
Il-ħajja
Ix-xemx minn wara l-għoljiet
tagħti bidu għal jum ġdid,
u miegħu jġib il-bnazzi
u miegħu jġib il-maltemp,
sa ma jgħaddi l-ħin u l-jum jintemm.
Il-ħajja
bħal ruħ mitlufa
ġo foresta perikoluża.
Il-ħajja hi bħal fjura
li tidbiel u tmut.
Il-ħajja hi bħal pjanta
li tista’ tiġi mirfusa
mqaċċta. Il-ħajja hi
kummiedja li trid tintemm.
Il-ħajja hi arloġġ
li l-ħin kollu jgħidlek
li qed jgħaddi ż-żmien
kollox jintemm.

Ċempilt … ma ftaħtlix?
Lil ommna
Ċempilt ma, il-qanpiena
tad-dar, għax ma ftaħtlix?
Biex ngħidlek ftit problemi.
Għat-tfal ma staqsejtnix?
F’dit-triq flimkien terraqna.
F’art watja u fl-għoljiet.
Sakemm għalik infetħet
il-bokka tas-smewwiet.
Se ’tini ftit minestra?
U magħha xi parir?
Illum m’intix se tgħidli,
dwar x’taħseb l’għandu jsir?
Is-skiet għalkemm mistenni,
jifgak bħal arja tqila.
Itarrxek sa ma jweġġgħek
bħas-silġ f’xitwa qalila
F’das-sqaq li flimkien ġrejna,
misħut sinjal tat-tmiem.
Qatt ħsibt l’iżda se tegħja
sabiex tistrieħ fis-sliem.
Min jien biex nifhem kif
biex tħaddnek magħha ġiet
mill-bogħod l-eternità,
jew nifhem dan is-skiet?
Ħarst lejn raġġ il-qamar.
Id-dija f’lejl bla riħ.
Hekk qalbek ħallejt fostna.
U ruħek Hemm tistrieħ.

Lil nannti Ċetta Flask
Ma nista’ ninsik qatt quddiem għajnejja
`ll-Mulej titlob bil-kuruna f’idek.
Taħdem għall-familja, taħdem għall-kotra.
Issa l-Mulej qrib tiegħU iridek.
Illum nann, m’għadnix it-tifel ta’ dari.
Illum nifhem ftit minn dak li ġarrabt
Sabiex erbatax – il wild ġibt fid-dinja.
Batejt fix-xogħol sabiex lira dabbart.
Rajt il-problemi ta’ kull omm; rajt aktar.
Il-mewt ta’ żewġek u tas-seba’ wliedek.
Ibnek ta’ seba’ snin maqtul bil-gwerra.
Batejt sakemm miegħu l-Mulej riedek.
Għalkemm issa int m’għadekx aktar magħna,
ma ninsewx kemm batejt biex żrajt il-ward.
U l-opri tajba li f’ħajtek wettaqt,
għad jibqgħu jgħixu l-ġonna li ħaddart.
Lil Joseph Grech
(artist li kkontribwixxa ħafna għall-komunita’, b’qalb kbira sabiex ma jintesa’ qatt għall-ġid li għamel)
Din l-esperjenza tiegħi ta’ ħabib ġenwin…
Qed nistenna li nitkellmu
Bħal maltemp dil-aħbar ġiet
Joseph vera m’għadekx magħna?
Hemm fil-glorja tas-smewwiet?
Kif b’imħabba vokazzjoni
il-pazjent għint biex ifiq
Hekk għamilt biex tgħin persuna
timxi magħha tul it-triq.
Għidli ftit Joe dwar dak l-innu?
X’taħseb int dwar dil-pittura?
Barra l-ħila u t-talenti
Kellek qalb b’imħabba pura.
“Ej’ ħa llaqgħek ma’ persuna
Tinkwetax jien niġi miegħek”.
Nafek bħal fi kliem San Pawl.
Ma tfittix dak li hu tiegħek
B’xejn ma nista’ qatt infisser,
ebda kliem jew poeżija,
dan il-vojt li ħallejt fostna,
u did-diqa ta’ ġo fija.
Għat-talent u l-altruwiżmu;
hekk nafuk u mimli saħħa.
Nitlob lill-Immakulata
biex illejla tħaddnek magħha.

Lil vittmi ta’ vjolenza domestika
Għaliex meta ntramew fil-baħar dawn iż-żewġ ċrieket
kellek ukoll tegħreq magħhom?
Għaliex dal-maktur abjad li ġġebbed u ġġebbed sa ma żżarrat
kellu jispiċċa bid-demm?
Għaliex ix-xehir tiegħek ma smajnihx / sikkitnih
u kellu jkun is-skiet etern ta’ leħnek li jtarraxna?
Għaliex? Għaliex?
Lil dawk kollha li ħassew tqil wisq it-toqol tal-ħajja
(A)
Għaliex, ħabib?
Forsi ma ntbaħtx
li kieku tlajt l-għolja
kont tistrieħ u titpaxxa bil-ġmiel tal-madwar? Li kieku terraqt f’xemx tisreġ
kemm kien ikun tajjeb l-ilma li bih tistejqer? Li saħansitra jekk mitluf fil-kobor tal-oċean se ssib l-idejn ta’ min jixtieq isalvak?
Għaliex ma smajtx leħnek
f’dan is-skiet li kissrek jgħajjatli? Għaliex ma ħallejtnix nintebaħ bin-niket wara dik it-tbissima? Għaliex, ħabib?
Għaliex?
(B)
Meta l-qamar iħares lejk b’ħarsa ta’ żeblieħ.
Meta tkun fl-ilma tipprova titla’ ‘l fuq.
Fgat taħt il-pressjoni tal-ilma
u ħama li ma jħallunix nara d-dawl.
Id-dmugħ jitwaħħad mal-ilma
u jisfaxxa fix-xejn.
U ngħajjat ma nistax.
Meta jdejja jkunu jridu jitilqu l-ħabel
u ma nitlax ’il fuq.
Meta l-qamar iħares lejk b’ħarsa ta’ żeblieħ.
Meta nibża’ li nitla’ f’wiċċ l-ilma
u nara d-dlam.
Xehir fis-skiet minn qalbi mfarrka
u pulmuni fgati
li sebqu l-għana ħelwa
li kienet toħroġ minn fommi
u sserraħ lill-istess qalbi.
Imma
dil-ħarsa għad tintemm.
Il-qamar għad jitbissimli.
(Ċ)
Li kieku stajt
niġbor żrara żrara
li fixkluk waqt il-mogħdija.
Li kieku stajt
nagħtik tila biex fuqha tħażżeż
pinzellati tqal u ħoxnin.
Anke jekk twaddabli ż-żebgħa.
Li kieku dawk l-idejn li ħassejt jifgawk,
stħajjilthom imellsuk.
Iva… kultant trid taħrab,
imma mhux għal dejjem.
Kieku nista’…
niġbor farka farka minn dak li fadal,
u ngħaqqadhom biċċa biċċa.
Bibien u Twieqi
Ġo kamra vojta
bibien u twieqi magħluqin
u nħares lejn mera quddiemi.
Tieqa nfetħet
bil-forza tar-riħ
u x-xemx tirrifletti fuq il-mera
u jien ma nagħrafx
li dik biss riflessjoni.
Imbagħad inħares lura
lejn it-tieqa miftuħa
u nara d-dawl oriġinali.
Imbagħad nittawwal mit-tieqa
u nara madwari ġonna kollha ħajja.
U jien nixxennaq
biex nara sal-inqas siġra.
Imxennaq biex ix-xemx tiddi fuq qalbi.

Għad jgħaddu l-jiem
Għad jgħaddu l-jiem
meta xammejt ir-riħa tal-ikel
u bqajt bil-ġuħ.
Għad jgħaddu l-jiem
meta rajt l-ilma fuq ix-xefaq
u naf li ma nistax nixorbu.
Għad jasal it-Tmiem
meta jien niekol u nixrob
u nixba’.
Għad xi darba ruħi
tixxabba’ bl-għarfien sħiħ.
Ma’ nżul ix-xemx
Wara jum sabiħ
jien se norqod,
u nintilef fil-ħolm,
ta’ taraġ twil li ma jwassal għal imkien,
ta’ triq li ma għandha ebda tmiem,
ta’ dlam kbir fejn ma nara xejn,
ta’ post li ma nafx fejn.
Illum
ix-xemx niżlet.
Filgħodu rrid inqum
l-istess ħajja
bħal-lum
Il-ħajja u jien
Il-ħajja u jien inżommu jdejn xulxin.
Għal ftit taż-żmien domna id f’id,
sakemm idejha titlaq `il tiegħi
bla ma rrrid.
Mixjin flimkien
f’dan il-jum imċajpar,
beżgħan
li se nispiċċa waħdi.
It-telfa tiegħek
It-telfa tiegħek
ma ħalliet
ebda dawl inemnem
biex inkun nista’ nara t-triq;
ebda ilma
sakemm bil-mod lejk jien ninsab miexi;
ebda kliem
li bih nista’ nimla dan il-vojt;
ebda leħen
li bih nista’ nikser dan is-skiet;
ebda versli bih nista’ nserraħ din il-qalb.
Fejn mort illum tistaħba?
Fejn mort illum tistaħba
fil-ftuħ t’għelieqi ’l bogħod?
Darb’oħra biss nitolbok.
Tgħaġġilx żomm pass bil-mod.
Għalija tlaqt wisq kmieni.
Misħut sinjal tat-tmiem.
Missejtu bla mistenni.
Ħallejtna lkoll bla kliem.
Jewwilla ġa infetħet
il-bokka tas-smewwiet,
sabiex jgħannquk għal dejjem
dawk l-anġli bil-mijiet?
Min jien biex nifhem kif
biex tħaddnek magħha ġiet
mill-bogħod l-eternità,
jew nifhem dan is-skiet?
Nħares lejn raġġ il-qamar.
Id-dija f’lejl bla riħ.
Hekk qalbek ħallejt fostna.
U ruħek Hemm tistrieħ.

Lil ħabib speċjali
Ġarrabt b’tant tbatija
b’kuraġġ kbir sat tmiem.
Ittajjar mal-anġli.
Ittajjar fis-sliem.
Għallimtna l-valuri
fis-sempliċità.
L-għerf kbir tal-imħabba
w dak tal-umiltà.
F’ħajtek ħabib tiegħi (jew F’ħajtek ħabiba)
`l Mulej tant ħabbejt.
W’issa aktar qrib tiegħU
t-tbatija temmejt
It-tmiem
Bħal warda li ddum tistennieha tikber
u titgħaxxaq taraha tisbieħ,
imbagħad tinxef qisu qatt ma kien.
Bħal kanarin
li bil-għana ħelu tiegħu jpaxxik,
u ħesrem kollox jasal fit-tmiem.
Il-mewt hija sfida
li tiġġilidha u ma tirbaħhiex.
Il-mewt hija waqfa
li żżommok milli timxi ’l quddiem.
Il-mewt hija
it-tmiem.
