Awtur: Joe Julian Farrugia; Pubblikazzjoni: Klabb Kotba Maltin
Il-ħajja ma niċċelebrawiex bir-retorika u ħafna kliem sabiħ. Il-legat li jħallu warajhom numru ta’ persuni tajjeb li kultant nibqgħu niftakruh. Waħda mill-affarijiet li tweġġgħani hija meta nibqgħu ngawdu l-frott il-ħidma li xi wħud ikunu għamlu u xi drabi qajla nkunu nafu lil dawk li kienu pijunieri fit-twaqqif ta’ xi istituzzjoni, għaqda sportiva jew fergħa politika u soċjali.
Dan huwa fil-fatt ir-raba’ ktieb minn din is-sensiela ta’ Joe Julian li fil-fema tiegħi u ta’ ħafna (għax intlaqgħu tajjeb ħafna) qed jagħmel biċċa xogħol tajba mmens. Iżda ma nistax ma ngħidx li din il-ħolma bdiet ħafna qabel “Għamlu isem” u bdiet propju hawn fuq dan il-ġurnal, “It-Torċa” u dawn il-bijografiji ta’ personalitajiet Maltin saru parti mis-sensiela “Ulied is-Seklu l-ieħor”. Nistqarr li ma kontx nitlef programm wieħed minn meta Farrugia kien jagħmel “Għamlu isem” fuq ir-radju. Grazzi għat-teknoloġija dawn il-programmi nistgħu nisimgħuhom fuq is-sit elettroniku https://www.mixcloud.com/joejulianfarrugia/.
Waħda mill-karatteristiċi sbieħ ta’ dawn il-kotba hija li l-personaġġi li għandna ġejjin qabel xejn minn kull qasam tas-soċjeta’. Jiġri li meta ma tkunx wisq midħla ta’ dak il-qasam tkun smajt bil-persuna imma tkun tixtieq tisma’ aktar informazzjoni. Joe Julian (qed insejjaħlu bl-ewwel isem għax bħala persuna fil-qasam tal-media hekk jafu kulħadd) jagħtina din l-informazzjoni b’mod pjaċevoli ħafna li wieħed jaqrha. B’ħila kbira jqassar ir-riċerka li għandu u jippreżentahielna b’mod mexxej ħafna. U hawn hekk għandna ktieb li jixħet dawl fuq nies straordinarji imma xi kultant mill-ħajja ordinarja ta kuljum, fi-sena li mhux neċessarjament hawnhekk ser insibu politiċi jew persuni oħra li diġa tant ingħataw importanza.
F’dan il-ktieb ser insiru nafu dwar Charles Izzo; Jimmy Dowling; Dun Frans Camilleri; Joe H. Griffiths; Manwel Mifsud; Frans Galea; Carmelo Pace; Freddie Underwood; Nicky Doublet; Ġeraldu Azzopardi; Wiġi Bongailas; Robbie De Cesare; Joe Fiteni; Joe Cassar; Giovanni Curmi; Paul Nani; Joe Bajada; Giorlando Valente; Pawlu Friggieri; Joe Curmi; John Buontempo; Amante Attard; Watty Cachia; Salvu Darmanin; Hugo Carbonaro; Giuseppe Camilleri; Dun Karm Sant; Salvu Grima; Ċensu Curmi; Ġużi Tanti; Sunny Galdes; Nikol Biancardi; Turu Galea; Samuel Bugeja; Turu Pace; Salvu Cuschieri; Ġammarì Spiteri Amletu; Joe Mompalao de Piro; Patri Donat Spiteri; u Charles Lucas.
Ejja nkunu patrijottiċi wkoll u nsiru nafu dwar il-Maltin li għamlulna unur. Dawn huma persuni li għamlu isem imma huma persuni wkoll li jagħmlulna ġih. Fuq kollox huma persuni li taw ħafna lil dan il-pajjiż b’xi mod jew ieħor għaliex komplew valur permezz tal-ħida tagħhom. Inħeġġeġ ħafna li takkwistaw kopja ta’ dan il-ktieb.