Labirintimi

Dan huwa proġett kollaborattiv u innovattiv bejn Omar Seguna u Jesmond Sharples, żewġ awturi li minkejja d-diverġenżi fi ħsibijiethom żewġu ħafna mill-ħsibijiet u temi li qed jifnu s-soċjetà u `l ħajjitna. Hawnhekk jistiednu lill-qarrejja sabiex jidħlu f’dan il-labrint figurattiv imma imfisser b’mod viżiv fil-binja estetika ta’ din il-kompożizzjoni u jimxu magħhom sabiex jesperjenzaw dawn il-burdati differenti xi wħud mhux dejjem pożittivi imma li fl-aħħar dejjem hemm it-tama. Il-poeżiji għaldaqstant huma bħal mixja waħda b’rabta bejniethom minkejja t-tematika differenti, b’suġġetti u esperjenzi li l-qarrejja wkoll jistgħu jirrelataw magħhom.

Din il-ġabra poetika hija stqarrija dwar wħud mill-problemi li qed jolqtu s-soċjetà Maltija partikularment fejn jidħol l-ambjent u l-governanza tajba u li n-nuqqas tagħha qed inawwar it-tessut tas-soċjetà li fiha ngħixu. Kienet din il-ħtieġa ta’ dikjarazzjoni bla ekwivoku dwar is-soċjetà li fiha qed ngħixu li għenet u stigat in-nisġa ta’ dawn il-poeżiji li nkitbu tul dawn l-aħħar ħames snin u li b’reqqa ntagħżlu dawk li l-awturi dehrilhom li l-iktar qed iwasslu dawn il-messaġġi. L-awturi mhux qed ifittxu li jagħmlu ġabra li fiha jinkludu dak kollu li kitbu, imma ġabra ta’ stqarrija dwar dak li l-iktar qed iħassibhom fil-ħajja li qed ngħixu u l-mod ta’ kif qed tevolvi s-soċjetà Maltija. Dan qed iħasseb ferm lill-awturi u għalhekk qed iħossu l-ħtieġa li jiddokumentaw dan f’din il-ġabra ta’ poeżija.

Din hija ġabra ta’ kitbiet li tirrifletti l-angst tal-awturi dwar fejn sejra d-dinja tal-lum, hija wkoll rakkont tal-mixja mundana ta’ kuljum, ħafna drabi f’labirint li jaf ma jidhirx li għandu tarf minn fejn wieħed jista’ joħroġ, imma f’did-dalma kożmika hemm il-kwiekeb li bid-dawl inemnem tagħhom jaf joffru l-mogħdija minn fejn wieħed jista’ joħroġ minn din in-nisġa ta’ tisrip u tislib, nisġa mfixkla, imma li permezz tal- ποίησις (poiesis), l-arti kreattiva toffri tama li teħles u tifdi u tagħti enerġija u sostenn biex wieħed ikompli jpassi u jterraq fil-labirint li fih ngħixu.

Kienet sfida li tlaqqa’ u żżewweġ il-kitbiet ta’ żewġ awturi f’temi komuni – dan sar f’sessjonijiet ta’ tlaqqigħ u djalogu li wassal fit-tfassil ta’ dan il-proġett – proġett li jispera li jħalli xi tip ta’ impatt fil-ħsieb ta’ min jaqra dawn il-kitbiet poetiċi. X’sa jkun ir-rispons tal-qarrej wieħed ma tantx jista’ jbassar, imma t-tfassil ta’ kif inkitbu u tpoġġew flimkien hu intiż li jixgħel il-moħħ u l-kuxjenza tal-qarrej. L-istqarrija “Jien għami f’labirint dagħmi, kewkba tmexxini, thennini…” turi b’mod ċar u bl-ebda ekwivoku li l-awturi fil-labirinti mudlama tal-ħajja, għandhom dik il-kwejkba li żgħira kemm hi żgħira f’dik it-tisripa u tisliba mdallma toffri dawl u tama, toffri possibbiltà ta’ mogħdija u kalma.

Ir-rwol tal-poeti f’din il-ġabra għalhekk mhuwiex sempliċiment dak ta’ rapporteur dwar dak li qed jaraw madwarhom fosthom l-inġustizzji imma jgħarrxu fihom infushom, it-tensjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum u jesprimu dan b’mod intimu u personali. Waqt li japprofondixxu fil-ġewwieni tagħhom jagħrfu wkoll jagħrblu r-realitajiet soċjali diffiċli umani b’tali mod li jagħmluhom tagħhom. Din il-ġabra għalhekk hija maħkuma minn dan id-dualiżmu: Dak li huwa esterjuri u dak li huwa interjuri, dak li huwa personali u dak li huwa universali

Stilistikament din il-ġabra tirrifletti dawn il-ħsus b’ ritmi flessibli mill-vers tradizzjonali għal vers proġettiv u kollettivament jagħtu dimensjoni spazjali lill-poeżija tagħhom permezz tal-labrint. L-awturi fasslu dawn il-kitbiet poetiċi bħala stqarrija profonda u personali f’xewqa li jixtiequ jibdlu d-dinja ta’ madwarhom. Huma jħossu li bil-pubblikazzjoni li qed jippropronu qed jippruvaw iqanqlu għarfien tal-problemi li qed jolqtu u jifnu lil ħajjitna u s-soċjetà li fiha qed ngħixu. Dawn il-problemi jinkludu fost oħrajn il-qirda tal-ambjent, in-nuqqas ta’ integrità u l-korruzzjoni li qed tħassar u tnawwar is-soċjetà li fiha ngħixu, il-ħtieġa li ngħinu u nissapportjaw lil xulxin, u li nkunu d-dawl li jnemnem u minkejja li jinsab mhedded li jintefa fl-urugani li jaħkmuna minn żmien għall-ieħor, jibqa’ jnemnem għaż-żmien li ġej. L-awturi jixtiequ bis-saħħa ta’ din il-pubblikazzjoni li joffru l-possibbiltà – il-possibbiltà li jagħmlu differenza fil-ħajja, li joffru t-tama tad-dawl wenniesi tal-kwejkbiet inemnmu bla jaqtgħu qalbhom f’labirinti mserrpa u mudlama, li hu vallapena li tibqa’ tpassi u timxi `l quddiem f’din il-ħajja.

Id-diskors poetiku ta’ Seguna u Sharples jimita r-retorika bla siwi tal-perjodu politiku u ekonomiku li din l-antoloġija ħarġet fih. Il-poeżiji sikwit iżarmaw il-lingwa, il-materja prima tagħhom, biex jiksbu awtentiċità bin-negazzjoni ta’ kull asserzjoni jew affermazzjoni verbali li drajna nisimgħu f’dan il-perjodu….Dan l-atteġġjament liriku jwassal għat-tkissir intelliġenti anki tal-konsistenza loġika tad-diskors, raġunament li mill-frammentazzjoni tiegħu jfeġġ impetu konnotattiv ġdid. B’konsegwenza ta’ dan, ħafna mill-versi ta’ Seguna u Sharples mhumiex miktubin biex minnhom tinsilet imqar loġika, iżda biex minnhom titneħħa kull pretensjoni li jista’ qatt ikun hemm diskors veru f’intenzjoni qarrieqa, jew vokabularju sinifikattiv f’ħoss biss. Huwa għalhekk li din l-antoloġija għandha wkoll intimità poetika mar-rebus, mal-ħaġa moħġaġa, mal-logħob (serju) bil-kliem, mal-indovinell, u max-xarada. Dawn il-forom ta’ tbixkil verbali huma parti mil-labirinti li ż-żewġ poeti għażlu li jibnu intimità magħhom ladarba ma jistgħux ħlief jgħammru fihom.

Professur Bernard Micallef