Weġgħat

Awur: Paul P. Borg; Pubblikazzjoni: Horizons

Din il-ġabra ta’ novelli WEĠGĦAT hi t-tielet minn sensiela ta’ ġrajjiet umani wara BEŻGĦAT (1986) u DEMGĦAT (2002).

L-istejjer fil-ġabra l-awtur isejħilhom ġrajjiet umani għax iseħħu madwarna llum bla ma nintebħu b’dak li jkun qiegħed iġarrab il-bniedem.

L-awtur jieqaf jirrifletti quddiem stejjer li jseħħu madwarna aktarx maħluqin mir-relazzjoni universali bejn mara u raġel. Kienet il-karba siekta tal-bniedem fil-ħajja tal-lum li mbuttatu jiktibhom. L-awtur jemmen li kull bniedem jgħix fis-solitudni tal-bejnu u bejn ruħu ukoll qalb ħafna tbissim u folol ta’ nies, imma għandu ħabta kif ifittex il-kenn u l-faraġ tal-weġgħa bħalma tarbija tfittex ħdan ommha f’bikjietha.

U l-bikja, bħat-tbissima, trid issir.

Il-letteratura mbagħad taf kif tikxef dawn is-sentimenti u tperriċhom ma’ kulħadd, waqt li sservi ta’ wens lill-kittieb meta jintebaħ li ma jista’ jagħmel xejn għajr jitħasseb u xi drabi, jibki bit-tama li l-imħabba ssolvi l-weġgħat.

Paul P. Borg kiteb bosta rumanzi bħal “Dal-lejl ġie Alla”, “Bejn mara u qassis”, “Minn fuq għal isfel”, “Għeluq”, “Anna”, u “Ċikku Fenech – Il-qtil, il-ħarba, il-bidwi”.

Jekk wieħed jaqra xogħolijiet oħrajn ta’ dan l-awtur minbarra naturalment Beżgħat u Demgħat jintebah żewġ aspetti ta’ dan l-awtur:

  1.  Il-perspettiva unika tiegħu li jħares lejn is-sitwazzjoni b’mod differenti minn forsi l-kotra.  Għaldaqstant joħloq lok għal diskussjoni.  
  2. Jempatizza mal-batut, ma’ min hu muġugħ u anke d-drammi fittizji tiegħu joffrulna spunt għal riflessjoni.  

Xi waqtiet fit-taħdit juża d-djalett u dan huwa spett sabiħ ħafna tal-istejjer ta’ Borg.  Ngħidu aħna: 

“Ent ukell!”  qallu lit-tfajjal. “Iwa ent ukell?”  (p.40).   Isemmi ħafna postijiet lokali ta’ nteress, Wied il-Mistra (p.329), Wied Għomor, Wied is-Sewda (p.34) u oħrajn.  

L-awtur kellu x-xorti li laħaq għamillu preżentazzjoni għal din il-ġabra Ġuże’ Chetcuti li fost oħrajn osserva:

  • l-Interrogazzjoni rettorika
  • is-Sarkażmu
  • u l-Element Deskrittiv. 

Din hija ġabra ta’ novelli li jirriflettu r-relazzjonijiet umani u l-qagħdiet soċjali fil-ħajja tal-lum.


Leave a Comment