jinkludi Storja tas-Sultan Ċiru Meħuda mir-Rollin Addattament mill-Franċiż ta’ Mikiel Anton Vassalli
Bi studju, miġbur u mwassal għalina b’ortografija tal-lum min Ivan Said
Pubblikazzjoni: Horizons
Huwa ta’ pjaċir għalija li fil-bidu ta’ sena ġdida nippreżenta għalikom ktieb bħal dan. Smajna ħafna dwar Vassalli, xi wħud minna forsi mil-lenti soċjo politika u oħrajn dwar l-aspett lingwistiku. Mikiel Anton Vassalli huwa meqjus bħala ħassieb kbir kif ukoll wieħed minn tal-ewwel li kiteb bil-Malti. Mhux ta’ b’xejn li dan il-poplu maħkum mill-barrani, li dejjem serva popli oħra, għaraf f’Vassalli bħala patrijott mhux biss għax kien wieħed mill-Maltin li spikka għall-għerf tiegħu imma saħansitra wkoll iddefenda bi sħiħ ilsien pajjiżna. Permezz tal-kitbiet tegħu, Vassalli poġġa lsien pajjiżna fuq il-livell ta’ ilsna barranin, fejn ma baqax biss il-mezz ta’ komunikazzjoni tal-popolin imma għaraf is-siwi wkoll ta’ dan l-ilsien fil-letteratura kif insibu f’dan il-ktieb.
X’inhi l-importanza ta’ dan il-ktieb? Storja tas-Sultan Ċiru rat l-ewwel tbigħ tagħha fl-1831 imma Said qed jippreżentahielna bl-ortografija tal-lum. Nifakru li sa dak iż-żmien ma kellniex regoli stabbiliti kif nifhmu llum dwar l-ortografija u kif għandu jinkiteb l-ilsien Malti. L-akkademja tal-Malti (hu għalhekk qed nagħtiha rikonoxximent f’dan l-artiklu) ħadmet qatigħ biex dan beda jseħħ. Vassalli ħadem biex jara b’liema vokabolarju ser jinqeda. Juża fost oħrajn iċ-ċirkumfless fil-każ ta’ vokali dittongalizzata u y minflok i (dwar dan naraw aktar’il quddiem). Fil-qosor, f’dan il-ktieb ser naraw dan l-iżvilupp interessanti fl-Ilsien Malti li anke jekk ma tkunx midħla tal-lingwistika ċertament tapprezza dan il-fatt interessanti. Ovvjament imbagħad għadna l-istorja fiha nfisha, li nistgħu naqrawha grazzi għax-xogħol siwi li għamel Ivan Said.
F’din l-istorja naraw rabta mal-ħidma ta’ Vassalli fosthom dik politika. Vassalli huwa sinonimu mal-ħelsien ta’ pajjiżna bħalma l-poplu Lhudi ried ħelsien mill-Babiloniżi. Kif nafu, Vassalli ħallas prezz qares għall-oppożizzjoni li wera kontra l-ħakma barranija li oppressat lill-Maltin. Wara li nqabad bi pjan kontra l-Gran Mastru kienu qatgħuhielu għall-mewt imma minflok qafluh għal għomru fil-Forti Ricasoli. Ħbiebu ħarrbuh lejn Salerno iżda reġa ġie Malti mal-miġja tal-Franċiżi. Din iżda kienet qasira ħafna għaliex meta l-Franċiżi ġew megħluba, fi żmien l-Imblokk spiċċa arrestat għal darb’oħra mill-Maltin u l-Portugiżi bħala spjun tal-Franċiżi. Kien għalhekk li fl-1800 ġie kkundannat għal għomru fl-eżilju (xiv). Wara l-eżilju rritorna Malta fqir u għajjien. Għaldaqstant dan huwa punt ieħor ta’ importanza illi joħroġ minn dan il-ktieb, għaliex jinqeda b’din l-istorja biex iwassal il-ħsieb politiku tiegħu. Napprezzaw il-fatt li Vassalli jagħraf is-saħħa li kellha l-kitba u anke li jinforma, għaliex poplu infurmat biss jista’ jagħmel bidla soċjali. Dan naturalment f’kunrast mal-kolonjatur li fl-interess tiegħu li jżomm il-poplu injorant u aljenat sabiex iżommu maħkum u oppressat.
Xi nsibu f’dan il-ktieb?
Nifhmu li l-introduzzjoni ta’ dan il-ktieb hija importanti daqs l-istess traduzzjoni tas-sultan Ċiru. Għaldaqstant Said jagħtina fil-bidu xi dati impotani fil-ħajja ta’ Vassalli li wasslu għat-tbigħ ta’ Storja tas-Sultan Ċiru.
Imbagħad il-ktieb ikompli hekk:
- L-istorja ta’ Ċiru fil-qosor (Lxii).
- Dehra tal-ewwel paġna u l-werrej tal-pubblikazzjoni tal-1831 (lxv)
- L-istorja kif miktuba bl-ortografija tal-lum imma bit-test oriġinali biswit tagħha (p.1)
- Traduzzjoni gall-Malti tas-siltiet Bibliċi bil-Latin (p.125).
- L-istorja Biblika tal-Poplu Lhudi bejn l-970-332 QK, għaliex din tagħtina sfont għal din l-istorja ta’ Ċiru (p.137).
- Bibljografija (p.141)
- Indiċi tal-ismijiet tal-Persuni u l-Personaġġi (p.147).
Min kien Vassalli?
Qed inwassal għalikom Informazzjoni mis-sit tal-Akkademja tal-Malti dwar dan il-bniedem kbir li jitqies bħala traduttur Malti (https://akkademjatalmalti.org/bijografiji/mikiel-anton-vassalli/).
“Vassalli twieled Ħaż-Żebbuġ fil-5 ta’ Marzu 1764 fi żmien meta bosta ma kinux jirfsu l-għatba tal-iskola u kienu jibqgħu ħajjithom kollha sajmin mit-tagħlim tal-qari u tal-kitba. Vassalli nnifsu jgħid li qabel kellu 17-il sena ma kien jaf bl-ebda lsien barrani imma nafu li ta’ 19-il sena kien idur l-irħula biex jiġbor il-qwiel. Min jaf kemm-il darba kien waqaf jitħaddet mal-bdiewa u mar-ragħajja u jistaqsihom x’riedu jfissru bil-qawl li jkun semagħhom jgħidu, jew min jaf kemm ħabbat bibien ta’ nies tas-sengħa biex jistaqsihom xi jsejħu kull parti tal-għodda tagħhom.
Fl-imgħoddi l-qassisin Maltin li kienu jitħajru jmorru għall-missjoni l-Afrika ta’ Fuq, kienu jistgħu jitgħallmu l-Għarbi fi skola apposta hawn Malta. Mikiel Anton studja l-Għarbi fl-Iskola tal-Propoganda Fide fil-Belt u ta’ 21 sena rebaħ premju u bil-għajnuna ta’ patrimonju sagru Vassalli mar Ruma biex ikompli jistudja għal qassis. Hemmhekk huwa għallem l-ilsien Siro-Kaldajk fl-Università La Sapienza.
Il-Malti kien jinteressah mhux biss kif kien mibni imma wkoll bħala għodda f’idejn in-nies biex jitgħallmu kulma jinħtieġu biha. Vassalli fehem li jekk isib tarf kif il-Malti jiktbu tajjeb, ikun jista’ jistampa kotba sħaħ bih, u fuq is-suġġetti differenti. Għalhekk qatta’ żgħożitu jistinka biex jibni r-regoli tal-Malti, u meta sab tarfhom ippubblikaAlfabet Malti Mfysser byl Malti u bit-Taljan (1790), il-grammatika Mylsen Phoenico-Punicum (1791) u dizzjunarju ta’ tmintax-il elf kelma Ktyb yl Klym Malti Mfysser byl-Latin u byt-Taljan. Dawn il-kotba ppubblikahom minn butu.
Waħda mill-akbar skoperti li kien għamel kienet il-preżenza tal-għerq fil-kliem Malti. Vassalli sab li kelma tista’ tlissinha differenti imma l-ittri tal-għerq ma tibdilhomx fil-kitba. Ngħidu aħna, għalkemm inlissnu “miktup”, “kitep” u “ktiep” irridu niktbu “miktub”, “kiteb” u “ktieb” għax l-għerq hu K-T-B.
Skont Vassalli, l-isbaħ Malti kien jinstema’ f’fomm ir-raħlin. Ir-raħlin ta’ żmienu kienu jinqdew b’Malti safi, mhux bħan-nies tal-Belt u tal-Kottonera li kienu jħalltu l-Malti bi kliem Taljan. Vassalli maqdar lil dawk l-ommijiet li kienu jkellmu lil uliedhom bit-Taljan, kemm għax ma kinux jafu t-Taljan tajjeb kif ukoll għax kienu jċaħħdu lit-tfal mill-Malti. Għal Mikiel Anton Vassalli, l-isbaħ djalett kien iż-Żebbuġi, u l-kotba tiegħu bniehom fuq dan id-djalett.”
l-importanza ta’ dan il-ktieb
F’dan il-ktieb insibu li nafu fiż-żgur li l-Erba’ Vanġeli u l-Atti tal-Appostli minbarra Storja tas-Sultan Ċiru. Kontra t-traduzzjoni impekkabbli tal-Erba’ Evanġeli, L-iStorja tas-Sultan Ċiru mhijiex l-aħjar eżempju ta’ traduzzjoni u kif insibu f’dan il-ktieb “fiha la hemm reqqa u lanqas fedelta’ għat-test oriġinali” (xvii). Ovvjament il-valur ta’ dan il-ktieb mhux li naqraw l-istorja tas-Sultan Ċiru bil-Malti imma li napprezzaw dan it-test kif ħareġ mill-pinna ta’ Vassalli.
Il-valur ta’ dan il-ktieb għaldaqstant huwa dan:
- Hawnhekk għandna t-test oriġinali. Il-Malti ma kienx miktub Vassalli skopra l-għerq. Kif jikteb Vassalli? Ovvjament tweġiba għal din il-mistoqsija teħtieġ spjegazzjoni lingwistika li hija aktar infurmata anke minn dak li nista’ nippreżenta jien. Ninnutaw pero’ l-użu tal-y flok i u allura ylli u mhux illi. Imma mbagħad insibu kynu (bil-ġenufless) li llum hija kienu. Ninnutaw l-apostrofu flok sing għall-artiklu, ngħidu aħna L’Assyrjin (l-Assiri).
Il-ktieb jagħmel ukoll osservazzjonijiet oħrajn interessanti dwar l-iżvilupp tal-ilsien Malti matul is-snin kif insibuhom f’dan il-ktieb (lviii).
Ngħidu aħna l-h ta’ Vassalli tinbidel f’ħ u għalhekk illum ngħidu ħejjejtek u hux hejjejtek (p.79. Vassalli ma jiktibx vokali wara l-għ, u għallra għrejjex (p.78) flok għerejjex. Ir-regola li taqa’ l-konsonanti dgħajfa (j, u, w) meta jinzertaw doppj ma kinetx teżisti u allura nsibu rajjsin (p.5) flok rajsin. Interessanti wkoll xi plurali stambi kif diġa aċċennajt għalihom, ngħid aħna klimijiet (p.71) minflok kliem.
- Ninnutaw id-djalett
- Fil-bidu tal-ktieb insibu ħames illustrazzjonijiet ta’ Luigi Broctorf (1814-1857), li dehu fl-ewwel edizzjoni ta’ Description of Malta and Gozo tal-1838 ta’ George Percy Badger. Jidhirli li dawn l-illustrazzjonijiet jgħinnuna nifhmu anke b’mod viżiv Malta ta’ żmien Vassalli.
- Kliem arkajku li m’għadniex nużawh. Eżempju m’akbru (p.20) Illum ngħidu akbar minnu.
Riflessjonijiet oħrajn
L-istudjużi aktar jemmnu li Storja tas-Sultan Ċiru hija adattament milli traduzzjoni u dan minħabba li hemm tnaqqis u żidiet fit-test (xlv). Dan minkejja li għandna evidenza li Vassalli kellu ħakma tajba tal-ilsien Franċiż (eżempju żewġ dokumenti bil-Franċiż dwar il-qoton). Jidher li kontra t-traduzzjoni tal-Vanġelu f’din l-istorja Vassalli ħa ċerta liberta’ li jesprimi bl-ilsien Malti mingħajr ebda xkiel.
Fuq kollox permezz ta’ din l-istorja huwa ried iwassal il-ħsieb politiku tiegħu. (1) Iħeġġeġ għall-għerf u l-edukazzjoni fost il-Maltin biex jinħelsu mill-ktajjen tal-injoranza. (2) Irawwem l-Imħabba lejn l-Ilsien Malti (3) Ikattar il-kuxjenza ta’ Nazzjon u li wara kollox aħna poplu u mhux servi ta’ poplu ieħor.