u aljenat sabiex iżommu maħkum u oppressat. 

Xi nsibu f’dan il-ktieb? 

Nifhmu li l-introduzzjoni ta’ dan il-ktieb hija importanti daqs l-istess traduzzjoni tas-sultan Ċiru.   Għaldaqstant Said jagħtina fil-bidu xi dati impotani fil-ħajja ta’ Vassalli li wasslu għat-tbigħ ta’ Storja tas-Sultan Ċiru.  

Imbagħad il-ktieb ikompli hekk: 

  • L-istorja ta’ Ċiru fil-qosor (Lxii). 
  • Dehra tal-ewwel paġna u l-werrej tal-pubblikazzjoni tal-1831 (lxv)
  • L-istorja kif miktuba bl-ortografija tal-lum imma bit-test oriġinali biswit tagħha (p.1) 
  • Traduzzjoni gall-Malti tas-siltiet Bibliċi bil-Latin (p.125). 
  • L-istorja Biblika tal-Poplu Lhudi bejn l-970-332 QK, għaliex din tagħtina sfont għal din l-istorja ta’ Ċiru (p.137). 
  • Bibljografija (p.141)
  • Indiċi tal-ismijiet tal-Persuni u l-Personaġġi (p.147). 

Min kien Vassalli? 

Qed inwassal għalikom Informazzjoni mis-sit tal-Akkademja tal-Malti dwar dan il-bniedem kbir li jitqies bħala traduttur Malti (https://akkademjatalmalti.org/bijografiji/mikiel-anton-vassalli/).  

“Vassalli twieled Ħaż-Żebbuġ fil-5 ta’ Marzu 1764 fi żmien meta bosta ma kinux jirfsu l-għatba tal-iskola u kienu jibqgħu ħajjithom kollha sajmin mit-tagħlim tal-qari u tal-kitba. Vassalli nnifsu jgħid li qabel kellu 17-il sena ma kien jaf bl-ebda lsien barrani imma nafu li ta’ 19-il sena kien idur l-irħula biex jiġbor il-qwiel. Min jaf kemm-il darba kien waqaf jitħaddet mal-bdiewa u mar-ragħajja u jistaqsihom x’riedu jfissru bil-qawl li jkun semagħhom jgħidu, jew min jaf kemm ħabbat bibien ta’ nies tas-sengħa biex jistaqsihom xi jsejħu kull parti tal-għodda tagħhom.

Fl-imgħoddi l-qassisin Maltin li kienu jitħajru jmorru għall-missjoni l-Afrika ta’ Fuq, kienu jistgħu jitgħallmu l-Għarbi fi skola apposta hawn Malta. Mikiel Anton studja l-Għarbi fl-Iskola tal-Propoganda Fide fil-Belt u ta’ 21 sena rebaħ premju u bil-għajnuna ta’ patrimonju sagru Vassalli mar Ruma biex ikompli jistudja għal qassis. Hemmhekk huwa għallem l-ilsien Siro-Kaldajk fl-Università La Sapienza.

Il-Malti kien jinteressah mhux biss kif kien mibni imma wkoll bħala għodda f’idejn in-nies biex jitgħallmu kulma jinħtieġu biha. Vassalli fehem li jekk isib tarf kif il-Malti jiktbu tajjeb, ikun jista’ jistampa kotba sħaħ bih, u fuq is-suġġetti differenti. Għalhekk qatta’ żgħożitu jistinka biex jibni r-regoli tal-Malti, u meta sab tarfhom ippubblikaAlfabet Malti Mfysser byl Malti u bit-Taljan (1790), il-grammatika Mylsen Phoenico-Punicum (1791) u dizzjunarju ta’ tmintax-il elf kelma Ktyb yl Klym Malti Mfysser byl-Latin u byt-Taljan. Dawn il-kotba ppubblikahom minn butu.

Waħda mill-akbar skoperti li kien għamel kienet il-preżenza tal-għerq fil-kliem Malti. Vassalli sab li kelma tista’ tlissinha differenti imma l-ittri tal-għerq ma tibdilhomx fil-kitba. Ngħidu aħna, għalkemm inlissnu “miktup”, “kitep” u “ktiep” irridu niktbu “miktub”, “kiteb” u “ktieb” għax l-għerq hu K-T-B.

Skont Vassalli, l-isbaħ Malti kien jinstema’ f’fomm ir-raħlin. Ir-raħlin ta’ żmienu kienu jinqdew b’Malti safi, mhux bħan-nies tal-Belt u tal-Kottonera li kienu jħalltu l-Malti bi kliem Taljan. Vassalli maqdar lil dawk l-ommijiet li kienu jkellmu lil uliedhom bit-Taljan, kemm għax ma kinux jafu t-Taljan tajjeb kif ukoll għax kienu jċaħħdu lit-tfal mill-Malti. Għal Mikiel Anton Vassalli, l-isbaħ djalett kien iż-Żebbuġi, u l-kotba tiegħu bniehom fuq dan id-djalett.”

l-importanza ta’ dan il-ktieb 

F’dan il-ktieb insibu li nafu fiż-żgur li l-Erba’ Vanġeli u l-Atti tal-Appostli minbarra  Storja tas-Sultan Ċiru.  Kontra t-traduzzjoni impekkabbli tal-Erba’ Evanġeli, L-iStorja tas-Sultan Ċiru mhijiex l-aħjar eżempju ta’ traduzzjoni u kif insibu f’dan il-ktieb “fiha la hemm reqqa u lanqas fedelta’ għat-test oriġinali” (xvii).   Ovvjament il-valur ta’ dan il-ktieb mhux li naqraw l-istorja tas-Sultan Ċiru bil-Malti imma li napprezzaw dan it-test kif ħareġ mill-pinna ta’ Vassalli.  

Il-valur ta’ dan il-ktieb għaldaqstant huwa dan:

  1.  Hawnhekk għandna t-test oriġinali.  Il-Malti ma kienx miktub Vassalli skopra l-għerq.   Kif jikteb Vassalli?  Ovvjament tweġiba għal din il-mistoqsija teħtieġ spjegazzjoni lingwistika li hija aktar infurmata anke minn dak li nista’ nippreżenta jien.   Ninnutaw pero’ l-użu tal-y flok i u allura  ylli u mhux illi.  Imma mbagħad insibu kynu (bil-ġenufless) li llum hija kienu.  Ninnutaw l-apostrofu flok sing għall-artiklu, ngħidu aħna L’Assyrjin (l-Assiri). 

Il-ktieb jagħmel ukoll osservazzjonijiet oħrajn interessanti dwar l-iżvilupp tal-ilsien Malti matul is-snin kif insibuhom f’dan il-ktieb (lviii).  

Ngħidu aħna l-h ta’ Vassalli tinbidel f’ħ u għalhekk illum ngħidu ħejjejtek u hux hejjejtek (p.79.    Vassalli ma jiktibx vokali wara l-għ, u għallra għrejjex (p.78) flok għerejjex.    Ir-regola li taqa’ l-konsonanti dgħajfa (j, u, w) meta jinzertaw doppj ma kinetx teżisti u allura nsibu rajjsin (p.5) flok rajsin.   Interessanti wkoll xi plurali stambi kif diġa aċċennajt għalihom, ngħid aħna klimijiet (p.71) minflok kliem.  

  • Ninnutaw id-djalett
  • Fil-bidu tal-ktieb insibu ħames illustrazzjonijiet ta’ Luigi Broctorf (1814-1857), li dehu fl-ewwel edizzjoni ta’ Description of Malta and Gozo tal-1838 ta’ George Percy Badger.  Jidhirli li dawn l-illustrazzjonijiet jgħinnuna nifhmu anke b’mod  viżiv Malta ta’ żmien Vassalli.  
  • Kliem arkajku li m’għadniex nużawh.  Eżempju m’akbru (p.20)  Illum ngħidu akbar minnu.  

Riflessjonijiet oħrajn 

L-istudjużi aktar jemmnu li Storja tas-Sultan Ċiru hija adattament milli traduzzjoni u dan minħabba li hemm tnaqqis u żidiet fit-test (xlv).  Dan minkejja li għandna evidenza li Vassalli kellu ħakma tajba tal-ilsien Franċiż  (eżempju żewġ dokumenti bil-Franċiż dwar il-qoton).  Jidher li kontra t-traduzzjoni tal-Vanġelu f’din l-istorja Vassalli ħa ċerta liberta’ li jesprimi bl-ilsien Malti mingħajr ebda xkiel. 

Fuq kollox permezz ta’ din l-istorja huwa ried iwassal il-ħsieb politiku tiegħu.  (1)  Iħeġġeġ għall-għerf u l-edukazzjoni fost il-Maltin biex jinħelsu mill-ktajjen tal-injoranza.  (2)  Irawwem l-Imħabba lejn l-Ilsien Malti (3)  Ikattar il-kuxjenza ta’ Nazzjon u li wara kollox aħna poplu u mhux servi ta’ poplu ieħor. 


Balluta Blues

Awtur: Charles Flores; Pubblikazzjoni: Horizons

Jista’ jkun li l-ġenerazzjoni żagħżugħa ta’ kittieba u poeti li ħafna baqgħu jirreferu għalihom bħala “Tas-Snin Sittin” u “tal-Moviment”, illum tinsab fl-istadju fiżiku tat-tielet età, iżda l-biċċa kbira minnhom għadhom attivi u ħabrieka fl-oqmsa varji tagħhom, xejn inqas il-poeżija bil-Malti.

Dawn kienu l-protagonisti fil-bidla kulturali u soċjo-politika tas-Snin Sittin, mewġa żgħira Maltija fit-tsunami kbira dinjija li bidlet għal kollox il-mod kif in-nies tħares lejn ħajjitha u lejn dak kollu li jiġri madwarha, mill-inżul fuq il-qamar eżattament ħamsin sena ilu sal-gwerra u l-kisba ta’ jeddijiet u libertajiet imċaħħda saħansitra matul l-ewwel żewġ diċennji mill-qerda, l-imwiet u t-traġedja umana tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Il-poeżija kienet fost il-ġeneri letterarji li l-aktar għaddew minn bidla hekk kif il-kontemporanju, l-innovativ u, kultant, ir-riskjuż u l-esperimentali beda jeħodha mat-tradizzjonali permezz ta’ tematika li ħadet bixra għal kollox differenti. Dan sakemm il-mewġ beda jbatti u l-wiċċ tal-baħar uman reġa’ sab it-trankwillità tant meħtieġa fiċ-ċiklu dejjiemi tal-ġenerazzjonijiet.

Charles Flores jirrifletti dan kollu bil-għażla ta’ poeżiji fil-ktieb ġdid tiegħu “Balluta Blues” li għadu kemm inħareġ fis-suq minn Horizons (www.horizons.com.mt). F’din il-ġabra provokattiva daqskemm hi romantika u intima, Flores jagħmel użu prattiku mill-mogħdija li twassal għas-Seklu 21, fis-sens li għaraf jara jinbtu fih ħsibijiet, tqanqiliet u fehmiet tal-lum bis-saħħa taż-żerriegħa li żera’ matul is-Snin Sittin u Sebgħin u baqa’ jisqiha u jaraha tikber. 

Il-kontenut f’“Balluta Blues” huwa l-azzar imdewweb li ħareġ minn forġa li għadha tħammar u tilheġ fuq in-nar tal-ispirazzjoni, lil hinn mid-dħaħen u l-irwejjaħ ristrettivi tal-imgħoddi, biex ingħata l-forma u s-saħħa li ż-żmien biss inissel. Il-messaġġ ta’ Flores mhux tal-bierah, anki jekk sikwit jibkih, iżda tal-lum permezz ta’ versi u lehmiet minsuġin u maħsubin espressament għas-Seklu 21.

L-istil partikolari ta’ Flores huwa wieħed fejn il-vrus jingħataw bixra kożmetika waqtiet kważi teatrali bħal fil-każ tal-poeżija “Kemm nixtieq nemmen vs l-anjostiku”.  Hawnhekk għandan vrus li tgħallimna bl-amment permezz tar-reliġjożita’ popolari (fosthom innu tal-Milied) li bħal donnu daħlu f’moħħ vojt f’kuntrast meta l-istess moħħ huwa kritiku, kapaċi jagħrbel u jagħżel. 

Jitħasseb mhux ftit dwar kif bl-egoiżmu tal-bniedem qed neqirdu l-ambjent.  Dan qed iwassal għal tibdil fil-klima fost oħrajn:

“Bomba tal-ħin. 
Ittektek , tredden bla waqfien,
tistenna l-waqt 
li fih la tibqa’ int 
u lanqas jien”  (p.87). 

Dan it-tqanqil għall-qerda tal-ambjent jerġa’ joħroġ ukoll fil-poeżija dedikata għal Greta Thunberg (p.98) fejn it-tfal jagħtu lezzjoni lill-kbar.  

Flores, il-poeta li jaħseb, il-poeta kritiku huwa wkoll il-poeta li jħoss u jesprimi l-emozzjonijiet tiegħu b’qawwa kbira.  Hekk jagħmel fil-poezija “L-aħħar demgħa” miktuba għal kollega tiegħu li tilef lil missieru.  

“Dik l-aħħar demgħa, da
li rajt iġġelben ma’ ħaddejk 
ħaditni magħha fuq il-vjaġġ 
li int u jien għamilna”  (p.72)

Ir-riflessjoni tal-poeta hija wkoll waħda eżistenzjali, jagħraf ir-realta’ kiefra ta’ dan il-“Paradoss fuq żewġ saqajn” li fl-aħħar ser nersqu lejn it-tmiem (p.89). 

Fil-fehma tiegħi “Tibżax” (p.100) hija l-aktar waħda li tiddeskrvi preċiż il-karattru tal-poeta.  Flores huwa dak li ma jibżax jirfes “fuq l-imgħoddi” u lanqas jerfa’ rasu u jħares “’il quddiem” (p.100).  Huwa dejjem pożittiv, anke fid-dlam u fl-aħħar mill-aħħar huwa wkoll artist:  Bħala artist huwa ħalliem, sensittiv għal dak li qed jiġri madwaru u jesprimi dawn il-ħsus. 

“Balluta Blues” huwa mżewwaq b’disinni ta’ Gordon Pace Flores li permezz tal-arti kaligrafika tiegħu, kif qal fid-daħla tiegħu għal din il-ġabra eċċitanti l-kittieb u poeta Victor Fenech, “jagħmel il-ktieb artistiku daqskemm riflessjonist.” Fenech iżid: “Żgur li l-arti kaligrafika ta’ Pace Flores, kultant fil-forma ta’ graffiti, drabi oħra fi żwieġ perfett mal-kontenut, mhux biss iżżejjen imma wkoll tikkumplimenta l-kitbiet ta’ Flores bil-forom u l-kuluri varji tagħha.”

Paġna Letterarja, It-Torċa, 22 ta’ Diċembru 2019

Iċ-Ċimiterju ta Santa Marija Addolorata

Eman Bonnici 

Pubblikazzjoni Heritage Malta flimkien ma’ Campo Santo Ltd. 

Dan il-ktieb xtaqt ġibdu matul ix-xahar ta’ Novembru imma nqalgħu ċirkostanzi oħra li ma kellix kontroll fuqhom.  Pero’ kif naf u l-mewt m’għandiex staġni anke jekk ftit ftit bdew igerrbu l-jiem ferrieħa tal-Milied.  U għalhekk ma qagħadx nistenna aktar biex naqsam magħkom dan il-ktieb sabiħ.  

B’xorti ħażina minħabba l-kruha tal-mewt mhux dejjem naprezzaw il-ġmiel taċ-Ċimiterju tal-Addolorata.  Anke jekk għan-nisrani il-mewt mhijiex it-tmiem imma l-bidu ta’ ħajja eterna.  Il-ġmiel taċ-Ċimiterju tal-Addolorata għaldaqstant donnu joħroġ f’kuntrast man-niket li ġġib it-telfa tal-għeżież tagħna.  Mhux dan kien imma l-ħsieb tal-ġenju Perit Emanuele Luigi Galizia.  Galizia tana l-idea ta’ pajsaġġ lejn il-ħajja eterna. Għamel użu tajjeb mit-tlajja li jwasslu sal-Knisja – id-Dar t’Alla li tirrapreżenta l-Eternita’.  

Heritage Malta flimkien ma ‘ Campo santo Ltd, operaturi taċ-Ċimiterju ta ‘ Addolorata, ikkollaboraw flimkien biex ippublikaw dan il-ktieb iċ-Ċimiterju ta ‘ Santa Marija Addolorata: Storja, Arti, personalitajiet. It-tnedija tal-ktieb saret fil-Kappella unika tal-Madonna Addolorata li tinsab fiċ-Ċimiterju.

L-awtur u r-rappreżentant ta’ Camposanto Ltd qal: “Huwa pjaċir li nara dan il-ktieb jiġi ppubblikat. Kien f’waqtu li din is-sena jiġi pubblikat billi fl-aħħar Mejju aħna ċċelebrajna l-150 anniversarju mill-ftuħ u l-barka uffiċjali taċ-Ċimiterju ta ‘ Addolorata. Dan il-ktieb huwa bbażat fuq tliet aspetti: l-oriġini u l-istorja taċ-Ċimiterju, mawra ggwidata u lista dettaljata li tindika l-oqbra ta ‘ diversi personalitajiet midfuna hawn”, 

Huwa kompla:  

“Ħsibt li kienet ħasra li l-informazzjoni kollha ma ġietx miġbura fi ktieb. Għalhekk, Camposanto Ltd hija tassew kburija li ħadmet mal-Heritage Malta biex tara dan il-ktieb ippubblikat, peress li minbarra r-restawrazzjoni u l-estensjoni tagħha, aħna issa qed niddokumentaw ukoll dan il-wirt notevoli li Sfortunatament mhux dejjem iġib l-attenzjoni mistħoqqa. “

Dan il-ktieb jinqasam f’numru ta’ kapitli li jagħtu ħarsa komprensiva ta’ dan il-post sagru u fl-istess ħin joħroġ bl-aktar mod qawwi s-sbuħija tal-arkitettura Gotika, li rrid ngħid mhux daqstant komuni f’pajiżna. Wara d-daħla interessanti u numru ta’ preżentazzjonijiet, il-ktieb jagħti ħarsa lejn l-istorja ta’ dan iċ-ċimiterju. Imbagħad ikompli dwar l-amministrazzjoni taċ-ċimiterju.  Qatt kontu tafu ngħidu aħna xi kliem partikolari li jifhmuh biss min jaħdem iċ-ċimiterju, li huma referenzi għal xi nħawi f’dan il-kumpless kbir?  Ibgħad għandna mixja f’dan il-post fejn nammiraw, anke permezz tar-ritratti sbieħ ta’ Pierre Balzia il-kappelli u skultura frott il-ħila u t-talent Malti.   Wara nsibu numru ta’ personalitajiet għax ta’ min ngħidu li dan il-post, minbarra li fih innifsu huwa għani f’dik li hija sbuħija arkitettonika huwa daqstant ieħor huwa għani fil-personalitajiet li hemm midfuna fih.   Mixja f’dan il-post għalhekkk hija waħda edukattiva daqs kemm hi spiritwali.   Il-ktieb jagħlaq b’noti u referenzi u biblijografija. 

Dan il-ktieb huwa editjat minn George Agius u Godwin Vella, u b’ritratti sbieħ fotografu Pierre Balzia li jgħinnuna napprezzaw ferm aktar il-ġmiel ta’ dan il-post.

Inħeġġeġ ħafna li takkwistaw kopja ta’ dan il-ktieb

(Paġna Letterarja 8 ta’ Diċembru 2019)

Nitkellmu ma’ Betram Portelli

Bertram Portelli huwa l-awtur tar-rumanz Il-Polz Li Baqa’ Jħabbat (2014), tal-ġabra ta’ novelli L-Aħħar Majnata (2016) u tar-rumanzett L-Appartament Numru Tmienja (2018). Bertram Portelli huwa l-awtur tal-ktieb tal-attivitajiet Jerġgħu Jsiru Tfal (2013) mibni fuq l-istejjer Darbtejn Insiru Tfal ta’ Charles Casha u koawtur tal-ktieb tal-attivitajiet mibni fuq il-ktieb Il-Każ Kważi Kollu tal-Aħwa DeMolizz ta’ Clare Azzopardi (2014). Huwa wkoll l-editur taż-żewġ volum tal-ktieb Omm ta’ Bosta Wlied – Minn Birmiftuħ sal-Gudja (2014 u 2018). Żewġ novelli qosra minn tiegħu dehru wkoll fl-antoloġija Għidli Mitejn – Tell Me 200 (2014) Preżentament, Bertram qed jaħdem fuq proġetti oħra ta’ pubblikazzjonijiet.
  • Bertram, ma nistax nibda din l-intervista u ma nsemmix l-aħħar ktieb tiegħek Ċajt ta’ Klassi u Battuti oħra.  Dan hu parti minn sensiela ta’ kotba, irridu ngħidu bi preżentazzjoni ferm sabiħa u li kollha jġibulek tbissima.  Din is-sensiela hija familjari mal-qarrejja ta’ din il-paġna għaliex m’ilux wisq li intervistajt ukoll lil Mark Schembri u tkellimna propju dwar din is-sensiela. Xi jfissru għalik li dawn l-espisodji ħelwin li sabu posthom fi ktieb hekk sabiħ?

Grazzi Omar ta’ din l-intervista. Kif għedt tajjeb inti, dan il-ktieb huwa l-iktar proġett riċenti tiegħi u li ħdimt fuqu matul dawn l-aħħar snin. Irrid qabelxejn nirringrazzja lid-Dar tal-Pubblikazzjoni KITE tal-fiduċja li wrew fija billi afdawni b’dan il-ktieb li kif għedt tajjeb inti, jifforma parti minn sensiela ta’ kotba b’rakkontar ta’ anedotti ħelwin minn diversi sferi tal-ħajja. Bħal kull professjoni oħra, aħna l-għalliema, niltaqgħu ma’ diversi episodji ħelwin waqt il-ħidma tagħna li jnisslu tbissima fuq fommna. Hija opportunità biex il-qarrejja jilmħu dejjem aktar l-aspett uman tal-għalliema tagħna li kultant, sfortunatament, minħabba l-pressjoni dejjem tikber tax-xogħol, kultant ninsewh.

  • Inzertajt li jien għalliem u għal numru ta’ snin ħdimt fi klassi.  Nista’ nirrelata ħafna magħhom.  Però anki l-qarrejja għax kollha kemm aħna studenti.  Kollha dħakna xi ftit jew wisq b’xi ċajta fil-klassi. U nazzarda ngħid li wkoll ħfirna meta ġenwinament xi għalliem żbalja ftit.  Bejnietna, li l-għalliem jinsa t-toaster, ġrat lili wkoll. Fost l-aneddoti ħelwin oħra f’dan il-ktieb insibu tal-istudent li jsaqsi għalliem fartas parir dwar xagħru, l-għalliem li jitfixkel student ma’ ieħor u f’jum il-ġenituri jfaħħar student li qatt ma jagħmel xogħlu.  X’wasslek biex tiġbor dawn l-aneddoti u x-xogħol kien jinvolvi?

Kienet dejjem xewqa tiegħi li xi darba nagħmel damma simili għal din. Matul is-snin, minbarra d-diversi episodji ħelwin li għaddejt minnhom jien bħala għalliem, kienu wkoll diversi għalliema u edukaturi oħra li waqt xi diskursata informali, konna nirrakkuntaw bejnietna xi wħud minn dawn l-episodji li ejjew ngħiduha kif inhi… illum li nħarsu lejhom bħala avvenimenti passati, nidħqu, iżda xi kultant ikunu episodji li dak il-ħin iġibuk f’sitwazzjonijiet xi ftit jew wisq strambi dwar kif għandek taġixxi. Niftakarni li fuq pitazz li kont inġorr miegħi fil-basket tax-xogħol, kont inniżżel xi episodji li kont ngħaddi minnhom jien li kienu jnissluli tbissima. Aktar tard, ġietni l-idea li niġbor aneddoti simili mingħand edukaturi differenti u ndommhom f’pubblikazzjoni. Ħsibt u rajt li tali pubblikazzjoni toqgħod tajjeb ħafna fis-sensiela li qed tipproduċi KITE matul dawn l-aħħar snin u minn madwar sentejn ilu lil hawn bdiet ħidma sħiħa biex illum jista’ jkollna f’idejna dan il-ktieb. Il-proċess, minbarra diversi laqgħat mal-pubblikatur, kien jinvolvi wkoll, fost oħrajn, il-kuntatt ma’ persuni u personalitajiet differenti biex tinġabar din id-damma. Ir-rakkonti kienu jitwasslu lili bil-fomm jew inkella bil-kitba, xi kultant anki f’punti żgħar. Imbagħad, min-naħa tiegħi kont nikteb dawn l-aneddoti biex fl-aħħar mill-aħħar, ir-rakkonti jkunu kollha uniti. Dan il-proċess kien jinvolvi wkoll l-editjar biex jintgħażlu l-aktar rakkonti xierqa. M’għandniex xi ngħidu li ċ-ċirasa fuq il-kejk huma l-karikaturi li jagħnu lil din il-pubblikazzjoni, xogħol il-bravu Mark Schembri.

  • Tippermettili forsi nieħu l-okkażjoni biex nirringrazja minn qalbi lill-għalliema għax-xogħol siewi tagħhom. 

Ningħaqad miegħek jien ukoll Omar f’dan ir-ringrazzjament lil tant għalliema li minkejja li kultant ma jirċevux l-apprezzament li jixirqilhom, ikomplu jaħdmu bla heda għall-ġid tal-istudenti. Niftakru li l-għalliema huma indispensabbli fil-formazzjoni ta’ wliedna. Ejjew napprezzaw aktar xogħolhom.

  • Iż-żgħażagħ  huma ferm għal qalbek.  Fil-fatt fir-rumanz Il-Polz li Baqa’ Jħabbat inti semmejt l-atmosfera u t-taħdit fil-canteen tal-università, it-taħdit permezz tal-kompjuter u l-“ħoss tal-popup” il-mowbajl, l-assignments, l-entużjażmu u l-eċċitament meta jiltaqa’ ma’ tfajla ġdida u l-atmosfera tat-Tnejn wara tmiem il-ġimgħa, fost oħrajn. Dawn huma kollha xhieda ta’ kemm dan ir-rumanz ħareġ minn pinna żagħżugħa. Tidher kemm tifhem liż-żgħażagħ ukoll.  X’tgħidilna dwar dan?

Iż-żgħażagħ mhumiex biss il-futur tas-soċjetà tagħna, iżda huma wkoll il-preżent. Il-ħidma tiegħi ta’ kuljum mal-adolexxenti u ż-żgħażagħ tgħinni napprezza aktar il-potenzjal kbir li għandhom. Barra minn hekk, Il-Polz Li Baqa’ Jħabbat li kien l-ewwel xogħol letterarju tiegħi, kien lest mill-kitba sħiħa tiegħu meta kelli 24 sena u allura kont għadni kemm temmejt l-esperjenza Universitarja, fejn huwa ambjentat il-parti l-kbira tar-rumanz. Nista’ nistqarr li l-udjenza li l-aktar inħobb nikteb għaliha, hija l-udjenza żagħżugħa. Barra minn hekk ħafna mill-karattri tal-kitba tiegħi huma karattri żgħażagħ. Mal-udjenza żagħżugħa nħoss li nista’ nesperimenta aktar bil-kitba tiegħi għax nista’ mmur anki lil hinn minn dak li huwa konvenzjonali. Bi pjaċir ngħid li Il-Polz Li Baqa’ Jħabbat, intlaqa’ tajjeb ħafna tant li f’dawn il-ġranet għadha kemm ġiet stampata t-tielet edizzjoni tiegħu u minkejja li mill-ewwel edizzjoni tiegħu kelli kitbiet oħra ppubblikati, dan ir-rumanz baqa’ l-aktar imfittex mill-qarrejja. Nistqarr miegħek ukoll li fost il-kitbiet tiegħi, dan ir-rumanz, forsi anki għax kien l-ewwel xogħol tiegħi, jibqa’ l-aktar marbut ma’ qalbi u l-aktar wieħed li fih wieħed jista’ jħoss il-polz – jekk tippermettili nuża parti mill-isem stess – tiegħi bħala awtur. Min jaqra Il-Polz Li Baqa’ Jħabbat, jista’ jifhem aħjar fejn tħabbat qalb Bertram.

  • Li jolqotni fil-kitba tiegħek Bertram iżda huwa li minkejja dan l-aspett inqas impenjattiv bħalma huma ċ-ċajt fil-klassi u l-ħajja żagħżugħa, inti wkoll persuna riflessiva. Sa minn dan l-ewwel ktieb tiegħek Il-Polz li Baqa’ Jħabbat inti wrejt li kapaċi tidħol fil-profond.  Ngħidu aħna nsibu l-karattru ta’ Gabriel fejn minbarra l-problemi tal-istudju, jiżdied ukoll il-mard. Meta nħabbtu wiċċna mar-realtà kiefra ta’ mard, bħall-kanċer, psikoloġikament nitfarrku u  niġu wiċċ imb wiċċ mal-mewt. U mbagħad forsi l-bniedem jistaqsi, għaliex it-tbatija u għaliex jien?  Xtaqtek tgħid xi ħaġa dwar dan l-aspett.  

Kull min jafni Omar, jaf li jiena bniedem ċajtier u li ċ-ċajt nieklu bħall-ħobż. Iżda mbagħad jiena wkoll bniedem li naħseb ħafna… kultant iżżejjed. Nara lili nnifsi bħala persuna sensittiva li l-ħajja tiegħi u dak li nosserva madwari jwassalni biex naħseb u nidħol fil-profond. Ma nafx nieqaf biss fuq dak li jidher minn barra, iżda nidħol fil-profond tas-sitwazzjonijiet li nsib ruħi fihom jew li nara madwari. Xi kultant tbati ħafna meta tkun persuna ta’ dan it-tip, iżda fl-istess waqt ma tkunx tista’ timmaġina lilek innifsek mod ieħor. Il-ħajja tista’ tidher sabiħa u assurda fl-istess waqt. Niftakar f’dak li kien jgħid il-filosfu Grieg Sokrate, li l-ħajja mhix eżaminata, mhix ta’ min jgħixha. Minbarra li naħseb u nirrifletti ħafna, din ir-riflessjoni nwaħħadha mal-kitba tiegħi biex inwassal lill-qarrej ħalli hu wkoll jaħseb u jirrifletti. Kull sitwazzjoni rrakkuntata fil-kitbiet tiegħi, mhix biss ġrajja ta’ qari għall-gost, iżda spunt ta’ riflessjoni. Inħoss li sfortunatament, illum il-ġurnata, qegħdin ngħixu f’soċjetà fejn l-empatija mhix fuq quddiem tal-aġenda ta’ ħajjitna u nweġġa’ meta niltaqa’ ma’ nies li l-aqwa li jkunu sewwa huma mingħajr ma jimpurtahom mill-weġgħat u t-tbatijiet ta’ ħaddieħor. Nixtieq ukoll li bil-kitba tiegħi noħloq aktar kuxjenza fuq realtajiet soċjali differenti, bit-tama li nnissel ftit aktar empatija fil-qalb ta’ min jiltaqa’ mal-kitba tiegħi.

  • Tara rabta bejn l-umoriżmu u t-tbissima u l-profondità tal-ħajja: it-tbissima bħala parti minn filosofija li tagħti risposta għal tant problemi tal-ħajja? 

It-tbissima hija l-mediċina ta’ ruħna. Mingħajr tbissim u mumenti ferrieħa, il-mumenti diffiċli ta’ ħajjitna jidhru aktar diffiċli u iebsa. Dan jgħodd b’mod speċjali għal min jidħol fil-profondità tal-ħajja u għalhekk nara rabta kbira bejn l-umoriżmu u l-profondità tal-ħajja. Ħafna drabi, min minn barra jkun jidher li moħħu biss fiċ-ċajt, ikun l-aktar persuna li tidħol fil-profond tal-ħajja. B’ebda mod mhu qed ngħid li l-ħajja fiha biss imrar, altru li le. Allaħares! Iżda t-tbissim u l-umoriżmu jagħti dejjem togħma itjeb lill-esperjenzi ta’ ħajjitna u huma bħal duwa mill-aktar effettiva għal min ikun għaddej minn mumenti ta’ dlam. Għalhekk meta quddiemna naraw biss sħab iswed, għandna dejjem nagħmlu kuraġġ, nafdaw f’Alla u nimxu ’l quddiem. Wara l-lejl, dejjem jisbaħ jum ġdid u bi tbissima fuq fommna nagħmlu l-jum isbaħ għalina u għal dawk li niltaqgħu magħhom.

  • Qed nitkellmu dwar il-valuri fundamentali tal-bniedem, però fil-bniedem dawn jieħdu bixra materjali biex ngħid hekk u huma importantissimi.  Meta wieħed jagħraf għeruqu u minn fejn tnissel, jasal biex japprezza aħjar dak kollu li għandu u dak li wiret mingħand l-antenati tiegħu. Inti naf li tgħożż ħafna għal qalbek il-Gudja, raħal twelidek, u anki l-Madonna li hija l-patruna ta’ pajjiżek.  Xtaqt naqbadlek ftit fuq dawn l-aspetti fid-dawl taż-żewġ volumi tal-pubblikazzjoni li inti editur tagħhom Omm ta’ Bosta Wlied.  Qabel xejn, x’tifsira tara f’Marija fid-dawl tal-kuntest Malti b’mod ġenerali?  Nafu kemm Malta hawn devozzjoni kbira lejn il-Madonna, naturalment mhux fil-Gudja biss.  Kif tħares lejha din id-devozzjoni lejn Ommna Marija? 

Dak li aħna llum, kemm fuq livell individwali, kemm fuq livell lokali u anki fuq livell nazzjonali, hwma riżultat ta’ dak li writna mingħand ta’ qabilna. M’għandniex xi ngħidu li ma’ dan il-wirt jintgħaġnu l-esperjenzi li tkun għaddej minnhom f’ħajtek. Iżda nemmen li jkun għajb għal dik il-persuna, lokal jew pajjiż li biex jidher modern jew differenti, jarmi dak li jkun wiret mingħand il-ġenerazzjonijiet li għexu qabilna. L-iskop tal-volumi ta’ Omm ta’ Bosta Wlied huwa propju dak ta’ kuxjentizzazzjoni ta’ dak li sawwar lil raħal twelidi l-Gudja. Il-fatt li huwa magħmul minn artikli differenti narah bħala ktieb li jagħti leħħiet ta’ dawl fuq aspetti storiċi, artistiċi u soċjali li sawruna f’dak li aħna llum.

Bħal nazzjon, Marija dejjem kellha sehem ċentrali fil-ħajja tal-Maltin. Biżżejjed nagħtu ħarsa lejn l-ammont ta’ knejjes, kappelli, toroq u ismijiet li huma marbuta ma’ din il-figura tant għażiża għalina l-Maltin. Bħala nazzjon nemmen li dejjem tajna importanza lill-figura tal-Omm. Il-figura tal-mara l-ħoxna taż-żmien preistoriku diġà tagħtina ħjiel tal-importanza li bħala poplu dejjem tajna lill-maternità. Dan fehmu wkoll ċar il-poeta nazzjonali li fl-Innu Malti – għalkemm mhux biss – jirreferi għal Malta bħala omm. F’dan il-kuntest tal-importanza li nagħtu aħna bħala Maltin lill-omm, inħoss li Marija hija figura ċentrali għalina bħala poplu tant li wkoll insibu diversi avvenimenti storiċi li għal min jemmen, seħħew providenzjalment f’festi Marjani. Insemmu fost oħrajn il-ġrajja tal-Konvoj li baqa’ magħruf bħala l-Konvoj ta’ Santa Marija u l-ġrajjiet storiċi ta’ pajjiżna marbutin ma’ jum it-twelid ta’ Marija fit-tmienja ta’ Settembru. Xhieda ta’ din l-imħabba lejn Marija hija żgur id-devozzjoni li tidher f’jum id-Duluri. Oliver Friggieri jiddeskrivi l-purċissjoni b’Marija Addolarata b’mod mill-aqwa: L-Akbar Mass Meeting u hekk hu, għax Marija tiġbor warajha lill-poplu mingħajr distinzjoni.

  • Fil-ktieb inti xtaqt titfa’ dawl fuq dak li missirijietna ħadu ħsieb, fi kliemek “ixettlu u jkabbru f’siġra li tat il-frott li qed ingawdu aħna llum”.  Inti għalhekk tħares lejn l-istorja, l-arti u l-arkitettura f’dan il-ktieb, u anki l-komunità b’mod ġenerali.  Kemm huma importanti li minkejja l-progress nibqgħu ngħożżu dak li ħallewlna missirijietna?

Min jipprova b’mod dirett jew indirett inessi jew iwarrab il-valuri u l-wirt li rċevejna mingħand ta’ qabilna, ikun qiegħed jiżra żerriegħa perikoluża li bħal dudu ċkejken jibda jnawwar l-identità tagħna, jiġifieri dak li jsawwarna. Għalhekk, filwaqt li ma nistgħux neħlu fil-passat u rridu naġġornaw mar-realtajiet tal-lum, dan ma jistax isir għad-detriment ta’ dak li writna u li tant ħadmu għalih missirijietna.

  • Aspett ieħor li inti trattajt u użajt il-ħiliet artistiċi tiegħek biex tesplora huwa l-paranormal.  L-appartament numru tmienja, x’hemm stramb fih? 

Dan kien ġeneru li esperimentajt bih riċentament. Il-paranormal huwa minnu nnifsu għerq ta’ misteru, dak li ma nafux jew li ma nistgħux nifhmu. Kull bniedem jesperjenza f’ħajtu esperjenzi li mhux kapaċi jagħti tweġiba għalihom bħal ċirkustanzi diffiċli li jsib ruħu fihom ħabta u sabta. F’L-Appartament Numru Tmienja ħsibt li nipprova nesperimenta b’kitba li minnha nnifisha tqanqal interess. F’dan l-appartament iseħħu ħwejjeġ li wieħed mhux la kemm jispjegahom malajr u n-numru tmienja lanqas ma hu magħżul kif ġie ġie. Imma mhux se nagħti wisq dettalji biex ma nħassar ir-rakkont lil ħadd.

  • Bertram inti esperimentajt mhux biss b’ġeneri differenti ta’ kitba imma anki bi stili.  Għandek rumanzi imma għandek ukoll novelli, ngħidu aħna L-Aħħar Majnata.  Hemm xi stil li tippreferih iktar mill-oħrajn?

Il-kitba tar-rumanz u l-kitba ta’ novelli jiftħulek żewġ toroq differenti ’l fejn timraħ. F’kitba ta’ rumanz, bl-isfidi kbar tiegħu, għandek opportunità li tesplora fil-fond is-suġġett jew it-tema li tkun qed tikteb dwarha. Min-naħa l-oħra, il-kitba ta’ novella għandha wkoll l-isfidi tagħha għaliex għandek l-opportunità li twassal ġrajja sħiħa u kompleta b’mod konċiż u b’mod li fi ftit paġni trid iddaħħal lill-qarrej f’realtà li filwaqt li taf li mhix se ttul wisq, trid tkun opportunità biex il-qarrej jidħol sewwa fil-ġrajja u jesperjenzaha.

Minkejja dan kollu, ikolli nistqarr li nħoss aktar ġibda lejn il-kitba ta’ rumanz, u b’mod speċjali lejn rumanz b’lenti soċjali u psikoloġika.

  • Għandek xi proġetti maħsubin?

Hemm hemm proġetti fil-ħsieb… il-ħin huwa l-akbar problema minħabba diversi impenji oħra f’ħajti. Iżda l-aktar proġett qrib li diġà beda jinħema huwa rumanz ġdid b’laqta soċjali li jittratta esperjenza ta’ ħbiberija kbira u sinċiera, tista’ tqisha ta’ aħwa li però tkun se tisfaxxa fix-xejn minħabba l-għira u l-ħażen ta’ persuna oħra. Hija ġrajja li għandha twassal lill-qarrejja biex jaħsbu u jirriflettu fuq il-kruha tal-għira u kemm persuna waħda kapaċi tnissel ħsara sempliċiment għax donnu jkun il-gost tagħha li tkisser lil ħaddieħor. Minkejja dan kollu, tul il-ġrajja se naraw kif il-qawwa tat-tajjeb dejjem tirbaħ fuq il-ħażin. Din nemminha ħafna… avolja kultant naraw il-ħażen madwarna li donnu jkun qed jiblagħna, fl-aħħar mill-aħħar, it-tajjeb dejjem joħroġ rebbieħ. Inħalli f’idejn il-qarrejja biex aktar tard ikollhom iċ-ċans li jiskopru din il-ġrajja. Għandi proġetti oħra f’moħħi, iżda dejjem nimxu pass pass.

  • Fl-aħħar nett:  il-qarrejja ta’ din il-paġna kif jistgħu jsegwu x-xogħlijiet tiegħek?

Qabel xejn, Omar, nixtieq nirringrazzja minn qalbi lil dawk il-qarrejja li jsegwu u japprezzaw ix-xogħlijiet tiegħi. Is-sapport tagħhom jimlieni bil-kuraġġ biex inkompli miexi b’aktar kitbiet. Grazzi immens. Dawk il-qarrejja li jixtiequ jibqgħu aġġornati dwar ix-xogħlijiet tiegħi, jistgħu jsegwu l-paġna tiegħi ta’ Facebook Bertram Portelli – Awtur u hemmhekk isibu aġġornamenti kontinwi dwar il-kitbiet tiegħi.


Papa Ahmed

Awtur: Joe Pace

Pubblikazzjoni: Merlin Publishers

Xejn ma kien jonqosna: Papa Malti, Papa Aħmed. “Annuntio vobis gaudium magnum: Habemus Papam!”Il-Kardinal Massimo Falzon ħareġ fil-gallarija, ixejjer. Ma jdumx ma jibda l-inkwiet. Sa ma, waqt żjara papali fl-Art Imqaddsa, il-Papa fis-satra tal-lejl jiżgiċċa lill-uffiċjali tas-sigurtà u jgħosfor. U minn hemm tibda tfittxija u tellieqa kontra l-ħin minn aġenti Lhud, Amerikani u Palestinjani. Kulħadd jaħmi l-komplotti tiegħu, u fiċ-ċentru ta’ kollox, donnu dejjem hemm hu, Papa Aħmed. 

F’dan il-ktieb għandna parodija ta’ poplu u razza umana li jaħsbu li huma ħafna ikbar milli huma. Il-parodija iktar tinstab fil-biċċiet ta’ sieħeb Massimo (Papa Ahmed) Thomas.  

Fil-fatt l-aktar elementi b’saħħithom li nara f’dan ir-rumanz huwa l- jumanizza dawk li narawhom ‘il fuq mill-umanita’.  Ipoġġi fl-istess kejl ir-realta’ kiefra tal-bnedmin ma’ dawk li qed jgħixu f’realta’ oħra.  Pero’ l-kritika ta’ Pace mhijiex biss lejn l-istituzzjonijiet, mhijiex biss lejn il-Knisja Kattolika simbolizzata bil-Vatikan imma lejnha wkoll li ninsabu aljenati bl-affarijiet tagħna u bilkemm nifhmu lil ġar ibati qrib tagħna.  

Huwa faċli nippontifikaw u ngħidu kif ħaddieħor għandu jgħix, imma diffiċli li nwettqu bl-eżempju tagħna.   Nistgħu nkunu aljenati anke bl-istess dilettantiżmu reliġjuż, reliġjożita’ popolari li tiddomina f’pajjiżna.  Massimo (Papa Ahmed) dilettant tal-Ġimgħa l-Kbira u jrid jilbes.  

It-tieni punt li xtaqt noħroġ huwa li minkejja li Pace joħloq parodija b’dak li huwa superfiċjali, b’dak li huwa dilettantesk, taparsi reliġjuż u fil-qofol tal-essenza ma ssibx lanqas umanita’, b’waqtiet li jġibulek tbissima, pero’ hemm element ta’ profondita’ fil-ħsieb.  

“Kif taqbad tirraġuna ma’ min ħajtu qattagħha jistenna xi storja ġdida mill-ħakkiema waqt li kważi biljun jistennew il-kliem iqattar minn fommok? Kif tista’ tibda tifhem l-ansjetajiet ta’ min irid jitfa’ l-ikel f’ħamest iħluq kuljum waqt li it tlissen ‘uliedi fi Kristu’ imma taf li ‘uliedek’ se jkollhom ifittxuhom huma l-ħobżiet u l-ħutiet?” (p.59). 

Minn wara t-tistiera huwa faċli li nitkellmu dwar integrazzjoni u kif ħaddieħor għandu jġib ruħu bla ma ninsew il-kuntest aħrax li jkun ġie minnu .

Il-Papa Maltigħażel l-isem Ahmed imma kif fettillu jiżgiġġa mill-ħitan tal-Vatikan li jħabbat wiċċu mar-realta’.  U hemm jibda dak li ma jistenniex.  Naturalment qala’ kjass sħiħ.    It-tiftixa nvolviet saħansitra s-servizzi sigrieti Amerikani, l-Mossad u naturalment is-sigurta’ tal-Papa.  Li ma kinux jafu li l-Papa spiċċa f’idejn Jihadistist estrem li ppjana li jużah, u saħansitra jipprova jużah bħala suwiċida bil-ħsieb li jisplodi l-Ħajt ta’ Ġerusalemm.  U dan waqt li tkun qed tarah id-dinja kollha.  

Waqt li nagħmilha ċara li l-ktieb jiskomoda lil dawk li ma jridux joħorġu min-niċċa tagħhom ta’ konformiżmu u ma joqgħodx lura mill-għażla tal-kelma mitkellma inkluż dik vulgari, jippreżenta temi li jistħoqqolhom ikomplu jiġu mqanqla u anke diskussjoni.  Dan huwa thriller li jinżel għasel ma’ dawk kollha li l-umanita’, l-inġustizzja, l-kawża Palestinjana hija l-kawża u jistmerru l-artifiċjalita’ tal-Fidi u r-reliġjożita’ popolari vojta u bla ruħ. 

Paġna Letterarja It-Torċa, 10 ta’ Novembru 2019