Storja Twila [fil-qosor]

Awtur:  Alex Mizzi
Pubblikazzjoni:  Klabb Kotba Maltin

 Forsi ġieli għaddejna minn xi sitwazzjoni li l-istorja tkun kemxejn twila biex tirrakontha.  Forsi jalla jekk m’għaddejna minn stejjer bħal dawn ukoll.  Żgur li meta niġu biex nirrakontawha nippruvaw naqtgħuha fil-qosor. Alex Mizzi għażel li jwasslilna l-istorja fl-ewwel persuna kif insibu bosta kotba f’pajjiżna bid-differenza pero’ li għandna aktar minn narratur wieħed.   Iżda fil-bidu tal-istorja Adrian kien mingħalih li qajla kien ser jifdallu x’jirrakontalna.  Dan għaliex Nadya li kien joħroġ magħha telqet bla kliem u bla sliem.  Taħbita mal-bieb iżda ħasdtu.  Nadya titfaċċa quddiemu bħala Mariam.  Ħdejha kellha tifla ta’ xi ħamew jew sitt snin.  X’kien qiegħed jiġri?  Għalfejn Nadya bidlet isimha?  Aktar u aktar tgħidlu li t-tifla li kellha magħha kienet tagħha.  Nadya qattgħet lejl ma’ Adrian imma reġgħet sparixxiet.   L-istorja tiżvolġi billi jerġa’ jħabbat il-bieb imma din id-darba Adrian jara żewġ pulizija, Spettur u Surġent.  U hawn induna li kien daħal f’nasba.  Sadanittant imma Kathleen tibda bil-mod il-mod tidħol lil Adrian.  Tisma’ dwar l-istorja surreali ta’ Nadya imma dlonk jibdew joħorġu flimkien.  Aktar tard insiru nafu kif Nadya spiċċat prattikament maħtufa mill-Ispettur Dimech li lagħba kif ried.  Isir jaf li din tkun qed topera b’identita differenti minn tagħha u li tkun qiegħda fuq lista tal-interpol (anki jekk hi taf li m’għamlet xejn ħażin).  Ħadilha l-passaport, il-cards tal-mobajl u l-flus u jheddidha li jekk ma tikkoperax jibgħatha lura lejn ir-Russja.  Kathleen tgħid lil Adrian li sa ċerta punt imn’Alla kienet din Nadya li laqqgħathom flimkien.  U hawn naraw kif jinbtu żewġ stejjer ta’ imħabba differenti:  Dik bejn Adrian u Nadya  u bejn Adrian u Kathleen.   

Nadya tissogra tikkuntattja lil Adrianu fl-aħħar u ħabta u sabta rnexxielha taħrab minn taħt idejn l-isptter.  Kathleen tieħu qatgħa li Nadya/Mariam ġiet lura iżda meta tkun taf li din ġiet  minħabba li kienet qiegħda tmut u riedet tara min kien se jieħu ħsieb lit-tifla (il-missjoni tagħha) tipprova tikkonvinċi lil Adrian biex lit-tifla jrabbuha flimkien (u hekk toqtol żewġ għasafar b’ġebla waħda). 

X’jiġri minn Melita wara li Nadya/Mariam tkun waslet fl-aħħar? 

Ta’ min hija Melita?

U kif fl-aħħar, meta l-Ispittur iddeċieda jtella’ lil Nadya/Mariam il-qorti, b’sorpriża għal kulħadd narawha titkellem bil-Malti? 

Dawn huma fost il-kurżitajiet li nsibu f’dan il-ktieb … imma mhux ser ngħidilkom aktar għax kif jgħid l-awtur fil-kopertina “jekk trid tista’ forsi titħajjar taqra l-ktieb”. 

Dan huwa ktieb li jsammrek u ġaladarba taqbdu f’idejk ma titlqux.  Kif jindika t-titlu hawnhekk insibu twila imma fil-qosor (fil-fatt madwar 160 paġna) mitub bi stil mexxej ħafna.  Waqt it-taħdit Mizzi jinqeda bi kliem bl-Ingliż biex aktar iqarreb lejn dak li nħobbu jew ma nħobbux ir-realta’.  B’dana kollu xorta waħda nsibu l-Malti mħaddem tajjeb ħafna.    Ċertament il-ktieb huwa Malti mżewwaq b’diversi postijiet bħal Paceville u avventimenti  fosthom Notte Bianca u Voices.    Dawn ikomplu jqarrbu aktar il-qarrej mar-realta’.  

Alex Mizzi huwa l-awtur ta’ żewġ kotba oħra ta’ novelli, “Mhux bilfors hekk…” u “Sbieħ il-Ħadd”.  Dan allura huwa l-ewwel rumanz ta’ dan l-awtur u bħal ta’ qablu ċert li mhux ser jiddiżappuntha.  Naħseb li l-awtur bħali jemmen li l-qari huwa hemm għall-gost u allura kull analiżi dwar temi f’dan is-sens tiġi irrelevanti.  Ħudu l-ktieb magħkom il-baħar, wara nofsinhar meta tkunu fl-arja kundizzjonata u ħudu gost b’dan il-ktieb.  Pero’ naturalment indirettament joħorġu bosta temi fosthom dwar il-mod kif inħarsu lejn il-barranin (f’dan il-każ ir-russi) u l-mod kif fil-ħajja nidħlu f’ċirkostanzi li ma nkunux qed nippjanaw għalihom jew qed nistennew.  Din tal-aħħar forsi hija t-tema ewlenija ta’ dan il-ktieb.  

“Storja twila [fil-qosor]” jinsab għall-bejgħ mingħand il-librara ewlenin jew mingħand il-Klabb Kotba Maltin (tel 21497036, www.midseabooks.com)

Paġna Letterarja, It-Torċa, 4 t’Awwissu 2019

Leave a Comment