Awtur: Wayne Farrugia; Pubblikazzjoni: Horizons
Jekk il-bniedem jitfa’ ħarstu fuq baħar kalm, mingħajr mewġ, ma jfissirx li l-maltemp qatt mhu se jħabbat wiċċu miegħu. Minn kmieni l-jum jibda jbexbex iżda fi ħdanu jibda jirrenja ċ-ċpar li jwassal għal konsegwenzi kbar. Il-ħajja ta’ Rose u Mario kienet feliċi fil-bidu li nġibdu lejn xulxin, imma flok ward u żahar kellhom jaffrontaw xewk u mrar sforz iċ-ċirkostanzi li nibtu fir-relazzjoni tagħhom. Hekk kif jisbaħ jum ġdid f’ħajjithom it-tnejn, jibda qajl riesaq dlam li jsewwed il-ferħ f’qalbhom. Min minnhom se jerfa’ l-piż fuq spalltu l-ewwel u jġorr ir-responsabbiltà ta’ għemilu? Jista’ dan id-dlam li feġġ mal-għodwa, jintrebaħ u jsibu s-serenità li kellhom qabel?
Rumanz … u rumanz tajjeb
Sikwit titolbuni xi suġġeriment għal xi rumanz u ċertament li dan mhux ser jiddiżappuntakom. Ir-rumanz jista’ jikkonsisti fi storja a’ mħabba imma b’dan kollu ma jfissirx li jkollna storja mexxejja li tolqot lil xi wħud u daqshekk. Jista’ jkollna ktieb li jkollu dawn l-ingredjenti pero’ jkun hemm storja tajba ħafna, ħsieb warajha, ġġibilna emozzjonijiet differenti u fuq kollox imżewqa b’Malti tajjeb. Dan huwa dak li għamel Wayne Farrugia f’dan ir-rumanz.
Ir-Rumanz jiftaħ bil-protagonista tal-istorja, Mario żagħżugħ mimli saħħa, mibni li jieħu grazzja ma’ din it-tfajla, Rose, tabiba li qed tistudja fil-kors tal-mediċina. Hija tifla unika fil-familja filwaqt li ommha u missierha kontinwament isusu fuqha kemm ma’ min qed tagħmilha kif ukoll fl-istudji tagħha. Dawn iż-żewġ żgħażagħ jiltaqgħu u jieħdu grazzja ma’ xulxin. Jidħol fix-xena karattru ieħor, Tony bniedem makakk, intelliġenti u midħla ta’ Mario li għal dil-ħabta beda jqis il-passi ta’ sieħbu. Beda jxomm li sieħbu kien tbiddel tabilħaqq, ma setax iġarragħha li se jieħu l-istat tiegħu, li wara kollox se jinġabar. U dawn it-tnejn minn ħbieb saru l-ikbar għedewwa. Sadanittant ir-relazzjoni taż-żewġ maħbubin kienet dieħla fil-profond, relazzjoni li tiżvolġi f’waħda intima. Iżda kif jgħid il-Malti: il-ġarra ġejja u sejra fl-aħħar tinkiser! L-indħil tal-kunjata, omm Mario beda jitlef it-tempra lil Rose. Rose spiċċat tqila minnu u mbarrija minn darha wara li tlewmet ma’ missierha bl-ikrah. Spiċċat ta’ fuqha senduqha bla saqaf fuq rasha sa kellha tieqaf mill-kors biex tieħu ħsieb it-tarbija. Mario kien tbiddel mil-lejl għan-nhar u flok beda jgħin lil għarustu beda jagħmel ħwejjeġ mingħul id-dinja.
Għal riflessjoni ta’ dan ir-rumanz, tkellimna mas-Sur Tariċisju Zarb li qasam magħna ftit riflessjonijiet.
In-narrazzjoni
Qabel il-lingwa tibda tissensel, hemm ċans, li aħna nibdew ‘nirrakkuntaw’. Ir-rakkont, huwa parti sħiħa, mill-stess tifsiliet ta’ ħsiebna. Aħna, aħna l-irrakkuntar tagħna nfusna — għal rasna, kif ukoll ma’ ħaddieħor. Il-konverżazzjonijiet intimi għaddejjin il-ħin, u dawn il-konverżazzjonijiet isibu xi tip ta’ tifsila, hekk kif aħna nippruvaw indaħħluhom f’xi tip ta’ skema mentali.
U dan, huwa sewwa sew li jagħmel Wayne Farrugia, l-awtur ta’ dan ir-rumanz — rumanz li jimxi bil-linji tal-bidu, il-kumplikazzjoni u t-tmiem, għalkemm mhux tmiem daqshekk definittiv. Hawnhekk, l-awtur jidħol kexxun fl-istil tan-narrattiva, dik il-fenomenoloġija, li tibni billi tikkumplika, sakemm imbagħad fl-aħħar tħoll kollox, jew kważi kollox. Jgħinu f’din it-tip ta’ narrattività hemm il-ħjut varji li jinbnew permezz tar-relazzjonijiet bejn bnedmin umani, li jgħixu f’ċirkustanzi speċifiċi. Huma dawk it-tipi ta’ ċirkustanzi li l-‘karattri’, jew forsi aħjar ir-rappreżentazzjonijiet ta’ xi tip jew ieħor ta’ qagħda ta’ ruħ, ‘vizzju’ jew ‘virtù’, jiksbu d-definizzjoni tagħhom.
L-‘istorja’, hawnhekk titħiet bil-lingwaġġ tad-djalogu kif ukoll bil-lingwaġġ tar-riflessjonijiet ta’ xeħta filsofika u ħassieba, li fihom niltaqgħu, ma’ ruħ sensittiva ta’ awtur, li filwaqt li jirrakkonta storja ta’ tiħbit bejn u ma’ naħiet differenti ta’ esperjenzjalità, huwa fuq kollox il-‘poeta’, li jagħraf li lil hinn mill-fenomenoloġija kiefra tal-ħajja, li tgħaddik minn frugħ u tlugħ kif jogħġobha, hemm ukoll l-aspett ‘moralistiku’ li għandu jiġi ‘iddikjarat’, jekk mhux b’mod dirett, b’mod inferenzjali.
Il-labirinti li fihom insibu ruħna f’din in-narrattiva huma verosimili, għal ħafna narrattivi oħra li jseħħu f’ħajjet il-bniedem. Huma labirinti, li l-bnedmin isibu ruħhom, min b’mod drammatiku, u min b’mod inqas drammatiku, biex b’hekk jasal għal xi tip ta’ ‘tidwir’, ‘realizzazzjoni’, ‘wasla’, jew addiritura, mixja lura f’dan l-istess labirinti. Hawnhekk, aktarx iva milli le, niltaqgħu ma’ tip ta’ labirintizzazzjoni li twassalna nifhmu u nintuwixxu l-ħajja, bħala li hi magħmula mit-‘tajjeb’ u l-‘ħażin’, l-‘ikrah’ u s-‘sabiħ, li għaddejjin il-ħin kollu jiffruxxjaw f’xulxin, iwasslu biex jiġirħu lil kull min isib ruħu maqbud fihom.
Minkejja l-età tenera tiegħu, l-awtur-żagħżugħ, dan jirnexxilu jintuwixxih, jekk xejn, forsi mhux wisq b’esperjenzjalità vera u propja, fil-ħajja ta’ kuljum, imma wisq aktar, — probabilment — mill-qari ta’ rumanzi oħra, li fihom forzi qawwija ta’ tiġlid u ta’ realizzazzjonijiet varji jseħħu, hekk kif ċirkustanzjalment il-bnedemin jiltaqgħu ma’ xulxin u jittieħdu ċerti deċiżjonijiet — deċiżjonijiet li wħud minnhom ikunu maħsuba, filwaqt li oħrajn, ikunu aċċidentali. L-aċċidentali, madankollu, mhuwiex, ħlief ħaġa oħra ta’ ‘tiħsib’ — dak it-‘tiħsib’, ta’ min, minkejja li ma jkollux konxjożità tiegħu, xorta waħda jkun qiegħed jissuċċiedi.
Dan kollu, l-awtur żagħżugħ jagħmlu b’lingwaġġ mirut min-narrattiva Maltija — lingwaġġ tal-għażla ta’ kliem li jsostni lill-istess narrattiva, kif ukoll aspetti sintattiċi li saru ‘endemiċi’ għal dawn l-istess narrattivi, u li fihom jiġbru lill-istess ‘ruħ’ tar-rumanz. Id-dijalettika, għaldaqstant tinħass għaddejja l-ħin kollu, tħit it-traġedji umani, fejn erwieħ differenti jsiru kemm-il vittmi, kif ukoll it-tiranni, ta’ dawn id-determinaturi li jsibu ruħhom, f’kuntatt magħhom.
Ir-rumanz, huwa miktub b’mod li wieħed faċilment isegwih, u jgħin, għaldaqstant biex wieħed, filwaqt li jaqra storja, li tirreferi għal stejjer oħra, li ħafna drabi niltaqgħu magħha fl-istil tar-rapport, tal-film, tar-rumanz u aspetti artistiċi oħra, tagħtina wkoll dimensjoni, ta’ realtajiet, li llum il-ġurnata, qegħdin isiru aktar dehiera fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Aħna, m’aħniex aħna, imma aħna, aħna n-narrazzjonijiet li ninnarraw. Wayne, uriena aħna min aħna, jew min nistgħu nkunu darba waħda ma nagħrfux nimxi skont parametri li jsostnu dak li huwa sabiħ u tajjeb.
L-awtur
Wayne Farrugia huwa żagħżugħ li qed jipprometti ħafna. Huwa esperimenta bi stili letterarji dfferenti, fosthom il-poeżija. Tant li huwa wkoll kiteb il-lirika tal-kanzunetta ta’ Bernie and Pod li hija għal qalb tant ħafna nies, Ħelwa tal-għaġeb. F’din il-paġna iżda qed nippreżentalkom poeżija ta’ dan l-awtur.
Meta jaqbdek l-għatx:-
Ejja miegħi ħa nimxu flimkien max-xatt
max-xatt fejn donnha tispiċċa d-dinja
waħidna, jien miegħek, jew int miegħi
imsomma jien u int
għax qalbi saret tiegħek
u qalbek sfumat f’tiegħi
u qlubna tħarrku twaħħdu
saru donnhom essri wieħed
– Irridek miegħi ħa nixorbu
mix-xmara ta’ Lete, u int tixrob miegħi
ħa naqtgħu l-għatx flimkien, forsi –
Miegħek biss nixrob
ma nafx hux ix-xarba ilma
inkella semm, imma naf
li miegħek biss nixrob
għax int il-Poeżija tiegħi!