Petali f’Wiċċ l-Ilma

Nhar it-Tnejn 3 ta’ Marzu 2014, taħt il-Patronċinju tal-Eċċellenza tiegħu President ta’ Malta George Abela, kien hemm it-tnedija tal-antoloġija ta’ poeżiji “Petali f’wiċċ l-ilma” tal-avukat Alfred Grech, fil-Palazz tal-President f’Sant Anton. Din it-tnedija ġiet organizzata bl-għajnuna tal-Għaqda Poeti Maltin, li tagħha Grech huwa membru. Għalkemm Alfred Grech daħal fix-xena letterarja pjuttost tard, għandu kitba matura u tajba. Mal-ewwel laqatni l-istil tiegħu, li minkejja l-ħsibijiet profondi, waqtiet espressi fil-vers endekasillabu, ma jonqosux fil-ħlewwa u l-benna tal-poeżija. Wieħed għalhekk faċilment jinnamra mal-versi ta’ Grech, u metrika mexxejja u li tpaxxi lil qarrej.

Waqt il-preżentazzjoni Grech iddeskriva dawn il-poeżiji bħala partijiet differenti mill-bijografija tiegħu. Grech jiddisekrivi dawn il-versi bħal “petali ta’ warda’, hekk kif inhu l-isem tal-ktieb, fil-poeżija “Il-Versi tiegħi”;

“Il-versi tiegħi petali ta’ warda
Li nqtajtlu ġo kaxxetta u hemm minsija;
Jekk trid tkun tafni sew kemm terga’ l-għatu
U tikxef kulma jien żemmejt għalija.”

Il-Professur Oliver Friġġeri li wkoll għamel l-analiżi ta’ dawn il-poeżiji, fil-preżentazzjoni tiegħu waqt it-tnedija iddeskriva dawn il-poeżiji bħala waħda mibnija fuq l-oħra. Mhumiex iżolati minn xulxin. Dawn il-poeżiji jixhdu iċ-ċokon tal-gżira Għawdxija, li Grech baqa’ jġorr dan iċ-ċokon miegħu għaliex il-poeta huwa fil-fatt mir-raħal pittoresk ta’ Kerċem.

Kieku jkolli nagħżel kelma waħda li tidentifika l-poeżija ta’ Grech hija “Imħabba”. Il-professur Friġġieri waqt il-preżentazzjoni wkoll stqarr li l-poeta huwa bniedem li jħobb. Waqt li kull bniedem jista’ jkun poeta, il-poeta irid iħobb. Fil-ktieb naraw il-poeta li jrid ikun hemm għal kullħadd:

“U jekk għad taqta’ qalbek
U t-telgħa ma titlax
Lil hinn mill-eqreb ħotba
Hemm jien għalik tibżax.”
(Xaqliba ma’ kull fewġa)

Xi waqtiet it-toroq tal-ħajja mhux dejjem faċli, waqtiet imħarbta u oħrajn fejn tħoss li ma tistax timxi aktar. Il-poeta wkoll iħoss dan f’diversi poeżiji tiegħu, ngħidu aħna:
“Nixtieq li kont nixxiegħa
Fejn l-ilma ma jaqtax,
Imm’int dagħbien iwitti
Tiqaflek ma tistax.”
(Nixtieq li kont nixxiegħa)

Il-poeta madankollu, minkejja d-diffikultajiet tal-ħajja, huwa ottimist
“Nixtieq li miegħek ngħum il-ħolm t’għada
Biex b’hekk nistgħu ninsew kruhat il-bieraħ”
(Nixtieq li miegħek noħlom)

Alfred Grech bħala artist, ma jiddejjaq xejn jesprimi dak li jħoss bi bċejjeċ satiriċi li jlaqqgħuna fost oħrajn mal-politiċi u jistaqsi “għaliex xebgħu jgħaddu ż-żmien u jidħku bina?” (Elezzjoni 2013)

L-ewwel ħaġa li laqtitni fil-kitba ta’ Grech hija l-istil tradizzjonali li jħaddan fil-biċċa l-kbira tal-poeżija. Hija poeżija ħelwa u tagħti pjaċir lil min jaqrha daqs kemm hija profonda. Huwa vjaġġ li l-poeta jagħmel, u fi kliemu:
“Li kieku nrabbi l-ġwienaħ
U nofroq il-wesgħat,
Nirbaħ il-baħar kollu
U l-qilla tal-allat.”
(Li kieku nrabbi l-ġwienaħ)

(L-Orizzont, 8 ta’ Marzu 2014)See Translation

Biża’ u Kuraġġ

Nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Frar saret il-preżentazzjoni tar-Rumanz Storiku “Biża u Kuraġġ”
ta’ Karmenu Mallia, fil-Beġa Franċiża fil-Birgu, flimkien mal-Kunsill lokali tal-Birgu. Dan il-post meraviljuż qed iservi bħala l-Kunsill Lokali tal-Birgu wara restawr estensiv li sar fih. Din kienet preżentazzjoni aktar milli tnedija, peress li r-rumanz diġa qiegħed jinbiegħ mill-ħwienet ewlenin. Il-preżentazzjoni fil-Birgu kienet f’waqtha minħabba l-fatt li r-rumanz huwa ambjentat il-Birgu. Niltaqgħu ma’ Célestine li ssir tħobb lil Fredu Flores, imma żżewġet lit-Tabib Bru. Meta mietet Célestine t-Tabib beda jrabbi lil Miriam, it-tifla ta’ ħuh. Ir-rumanz huwa ambjentat fi żmien il-Gwerra u għaldaqstant il-qarrejja ser jiltaqgħu mal-ġrajjja tal-Illustrious u l-Konvoj ta’ Santa Marija u t-tabiliet popolari ta’ Ċetta tad-Dudu; li niltaqgħu ukoll ma’ dan il-karattru f’dan ir-rumanz. Bosta nies tal-Kottonera fittxu kenn fi nħawi oħra fi żmien il-gwerra. Hilda, oħt Fredu Flores, kienet attriċi, u ltaqgħet ma’ Miriam u l-Kanonku Dun Belin f’Ħal Qormi bħala refuġjati. Fredu jiżżewweġ lil Miriam. Hilda romlot ukoll. U hawn jidħol fl-istorja anki l-Avukat Ċiċċibeqqi. Tħajjar għaliha iżda Hilda ma riditux. U Ċiċċibeqqi baqa’ jiġri warajha anke wara l-gwerra, hekk kif Hilda reġgħet marret il-Birgu. Dan hu rumanz ta’ 382 paġna li jinqasam f’19-il kapitlu.

Dr Karmenu Mallia ta kontribut kbir lil-letteratura, l-aktar għall-fatt li huwa espert tal-lingwi. Fil-fatt huwa ħareġ diversi ġabriet ta’ poeżiji bil-Malti, bl-Ingliż, bit-Taljan, bil-Franċiż u bl-Esperanto. Karmenu Mallia saħansitra ħareġ kotba sabiex wieħed jitgħallem il-lingwa sabiħa tal-Esperanto u minbarra kitbiet oriġinali tiegħu b’din il-lingwa, qaleb ukoll diversi kitbiet oħra għall-Esperanto. Malia rebaħ ukoll diversi premijiet letterarji kemm Mlata kif ukoll barra minn Malta. Huwa membru tal-Akkademja tal-Esperanto, kif ukoll membru onorarju tal-għaqda Poeti Maltin. Mallia ingħata wkoll Ġieh Ħal-qormi u Ġieh Ħaż-Żabbar. (8 ta’ Marzu 2014)See Translation

L-imħabba tal-Istilla Polari

Yana Psaila, membru tal-Għaqda Poeti Maltin, ilha tgħix hawn f’Malta għal dawn l-aħħar 9 snin u minkejja li l-ilsien nattiv tagħha huwa r-Russu, tgħallmet il-Malti waħidha u bdiet tikteb bih il-poeżiji wkoll daqs sena u nofs ilu. Meta kellha ħdax-il poeżija b’kollox, ippubblikat f’Diċembru li għadda l-ewwel ġabra ċkejkna. Iddeċidiet tagħmel xi ħaġa mhux tas-soltu u ħarġet il-ktejjeb fil-format A6, biex wieħed ikun jista’ jġorru miegħu faċilment, kull poeżija għandha l-istampa li taqbel mal-ispirtu tagħha u l-kulur tal-paġni partikolari li jgħinha tispikka iżjed u b’hekk il-qarrej jidħol f’dik l-atmosfera speċjali tal-poeżija u jieħu aktar gost. Semmietu “L-imħabba tal-istilla polari” u dan it-titlu jirrifletti t-tema ewlenija tal-poeżiji li hija l-imħabba bejn raġel u mara kif ukoll b’mod metaforiku jgħid li din l-imħabba qatt ma tispiċċa għax kif tarha l-awtriċi, l-istilla polari hija kewkba li ma tantx titħarrek, u għalhekk saret għalina simbolu tal-kostanza, xi ħaġa dejjiema li wkoll tfakkar lill-awtriċi fil-post fejn twieldet, is-Siberja, it-Tramuntana tar-Russja.

Din il-ġabra hija ppreżentata fuq 24 paġna kkulurita fuq karta tleqq bil-kopertina miksija miż-żewġ naħat. Dan il-ktejjeb sabiħ u mlewwen jista’ jkun rigal pjaċevoli! Jinbiegħ mill-ħwienet ewlenin għall-prezz ta’ €3.99 (22 ta’ Frar 2014)See Translation— with Yana Psaila.

Jinżlulek Għasel

Bosta kitbu dwar persuni magħrufa, jew personalitajiet ħbieb tagħhom. Jiġini f’moħħi fost oħrajn “Ħbiebi” ta’ Ġuże’ Chetcuti. Flores u Barbaro Sant f’din il-ġrajja mhumiex jippreżentaw bijografiji imma rakkonti ħelwin minn xi esperjenzi li jkunu għaddew minnhom. Claudette Baldacchino tirrakonta dwar kif semgħet il-ħsejjes fis-siegħat bikrin ta’ filgħodu waqt li kienet ir-radju; Louis Gales jirrakonta kif waqa’ x-xagħar li kien jissellef min-naħa għal oħra fuq id il-Papa; Frans Ghirxi jiftakar meta fettillu jmur il-Qorti mingħajr il-ġlekk, wara arranġament li kien sar mill-Ministru tal-Ġustizzja għal jiem sħan tas-sajf imma xorta qalagħha mill-Maġistrat; Joe Grima jirrakonta iċ-ċajta li kien għamillu l-Perit Mintoff; u ħafna u ħafna oħrajn. F’din il-ġabra qasira nsibu mill-inqas 100 awtur ta’ dawn l-anedotti li se jlaqqgħuna ma’ ħafna u ħafna personalitajiet oħra. Waqt li llum hija drawwa li wieħed jaqra fuq il-mezzi tal-media soċjali dwar dak li jgħaddu minnhom il-“ħbieb”, hawn ukoll għandna stejjer, imma bid-differenza li minsuġin b’Malti sabiħ, li mhuma se joffendu lil ħadd u li wieħed jista’ jibqa’ jgħożż fil-librerija tiegħu. Huma rakkonti ħelwin li tista’ taqrhom f’liema ordni trid. U jekk wara xi ġurnata twila xogħol, ftit li xejn ikollok ħin jew aptit biex tħabbel moħħok jew tinkwieta aktar, żgur li dawn huma rakkonti li jpaxxuk u kif iġib l-isem tal-ktieb “Jinżlulek għasel”. Ktieb li naħseb wieħed m’għandux jitlef. (L-Orizzont, 8 ta’ Frar 2014)

Agon

Lil Lino Bugeja forsi bosta jafuh bħala ambjentalist, l-aktar meta kien iservi bħala President tal-Għaqda tar-Ramblers. Lino Bugeja iżda huwa wkoll sportiv, tant li kien fost l-ewwel atleti Maltin li ħadu sehem fil-Logħob Mediterranju, jilgħab il-futbol, coach tal-futbol, kap ta’ skola, segretarju tal-Kumitat Olimpiku Malti, lekċerer, kif ukoll ġurnalista. L-esperjenza vasta ta’ Bugeja kienet ta’ kontribut kbir għal dan il-ktieb. AGON, sponsorjat mill-APS Bank Limited, huwa ġabra ta’ studji, b’lingwa li wieħed faċilment jifhem, dwar l-isport sa mill-qedem sal-epoka moderna meta “l-isport sar feonomenu globali u meqjus mill-UNESCO bħala dritt fundamentali tal-bniedem.” Interessanti ħafna li hawnhekk għandna xogħol lokali, u l-awtur ma naqasx li jinkludi wkoll ix-xena lokali fl-istudji tiegħu.

AGON huwa ppreżentat sabiħ ħafna u b’numru ta’ stampi bil-kulur li jgħinnu l-qarrej jifhem aktar l-istorja tal-isports, bħalma huma id-daħla tal-istejdjum antik ta’ Olimpja, il-fdalijiet tat-Tempju ta’ Poseidon ħdejn Korintu, il-karta tal-identita’ ta’ Victor Pace, wieħed mill-għawwiema Maltin f’Amsterdam, posters tal-logħob olimpiku u ħafna oħrajn. Bħala eduakatur, Buġeja ma jonqosx milli jsemmi il-benefiċċji edukattivi u soċjali tal-isports. Fl-istudji tiegħu jidħol ukoll fir-relazzjonijiet tal-isports mal-arti, mar-reliġjon, u rwoli varji tal-isports.

Għad-dilettanti kollha tal-isports, li nafu li hawn ħafna qarrejja tagħna, dan huwa ktieb li għandhom jakkwistaw. Imma anke għal dawk li mhumiex dawshekk dilettanti tax-xena sportiva, dan huwa ktieb li se jolqothom żgur għax fih ser isibu xogħol riċerkat li għandu jkun fuq l-ixkafef tal-librerija tagħhom. (L-Orizzont, 8 ta’ Frar 2014)

John F. Kennedy: Il-President Assassinat

Edward (Eddie) Attard issa sar sinonimu ma’ bosta riċerka dwar il-l-istorja tal-pulizija, tal-kriminalità, u l-ħabs . Fost oħrajn, Attard jibqa’ msemmi għall-kotba tiegħu, Il-Ħabs, l-Istorja tal-Ħabsijiet f’Malta mill-1800 (2000), Il-Pulizija f’Malta, (1999) – wieħed mill-kotba tas-sensiela Kullana Kulturali (PIN), Delitti f’Malta (2001, BDL), Assassinji Internazzjonali – Enċiklopedija ta’ Persunaġġi Assassinati u l-Bijografija tagħhom (2006, PEG), Mintoff u De Gray (2008, BDL), u Murder in Malta (2009, BDL).

Hawnhekk Eddie qed jippreżenta waħda mill-aktar omiċidji magħrufa, dak tal-President John F. Kennedy. Ma jistax jonqos li hekk kif jiġri wara każ bħal dan ikun hemm numru ta’ kontroversji kif ukoll spekulazzjonijiet. S’issa nafu li Lee Harvey Oswald huwa dak li spara u qatel lil Kennedy. Madankollu ma’dan il-qtil nibtu diversi tijori u ipoteżi ta’ x’seta’ ġara. Il-ħila ta’ Attard hija li jagħraf jiġbor dan kollu b’mod komprensiv, imma fl-istess ħin miktub b’mod mexxej li ma jħalli ebda diffikulta’ biex wieħed jaqra u jifhem il-fatti. Kennedy sar President fi zmien ta’ tensjonijit kbar, kemm minn barra kif ukoll interni. Fil-qofol tal-gwerra bierda Kennedy ma ddejjaq xejn jieqaf lill-aqwa potenza rivali tal-Istati Uniti, jiġifieri l-Unjoni Sovjetika. Fl-istess ħin kellek il-kwistjoni razzjali fl-Istati Uniti. Attard ma jonqosx milli jirreferi wkoll għar-rapport tal-Kummissjoni Warren u anke għall-kritika li saret għal dan l-istess rapport. Fost il-kritiċi ewlenin kien hemm l-avukat Mark Lane paremess tal-ktieb Rush to Judgement li ħareġ fl-1968. Fl-introduzzjoni ta’ dan l-istess ktieb, il-kittieb famuż Trevor-Roper kiteb li wieħed mill-avukati mqabbda mill-kummissjoni kiteb “illi kieku Oswald ġie ipproċessat l-ebda qorti ma kienet tikkundannah fuq l-evidenza li nstabet” (paġna 103). Imsomma… aktar dwar dan wieħed jaqrah fuq il-ktieb ta’ Eddie Attard. Interessanti ħafna wkoll l-appendiċi, fosthom il-korrispondenza bejn il-President Lyndon Johnson u l-President Sovjetiku. Nikita Khrushchev. (L-Orizzont, 25 ta’ Jannar 2014)