Il-Kalkara u madwar

Lill-Kalkara

Fil-qofol tal-istorja ta’din l-art,
`il barra mill-ħitan għoljin tas-swar.
Mat-tlett ibliet ukoll naqqaxt int ismek
għax magħhom ma ħlistiex minn taħt in-nar.

Imżejn’ għalhekk bil-ġmiel forti jħaddnuk.
U jlissnu l-akbar ġrajja tal-Maltin.
Għalkemm jibku bl-istat ħażin hekk tagħhom
is-swar li bihom suppost tant kburin.

U x’hena toffri ‘l tant bil-baħar ġmielek!
Kull sajf, kull filgħaxija nersqu lejk.
Bħal donnu l-baħar qiegħed jistedinna
biex waħdek ma nħallukx u niġu ħdejk.

U l-bajja li mill-bosta hi `mfittxija
minn kull raħal, sa minn filgħodu kmieni.
Jinġemgħu tant bil-gzuz u għalenija.
Il-ferħ tista’ tarah fuq wiċċhom hieni.

Mill-ġir ismek, Kalkara raħal tagħna:
Raħal li qed tisbieħ matul iż-żmien.
Iħarsek San Ġużepp, il-patrun tiegħek.
Kburin bik nibqgħu, ma nibdluk ma mkien.

Il-Wirt Kalkariż

Striħajt mal-ħajt tal-Forti.
Ġembejja mtlew bit-trab
li jixhed bosta snin 
ta’ storja ‘l hawn tinstab.

Bi swar għoljin li kennu 
u ħarsu t-tlett ibliet 
mill-Mislem u l-Furbani.
Vittorja għalina swiet. 

Taħt l-art, forti mistura.
Minn taħt in-nar ħarsitna,
bl-akbar kanun fl-Ewropa. 
Rbaħna b’kuraġġ b’ħilitna. 

Ħarist lejn baħar ħlejju,
nar’opri rebbiħin. 
Rebbieħa għax b’qalb kbira 
għamluna hekk kburin. 

Il-baħar illi jsaħħrek 
bi ħsejjes li jpaxxik 
tal-mewġ mal-blat jitbewwes 
ta ġmiel t’għaxqa jagħtik. 

Kemm snajja minn hemm ħarġu
minn idejn l-imgħallmin.
Ferilli, frejgatini 
hekk b’ħila mibnijin. 

Ġużeppi nitolbuk 
Ħarisna minn kull ħsara
Missier il-Kalkariżi 
Mudell tagħna l-Insara. 

Bnejnilek knisja kbira 
Issebbaħ il-Kalkara 
Biex dejjem itfakkarna 
Biex nersqu lejk bi ħrara. 

Minn gwerer tal-imgħoddi 
sakemm issokta s-sliem. 
Illum fit-tmun fix-xjenza 
inħarsu ‘il quddiem 

Tifkira tal-ġrajja mdemmija tal-Um El Faroud

F’dan il-port illi saħħarna 
bi ġmielu tul is-snin 
iżd’ offra wkoll il-ħobża 
lil tant u tant Maltin. 

Kemm snajja minn hemm ħarġu
minn idejn l-imgħallmin,
li b’ħila kbira ħadmu 
u waslu fl-iqsar ħin. 

Fis-skiet ta’ dik il-lejla,
ħoss kbir max-xrar tan-nar. 
Il-lejl li kexkex Malta. 
Il-lejl iswed ta’ Frar. 

Il-ħoss mas-swar irbombja 
li jkennu t-tliet ibliet. 
Il-ħoss li jibqa’ jidwi. 
Li kiser dan is-skiet. 

L-Um El Faroud f’pajjiżna
ħajjet ħaddiema swiet.
Dil-ġrajja llum tfakkarna 
qatt hekk ma jkollna mwiet. 

L-Um El Faroud bħal mafkar 
fil-baħar hemm fil-qiegħ.
Dal-jum qatt ma jitħassar. 
Nibqgħu niftakru fih. 

Is-Sliem lilkom ħaddiema. 
Bikom nibqgħu kburin.
Qatt m’intom ser tmutu
fil-qalb tagħna l-Maltin.

IL-Fortifikazzjoniiet tal-Kavallieri madwar il-Kalkara

Huwa minnu li wara s-snin sebgħin il-Kalkara ħadet bixra ta’ lokalita’ ġdida u sabiħa mfittxija minn bosta li xtaqu li jixtru l-propjeta’ tagħhom fuq din l-art li tgawdi s-sbuħija tal-baħar kif ukoll tal-kampanja.   Dan ir-raħal iżda jitpaxxa bil-kobor tal-fortifikazzjonijiet li jdawwruh.    Fuq naħa naraw id-dehra tal-Forti Sant Anġlu, flimkien mal-Posta ta’ Kastilja u s-Swar tal-Birgu.  Imbgħad għandna d-daħla tas-Salvatur, u l-Forti tas-Salvatur.  Tħaddan il-Kalkara mbagħad għandna l-Forti Ricasoli li nbniet apposta biex tipproteġi kemm il-Forti Sant Iermu fil-Belt Valletta kif ukoll dik ta’ Sant’ Anġlu fil-Birgu.  F’dan l-artiklu ma nistgħux insemmu l-Forti Rinella li nbniet mill-Ingliżi fl-1878 b’disinn li tħares mill-attakki tal-ajru.  Din il-forti hija magħrufa l-aktar għal kanun ta’ 100 tunnellata li meta l-Ingliżi bnew Forti Rinella kien l-akbar wieħed fid-dinja.

Tas-Salvatur 

Kienu l-Kavallieri ta’ San Ġwann li bidlu l-Birgu f’Belt u dan billi saħħu d-difiza tagħhha permezz ta’ ħitan li taw bidu għall-fortifikazzjoni tal-inħawi madwar il-port il-Kbir.  Bejn l-1530 u l-1560 l-Kavallieri komplew b’dan ix-xogħol importanti, tant li minħabba r-rezistenza li dil-belt uriet lejn il-qawwiet Torok ġiet imsemmija Vittoriosa li tfisser il-Belt rebbieħa.    Wara l-Assedju l-Kbir saret it-tiswija meħtieġa fil-fortifikazzjonijiet tal-Birgu.  Iżda ħarset il-Kavallieri dahret aktar lejn l-għolja Sciberras u għal xi żmien naqqas l-importanza ta’ Sant Anġlu.  Fl-1638 il-Gran Mastru Giovanni Paola Lascaris ordna l-bini s-Swar ta’ Santa Margerita jew kif inhuma magħrufa bħala s-Swar ta’ Firenzuola.   Ftit snin wara l-Ordni nidiet ukoll il-bini tas-swar tal-Kottonera li ċċirkondaw it-tliet ibliet.  Din il-linja ta’ fortifikazzjonijiet majestużi jingħaqdu ma’ dawk tal-Birgu b’waħda mill-ewwel daħliet għall-Kottonera tkun mill-Kalkara, propju Bieb is-Salvatur.   Din id-daħla qatt ma ġiet kompluta mill-Kavallieri, tant li maż-żmien twessa’ l-bieb t’attakk (sally-port) li beda jservi bħala d-dħul uffiċjali.  Fuq in-naħa l-oħra ta’ Bormla mbagħad kellek id-daħla ta’ San Pawl li ġiet distruġġita fi żmien l-Ingliżi sabiex għamlet lok għall-iżvilupp tat-Tarzna.

Fl-1724 saret estensjoni għall-parti ta’ fuq tal-bastjun ta’ San Salvatore, li tħares fuq ir-raħal tagħna tal-Kalkara, naturalment sa dak iż-żmien parti mill-belt tal-Birgu.  Kienu inġiniera Franċiżi li żviluppaw din il-Forti li kompiet toffri aktar saħħa lil-linja ta’ Fortifikazzjonijiet tal-Kottonera (MilitaryArchitecture.com, 2011).   L-idea militari ta’ dak iż-żmien kienet li Jibnu ħajt u foss interjuri (entrenchment).  L-għan ta’ fortifikazzjonijiet simili kien li jagħmilha aktar diffiċli għall-għadu li jaċċessa l-belt u joffri aktar protezzjoni (Spiteri, Stephen C., 2010).   L-użu militari ta’ din il-forti ma waqafx ma’ żmien l-Ordni.   FI żmien il-ħakma Ingliża serviet bħala kamp tall-priġunieri tal-gwerra (Juncker, Wolfgang). 

Dan il-proċess kompla sat-tieni gwerra dinija fejn b’xorti ħażina ġew internati saħansitra persuni Maltin.  Qed ngħid b’xorti ħażina għaliex niftakru li hawn dejjem għandna il-ħakma barranija kontra l-interessi ta’ xi Maltin li anke jekk l-ideali tagħhom ma kinux jaqblu mal-biċċa l-kbira tal-Maltin jew illum inħarsu lejhom minn lenti differenti, xorta jibqgħu Maltin.  Fost il-persuni prominenti li ġew internati kien hemm Herbert Ganado.  L-istoriku Max Farrugia (Grech, S., p.87)  dwar dan l-internament jgħidilna li Ganado, “ftit wara l-wasla tiegħu fil-Fortizza tas-Salvatur, saru l-formalitajiet kollha neċessarji skont ir-regolamenti tal-internament.  Iltaqa’ mal-Kmandant Tal-Kamp li dak iż-żmien kien il-Maġġur Walter Bonello, ġie reġistrat bħala internat fil-kamp u wara saritlu tfittxija fuqu u fil-bagalja biex jiżguraw li ma kellux xi arma.  Din saret mis-Sur Nunns li kien wieħed minn dawk responsabbli għas-sigurta’ fil-kamp. Wara l-formalitajiet kollha ġie akkumpanjat sa wieħed mid-dormitorji li kien hem fil-kamp.  In-numru tiegħu fil-kamp kien is-sitta u ħamsin.  Malli s-Sur Nunns urieh is-sodda u r-rokna tiegħu fil-kamp tal-internament, dan ħalla d-dormitorju.”  

Forti Ricasoli 

Fuq il-naħa l-oħra tal-Kalkara propju fil-peniżola magħrufa bħala l-ponta ta’ Rinella imbagħad insibu l-Forti majestuża magħrufa bħala Ricasoli.  L-Ordni riedu jkunu aktar imhejjin wara li fl-Assedju l-Ottomani ħatfu din il-ponta u bnew batterija hemm fejn setgħu jattakkaw il-Belt (Quintano, Anton).  

Fit-18 ta’ Jannar 1629, il-Kavallier Taljan Alessandro Orsi ikkontribwixxa sabiex jinbena torri fil-ponta tal-Penisola.  Dan it-torri ssemma ta’ San Petronio imma kien aktar magħruf bħala t-torri t’Orsi (Abela, Giovanni Francesco, 1647).  Meta l-Gran Mastru Nicholas Cottoner qabbad l-Inġinier militari  Antonio Maurizio Valperga biex iħażżeż il-linja ta’ swar madwar il-Kottonera, kompliet tħeġġeġ ix-xewqa li jsaħħu aktar din il-parti wkoll.  Ix-xogħol biex tinbena l-forti seta’ kien possibbli bis-saħħa ta’ donazzjonijiet minn numru ta’ kavallieri l-aktar ta’ Giovanni Ricasoli li ta 20,0000 skudsabiex tinbena l-Forti u tissemma f’ismu (Spiteri, Stephen C., p.61).  Pero jħaffef dan il-proċess kien hemm ukoll il-bejgħ ta’ artijiet kbar fi Franza (Spiteri, p.61).  Din il-forti kelha l-għan mhux biss li tipproteġi iktar ix-xtut tagħna, imma wkoll biex f’każ ta’ assedju fuq il-Belt Valletta jew Sant’ Anġlu jistgħu jisparaw minnha.  Huwa għalhekk li din in-naħa tal-forti tħares lejn l-ibliet huwa relattivament baxx.   Din il-forti mħarsa minn barra bil-bastjun ta’ San Ġwann iħares fuq il-bajja ferm sabiħa ta’ Rinella u l-contre-garde ta’ San Duminku fuq in-naħa l-oħra, viċin iċ-Ċimiterju ta’ Wied Għammieq, li kien mibni apposta matul l-epidemija tal-kolera fl-1837.  Ta’ min jgħid li l-kolonni uniċi fid-daħla prinċipali tal-Forti ġew mibnija mill-ġdid.  Fil-qalba tal-Forti nsibu l-Kappella ta’ San Nikola li tikkonsisti wkoll fi kripta.  Din il-kappella hija mżejna b’artal bil-lavur fuq il-ġebla.  Kif wieħed jista’ jimmaġina matul is-snin din il-forti serviet għal għanijiet differenti. L-ingliżi bnew diversi binjiet li kienu meħtieġa għall-bżonnijiet ġodda tal-gwerra, li rridu ngħidu li għalkemm setgħet saret ħsara lil-binja oriġinali, llum dawn għandhom valur storiku kbir ukoll.  Ma’ dawn ma nistgħux neskludu l-kwartieri ġodda li kienu aktar komdi għas-suldati mill-kmamar fil-ħxuna tas-swar.  

Fost l-użu, ngħid jien xejn mixtieq ta’ din il-forti, nsemmu dak industrijali, jiġifieri tal-faċilita’ ta’ tindif tal-vapuri.  Matul iż-żminijiet kien hemm ħsibijiet li dawn it-tankijiet jiġu mnehhija (DOI Stqarrija 1401,  2009) iżda s’issa għadhom qed ikerrhu lil din il-Forti unika.  Użu ieħor huwa għall-films li jsiru f’Malta. 

Konklużjoni 

Huwa ħasra li l-Kalkara mżejna b’dawn il-fortifikazzjonijiet li jinsabu fi stat ħażin ħafna.  Forti Ricasoli hija mhedda wkoll mill-elementi naturali imma bħal fil-każ tal-Forti tas-Salvatur insibu żdingar u abbandun.  Ħsara li aktar ma jgħaddi żmien aktar ser tkompli tikber. Wieħed jifhem li restawr bħal dan mhuwiex xi inizjattiva li jista’ jsir mill-Kunsill Lokali jew xi organizzazzjoni lokali.  Huwa xogħol professjonali li jiswa ħafna flus. Tajjeb iżda napprezzaw x’teżor moħbi għandna.  Sfida oħra dejjem tkun x’użu ser isir minn dawn l-ispazji, u għalhekk huwa importanti li l-iżvilupp li jsir ikun wieħed sostenibbli u jħares l-aspetti kollha.  Nemmen iżda li dawn il-fortifikazzjonijiet għad joffru l-wesgħat kbar tagħhom għall-arti u l-kultura, bħala mużewijiet kif ukoll żviluppi kummerċjali żgħar li jirrispettaw is-sensittività ta’ dawn is-siti storiċi hekk importanti għall-istorja mhux biss tal-Kalkara imma ta’ pajjiżna. 

Referenzi

Abela, Giovanni Francesco (1647). Della Descrizione di Malta Isola nel Mare Siciliano con le sue Antichità, ed Altre Notizie, Paolo Bonacota. p. 20

DOI, (2009) Stqarrija 1401, Diskors mill-Ministru għall-infrastruttura, trasport u komunikazzjoni, l-onor. Austin gatt fl-inawgurazzjoni tal-moll ta’ l-isla (ex-boiler wharf) – l-erbgħa 19 t’Awissu 2009,   (http://www.doi-archived.gov.mt/EN/press_releases/2009/08/pr1401.asp)

Grech, Sergio, (2015), L-Avukat Herbert Ganado:  Bejn Storja u Miti – Ġabra ta’ kitbiet, Horizons.  

MilitaryArchitecture, (n.d.) “Fort San Salvatore and German POWs”, MilitaryArchitecture.com 18 June 2011. Aċċessata 22 t’ April 2017

Quintano, Anton. “Fortifications: Fort Ricasoli”. Heritage: An encyclopedia of Maltese culture and civilization. Midsea Books Ltd. 4: 1101–1107

Spiteri Stephen C., (2008), The Art of Fortress Building:  In hospitaller Malta, BDL.  

Spiteri, Stephen C. (2010),  Illustrated Glossary of Terms used in Military Architecture,  ARX Supplement. MilitaryArchitecture.com: 641.  Aċċessata 22 t’ April 2017

Juncker, Wolfgang, (n.d.), “In maltesischer Gefangenschaft”. http://www.bgef.de/dieschiffe/emdeni/emdenmannschafteninmaltesischergefangenschaft.html, Aċċessata 22 t’ April 2017