Nitkellmu ma’ Betram Portelli

Bertram Portelli huwa l-awtur tar-rumanz Il-Polz Li Baqa’ Jħabbat (2014), tal-ġabra ta’ novelli L-Aħħar Majnata (2016) u tar-rumanzett L-Appartament Numru Tmienja (2018). Bertram Portelli huwa l-awtur tal-ktieb tal-attivitajiet Jerġgħu Jsiru Tfal (2013) mibni fuq l-istejjer Darbtejn Insiru Tfal ta’ Charles Casha u koawtur tal-ktieb tal-attivitajiet mibni fuq il-ktieb Il-Każ Kważi Kollu tal-Aħwa DeMolizz ta’ Clare Azzopardi (2014). Huwa wkoll l-editur taż-żewġ volum tal-ktieb Omm ta’ Bosta Wlied – Minn Birmiftuħ sal-Gudja (2014 u 2018). Żewġ novelli qosra minn tiegħu dehru wkoll fl-antoloġija Għidli Mitejn – Tell Me 200 (2014) Preżentament, Bertram qed jaħdem fuq proġetti oħra ta’ pubblikazzjonijiet.
  • Bertram, ma nistax nibda din l-intervista u ma nsemmix l-aħħar ktieb tiegħek Ċajt ta’ Klassi u Battuti oħra.  Dan hu parti minn sensiela ta’ kotba, irridu ngħidu bi preżentazzjoni ferm sabiħa u li kollha jġibulek tbissima.  Din is-sensiela hija familjari mal-qarrejja ta’ din il-paġna għaliex m’ilux wisq li intervistajt ukoll lil Mark Schembri u tkellimna propju dwar din is-sensiela. Xi jfissru għalik li dawn l-espisodji ħelwin li sabu posthom fi ktieb hekk sabiħ?

Grazzi Omar ta’ din l-intervista. Kif għedt tajjeb inti, dan il-ktieb huwa l-iktar proġett riċenti tiegħi u li ħdimt fuqu matul dawn l-aħħar snin. Irrid qabelxejn nirringrazzja lid-Dar tal-Pubblikazzjoni KITE tal-fiduċja li wrew fija billi afdawni b’dan il-ktieb li kif għedt tajjeb inti, jifforma parti minn sensiela ta’ kotba b’rakkontar ta’ anedotti ħelwin minn diversi sferi tal-ħajja. Bħal kull professjoni oħra, aħna l-għalliema, niltaqgħu ma’ diversi episodji ħelwin waqt il-ħidma tagħna li jnisslu tbissima fuq fommna. Hija opportunità biex il-qarrejja jilmħu dejjem aktar l-aspett uman tal-għalliema tagħna li kultant, sfortunatament, minħabba l-pressjoni dejjem tikber tax-xogħol, kultant ninsewh.

  • Inzertajt li jien għalliem u għal numru ta’ snin ħdimt fi klassi.  Nista’ nirrelata ħafna magħhom.  Però anki l-qarrejja għax kollha kemm aħna studenti.  Kollha dħakna xi ftit jew wisq b’xi ċajta fil-klassi. U nazzarda ngħid li wkoll ħfirna meta ġenwinament xi għalliem żbalja ftit.  Bejnietna, li l-għalliem jinsa t-toaster, ġrat lili wkoll. Fost l-aneddoti ħelwin oħra f’dan il-ktieb insibu tal-istudent li jsaqsi għalliem fartas parir dwar xagħru, l-għalliem li jitfixkel student ma’ ieħor u f’jum il-ġenituri jfaħħar student li qatt ma jagħmel xogħlu.  X’wasslek biex tiġbor dawn l-aneddoti u x-xogħol kien jinvolvi?

Kienet dejjem xewqa tiegħi li xi darba nagħmel damma simili għal din. Matul is-snin, minbarra d-diversi episodji ħelwin li għaddejt minnhom jien bħala għalliem, kienu wkoll diversi għalliema u edukaturi oħra li waqt xi diskursata informali, konna nirrakkuntaw bejnietna xi wħud minn dawn l-episodji li ejjew ngħiduha kif inhi… illum li nħarsu lejhom bħala avvenimenti passati, nidħqu, iżda xi kultant ikunu episodji li dak il-ħin iġibuk f’sitwazzjonijiet xi ftit jew wisq strambi dwar kif għandek taġixxi. Niftakarni li fuq pitazz li kont inġorr miegħi fil-basket tax-xogħol, kont inniżżel xi episodji li kont ngħaddi minnhom jien li kienu jnissluli tbissima. Aktar tard, ġietni l-idea li niġbor aneddoti simili mingħand edukaturi differenti u ndommhom f’pubblikazzjoni. Ħsibt u rajt li tali pubblikazzjoni toqgħod tajjeb ħafna fis-sensiela li qed tipproduċi KITE matul dawn l-aħħar snin u minn madwar sentejn ilu lil hawn bdiet ħidma sħiħa biex illum jista’ jkollna f’idejna dan il-ktieb. Il-proċess, minbarra diversi laqgħat mal-pubblikatur, kien jinvolvi wkoll, fost oħrajn, il-kuntatt ma’ persuni u personalitajiet differenti biex tinġabar din id-damma. Ir-rakkonti kienu jitwasslu lili bil-fomm jew inkella bil-kitba, xi kultant anki f’punti żgħar. Imbagħad, min-naħa tiegħi kont nikteb dawn l-aneddoti biex fl-aħħar mill-aħħar, ir-rakkonti jkunu kollha uniti. Dan il-proċess kien jinvolvi wkoll l-editjar biex jintgħażlu l-aktar rakkonti xierqa. M’għandniex xi ngħidu li ċ-ċirasa fuq il-kejk huma l-karikaturi li jagħnu lil din il-pubblikazzjoni, xogħol il-bravu Mark Schembri.

  • Tippermettili forsi nieħu l-okkażjoni biex nirringrazja minn qalbi lill-għalliema għax-xogħol siewi tagħhom. 

Ningħaqad miegħek jien ukoll Omar f’dan ir-ringrazzjament lil tant għalliema li minkejja li kultant ma jirċevux l-apprezzament li jixirqilhom, ikomplu jaħdmu bla heda għall-ġid tal-istudenti. Niftakru li l-għalliema huma indispensabbli fil-formazzjoni ta’ wliedna. Ejjew napprezzaw aktar xogħolhom.

  • Iż-żgħażagħ  huma ferm għal qalbek.  Fil-fatt fir-rumanz Il-Polz li Baqa’ Jħabbat inti semmejt l-atmosfera u t-taħdit fil-canteen tal-università, it-taħdit permezz tal-kompjuter u l-“ħoss tal-popup” il-mowbajl, l-assignments, l-entużjażmu u l-eċċitament meta jiltaqa’ ma’ tfajla ġdida u l-atmosfera tat-Tnejn wara tmiem il-ġimgħa, fost oħrajn. Dawn huma kollha xhieda ta’ kemm dan ir-rumanz ħareġ minn pinna żagħżugħa. Tidher kemm tifhem liż-żgħażagħ ukoll.  X’tgħidilna dwar dan?

Iż-żgħażagħ mhumiex biss il-futur tas-soċjetà tagħna, iżda huma wkoll il-preżent. Il-ħidma tiegħi ta’ kuljum mal-adolexxenti u ż-żgħażagħ tgħinni napprezza aktar il-potenzjal kbir li għandhom. Barra minn hekk, Il-Polz Li Baqa’ Jħabbat li kien l-ewwel xogħol letterarju tiegħi, kien lest mill-kitba sħiħa tiegħu meta kelli 24 sena u allura kont għadni kemm temmejt l-esperjenza Universitarja, fejn huwa ambjentat il-parti l-kbira tar-rumanz. Nista’ nistqarr li l-udjenza li l-aktar inħobb nikteb għaliha, hija l-udjenza żagħżugħa. Barra minn hekk ħafna mill-karattri tal-kitba tiegħi huma karattri żgħażagħ. Mal-udjenza żagħżugħa nħoss li nista’ nesperimenta aktar bil-kitba tiegħi għax nista’ mmur anki lil hinn minn dak li huwa konvenzjonali. Bi pjaċir ngħid li Il-Polz Li Baqa’ Jħabbat, intlaqa’ tajjeb ħafna tant li f’dawn il-ġranet għadha kemm ġiet stampata t-tielet edizzjoni tiegħu u minkejja li mill-ewwel edizzjoni tiegħu kelli kitbiet oħra ppubblikati, dan ir-rumanz baqa’ l-aktar imfittex mill-qarrejja. Nistqarr miegħek ukoll li fost il-kitbiet tiegħi, dan ir-rumanz, forsi anki għax kien l-ewwel xogħol tiegħi, jibqa’ l-aktar marbut ma’ qalbi u l-aktar wieħed li fih wieħed jista’ jħoss il-polz – jekk tippermettili nuża parti mill-isem stess – tiegħi bħala awtur. Min jaqra Il-Polz Li Baqa’ Jħabbat, jista’ jifhem aħjar fejn tħabbat qalb Bertram.

  • Li jolqotni fil-kitba tiegħek Bertram iżda huwa li minkejja dan l-aspett inqas impenjattiv bħalma huma ċ-ċajt fil-klassi u l-ħajja żagħżugħa, inti wkoll persuna riflessiva. Sa minn dan l-ewwel ktieb tiegħek Il-Polz li Baqa’ Jħabbat inti wrejt li kapaċi tidħol fil-profond.  Ngħidu aħna nsibu l-karattru ta’ Gabriel fejn minbarra l-problemi tal-istudju, jiżdied ukoll il-mard. Meta nħabbtu wiċċna mar-realtà kiefra ta’ mard, bħall-kanċer, psikoloġikament nitfarrku u  niġu wiċċ imb wiċċ mal-mewt. U mbagħad forsi l-bniedem jistaqsi, għaliex it-tbatija u għaliex jien?  Xtaqtek tgħid xi ħaġa dwar dan l-aspett.  

Kull min jafni Omar, jaf li jiena bniedem ċajtier u li ċ-ċajt nieklu bħall-ħobż. Iżda mbagħad jiena wkoll bniedem li naħseb ħafna… kultant iżżejjed. Nara lili nnifsi bħala persuna sensittiva li l-ħajja tiegħi u dak li nosserva madwari jwassalni biex naħseb u nidħol fil-profond. Ma nafx nieqaf biss fuq dak li jidher minn barra, iżda nidħol fil-profond tas-sitwazzjonijiet li nsib ruħi fihom jew li nara madwari. Xi kultant tbati ħafna meta tkun persuna ta’ dan it-tip, iżda fl-istess waqt ma tkunx tista’ timmaġina lilek innifsek mod ieħor. Il-ħajja tista’ tidher sabiħa u assurda fl-istess waqt. Niftakar f’dak li kien jgħid il-filosfu Grieg Sokrate, li l-ħajja mhix eżaminata, mhix ta’ min jgħixha. Minbarra li naħseb u nirrifletti ħafna, din ir-riflessjoni nwaħħadha mal-kitba tiegħi biex inwassal lill-qarrej ħalli hu wkoll jaħseb u jirrifletti. Kull sitwazzjoni rrakkuntata fil-kitbiet tiegħi, mhix biss ġrajja ta’ qari għall-gost, iżda spunt ta’ riflessjoni. Inħoss li sfortunatament, illum il-ġurnata, qegħdin ngħixu f’soċjetà fejn l-empatija mhix fuq quddiem tal-aġenda ta’ ħajjitna u nweġġa’ meta niltaqa’ ma’ nies li l-aqwa li jkunu sewwa huma mingħajr ma jimpurtahom mill-weġgħat u t-tbatijiet ta’ ħaddieħor. Nixtieq ukoll li bil-kitba tiegħi noħloq aktar kuxjenza fuq realtajiet soċjali differenti, bit-tama li nnissel ftit aktar empatija fil-qalb ta’ min jiltaqa’ mal-kitba tiegħi.

  • Tara rabta bejn l-umoriżmu u t-tbissima u l-profondità tal-ħajja: it-tbissima bħala parti minn filosofija li tagħti risposta għal tant problemi tal-ħajja? 

It-tbissima hija l-mediċina ta’ ruħna. Mingħajr tbissim u mumenti ferrieħa, il-mumenti diffiċli ta’ ħajjitna jidhru aktar diffiċli u iebsa. Dan jgħodd b’mod speċjali għal min jidħol fil-profondità tal-ħajja u għalhekk nara rabta kbira bejn l-umoriżmu u l-profondità tal-ħajja. Ħafna drabi, min minn barra jkun jidher li moħħu biss fiċ-ċajt, ikun l-aktar persuna li tidħol fil-profond tal-ħajja. B’ebda mod mhu qed ngħid li l-ħajja fiha biss imrar, altru li le. Allaħares! Iżda t-tbissim u l-umoriżmu jagħti dejjem togħma itjeb lill-esperjenzi ta’ ħajjitna u huma bħal duwa mill-aktar effettiva għal min ikun għaddej minn mumenti ta’ dlam. Għalhekk meta quddiemna naraw biss sħab iswed, għandna dejjem nagħmlu kuraġġ, nafdaw f’Alla u nimxu ’l quddiem. Wara l-lejl, dejjem jisbaħ jum ġdid u bi tbissima fuq fommna nagħmlu l-jum isbaħ għalina u għal dawk li niltaqgħu magħhom.

  • Qed nitkellmu dwar il-valuri fundamentali tal-bniedem, però fil-bniedem dawn jieħdu bixra materjali biex ngħid hekk u huma importantissimi.  Meta wieħed jagħraf għeruqu u minn fejn tnissel, jasal biex japprezza aħjar dak kollu li għandu u dak li wiret mingħand l-antenati tiegħu. Inti naf li tgħożż ħafna għal qalbek il-Gudja, raħal twelidek, u anki l-Madonna li hija l-patruna ta’ pajjiżek.  Xtaqt naqbadlek ftit fuq dawn l-aspetti fid-dawl taż-żewġ volumi tal-pubblikazzjoni li inti editur tagħhom Omm ta’ Bosta Wlied.  Qabel xejn, x’tifsira tara f’Marija fid-dawl tal-kuntest Malti b’mod ġenerali?  Nafu kemm Malta hawn devozzjoni kbira lejn il-Madonna, naturalment mhux fil-Gudja biss.  Kif tħares lejha din id-devozzjoni lejn Ommna Marija? 

Dak li aħna llum, kemm fuq livell individwali, kemm fuq livell lokali u anki fuq livell nazzjonali, hwma riżultat ta’ dak li writna mingħand ta’ qabilna. M’għandniex xi ngħidu li ma’ dan il-wirt jintgħaġnu l-esperjenzi li tkun għaddej minnhom f’ħajtek. Iżda nemmen li jkun għajb għal dik il-persuna, lokal jew pajjiż li biex jidher modern jew differenti, jarmi dak li jkun wiret mingħand il-ġenerazzjonijiet li għexu qabilna. L-iskop tal-volumi ta’ Omm ta’ Bosta Wlied huwa propju dak ta’ kuxjentizzazzjoni ta’ dak li sawwar lil raħal twelidi l-Gudja. Il-fatt li huwa magħmul minn artikli differenti narah bħala ktieb li jagħti leħħiet ta’ dawl fuq aspetti storiċi, artistiċi u soċjali li sawruna f’dak li aħna llum.

Bħal nazzjon, Marija dejjem kellha sehem ċentrali fil-ħajja tal-Maltin. Biżżejjed nagħtu ħarsa lejn l-ammont ta’ knejjes, kappelli, toroq u ismijiet li huma marbuta ma’ din il-figura tant għażiża għalina l-Maltin. Bħala nazzjon nemmen li dejjem tajna importanza lill-figura tal-Omm. Il-figura tal-mara l-ħoxna taż-żmien preistoriku diġà tagħtina ħjiel tal-importanza li bħala poplu dejjem tajna lill-maternità. Dan fehmu wkoll ċar il-poeta nazzjonali li fl-Innu Malti – għalkemm mhux biss – jirreferi għal Malta bħala omm. F’dan il-kuntest tal-importanza li nagħtu aħna bħala Maltin lill-omm, inħoss li Marija hija figura ċentrali għalina bħala poplu tant li wkoll insibu diversi avvenimenti storiċi li għal min jemmen, seħħew providenzjalment f’festi Marjani. Insemmu fost oħrajn il-ġrajja tal-Konvoj li baqa’ magħruf bħala l-Konvoj ta’ Santa Marija u l-ġrajjiet storiċi ta’ pajjiżna marbutin ma’ jum it-twelid ta’ Marija fit-tmienja ta’ Settembru. Xhieda ta’ din l-imħabba lejn Marija hija żgur id-devozzjoni li tidher f’jum id-Duluri. Oliver Friggieri jiddeskrivi l-purċissjoni b’Marija Addolarata b’mod mill-aqwa: L-Akbar Mass Meeting u hekk hu, għax Marija tiġbor warajha lill-poplu mingħajr distinzjoni.

  • Fil-ktieb inti xtaqt titfa’ dawl fuq dak li missirijietna ħadu ħsieb, fi kliemek “ixettlu u jkabbru f’siġra li tat il-frott li qed ingawdu aħna llum”.  Inti għalhekk tħares lejn l-istorja, l-arti u l-arkitettura f’dan il-ktieb, u anki l-komunità b’mod ġenerali.  Kemm huma importanti li minkejja l-progress nibqgħu ngħożżu dak li ħallewlna missirijietna?

Min jipprova b’mod dirett jew indirett inessi jew iwarrab il-valuri u l-wirt li rċevejna mingħand ta’ qabilna, ikun qiegħed jiżra żerriegħa perikoluża li bħal dudu ċkejken jibda jnawwar l-identità tagħna, jiġifieri dak li jsawwarna. Għalhekk, filwaqt li ma nistgħux neħlu fil-passat u rridu naġġornaw mar-realtajiet tal-lum, dan ma jistax isir għad-detriment ta’ dak li writna u li tant ħadmu għalih missirijietna.

  • Aspett ieħor li inti trattajt u użajt il-ħiliet artistiċi tiegħek biex tesplora huwa l-paranormal.  L-appartament numru tmienja, x’hemm stramb fih? 

Dan kien ġeneru li esperimentajt bih riċentament. Il-paranormal huwa minnu nnifsu għerq ta’ misteru, dak li ma nafux jew li ma nistgħux nifhmu. Kull bniedem jesperjenza f’ħajtu esperjenzi li mhux kapaċi jagħti tweġiba għalihom bħal ċirkustanzi diffiċli li jsib ruħu fihom ħabta u sabta. F’L-Appartament Numru Tmienja ħsibt li nipprova nesperimenta b’kitba li minnha nnifisha tqanqal interess. F’dan l-appartament iseħħu ħwejjeġ li wieħed mhux la kemm jispjegahom malajr u n-numru tmienja lanqas ma hu magħżul kif ġie ġie. Imma mhux se nagħti wisq dettalji biex ma nħassar ir-rakkont lil ħadd.

  • Bertram inti esperimentajt mhux biss b’ġeneri differenti ta’ kitba imma anki bi stili.  Għandek rumanzi imma għandek ukoll novelli, ngħidu aħna L-Aħħar Majnata.  Hemm xi stil li tippreferih iktar mill-oħrajn?

Il-kitba tar-rumanz u l-kitba ta’ novelli jiftħulek żewġ toroq differenti ’l fejn timraħ. F’kitba ta’ rumanz, bl-isfidi kbar tiegħu, għandek opportunità li tesplora fil-fond is-suġġett jew it-tema li tkun qed tikteb dwarha. Min-naħa l-oħra, il-kitba ta’ novella għandha wkoll l-isfidi tagħha għaliex għandek l-opportunità li twassal ġrajja sħiħa u kompleta b’mod konċiż u b’mod li fi ftit paġni trid iddaħħal lill-qarrej f’realtà li filwaqt li taf li mhix se ttul wisq, trid tkun opportunità biex il-qarrej jidħol sewwa fil-ġrajja u jesperjenzaha.

Minkejja dan kollu, ikolli nistqarr li nħoss aktar ġibda lejn il-kitba ta’ rumanz, u b’mod speċjali lejn rumanz b’lenti soċjali u psikoloġika.

  • Għandek xi proġetti maħsubin?

Hemm hemm proġetti fil-ħsieb… il-ħin huwa l-akbar problema minħabba diversi impenji oħra f’ħajti. Iżda l-aktar proġett qrib li diġà beda jinħema huwa rumanz ġdid b’laqta soċjali li jittratta esperjenza ta’ ħbiberija kbira u sinċiera, tista’ tqisha ta’ aħwa li però tkun se tisfaxxa fix-xejn minħabba l-għira u l-ħażen ta’ persuna oħra. Hija ġrajja li għandha twassal lill-qarrejja biex jaħsbu u jirriflettu fuq il-kruha tal-għira u kemm persuna waħda kapaċi tnissel ħsara sempliċiment għax donnu jkun il-gost tagħha li tkisser lil ħaddieħor. Minkejja dan kollu, tul il-ġrajja se naraw kif il-qawwa tat-tajjeb dejjem tirbaħ fuq il-ħażin. Din nemminha ħafna… avolja kultant naraw il-ħażen madwarna li donnu jkun qed jiblagħna, fl-aħħar mill-aħħar, it-tajjeb dejjem joħroġ rebbieħ. Inħalli f’idejn il-qarrejja biex aktar tard ikollhom iċ-ċans li jiskopru din il-ġrajja. Għandi proġetti oħra f’moħħi, iżda dejjem nimxu pass pass.

  • Fl-aħħar nett:  il-qarrejja ta’ din il-paġna kif jistgħu jsegwu x-xogħlijiet tiegħek?

Qabel xejn, Omar, nixtieq nirringrazzja minn qalbi lil dawk il-qarrejja li jsegwu u japprezzaw ix-xogħlijiet tiegħi. Is-sapport tagħhom jimlieni bil-kuraġġ biex inkompli miexi b’aktar kitbiet. Grazzi immens. Dawk il-qarrejja li jixtiequ jibqgħu aġġornati dwar ix-xogħlijiet tiegħi, jistgħu jsegwu l-paġna tiegħi ta’ Facebook Bertram Portelli – Awtur u hemmhekk isibu aġġornamenti kontinwi dwar il-kitbiet tiegħi.


Leave a Comment