“Ngħidha bla tlaqliq li Omar Seguna huwa poeta għal qalbi, għax fis-sempliċità tal-versi tiegħu tinħass ruħ li taf tiżen u taf tħoss in-niket u n-nuqqasijiet tal-kotra. L-iżbilanċ soċjali jdejqu sew; hekk dejjem xehdet il-poetika tiegħu. Il-leħen tal-protesta tiegħu hu inċiżiv imma qatt kattiv jew abbużiv. Meta jistqarr li hu ‘bħal ramla f’deżert’ tifhem sew l-umiltà u sew l-għadab tiegħu għall-arroganza tal-poter kull fejn jinbet. Għaldaqstant bosta poeżiji f’din il-ġabra jixhdu t-tbatija u d-diżugwaljanza li għadhom kotrana f’dinja li suppost hi tagħna lkoll.
Omar huwa wkoll wieħed mill-ftit poeti lokali li ħaddmu l-poeżija plastika, fejn ukoll iħaddem ferm tajjeb il-lingwaġġ tiegħu b’arranġamenti viżwali bħal f’It-Triq lejn id-Dar u f’Ħajt. F’dan il-qasam aktarx li l-aktar waħda oriġinali hi Demm li,miktuba bl-aħmar, tqarreb ħafna l-arti viżiva. Fir-ruħ makabru tagħha tħoss il-qilla tal-għelt u tal-protesta.
F’terminu ġenerali l-poeżija ta’ Omar hi waħda ta’ osservazzjoni soċjo‑politika, ta’ kejl sensittiv u ta’ twiddib ġust. Jagħraf, bħal kull poeta, li vrusu mhux se jbiddlu d-dinja, imma jagħraf ukoll li l-kruha li teżisti taħt it-tlellix ta’ soċjetà għamja-truxa trid tibqa’ tiġi missielta f’ġieħ is-sewwa. Din hi t-tielet ġabra ta’ Omar Seguna; jidher li baqa’ kostanti fit-tematika tiegħu: l-analiżi meqjusa u l-viżjoni nobbli ta’ għejxien ġust għal kulħadd. Hija ħolma ta’ ġustizzja soċjali li ma naffordjawx nitilqulha l-ħabel. Omar hu poeta importanti f’din it-taqbida ġusta.”
Victor Fenech
“Bħal ħajjitna, l-poeżija qatt m’hi post sempliċi jew mingħajr xkiel. Anzi, aħna u naqrawha jew niktbuha, issir unità ta’ ħajja fiha nnifisha, għax bħall-għixien inniffsu, iżżommna anzjużi — u anke kurjużi — dwar dak li nistgħu ngħaddu minnu fil-waqtiet li jmiss. Il-poeżija ta’ Omar Seguna sseħħ f’dawk il-waqtiet li jinfetħu bejn ir-relazzjonijiet u l-ispazji li ngħixu fihom. Spiss, dawn huma kitbiet li jduqu l-esperjenza permezz tas-sensi u l-intwizzjoni qabel ma’ l-poeta imbagħad jipproċessaha b’reqqa kważi argumentattiva. Seguna jiddokumenta l-ġrajjiet li jseħħu fil-kuxjenza, u oħrajn li jinħmew fil-ħsieb poetiku hu u jixtarr imkejjen kumplessi u realtajiet spiss ċerebrali. Imma dawn huma poeżiji li jilqgħu fihom ukoll politika diretta: tiftixiet għal ħelsien u għal pawsi ta’ kenn fl-ekosistema stramba imma unika tal-qalb tal-bniedem, sies antik li fuqu jinbnew u jinħattu l-ġrajjiet li jwassluna sat-tmiem, jew lejn tragwardi ġodda.”
Norbert Bugeja
“Fost il-forom tal-letterarjetà magħżula bħala mezz speċjali ta’ espressjoni u ta’ komunikazzjoni, il-Poeżija ilha, sa mill-bidu tal-istorja tal-bniedem, titqies bħala speċjali, distinta. Il-forma speċjali tindika li l-kontenut ukoll hu meqjus bħala speċjali, u għalhekk il-kontenut hu l-forma, u l-forma hi l-kontenut, verità li hi marbuta storikament ma’ Francesco de Sanctis (tal contenuto tal forma).
B’dawn il-kummenti essenzjali, li lkoll jimplikaw attitudni speċjali fil-kittieb speċjali – il-poeta – il-versi ta’ Omar Seguna f’din il-ġabra jistgħu jiksbu l-aħjar tifsira tagħhom, lil hinn minn kull ġudizzju kritiku li jiġi wara. Huwa jħaddem l-għarfien kulturali tiegħu kollu, u jibni fuqu l-lingwaġġ figurattiv li huwa jaf li huwa l-qofol ta’ kull kreazzjoni poetika. L-aspett awtobijografiku huwa preżenti bħalma hu kull riferiment storiku, esperjenzjali ieħor. Jekk il-poeżija Taħt Sema Griż hi għamla ta’ dokument tal-identità spiritwali, il-poeżiji l-oħrajn kollha, fosthom Kemm Nixtieq, Progress, u Fis-Silenzju ta’ Bejnietna, huma paġni tipiċi ta’ dan it-tip ta’ djarju.
Mill-bqija, din il-ġabra kollha tista’ titqies, f’termini kemm ta’ tema u kemm ta’ stil, bħala rakkont personali dwar l-imgħoddi, waqt li lill-fattur poetiku, figurattiv, Seguna jiżviluppah tajjeb f’mudell universali li jista’ jsir l-espressjoni ta’ kulħadd. Huwa qiegħed jiġġudika l-imgħoddi u l-preżent, waqt li jfittex is-sens permanenti li jista’ jinstab fihom biex kollox isir metafora, jiġifieri fatt esperjenzjali u xbieha ta’ kulma hu kostanti u dejjiemi.”
“Bħala ġabra nqis dan i-ktieb bħala ġawhra oħra fil-qasam poetiku tal-letteratura tagħna. Dawn kienu l-ewwel poeżiji li qrajt tiegħek u nistqarr miegħek li bqajt impressjonat. F’xi mumenti bdejt inħossok il-poeta li kultant jinħakem minn solitudni u jħossu emarġinat. Huwa poeta li jixtieq jara dinja aħjar, aktar ġusta u ħanina. Is-soċjetá li jgħix fiha hija s-soċjetà tal-paroli (Bla, bla bla) u din xi ħaġa li jixtieq jara li tinbdiel. Omar huwa wkoll il-poeta li jħobb jesperimenta biex ikun jista’ jwassal il- ħsibijiet u l-emozzjonijiet tiegħu. U dan tabilħaqq li rnexxielu jagħmlu b’ħila.”
Charles Casha
Bħala parti mill-inizjattiva Ktieb Kuljum imnedija mill-Għaqda tal-Malti, Is-Sur Michael Cini ikkummenta hekk:
“Meta f’idejja qbadt il-ktieb XEHIR FIS-SKIET ta’ Omar Seguna, qatt ma bsart li l-poeżiji ta’ dan l-awtur kienu se jolqtuni daqshekk. Tant li malli spiċċajtu, erġajt bdejt naqrah mill-ġdid għax ridt nerġa’ ntiegħem is-sugu tal-ħsibijiet qawwijin wara kull poeżija.
Poeżiji b’sentiment profond li permezz tagħhom, il-poeta jħares lejn l-elementi li jsawru l-ħajja minn perspettiva differenti. Minn lenti ta’ tiġrib fejn il-qarrej jara l-faċċata l-oħra tal-munita u jiskopri li mhux kulma jleqq hu deheb.
Leħen ta’ protesta li jesprimi diżappunt u wġigħ lejn soċjetà li wara li tinqeda bl-isforzi tal-individwu, kapaċi twarrbu u tarmih. Protesta lejn l-insensittività u n-nuqqas ta’ rispett u mħabba li bosta drabi nuru lejn xulxin. Hawnhekk tispikka l-attitudni filosofika li tixhed il-mod ta’ kif il-poeta jħares lejn in-nies, u kif xi drabi, dawn iħarsu lura lejh! Il-mod ta’ kif jikxef ‘it-tbissima’ tagħhom meta spiss ikunu lesti biex jiġġudikaw.
Jien u naqra xi wħud mill-poeżiji, ħassejtni qed niskopri realtajiet kurjużi, fosthom dwar il-ħajja, il-mewt, l-eternità, sakemm mingħajr ma ridt, bdejt dieħel ġo qoxorti. Stajt inħoss ir-rabja lejn l-indifferenza u d-disprezz ta’ xi wħud lejn ix-xogħol u l-ideat ta’ ħaddieħor. Poeżiji mgħobbijin bil-piż tal-ħajja, bit-toqol u t-tiġrib. Bl-ostakli tal-ħars ikrah, tal-ilsien qarrieq u tal-azzjonijiet intenzjonati. B’biki jew aħjar xehir, fis-skiet tal-qalb, kif jixhed tant tajjeb it-titlu tal-ktieb.
Din il-ġabra ta’ poeżiji ħallietni naħseb u nixtarr. Urietni bosta aspetti li, minkejja li nħabbat wiċċi magħhom kuljum, x’aktarx li lanqas kont qed ninduna bihom. Biss mil-lum, bil-ħila ta’ dan il-poeta, għajnejja żgur li se jibdew ikunu iżjed miftuħin… ferm aktar minn qatt qabel!
Dan il-ktieb huwa ppubblikat minn Horizons / Outlook coop
Għal aktar tagħrif żur is-sit: www.horizons.com.mt“