Awtur: Charles Flores; Pubblikazzjoni: Horizons
Jista’ jkun li l-ġenerazzjoni żagħżugħa ta’ kittieba u poeti li ħafna baqgħu jirreferu għalihom bħala “Tas-Snin Sittin” u “tal-Moviment”, illum tinsab fl-istadju fiżiku tat-tielet età, iżda l-biċċa kbira minnhom għadhom attivi u ħabrieka fl-oqmsa varji tagħhom, xejn inqas il-poeżija bil-Malti.
Dawn kienu l-protagonisti fil-bidla kulturali u soċjo-politika tas-Snin Sittin, mewġa żgħira Maltija fit-tsunami kbira dinjija li bidlet għal kollox il-mod kif in-nies tħares lejn ħajjitha u lejn dak kollu li jiġri madwarha, mill-inżul fuq il-qamar eżattament ħamsin sena ilu sal-gwerra u l-kisba ta’ jeddijiet u libertajiet imċaħħda saħansitra matul l-ewwel żewġ diċennji mill-qerda, l-imwiet u t-traġedja umana tat-Tieni Gwerra Dinjija.
Il-poeżija kienet fost il-ġeneri letterarji li l-aktar għaddew minn bidla hekk kif il-kontemporanju, l-innovativ u, kultant, ir-riskjuż u l-esperimentali beda jeħodha mat-tradizzjonali permezz ta’ tematika li ħadet bixra għal kollox differenti. Dan sakemm il-mewġ beda jbatti u l-wiċċ tal-baħar uman reġa’ sab it-trankwillità tant meħtieġa fiċ-ċiklu dejjiemi tal-ġenerazzjonijiet.
Charles Flores jirrifletti dan kollu bil-għażla ta’ poeżiji fil-ktieb ġdid tiegħu “Balluta Blues” li għadu kemm inħareġ fis-suq minn Horizons (www.horizons.com.mt). F’din il-ġabra provokattiva daqskemm hi romantika u intima, Flores jagħmel użu prattiku mill-mogħdija li twassal għas-Seklu 21, fis-sens li għaraf jara jinbtu fih ħsibijiet, tqanqiliet u fehmiet tal-lum bis-saħħa taż-żerriegħa li żera’ matul is-Snin Sittin u Sebgħin u baqa’ jisqiha u jaraha tikber.
Il-kontenut f’“Balluta Blues” huwa l-azzar imdewweb li ħareġ minn forġa li għadha tħammar u tilheġ fuq in-nar tal-ispirazzjoni, lil hinn mid-dħaħen u l-irwejjaħ ristrettivi tal-imgħoddi, biex ingħata l-forma u s-saħħa li ż-żmien biss inissel. Il-messaġġ ta’ Flores mhux tal-bierah, anki jekk sikwit jibkih, iżda tal-lum permezz ta’ versi u lehmiet minsuġin u maħsubin espressament għas-Seklu 21.
L-istil partikolari ta’ Flores huwa wieħed fejn il-vrus jingħataw bixra kożmetika waqtiet kważi teatrali bħal fil-każ tal-poeżija “Kemm nixtieq nemmen vs l-anjostiku”. Hawnhekk għandan vrus li tgħallimna bl-amment permezz tar-reliġjożita’ popolari (fosthom innu tal-Milied) li bħal donnu daħlu f’moħħ vojt f’kuntrast meta l-istess moħħ huwa kritiku, kapaċi jagħrbel u jagħżel.
Jitħasseb mhux ftit dwar kif bl-egoiżmu tal-bniedem qed neqirdu l-ambjent. Dan qed iwassal għal tibdil fil-klima fost oħrajn:
“Bomba tal-ħin.
Ittektek , tredden bla waqfien,
tistenna l-waqt
li fih la tibqa’ int
u lanqas jien” (p.87).
Dan it-tqanqil għall-qerda tal-ambjent jerġa’ joħroġ ukoll fil-poeżija dedikata għal Greta Thunberg (p.98) fejn it-tfal jagħtu lezzjoni lill-kbar.
Flores, il-poeta li jaħseb, il-poeta kritiku huwa wkoll il-poeta li jħoss u jesprimi l-emozzjonijiet tiegħu b’qawwa kbira. Hekk jagħmel fil-poezija “L-aħħar demgħa” miktuba għal kollega tiegħu li tilef lil missieru.
“Dik l-aħħar demgħa, da
li rajt iġġelben ma’ ħaddejk
ħaditni magħha fuq il-vjaġġ
li int u jien għamilna” (p.72)
Ir-riflessjoni tal-poeta hija wkoll waħda eżistenzjali, jagħraf ir-realta’ kiefra ta’ dan il-“Paradoss fuq żewġ saqajn” li fl-aħħar ser nersqu lejn it-tmiem (p.89).
Fil-fehma tiegħi “Tibżax” (p.100) hija l-aktar waħda li tiddeskrvi preċiż il-karattru tal-poeta. Flores huwa dak li ma jibżax jirfes “fuq l-imgħoddi” u lanqas jerfa’ rasu u jħares “’il quddiem” (p.100). Huwa dejjem pożittiv, anke fid-dlam u fl-aħħar mill-aħħar huwa wkoll artist: Bħala artist huwa ħalliem, sensittiv għal dak li qed jiġri madwaru u jesprimi dawn il-ħsus.
“Balluta Blues” huwa mżewwaq b’disinni ta’ Gordon Pace Flores li permezz tal-arti kaligrafika tiegħu, kif qal fid-daħla tiegħu għal din il-ġabra eċċitanti l-kittieb u poeta Victor Fenech, “jagħmel il-ktieb artistiku daqskemm riflessjonist.” Fenech iżid: “Żgur li l-arti kaligrafika ta’ Pace Flores, kultant fil-forma ta’ graffiti, drabi oħra fi żwieġ perfett mal-kontenut, mhux biss iżżejjen imma wkoll tikkumplimenta l-kitbiet ta’ Flores bil-forom u l-kuluri varji tagħha.”
Paġna Letterarja, It-Torċa, 22 ta’ Diċembru 2019