L-ekwivoċita’ ta’ Omar Seguna
Noti ta’ introduzzjoni minn Mario Azzopardi
Fix-xena tal-poeżija fl-iStati Uniti fil-bidu tas-Seklu 21 hemm bosta elementi atomizzati, deċentralizzati għal kollox, tant li l-kritiċi jsibuha bi tqila biex jagħmlu klassifikazzjoni netta.
Iżda hemm diversi kurrenti li donnhom jiddominaw. Hemm dawk li għadhom jixhdu l-wirt li ħallew uħud bħal Walt Whitman, T.S. Eliot, il-Konfessjonalisti, il-Moviment l-Iswed jew il-Beats, li qed jestendu l-lirika tal-introspezzjoni. Kategorija oħra tifforma dik magħrufa bħala “l-kultura tal-versifikazzjoni uffiċjali”, li tagħti sens (anki jekk artifiċjali) tal-ispontanjeta’ u s-sinċerita’ personali. U hemm imbagħad il-moviment tal-“poeżija tal-lingwa”, bl-emfasi tagħha fuq dak li hu non-rappreżentativ li jwassa’, essenzjalment, l-esperimentazzjoni radikali tal-Moderniżmu, imqar jekk ħafna drabi l-effett hu wieħed opak wisq jew, addirittura, kaotiku.
Jekk nieħdu x-xena li tipprevali bħalissa fl-Ingilterra mbagħad, insibu xeħta differenti. Minbarra żvilupp qawwi fil-kitba tan-nisa u dik gay, hemm il-fenomenu tal-poeżija “in performanċe”, li qed tiġbed folol sħaħ. Imma x-xenarju poetiku hu dominat minn dak li qed jissejjaħ moviment poeklettiku, b’emfasi fuq l-individwalita’ tal-istil, il-materja u tonalita’. Fuq quddiem hemm poeti bħal Carol Ann Duffy, Andrew Motion jew Benjamin Zephaniah tar-Rastafanjani, li jikteb ukoll għall-adolexxenti. L-aħħar ktieb tiegħu, Teacher’s Dead, jiffoka fuq il-mewġa ta’ vjolenza terribbli perpetrata miż-żgħażagħ li ħakmet f’dawn l-aħħar snin lill-Ingilterra u jirrakkonta kif żewg studenti adolexxenti joqtlu lill-għalliem tagħhom quddiem il-bini tal-iskola. L-istess sens ta’ perċezzjoni dwar realtajiet kontemporanji jinforma l-poetika ta’ Motion, li jiddikkjara li l-versi tiegħu huma l-prodott tan-naħa tal-moħħ konxja u edukata u n-naħa l-oħra mċafalsa u primittiva. Jikteb dwar ħajjiet interrotti (eżempju l-mewt bikrija t’ommu jew dik ta’ Lady Diana) u jħalli t-tmiem imdendel, mingħajr konklużjoni. Min-naħa tagħha, Duffy, illum il-Poet Laureate tar-Renju Unit, tikteb dwar esperjenzi kwotidjani imma mhux l-ewwel darba li pprovokat kontroversja sħiħa, bħalma ġara fl-2008, meta xogħol tagħha kontra l-vjolenza inftiehem ħażin, kien hemm bosta protesti u kellu jitneħħa mill-kurrikulu.
Dan l-isfond m’huwiex irrelevanti meta tiġi għall-kitbiet ippreżentati f’din l-antoloġija. Mis-Sittinijiet ‘l hawn, il-poeżija Maltija ddakkret minn dik Anglo-Sassona. L-avvent tal-Moviment tas-Sittinijiet illum hu parti mill-istorja letterarja ta’ pajjiżna u l-influwenzi tal-moderni, li tbiegħdu mill-prosodija tradizzjonali Taljana, huma magħrufin biżżejjed. Il-mainstream kontemporanja, kemm tal-poeti veterani ewlenin kif ukoll ta’ dik li l-kritiku Charles Briffa jirreferi għaliha bħala n-Next Generation, għadha xxaqleb lejn resonanzi li jistgħu jkunu ntraċċati lura sas-Sittinjiet.
Omar Seguna m’huwiex ikkwotat bħala awtur prominenti u jinsab maqtugħ miċ-ċentru tal-attivita’ ta’ formazzjonijiet u gruppi li jeżistu bħalissa. Iżda joffri interess imqar minħabba l-ekwivoċita’ tiegħu. Jimxi mhux biss fuq binarji tradizzjonali/moderni simultanji, iżda jesperimenta bi grafoloġija li tespandi fuq fir-rappreżentazzjoni tal-poeżija konkreta u l-vers projettiv.
Il-moderniżmu tiegħu mhux li tiddefinixxih malajr. Hu mbiegħed, ngħidu aħna, mill-kożmopolitaniżmu influwenti ta’ xi T.S. Eliot, tal-Konfessjonalisti Amerikani jew mill-formoli intertestwali tal-post-moderniżmu riċenti. Iżda hemm tendenzi suggestivi ta’ protesta konsonanti mal-bixriet kontemporanji, fosthom l-ingustizzja u d-diskriminazzjoni, marki inkonfondibbli tal-moviment modern.
Seguna jiċħad espliċitament “il-mekkaniżmu tal-Bauhaus” u jippreferi “filosofija realistika, spiritwali u progressista”, termini li jiffurmaw l-istqarrija tal-missjoni tiegħu. Iħaddan ukoll ethos ibbażat fuq twemmin li jagħraf il-jeddijiet tal-mara jew id-dinjita’ tar-reliġjonijiet differenti. Hu sensittiv dwar realtajiet lokali li jħosshom kulħadd, bħall-assurdita’ fl-ispizi astronomiċi ta’ progetti pubbliċi, jew it-taxxi (uffiċjali jew moħbija) imposti fuq iċ-ċittadini ż-żgħar. Iżda dwar dawn ir-realtajiet hemm impotenza kollettiva.
Jattakka wkoll il-konsumiżmu u jikkomponi r-“rap” fejn “kulħadd iqabbel li jrid”. Id-djun fuq id-djar, l-aljenazzjoni ambjentali, l-illitteriżmu, t-tifrik domestiku, l-manipulazzjoni awdjoviżiva u l-allerġija mifruxa kontra l-immigranti klandestini jaqgħu fil-mira tal-awtur, permezz ta’ bċejjeċ satiriċi li m’humiex neqsin mill-impatt. Fl-istess waqt hu konxju minn kemm tista’ tkun irrelevanti l-poeżija f’soċjeta’ li tgħix passivament, “b’muniti skaduti”, “kotba b’paġni vojta” jew “mużika stunata”.
L-esperimentazzjoni grafika f’din l-antoloġija hi punt ta’ referenza li jolqot. L-ewwel tentattivi tal-awtur kienu diġa’ dehru sporadikament fl-ewwel antoloġija tiegħu, Mal-Ħoss Qawwi tar-Ragħad (2001) imma issa daħlet bixra kinetika aktar koreografata u aktar konspikwa. Forsi anki aktar “teatrika”, sal-punt interattiv jew immersiv: hemm strofi inversi li biex taqrahom trid taqleb il-ktieb rasu ‘l isfel u oħrajn li jridu jinqraw f’mera biex jingħarfu.
Bħala estetika, din hi testimonjanza li Seguna qed jagħmel sforzi konxji biex ivarja (anki radikalment) ir-riċetta konvenzjonali li għadha taħkmu fil-biċċa l-kbira tax-xogħlijiet li qed jippreżenta. Kif wera diġa’ fl-ewwel antoloġija tiegħu, Seguna hu nklinat emfatikament lejn xeħta romantika, anki sentimentali. Jiċċelebra ta’ spiss ix-xenqat għall-imħabba, għal relazzjoni stabbli ma’ mara li jħobb u li jibza’ li jista’ jġarrab it-telfa tagħha. Minn dan l-angolu relazzjonali, jinħass tassew in-nuqqas kwazi komplet ta’ kull ħjiel erotiku. Il-maħbuba hi ewlogizzata ta’ spiss izda b’ossessjoni mentali li tinnewtralizza s-sesswalita’ fiżika. Dan ukoll element partikolari f’dan l-awtur, l-aktar meta tqis li f’Malta qed jinkitbu bċejjeċ sensazzjonalisti f’isem il-letteratura pop minn awturi li qed jippużaw tal-“imqarbin”, ħafna drabi għall-pubbliċita’ u biex jixxukkjaw b’mod puwerili.
F’Seguna hemm ukoll il-fedelta’ religjuża, bl-apostrofi tal-ikoni tad-devozzjoni Kristjana, għalkemm jinfiltraw minn waqt għal ieħor hemm anki tendenzi għall-ansjeta’ u l-apprensjoni: f’Babel isejjaħ lil Alla tal-Bibbja, bħal mendikant li jiggranfa mal-fidi għas-sigurta’ u s-salvazzjoni. Jaslu wkoll il-mumenti ta’ turufnament, tal-emarginazzjoni ta’ xi ħadd “li mhux bħall-kotra.” Għall-espressjoni ta’ dawn l-episodji ta’ vulnerabbilta’, Seguna jippreferi l-vers liberu, b’effett aqwa mill-eżerċizzji formali mibnija fuq forom konvenzjonali.
L-aħjar mumenti tiegħu, l-iktar vitali fil-fatt, huma dawk li jitbiegħdu mir-riġidita’ tal-iskemar qadim. U l-aqwa possibiltajiet ta’ dan l-awtur jistgħu jiffertilizzaw ruħhom sewwasew fuq dan il-pjan.
Ħsieb ta’ Mario Attard
Il-pluralita’ fil-versi ta’ Omar Seguna
Ħarsa analitika lejn l-espressjoni sentimentali f’24, Triq Ħad-Dwieli
Ma niskanta xejn jekk Triq Ħad-Dwieli hija biss triq monumentali u li allura min imur jew jgħaddi minn din it-triq ma jistennix li jara xebgħa għenieqed misluta u weraq kbir tad-dielja imma jgħid bejnu u bejn ruħu li xi darba dik l-art li qed iterraq fiha kienu terrqu minfloku l-bdiewa u l-għassara.
Dak li jagħmel poeta huwa kulma josserva li mbagħad kull osservazzjoni jagħmilha tiegħu jew huwa jsir tagħha bl-interpretazzjoni grafika, u waqtiet viżiva wkoll, hekk li ssir il-ġisem konret u l-prodott wara jsir ta’ kulħadd u mhux jispiċċa tturufnat mid-dieher sakemm jgħib daqs li kieku qatt ma kien.
Il-poeta kontemporanju għandu l-għodda li l-poeti tal-imgħoddi ma kellhomx. Dan ma jfissirx li wieħed għandu vantaġġ jew żvantaġġ fuq l-ieħor. F’kull epoka l-kittieba għamlu l-aħjar użu possibli mill-mezzi ta’ żmienhom. Qatt daqs illum il-poeti ma kellhom toroq li jġibuhom wiċċ imb’wiċċ mal-qarrejja u l-istess ħaġa għad jingħad mill-ġenerazzjonijiet ta’ kittieba futuri.
L-informatika fetħet dimensjoni bla qies li permezz tagħha l-kittieb u r-riċevitur jistgħu jikkomunikaw b’mod virtwali mill-insularita’ tal-gżejjer tagħna sa truf l-artijiet tad-dinja. Id f’id mal-informatika l-poeta kontemporanju għandu l-elettronika. Omar Seguna huwa midħla ġmielu f’dawn l-oqsma u l-ewwel antoloġija tiegħu Mal-Ħoss qawwi tar-Ragħad u issa 24, Triq ħad Dwieli huma riżultat konkret ta’ dan. Il-grafika inizjali Bidu u Mappa huma xhieda ta’ din l-influwenza.
Fil-ftuħ tat-tieni ġabra poetika nistħajjel lil Omar Seguna bħall-vapur li daħal u ankra fil-port. It-triq li wasslitu għal din il-qagħda ġabitu wiċċ imb’wiċċ ma’ sfidi li meta jkun għadda kollox, il-ħarsa lura tinterpretahom bħala esperjenzi li għaddew u t-tbatijiet li wieħed ikun ġarrab matul din il-mixja ftit li xejn jibqagħlhom importanza.
Il-preżenza tad-dar tinterpreta sigurta’ u din is-sigurta’ aktar tissaħħaħ meta bejn il-konjugi m’hemmx l-ombra tad-dell li jaħsad l-imħabba, li jaħsad l-għaqda.
F’din id-dar żgħira li bnejna jien u int
ir-rabta bejnietna mhux se tintemm.
Hawn issaltan il-paċi u l-imħabba,
Ngħixu flimkien għal dejjem, bogħod mill-hemm.
(Fl-istess dar)
Din is-sigurta’ tinsab isserraħ fuq it-talba li tikkonsagra d-dar tal-poeta u l-familja tiegħu. Omar Seguna jserraħ il-ħarsien ta’ daru fuq l-Immakulata Kunċizzjoni, patruna ta’ Bormla.
Hija prattiċita’ daqs kemm is-sewwa magħruf li s-soċjeta’ taħbi u tagħti l-impressjoni mqarrqa li din il-kwalita’ ta’ influwenza Nisranija miruta mid-dar tal-ġenituri hija preżenti biss f’moħħ min huwa antikwat. Imma Omar Seguna qed jisfida pubblikament lil dan il-popolariżmu u juri li kulma huwa tajjeb qatt ma jista’ jsir ħażin u l-ħażin qatt ma jista’ jsir tajjeb.
Id-dar tal-poeta hija ħajtu u l-ħajja hija poeżija bħal kull kamra li tifforma d-dar – il-bejta fejn faqsset l-għaqda u l-ferħ fid-dar ta’ ommu u missieru issa tiġġedded f’daru. Dan kollu jikkonferma li dar il-poeta ħażżitha t-trobbija permezz tal-ġenituri tiegħu u mhux il-filosofija tal-Bahaus – skola {ermaniża ta’ wara l-ewwel gwerra dinjija, li esperimentat b’mod radikali fl-oqsma kollha tal-arti u li kienet kostretta tagħlaq minn Hitler fl-1933 mal-qawmien tan-Nażiżmu.
F’Id-dar tagħna Seguna jitbiegħed mill-post-moderniżmu li dan tal-aħħar huwa wkoll kompla jitbiegħed mill-moderniżmu u jserraħ fuq il-filosofija realistika, spiritwali u progressista.
Id-dar tiegħi bħal biċċa arti,
espressjoni tal-artist.
Id-dar tiegħi bħal djarju personali
b’kull paġna rifless tal-ħajja tiegħi.
Omar Seguna jfittex l-istabilita’ f’ħajtu fir-rabta dejjiema ma’ martu u allura wkoll ma’ wliedu.
Jiena u int bħal żewġ wardiet differenti
fi ġnien wieħed u t-tnejn jikbru flimkien.
kif ukoll
Ir-relazzjoni tagħna tkompli tgħix
bħall-gawwi li jibqa’ jtir ukoll fil-maltemp
ngħixu għal dejjem bħal sħab Fabjan
naqsmu l-ħobż flimkiern bħall-ewwel Insara
biex ngħixu flimkien għal dejjem fis-sliem.
(Ir-relazzjoni tagħna – it-tieni parti)
Prova ta’ din l-istabilita’ tkompli tkun ikkonfermata iktar ‘il quddiem fil-poeżija ritratt…ritratt…
Omar Seguna jemmen fis-soċjaliżmu Nisrani li trawmu fih is-segwaċi tal-akbar soċjalista – Ġesu’ Kristu.
Bil-grokk f’idi,
Nixtieq noffri ieħor lil kulħadd.
Mhux biss lil ta’ ġewwa.
Mhux biss lil tal-qalba.
(Fil-Bar)
Il-poeta tagħna huwa bniedem li jemmen fil-kompromess bejn il-Bibbja, il-Koran u t-Torah ( kif insibu f’Nemmen), imma jikkuntrasta l-qtil tal-ħamiema bajda nhar il-11 ta’ Settembru 2011 – avveniment li Seguna jippreżentah bħala l-prologu jew il-bidu tat-tmiem: Bdejna neqirdu din l-art li fuqha aħna lkoll ngħixu.
Dak inhar l-Amerikani (u indirettament il-bqija tad-dinja) daqu u missew dak li ilu s-snin iduq u jmiss il-Lvant Nofsani, fejn minn qalb it-tifrik jinstema’ l-biki li jfakkar lill-poeta fl-għajjat tat-tfal fil-gwerer tad-deżert (11 ta’ Settembru 2011).
Fil-waqt li jibqa’ fuq l-istess binarju li telaq minnu, jiġifieri ngħixu għal dejjem bħal sħab Fabjan, Omar Seguna ma jinnegax id-diffikulta’ li ssib kull tant żmien dik it-tip ta’ ħajja fabjana u li kull darba tkun interrotta. Dan li jrid juri fil-poeżija Gwerer fid-deżert, fejn is-sofferenti jistaqsu fejn hija l-ugwaljanza jew dik mhix għalihom! Mhix għal kulħadd! Imma għada jasal randan li għadu ma giex meta
Għad jgħaddi ż-żmien forsi biex tintebaħ
li ta’ xogħolok inti wkoll is-sid,
li tal-istorja inti wkoll kittieb
u għalik hemm ġejjieni ġdid.
(Randan li għad irid jibda)
F’dawn l-ewwel sebgħa u għoxrin faċċata jinħareġ l-ego naturali ta’ Omar Seguna –mera tat-trobbija li trabba fiha…jemmen fl-imħabba bħala sigurta’ bejn il-konjugi (daqskemm bejn il-bnedmin kollha) imħarsa mis-Sema u jittama fil-kompromess li jwassal lill-popli jifhmu li qed jgħixu f’dinja waħda. Dawn il-prinċipji iktar ‘il quddiem ikomplu jitilgħu f’wiċċ l-ilma f’poeżiji bħal Fil-Paċi u mhux fil-ġlied u L-għadu tal-bniedem. L-għadu tal-bniedem hija l-firda kaġun ta’ miljun ċirkostanza. Seguna jfakkarna li t-telfa li twassal biex tinħoloq il-firda hija riżultat ta’ għamad li jkun jixtieq li qatt ma kien meta sa fl-aħħar il-bniedem jibda jirrealizza li minflok akkwista tilef!
Minn paġna 28 isegwu versi fejn fihom Seguna jindividwalizza l-osservazzjoni billi jarrestaha mhux iktar b’mod koerenti li, kif rajna, għenuh jibni lilu nnifsu gradwalment bħala bniedem unit, jaf xi jrid u jemmen f’dak li jixtieq. Minflok jippreżenta inkoerenza ta’ osservazzjonijiet. Spiid Kameras, Poeżija bil-Vat u …bħal biċċa rap kulħadd iqabbel kif irid huma xhieda ta’ x’irrid infisser mentri, fl-istess ħin, joħorġu t-toqol tal-piż finanzjarju li min jaf kemm iwassal għal tant u tant sentimenti verbali iktar milli grafiċi.
F’Qalb il-konkrit tal-ibliet għall-mistrieħ u Il-ġid ta’ ~ikku l-poplu, Seguna jmiss il-pjaga tal-qerda tar-raba’ mill-ispekulaturi tal-art.
It-trasmissjoni viżiva akkumpanjata bil-grafika bla fil-każ ta’ Viżjoni 2015 tikkombina messaġġ poetiku daqskemm politiku fejn mill-power station sal-akkwist tal-arja mhux imniġġża kemm jista’ jkun, hemm il-misluta fuq kemm se jintlaħaq, fejn it-tieni digit tal-annu ssarrfet fl-emblema li wieħed isib fuq id-daħliet taċ-ċimiterji.
L-informatika għenet lill-kelma globalizzazzjoni tintlaħaq minn kull trejqa għamja u tinqabad anki taħt it-taraġ. Dan it-terminu, u hawn issa nidħol f’wieħed mill-oqsma li jiena speċjalizzajt fih – il-Komunikazzjoni tal-Massa – huwa marbut mal-komunikatur Kanadiż Marshall McLuhan li fl-1962 fil-ktieb tiegħu The Gutenberg Galaxy: The Making of Typographic Man iddeskriva kif il-globu (jiġifieri d-dinja) djieq f’raħal wieħed permezz tat-teknoloġija. Xi darba l-kelma globalizzazzjoni kienet fil-vokabularju tal-komunikaturi biss, Il-lum, anki l-irġiel tal-ħwienet tax-xorb bil-gabjetta taħt apthom semgħu biha (ħalli ma jkunux jafu xi tfisser!).
Imma Omar Seguna joħroġ l-isfida tal-kompjuter li flimkien mal-internet qed jagħmel kontinwament lill-bniedem. F’dinja kkompjuterizzata, l-internet ġab lid-dinja kollha toqgħod f’kamra waħda biss, ukoll iċken minn boxroom. Din hija t-tifsira li nifhmu biha l-kelma globalizzazzjoni. F’dinja globalizzata mhux ittollerat il-bniedem li ma jafx jaqra u ma jafx jikteb. Li persuna sserraħ il-komunikazzjoni tagħha fuq is-smigħ ifisser li hija limitata ħafna. Dan huwa għaliex is-soċjeta’ ta’ żmienna tisħaq fuq it-tagħlim mit-tfulija sal-mewt.
Ma rridx immur skola.
Le ma rridx it-tagħlim.
Aħna rridu biss nilagħbu.
U rridu naħlu l-ħin
(globalizzazzjoni)
Lil din l-osservazzjoni ta’ għalliem, nazzarda nikkonkludiha bi kliem ta’ għalliem ieħor
Li għad irridu nibku.
Mill-bar il-poeta jdaħħalna fil-kamra tal-ikel. Huma appuntu l-versi bl-istess isem li jiftħu din il-laqgħa tiegħu magħna l-qarrejja – Fil-Kamra tal-Ikel. Il-waqt tal-ikel huwa l-ħin li jlaqqa’ lil kulħadd flimkien madwar il-mejda – l-ikel illi jfisser għaqda u ħin biex inkunu flimkien – u hawn nerġa’ nazzarda nżid imqar darba fil-ġimgħa waqt l-ikla tal-Ħadd.
Il-fallibilita’ umana (jew l-iżball) Omar Seguna joħroġha b’mod partikulari f’…eċċ…eċċ… Mhux sewwa li l-bniedem joqgħod iqassat fuq il-ġirien, fuq ħaddieħor. Dan l-iżball huwa komuni fostna l-bnedmin u ninsew x’jgħidilna għerf missirijietna: min jitkaża jaqa’ fil-każa.
…u ngħidlek ukoll
li dil-poeżija ma nafx ktibthiex għalik
jew inkella għalija.
Meta grupp ta’ nies jiltaqgħu flimkien, id-diskors isir ċirasa u l-ħsebijiet jintelqu fi xmara ta’ ilmijiet fosthom tifkiriet b’rabtiet bħal qalb it-twapet ħadranija, qalb l-irtuba tal-ħamrija u l-ġiri fuq ix-xtajta titbewwes mal-ħlejju tal-baħar. Eżempju ta’ din in-nostalġija tinħareġ f’’Tini waqt wieħed biss.
Waqtiet Seguna jintilef fis-simboliżmu tant li l-versi ma jingħarfux mill-proża ħlief għal-libsa li ngħatatilhom. F’moħħi għandi lil Maskra ta’ Mħabba. Imbagħad insibu sentimenti konfużi u inċerti mifruxa ‘l hawn u ‘l hinn partikularment fil-versi Poeżija mfarrka (A-A-B-B).
Il-ġnien huwa l-parti l-oħra tad-dar fejn Omar Seguna jistieden lill-qarrejja tiegħu jidħlu permezz ta’ ġabra ta’ sentimenti. F’din it-taqsima r-romantiċiżmu huwa iżjed evidenti waqtiet b’sentimenti simboliċi li mhux bil-fors iwasslu għall-ftehim tal-messaġġ li jrid iwassal.
Fis-sbuħija tan-Natura, Omar Seguna jara s-sbuħija tal-maħbuba tiegħu (ara Siġra). Imma mhux hekk biss. Il-poeta jindirizza lill-pjanti bħall-filodendron, ġeranju, speidistra. kakti u sukkullenti… Il-poeta jingħaqad mal-elementi tan-natura meta lil dawn isejħilhom pjanti tiegħi li jkellmuh, min bl-ilwien tiegħu, min bil-għana tal-fjuri li jtellgħu, min bil-ġmiel tal-weraq folt, fil-waqt li huma lkoll ikellmuh, Alla wkoll ikellmu permezz tagħhom għax fihom jara kif il-Mulej/ma jinsa lil ħadd/meta jibqa’/jieħu ħsiebhom.
Huwa mezz komuni għall-poeti li jaraw lill-maħbuba tagħhom f’farfett itir u huma jiġru w’rajh mingħajr ma jaqbduh (bħal Jum ieħor flimkien) daqskemm jindirizzaw lill-warda fl-istess waqt li fiha jaraw lill-maħbuba tagħhom.
Hemm l-isbaħ ġmiel, hemm ward bil-bosta iżda
hemm waħda, bħalha ma nsib imkien.
(X’inhi l-Imħabba?)
Lill-imħabba Omar Seguna ma jonqosx milli jiddefiniha f’L-ewwel poeżija li ktibtlek (l-ewwel jum li fih iltqajna):
L-Imħabba mhijiex marbuta mad-dinja;
ma tintemmx u ma tinbidilx maż-żmien.
Iżda din kemm tista’ tkun garanzija jgħidilna fil-ftuħ tal-poeżija Fil-mera:
L-imħabba hi bħal riflessjoni fl-ilma
Li tintilef biċ-ċaqliq u tispiċċa fix-xejn.
Dan kollu jfisser li fil-waqt li l-poeta jemmen fl-imħabba, huwa wkoll konxju mill-fraġilita’ tagħha – xi ħaġa li tbiegħdu mill-ideoloġija u tagħmlu iktar realistiku u spiritwali fl-istess ħin.
Hemm dinja sabiħa rigal tal-ħallieq
Rifless tagħha qalb waħda: int u jien.
(X’ini l-Imħabba?)
Din il-qalb waħda jsaħħaħha fi Flimkien:
Flimkien ippjanajna imħabba li tibqa’
u ma tinbidilx matul iż-żminijiet.
Xi jġiegħel lill-poeta jemmen daqshekk fl-imħabba? X’qiegħed jara fl-imħabba li ġġiegħlu jemmen daqshekk fiha? Insibu r-raġuni fl-istrofa li tiftaħ il-poeżija Aħna warda ġdida:
Bla flus imma b’qalb tajba.
Bla fjuri imma b’messaġġ ta’ mħabba.
Mitluf imma b’sens ta’ direzzjoni.
Jekk inqastek jisgħobbija.
Fl-imħabba titgħallem tgħix.
Titgħallem tirbaħ.
Titgħallem titlef.
Daqs kemm huwa konvint fil-konvinzjoni tiegħu fl-imħabba, daqstant ieħor huwa konvint li hemm Alla jħares l-imħabba tiegħu u tal-maħbuba. Talba lil Alla trodd il-ħajr lil Alla li laqqagħhom it-tnejn flimkien. U jekk tkun ir-rieda tiegħu fil-ġejjieni jkollhom l-ulied u jrabbu familja (naturalment fuq il-prinċipji Nsara). Dan il-ħsieb jimmatura ruħu f’Jum it-Tieġ Tagħna, l-isbaħ jum fil-kalendarju tagħna, id f’id qed inħarsu ‘l quddiem.
Il-ħajja miżżewġa begħditu minn belt twelidu, imma ma ħbithilux:
Mill-gallarija
Nara Bormla, belt twelidi, fil-bogħod.
Issa qed ngħix f’raħal ieħor.
(Fil-gallarija)
Il-poeta semma lil Bormla u hija naturali li jsemmi wkoll lil Marija Immakulata, patruna tal-belt Cospicua – belt imdawra bis-swar għal darba tnejn. Miegħek Marija huma versi indirizzati lill-Immakulata.
Lil Bormla jerġa’ jsemmiha wkoll f’waħda miż-żewġ poeżiji bit-Taljan li nkluda bħala żieda fl-aħħar nett tal-antoloġija tiegħu: Ondata di bombe su Bagdad u Le Scale di Cospicua. Hawnhekk lil Bormla fil-waqt li ħariġha bil-karatteristika tagħha – it-taraġ – jirrferi għaliha bħala terra morta li minnha baqa’ biss it-tifkiriet. Jiena konvint li wara l-messaġġ ta’ din il-poeżija f’Omar Seguna hemm xewqa kbira li Bormla terġa’ tqum fuq saqajha mill-ġdid.
Fl-għeluq Omar Seguna jiddefinixxi l-ħajja bħal ruħ mitlufa, bħal fjura li tidbiel u tmut. Quddiem din id-definizzjoni, il-poeta jistqarr kliem indirrizzat li Alla fil-poeżija Fik biss qalbi tistrieħ:
Fik biss Mulej qalbi tistrieħ
fik ruħi tgħix fis-sliem.
Omar Seguna lill-ktieb, 24, Triq ħad-Dwieli jakkumpanjah ma’ CD awdjo fejn il-kitbiet jistgħu jinstemgħu jinqraw. Dawn kienu rrekordjati fl-istazzjon tar-Radju Kottoner li jxandar fuq 98 FM. Il-qari tal-poeżiji sar minn Dorian Cassar. B’din il-preżentazzjoni doppja, il-poeta jipprovdi opportunita’ lill-qarrej mhux biss bi prodott tradizzjonali, dak li fid-dinja tal-informatika nsejħulu hard copy, xogħol stampat, imma anki bi ktieb elettroniku permezz ta’ CD jew aħjar, e-book.
Omar Seguna jniedi ġabra ta’ poeżija ġdida f’kollaborazzjoni mal-Għaqda Poeti Maltin
Ħsieb ta’ Patrick Sammut
Il-Ħamis, 30 ta’ Ġunju 2011
L-Għada tal-Imnarja 2011
24, Triq Ħad-Dwieli ta’ Omar Seguna, 2011
Din hija t-tieni ġabra ta’ poeżiji tal-poeta żagħżugħ Omar Seguna, wara li fl-2001 kien ippubblika l-ġabra Mal-Ħoss Qawwi tar-Ragħad. 24, Triq Ħad-Dwieli jifrex fuq 111 paġna u jiġbor fih mal-81 poeżija ta’ temi u stili differenti. Il-ktieb għandu wkoll introduzzjoni minn Mario Azzopardi bl-isem ta’ “L-ekwivoċità ta’ Omar Seguna”. Fid-daħla għal din il-ġabra Seguna mill-ewwel jiddikjara l-importanza li se jagħti lit-temi soċjali, fosthom il-gwerra u l-qerda tal-ħajja, filwaqt li jfakkar li fil-poeżija dejjem issib element awtobijografiku. Matul din il-ġabra ta’ poeżiji toħroġ evidenti wkoll ir-rabta ta’ Seguna mad-dinja tat-teknoloġija informatika. Hawnhekk għandna poeta li qed jipproduċi fit-tielet millennju, imma dan ma jfissirx li m’hemmx fil li jorbtu mal-poeżija preċedenti, kemm tal-ewwel kif ukoll tat-tieni nofs tas-seklu 20.
Tematika:
L-imħabba – Fost it-temi ewlenin hemm dik tal-imħabba, mela r-relazzjoni bejn il-‘jien’ u l-‘int’. Issaħħaħ din ir-rabta bejn il-‘jien’ u l-‘int’ attwali hemm ukoll il-Fidi u valuri pożittivi bħalma hija l-ugwaljanza bejn is-sessi. Hemm dak li hu tanġibbli – id-dar, il-ġebla li minnha hija mibnija -, u dak li hu astratt – il-ħolma. Il-ħin kollu taħkem l-idea tal-poeżija li tintrabat mal-ambjent fiżiku u l-ħwejjeġ li jagħmlu parti minnu, mal-istess struttura tad-dar (anki ilbar, il-kitarra, it-“tapit imqatta’”, it-telefon). F’dan l-ispazju tissawwar storja li tifrex bejn żewġ estremitajiet: fuq naħa l-ħolma u fuq l-oħra r-realtà. Jispikkaw versi bħal dawk li naqraw f’Id-Dar Tagħna,
“Kull kamra hi poeżija ġdida,
b’kull rokna bħal vers b’metafora differenti.
Kull ġebla, frott l-għana ta’ saħħet il-ħaddiem
filosofija realistika, spiritwali u progressiva […]
Id-dar tiegħi bħal djarju personali,
b’kull paġna rifless tal-ħajja tiegħi.” (p. 13)
Għall-ewwel il-versi dwar l-imħabba jesprimu sitwazzjoni ideali, imħabba żagħżugħa. Fl-imgħoddi, imma, hemm tifkiriet ta’ biża’, nuqqas ta’ ħelsien, l-infern, il-biki, id-dmugħ. Aktar `il quddiem imbagħad, il-versi tal-‘jien’ u l-‘int’ bħal jakkwistaw ton differenti u jitbiegħdu mill-idealiżmu tal-bidu. Hemm l-għarfien li r-relazzjoni talterna bejn żminijiet ta’ għaqda u oħrajn ikkaratterizzati mill-firda u d-delużjoni, imma xorta l-kelma ewlenija tibqa’ l- “Imħabba”.
Jidħlu hawnhekk il-versi personali, anki ta’ laqta introspettiva, li jservu bħala għajta ta’ wġigħ wara d-delużjoni fl-imħabba (ara Frustrat, Erwieħ Iddisprati u Eżami) jew li jixħtu dawl fuq il- ‘jien’ moħbi.
Il-versi soċjali – Hemm il-versi kontra l-maskri u l-faċċati li nibnu biex nidhru sbieħ soċjalment. Il-poeta hu dak li jħobb ikun ’il bogħod mill-“għajjat tal-folla” u jħoss li spiss dak li jsir isir biss għall-konvenjenza. Iħoss li l-“ħabib ta’ veru” hu dak li jinsab “fil-bogħod”, u dan huwa paradoss (ara Fil-Bar, p. 20). Anki f’Aħna Warda Ġdida Seguna jilgħab bil-paradossi: konfrontatb’dinja fejn “ma ssibx il-kelma ‘Imħabba’”, fejn hemm “logħba soċjali ta’ nuqqas ta’ drittijiet” u fejn taħkem “ġungla tal-konkrit”, huwa jfittex kenn fil-maħbuba tiegħu.
Poeżija ta’ ċerta saħħa hija Nemmen Jien, li hija kontra l-firdiet u l-preġudizzji razzjali, reliġjużi u kontra l-ġlied etniku. Seguna jikteb ukoll kontra kull tip ta’ integraliżmu: Ironikament parti mill-poeżija (ara p. 22) tingħata s-sura ta’ salib.
Il-progress hu f’id min “jaqbeż il-linja” tal-konvenzjoni. F’Ħaddiem Imweġġa’ joħroġ il-kuntrast bejn l-imgħallem paxxut u l-ħaddiem li xerred ħafna għaraq u spiss tgħaffeġ mis-sid. Seguna jispira ruħu mill-iSpiiid Kameras biex jgħidilna li l-folla tinsab fid-dlam, imma jittama li “riħ qawwi/ bla ħniena […] jtajjar lil xi ħadd” u jgħinu “jara d-dawl”. Anki dawn huma versi kontra l-aljenazzjoni li fiha ngħixu ta’ kuljum bla ma biss nindunaw u wisq inqas nipprotestaw. Hemm versi li jesprimu r-rabja kontra sistema li tfalli lil min verament jaf x’inhu jagħmel. Oħrajn huma kontra ċ-ċrieki tal-ħbieb, l-inċensar ta’ wħud u l-manipulazzjoni psikoloġika.
Numru sabiħ mill-versi ta’ Seguna huma għajta favur il-libertà, u din il-libertà tfisser ukoll għarfien li għandna nibżgħu għad-dinja li ngħixu lkoll fiha. Hekk fi 11 ta’ Settembru 2001 jikteb:
“Bdejna neqirdu din l-art li fuqha
aħna lkoll ngħixu bla ma nintebħu li qed ngħixu f’dinja waħda:
dinja magħmula għall-bnedmin.”
Hemm ukoll l-“ilpup” kemm fi Spiiid Kameras kif ukoll f’Poeżija bil-VAT: l-ilpup huma dawk li jaraw kif jagħsru li
ta’ taħthom biex jiggwadanjaw dejjem iktar. U dan kollu jintrabat mas-sitwazzjoni nazzjonali attwali: jissemma pereżempju l-infiq żejjed f’rabta ma’ “dar malta,/ itteatru jew l-isptar” (p.30). Hawn Seguna jinħass bħala l-polz ta’ dak li qed iseħħ fil-kuntest nazzjonali. Dan iseħħ ukoll f’poeżiji bħal Il-Ġid ta’ Ċikku l-Poplu u …bħal biċċa rap kulħadd iqabbel li jrid. Anki hawn jinħass il-vojt bejn il-ħolma li jridu jbellgħulna ċerti mezzi talkomunikazzjoni u r-realtà.
L-ixbieha tad-deżert – Element li jirrikorri spiss fil-versi ta’ Omar Seguna huwa d-deżert. Fi Gwerer fid-Deżert huwa dak l-ispazju fejn taħkem in-nixfa li ġġib magħha t-tirrannija, it-terrur, il-ġuħ, l-injoranza, il-gwerra, u n-nuqqas ta’ drittijiet universali. Id-deżert jerġa’ jissemma f’Randan li Għad Irid Jibda: hawn huwa l-ispazju li fih jgħix
il-ħaddiem aljenat u sfruttat. Seguna idealist jemmen fir-riskatt min-naħa tal-ħaddiem:
“Għad jgħaddi ż-żmien
forsi sabiex tintebaħ li ta’ xogħlok inti wkoll is-sid,
li tal-istorja inti wkoll kittieb,
u għalik hawn ġejjieni ġdid.” (p. 27)
Versi bħal dawn jorbtu lil Omar Seguna ma’ poeti kontemporanji bħal Mario Griscti, Salv Sammut u Andrew Sammut.
Id-“deżert”, il-“ħalel”, il-“kamaleonte”, il-“baħħ” u l-“irdum sewdien” jinsabu kollha f’Dedika… b’sogħba. Ladarba l-bniedem joħroġ għall-ftuħ u jitbiegħed mill-kenn tad-“dar” jistenna li jiltaqa’ ma’ kull tip ta’ provokazzjoni. Il-kelma “deżert” tintuża mill-ġdid f’Versitarju: hawn ifakkar f’dak l-ispazju niexef li jkollhom jaqsmu r-refuġjati, imma anki f’dak l-ispazju meta fil-qalb ma jibqax imħabba. Din l-assoċjazzjoni ta’ ideat narawha wkoll f’Maskra ta’ Mħabba fejn Seguna jikteb:
“F’din l-oasi ta’ mħabba,
inħażżu qlub dejjiema.
F’deżert miftuħ, fejn ix-xemx ħamra
ma tinżel qatt, u l-imħabba ssaltan fuq kulħadd.” (p.51)
Poeżija li tispikka fil-modernità bħala xbieha u ħsieb hija Pittura Moderna. Anki hawn tintuża l-kelma ‘deżert’: “qaltli/ raġel għatxan fid-deżert.” Fil-poeżija Fik Biss Qalbi Tistrieħ naqraw, “Waħdi/ f’deżert niexef/eżiljat.” (p. 98) Fl-aħħar nett id-deżert jerġa’ jissemma f’Ondata di bombe su Bagdad, meta Seguna jikteb, “Ricordo a Bagdad/ la luna che brillava sulle acque deserte.” Id-deżert hawn jintrabat mat-tifkira ta’ żminijiet aħjar.
Il-versi ambjentali – It-tema ambjentalistika tiġi ttrattata b’saħħa f’Qalb il-Konkrit tal-Ibliet għall-Mistrieħ, tema ttrattata anki minn patri Marjanu Vella (eż. Ħitan tas-Sejjieħ) u bosta poeti kontemporanji oħra. Seguna jikteb hekk:
“Għax flok twapet ħadranija
Rajt djar kaxxi kaxxi mibnija
U tarmak iebes stanga
Li minnhom darba għal dejjem
Il-weraq u x-xtieli ma jinbtux.”
(p. 33)
Minkejja dan Seguna jibqa’ jittama sal-aħħar:
“Nistħajjel
nara fil-ħolm tiegħi l-art tħaddar, imżewqa bil-ġmiel tal-ward taħt is-sema
blu.” (Jien li Mhux bħall-Kotra, p. 103)
Fil-ġnien, mela fl-ispazju naturali l-poeta jħossu ħaġa waħda mal-ħallieq li ħalaq in-natura. Hawn iħossu jistrieħ “mit-toqol tal-maskra grotteska li [j]inħeba taħtha.” (p. 68) Hemm, iżda, anki waqtiet ta’ biża’ u inċertezza li jiġu espressi bis-saħħa tad-dinja naturali meta turi l-qilla tagħha. F’poeżiji bħal Lill-Pjanti Tiegħi, Lil Diversi Kakti u Sukkulenti u oħrajn jinħassu ċerti eki Franġiskani fejn il-poeta jindirizza direttament lid-dinja veġetattiva u jumanizza lill-pjanti.
Huwa jaf li l-bniedem jista’ jitgħallem ħafna mid-dinja tal-pjanti. Dawn u oħrajn huma versi li jfakkru f’ċerti poeżiji kemm ta’ Anton Buttiigieg kif ukoll ta’ Mary Meilak. F’Lill-Oħrajn Kollha jikteb hekk: “Permezz tagħkom Alla jkellimni. Inħares lejkom, nitpaxxa bikom. U nara kif il-Mulej ma jinsa lil ħadd meta jibqa’ jieħu ħsiebkom”. (p. 78)
Bormla u l-versi tat-twemmin – Hemm imbagħad il-poeżiji marbutin ma’ Bormla, raħal twelid il-poeta. Fil-Gallarija tesprimi waqt ta’ pawża fejn mill-gallarija l-poeta jassisti għal inżul ix-xemx, hemm f’Bormla, bil-baħar quddiemu. Hemm konfront bejn il-kobor (ix-xemx u x-xefaq) u ċ-ċokon (il-poeta-bniedem), bejn iż-żmien u l-ħin (“it-tektik tal-arloġġ f’moħħi”, p. 94). Bormla terġa’ tissemma f’Miegħek Marija – hawn ukoll il-versi tat-twemmin, mela diddarba għandna poeżija tradizzjonali kemm bħala ħsieb kif ukoll bħala forma. Il-versi tattwemmin jerġgħu fi Quiet Time Corner, fejn naqraw li minkejja l-illużjoni li l-bniedem tal-lum għandu kollox, dan bħal mhux minnu jekk ma jerfax “post speċjali” għall-Mulej. Jekk dan ma jsirx il-poeta ma jsibx is-sliem u qalbu ma tistrieħx (ara Ftit Ħin mal-Mulej, p. 97). Hemm ukoll l-idea tal-poeta bħala wejla f’nofs baħar maltemp. Quddiem sitwazzjonijiet bħal dawn il-fidi sservi ta’ bastun li fuqu l-poeta jserraħ.
Ir-relazzjoni iben-missier-iben –
Tema oħra narawha f’Fuq il-Bieb tal-Maturità, dik tarrelazzjoni bejn il-missier u l-iben, issa li l-iben tar mill-bejta. Hemm il-poeta missier li jindirizza lil missieru quddiem il-miraklu u l-istennija tat-twelid ta’ ibnu. Seguna issa jiftakar ukoll f’logħob tfulitu li bir-rebħiet u t-telfiet tiegħu jsiru metafora tar-rebħiet u t-telfiet li lbniedem adult irid jgħaddi minnhom matul ħajtu (ara Wild u Wild Ġdid). Hemm l-idea tradizzjonali tat-tfal li jiġu bil-vapuri.
Il-poeta mhux mifhum u l-versi
bit-Taljan – Il-poeżiji fl-aħħar ta’ din il-ġabra jittrattaw l-idea tal-poeta
bħala bniedem li l-kotra ma tifhmux, mela differenti u li jgħix il-ħolm bħala
spazju li fih jitbiegħed mill-ħajja ta’ filgħodu fejn hemm ir-rutina u
l-monotonija.
Il-ġabra tagħlaq b’żewġ poeżiji bit-Taljan: waħda tintrabat ma’ Bormla u l-oħra ma’ Bagdad. Ondata di bombe su Bagdad tfakkar fil-gwerra li qed tifni l-pajjiżi tal-Lvant Nofsani. Anki f’Le scale di Cospicua hemm it-tema tal-gwerra u tal-mewt. Il-mewt f’rabta mal-preżent tfakkar fl-apatijia u fl-indifferenza attwali quddiem ġrajjiet imgħoddija li sawruna u li nsejna kompletament:
“Sono rimasti soltanto ricordi, e terra morta.”
Stil:
Omar Seguna mill-ewwel jagħti dimensjoni spazjali lill-poeżija tiegħu: huwa fis-salott fejn se jiddiskuti mal-qarrej kwistjonijiet differenti permezz tal-versi tiegħu. ’Il quddiem joħodna wkoll fil-kamra tal-ikel u fil-ġnien. Dan tal-aħħar huwa l-ispazju fejn il-poeta jħossu ħieles, sielem u jistieden ħdejh lill-maħbuba tiegħu. Il-qarrej mill-ewwel jinduna wkoll bil-laqta viżiva li Seguna jagħti lil uħud mill-poeżiji tiegħu, u dan permezz tal-poeżija konkreta u talvers projettiv. Apparti l-użu tal-vers ħieles, hija qawwija l-esperimentazzjoni bil-kelma kif tidher iswed fuq l-abjad tal-paġna. Però, hawn tidħol l-idea ta’ “ekwivoċità” li Mario Azzopardi jsemmi fl-introduzzjoni: Seguna xi minn daqqiet iħaddem ukoll il-kwartina, ir-rima mqabbża, il-prosodija u anki xbihat tradizzjonali. Mela f’antoloġija poetika bħal din insibu tlaqqigħ bejn l-antik u l-ġdid, bejn it-tradizzjoni u l-modern.
Stilistikament Seguna juża numerali, parenteżi mhux tas-soltu u simboli oħrajn li jintrabtu mal-formoli matematiċi, abbrevjazzjonijiet u sigli li naraw jew nissubixxu (bla ma rridu) kull waqt, ladarba ’l barra mid-“dar”. Fil-versi fejn jaħkem l-element soċjali Seguna joqrob ħafna lejn il-poeproża. B’Kull Rispett… (bir-Rispett Kollu) niltaqgħu ma’ stil, lessiku u ritmu li jfakkar f’poeżija bħal Monologu mill-Gżira tal-Isponoż ta’ Daniel Massa jew fil-poeproża ta’ Victor Fenech. Fit-tħaddim tal-lessiku Seguna jħobb juża apposta kliem jew frażijiet klixè li jħobbu jħaddmu l-politiċi, il-partiti, il-mezzi tal-komunikazzjoni u l-establishment in ġenerali. L-esperimentazzjoni grafika tkompli permezz ta’ kliem imwaħħal ma’ xulxin mingħajr l-ispazju tradizzjonali bejn kelma u ta’ warajha, kliem miktub anki vertikalment jew li jifforma għamliet jew xbihat differetni fuq il-karta bajda. Hekk, il-poeżija Minn Ġewwa Nett titqiegħed f’erba’ kaxxi konċentriċi, miktuba b’ittri ta’ daqsijiet differenti. Grafikament toħroġ miċ-ċentru għall-perimetru bħalma l-ħsieb jitwieled fuq ġewwa biuex wara joħroġ ’il barra. Hemm l-idea tal-poeżija introspettiva li tiġi rrappreżentata anki grafikamnet fuq il-paġna bajda. Hemm saħansitra poeżiji miktubin rashom ’l isfel, versi oħra li trid taqrahom b’mera quddiem il-ktieb. Taraġ `il Fuq tingħata l-għamla ta’ taraġ, filwaqt li Siġra tinkiteb f’għamla ta’ siġra.
Hemm ukoll il-partijiet impoġġijin bejn il-virgoletti li jirriflettu partijiet minn diskors li l-poeta donnu ma jinsa qatt, imma fl-istess ħin diskors klixè li jsir mill-bosta. Hemm ħafna spazji bojod jew li jitħallew vojta apposta biex jistiednu lill-qarrej jieqaf, jaħseb u jixtarr dak li qara. Seguna jislet ukoll mil-lingwaġġ jew diskors virtwali li jsir waqt ic-chat u jara f’fenomenu bħal dan theddida kontra wliedna.