Bejn Tnejn

Josef Borg u Carlston Grima

Bħalma jiġri fix-xena mużikali, anke fil-letteratura diffiċli biex titkellem dwar poeti stabbiliti. Huwa minnu li għandek poeti li terrqu forsi għal għexieren ta’ snin fit-triq tal-poeżija u taw kontribut enormi lil-letteratura Maltija. Imma mbagħad qed naraw ukoll uċuh relattivament “ġodda” b’pinna tad-deheb. Dawn mhux biss bħal ta’ qabilhom qed jagħmlu unur kbir għalihom infushom u għal pajjiżna imma wkoll qed joħolqu xejriet u stili ġodda ta’ letteratura. Josef Borg u Carlston Grima żgur li huma fost dawn l-awturi li qed jispikkaw sew fiċ-ċrieki letterarji. Minn pinna żagħżugħa tissawwar dil-ġabra poetika friska imma matura u riflessiva.fl-istess ħin.

Kull mument huwa imporanti anke dak li bosta minnha lanqas biss nintebhu bih. Kemm Borg u kemm Grima josservawh. Mhux ta’ b’xejn it-tnejn li huma jiktbu l-ħajku (p.38-39; 73-75). Għax il-ħajku mhux sempliċiment poeżija qasira b’metrika partikolari (5-7-5), imma huwa wkoll mod kif l-awtur jesprimi mument x’aktarx singulari f’ħin partikolari. Imma anke jekk mhux fil-ħajku l-awturi tagħna bħal jieqfu u jħarsu lejn xi waqiet partikolari mill-ħajja anke jekk huma astratti u joħduna minn vjaġġ għall-ieħor u bħal ikabbru permezz ta’ lenti dawk l-aspetti li jixtiquna nirriflettu dwarhom.

Lenti fuq emozzjonijiet differenti

L-aktar li laqatni f’din il-ġabra, tista’ tgħid fiż-żewġ awturi imma partikularment f’ta’ Borg hija l-mod kif jagħtu libsa kunċetti astratti. Fost dawn insibu l-ħsieb (p.11), il-pożittivita’ (p.15), in-nostalġija (p.17), l-apatija (p.20) u oħrajn. L-eżistenzjaliżmu tal-imgħoddi jispikka fost oħrajn fil-poeżija “Bikkej” u “f’kull att” iż-żmien “iqanqal tifkira mgħoddija, imsewsa” (p.7)

Imma waqt li jitkellmu fuq il-ħsibijiet u emozzjonijiet interjuri il-poeżija ta’ Borg u Grima m’hijiex insulari; tant li toħroġ sew il-kuxjenza soċjali ħafna drabi altruwista. Fil-poeżija “Hawn hi Ommok” (p.10) ngħidu aħna Borġ jitkellem dwar tipi differenti ta’ ommijiet. Hemm dawk li jibku fis-skiet minħabba uliedhom li qabdu l-vizzju tad-droga. Hemm l-ommijiet li jżuru lil uliedhom fil-ħabs b’mod regolari “bla ġudizzju” minkejja li xi drabi kellmuha b’mod xejn xieraq. Fuq kollox meta nitkellmu dwar l-omm ma nistgħux ma nħarsux lejn Ommna tas-sema li tiġbor fiha bosta mill-waqtiet ta’ ferħ u anke ta’ tbatija tal-ommijiet. Fil-poeżija ta’ Grima imbagħad donnu hemm element qawwi ta’ patrijottiżmu (p.51,58,60). It-tnejn li huma jridu jwasslu messaġġ, f’dik ta’ Borg kultant ir-rabja toħroġ aktar qawwija. Jirrabja bl-ikrah għall-ipokrezija tal-Maltin partikularment fil-Ġimgħa l-kbira (p.36):

“Sriebet twal ta’ nies
ma jaqtgħu qatt,
kajman il-pass mexxej
mal-kartapesti tal-kristijiet
mgħarrqin f’demm in-nixfa
ta’ fidwet l-iben feġġej”

Jikkritika wkoll l-inġustizzja (p.23). Waqt li Borg jesprimi b’mod qawwi r-rabja, huwa sorprendenti mhux ftit li mbagħad jikteb poeżija ta’ mħabba bħalma hi “L-ewwel imħabba” (p.14) b’metafori li jpaxxuk, li juru s-sentimenti lejn il-maħbuba tiegħu. Laqtitni ħafna il-poeżija “Rebbiegħa” (p. 18) fejn Borg juri wkoll li jaf iħaddem sew ukoll il-vers tradizzjonali u anke “Int kont hemm” (p.25). L-għanja ħelwa f’kuntrast mar-rabja mfissra b’metafori qawwija f’poeżija oħra nxebbaha ma’ siltiet mużikali romantiċi li joħorġu minn xi artisti mużikali li jdoqqu mużika tqila. Dan il-kuntrast huwa interessanti u jogħġobni ħafna.

Żgħazagħ b’maturita’ kbira

Aspett li jinħass sew f’dawn il-poeżiji hija l-maturita’ kbira li toħroġ u dan il-fatt donnu l-istess poeti huma konxji tiegħu. Jidhirli li fil-poeżija ta’ Grima aktar jinħass dan is-sentiment, forsi minħabba li huwa aktar żagħżugħ u għadu maqbud bejn il-ħtieġa li jesperimenta u jduq ftit aktar l-esperjenzi tal-ħajja u fl-istess ħin magħġun sew bil-għerf, bil-qari u b’riflessjonijiet profondi.

“Ħakmet il-moħħ” jintebah li jrid ikompli u għal darb’oħra jħares lejn il-ġejjieni. Forsi l-aktar li jolqot mal-ewwel, u dan b’differenza għal Borg, fil-poeżija’ ta’ Grima hija l-esperiment bil-vrus u anke f’xi drabi anke l-vers projettiv. Bħala awtur jien personali ta’ din it-tip ta’ poeżija ma stajtx ma ninnutax mal-ewwel il-poeżija “L-Imsallab u l-poplu” (p.64) li għandha l-forma ta’ salib u “It-Taraġ ta’ ħajti” (p.56) li għandha l-forma ta’ taraġ. Imma l-esprimenti nsibuhom ukoll fil-mod kif juża l-ispazji u l-punteġġjatura. Fi “Stilla Feġġija” (p.55) huwa qawwi mmens il-vers “M’għandiex post għalik!” imma (u fil-poeżija hemm enfasi fuq l-‘Imma”),

“Passejn l-istilla
dderiġew
Lejn fejn hemm tarbija
Li huma nsew”

Interessanti kif iż-żewġ poeti jagħrfu ‘t-tifel’ ta’ ġo fihom li minkejja l-maturita’ jibqa’ hemm. Grima jilmenta sa ċerta punt “se nibqa’ nġorr f’batalja l-emozzjonijiet konfużi bla eżattezza” (p.57) Mill-banda l-oħra Borg, fil-poeżija “Baħħar qalbieni” (p.27) ifisser kif xorta jibqa’ jfittex l-irdoss tal-omm.

Fil-fehma tiegħi fil-poeżiji ta’ Grima jinħass ħafna l-entużjażmu, frott iż-żogħżija, u wkoll xi drabi biża’ mill-ġejjieni li tant jixtieq jasal malajr. Hawnhekk il-poeta narah qed jikteb f’isem ħafna u ħafna żgħazagħ.

Konklużjoni

Li jolqtoni f’dawn it-tip ta’ ġabriet ta’ poeżiji bejn żewġ awturi jew aktar huwa kif minkejja d-differenzi fl-esperjenzi tal-awturi, xogħolijiet differenti u kuntesti differenti li jkunu ġejjin minnu, xorta jidher li jkun hemm xebh kbir.

Ta’ min wieħed jinnota wkoll l-isforz konxju tal-poeti fil-preżentazzjoni ta’ dan il-ktieb, l-aktar bil-pitturi ta’ Salvatore Azzopardi Arts.

Inħeġġeġ biex dawk li għadhom ma ltaqgħux mal-kitba ta’ dawn iż-żewġ poeti, jew forsi għadhom qatt ma semgħu bihom, jakkwistaw kopja ta’ dan il-ktieb għax huwa eżempju tajjeb tal-poeżija kontemporanja.

(Paġna Letterarja It-Torċa 21 ta’ Ġunju 2015)See Translation— with Josef Borg and Carlston Grima.

Qniepen l-Għaxija

Joseph Zammit Tabona

Waqt li l-poeżija miktuba bil-vers ħieles għandha ħafna valur, tieħu gost mhux ftit meta toħroġ xi ġabra ta’ poeżiji tradizzjonali. Din it-tip ta’ poeżija ssegwi l-metrika, sillabi fissi li joħolqu ritmi u bosta drabi anke rima li toħloq ċerta mużikalita’. Hija ħasra li din it-tip ta’ poeżija li bħal għanja tinżillek ħlejju ma tantx għadha tinkiteb minn poeti kontemporanji. Nassumi parti mill-ħtija li frott l-entużjażmu biex nesperimenta bi stili ġodda, u forsi anke ftit biża’ mid-dixxiplina meħtieġa f’din it-tip ta’ poeżija, inħallt ftit mir-riġidia’ li ssawwar din it-tip ta’ poeżija.

Wieħed mill-poeti li jħaddem tajjeb ferm l-istil tradizzjonali huwa l-avukat Joseph Zammit Tabona. Joseph Zammit Tabona huwa magħruf bħala “l-poeta tal-Imdina”, u dan minħabba n-numru ta’ poeżiji li fihom ta’ ġieh lil din il-belt storika u għall-poeta tagħna spiritwali wkoll. Tant li ngħata l-onorifiċenza “Ġieh l-Imdina”. Ir-rabta tal-poeta mal-Imdina tidher fin-numru ta’ kotba li kiteb fosthom “The Mdina Lyrics and other collected poems” (1998), “A Songbook for Mdina” (2000), “L-Għana tal-Imdina” (2003) u “A Songbook for Mdina – reprint with additional poems” (2007). Dawn il-kotba jiena ngħid huma wkoll tifkira ħelwa anke għat-turisti li jżuru pajjiżna. Mhux ta’ b’xejn li fil-faċċata ta’ din il-ġabra nsibu ritratt ta’ din il-belt siekta, u affaxxinanti, storika u spiritwali li kienet ta’ ispirazzjoni għal dan l-awtur.

Ispirazzjoni mill-imgħoddi li sawwarna

Zammit Tabona jagħraf tajjeb li ħadd ma jista’ jinsa l-imgħoddi li sawru għax inkella jkollu parti mill-identita’ tiegħu li għadu m’għarafx. Din ir-rabta, anke mal-Imdina, għalhekk mhijiex biss waħda storika u ta’ identita’ nazzjonali imma wkoll ta’ identita’ personali. Fil-poeżija tiegħu jissaħħar bl-imgħoddi:

“U nara ġmiel il-qedem dejjem tari
Inħossni fqajjar biex inroddlok qima”
(L-Imdina, p.16).

Imma kif jgħid fl-istess poeżija, l-imgħoddi hu wkoll importanti sabiex jagħraf il-ġejjieni.

“u ħsieni jerġa lura lejn l-għaddieni”.

L-istess jerġa’ jtenni f’poeżija oħra ddedikata “Lill-Belt il-Qadima” (p.15):

“Id f’id illum, ma dawk ta’ jiem bikrija,
Inroddlok ġieh, bit-tama għall-ġejjieni”.

Il-poeta għalhekk ma jonqosx milli jagħti ġieh lil numru ta’ kittieba kbar oħra, li taw kontribut enormi lil-Letteratura Maltija. Fost dawn insibu l-Poeta Nazzjonali Dun Karm, li Zammit Tabona kien jafu billi kien ġar tiegħu Tas-Sliema għal diversi snin (p.5). L-awtur jgħid ċar u tond li Dun Karm ħalla influwenza kbira fuqu. F’din il-ġabra nsibu żewġ poeżiji ddedikati lil poeta Nazzjonali; “Għal Dun Karm” u “Lil Dun Karm” (p.29). Dun Karm jarah bħala parti essenzjali mill-identita’ Maltija li jippersonifika dan il-ġens qalbieni. Għalhekk għandu jkun f’kull dar. Poeżija oħra hija ddedikata lil Ġorġ Pisani. Bħal ta’ Dun Karm, il-poeżija ta’ Pisani ma tmut qatt (p.31):

“Hekk tibqa’ tidwi fostna fil-ġejjieni
Bħal tal-Qassis Poeta mwaħħda magħna,
L-għanja tiegħu mill-qalb għannej waħdieni”

Minbarra l-imgħoddi fost il-ħwejjeg li jsawru l-identita’ tal-poeta tagħna hemm ukoll l-ispiritwalita’. “Quddiem l-Artal tal-Katidral” (p.36) jitlob biex il-fidi tinżamm “żonqrija fid-dehen minn ta’ dari” u tibqa’ żżernaq “isbaħ għal uliedna.”

Riflessjonijiet Profondi

Huwa żball jekk naħsbu li l-poeżija tradizzjonali hija biss għanja. Jekk inħarsu lejn din il-ġabra naraw kemm din it-tip ta’ poeżija hija wkoll tabilħaqq profonda u magħġuna bl-aħjar għażla tal-kelma.

Il-poeta jirrifletti fuq ix-xjuħija li marbuta magħha hemm ir-realta’ kerha li aktar qed tersaq lejn it-tmiem, għalkemm dan il-vjaġġ lejn l-eternita’ hemm min jaqbdu ftit qabel minn oħrajn. Fil-poeżija “L-anzjan” (p.24) jgħid:

“Jidwi l-leħen tal-għaxija
Jinħass berqa ż-żmien għaddieni,
Issa l-fieragħ sar bla siwi,
Issa l-għajn fuq il-ġejjieni.”

Din ir-riflessjoni jagħmilha f’poeżiji oħra fosthom “Fi nżul ix-Xemx”. It-tama tal-poeta hija f’Alla, li jarah bħala dawl u Tama (p.22, 44).

Konklużjonijiet

Xtaqt ninqeda ftit bil-kitba ta’ Joseph Zammit Tabona sabiex inħeġġeġ aktar poeti, l-aktar żgħażagħ, li jfittxu li jiktbu bil-vers tradizzjonali, u jitħarrġu u jitkissru fil-metrika. Waqt li qed ngħid dan, qed inżomm f’moħħi wkoll li kull espressjoni hija poetika, ikun xi jkun l-istil li bih tissarraf fi kliem. Imma żgur li t-taħriġ fil-metrika tradizzjonali, sew jekk hu bil-vers ottonoraju li hu forsi dak l-aktar komuni, sew jekk bil-vers endekasillabu li jippermetti aktar riflessjoni jew forom oħra ta’ poeżija, huwa esperiment li għandu jiġi ippruvat minn poeti żgħażagħ.

(Paġna Letterarja, It-Torċa, 21 ta’ Ġunju 2015)See Translation

Nitkellmu ma’ Alfred Palma

Alfred Palma huwa poeta, awtur u traduttur. Twieled il-Furjana fit- 8 ta’ Settembru, 1939. Studja fl-Iskola Primarja ta’ Ħaż-Żabbar u fil-Kulleġġ De La Salle. Fl-1957 beda jaħdem bħala għalliem fl-iskejjel primarji u fl-1959 daħal skrivan fiċ-Ċivil. Huwa rtira fl-1987 u ddedika ħajtu għal-letteratura. Fl-1991 huwa ppubblika t-traduzzjoni sħiħa u rrimata bil-Malti tad-Divina Commedia ta’ Dante, u wara għadd kbir ieħor ta’ traduzzjonijiet oħra, fosthom xogħlijiet kbar ta’ Shakespeare, Wilde, Voltaire, Lawrence u Mann. Ippubblika għadd ta’ rumanzi bil-Malti u għamel bosta traduzzjonijiet ta’ xogħlijiet ta’ awturi lokali. Ippubblika wkoll għadd sabiħ ta’ kotba fl-Ingilterra u fil-Kanada u ngħata diversi unuri fosthom Ġieħ Ħaż-Żabbar (2000), Cittadino dell’Anno – Villabate (2006), Lauro Dantesco – Ravenna (2008) u Ġieħ ir-Repubblika (2009).

1. Fil-Paġna Letterarja normalment inġib dwar kotba li jkunu ħarġu matul dik is-sena, jew dwar ix-xogħol ta’ xi awtur. Pero ma nistax ma nibdiex bill-Palk, propju billi m’ilux wisq rajna x-xogħol kbir tiegħek id-dramm Hekuba, li hu wieħed mill-akbar drammi ta’ Ewripide, it-teatru Grieg fl-aqwa tiegħu. Kull min attenda faħħar dan ix-xogħol, li nimmaġina kien impenjattiv sew. X’kien jinvolvi għalik dan ix-xogħol hekk kbir u impenjattiv?

T. It-teatru huwa ġeneru li jien ħabbejt sa minn dejjem, b’imħabba li tkebbset aktar bir-rabta tiegħi ma’ William Shakespeare, il-kbir drammaturgu Ingliż, li saħħarni sa mill-jiem tal-iskola. U meta, bosta snin ilu, il-bravissima attriċi Karmen Azzopardi avviċinatni biex nagħmlilha traduzzjoni bil-Malti tad-dramm kbir Grieg Hekuba, ta’ Ewripide, ilqajt bil-qalb it-talba. Id-dramm kien ittalla’ f’Ta’ Qali fl-2003, u kien suċċess kbir. Is-sena l-oħra mbagħad avviċinani l-bravissimu attur u direttur teatrali Mario Micallef, li għarrafni bix-xewqa tiegħu u ta’ Karmen li dan id-dramm spettakolari jerġa’ jittalla’, din id-darba fit-Teatru Manoel. U bil-għajnuna ta’ cast fenominali, taħt id-direzzjoni tal-bravissima Josette Ciappara, f’Novembru 2016 kellna għal darb’oħra suċċess kbir ieħor. Għalija dan kien xogħol diffiċli ferm, iżda għamiltu bil-qalb, ħajr għall-imħabba tiegħi lejn it-Teatru, partikolarment lejn dak Grieg.

2. M’hemmx dubju li dan ix-xogħol seta’ jieħu l-ħajja grazzi għad-direzzjoni ta’ Josette Ciappara u l-wirja mill-aqwa ta’ bosta atturi fosthom tal-attriċi Karmen Azzopardi. Nimmaġina li dan tak sodisfazzjon kbir li tara xogħol tiegħek b’interpretazzjoni daqshekk mill-aqwa.

T. Iva, kif għidtlek, dan id-dramm kien ta’ sodisfazzjon kbir għalija, l-aktar meta rajt l-apprezzament tal-udjenzi li ħonqu t-Teatru Manoel f’kull rappreżentazzjoni li ttellgħet, kif ukoll mill-kummenti pożittivi fil-ġurnali u minn bosta individwi tal-affari tagħhom li faħħru kemm id-dramm kif ukoll it-traduzzjoni tiegħi.

Ritratt: L-awtur ma’ żewġ atturi kbar: Karmen Azzopardi u Mario Micallef, meħud fuq il-palk tat-Teatru Manoel wara l-aħħar rappreżentazzjoni tad-dramm Hekuba, nhar is-27 ta’ Novembru, 2016.

3. Ċertment li dan ma kienx l-ewwel traduzzjoni u lanqas l-unika waħda li ttellgħet fuq il-Palk. Jiġuni f’moħħi post oħrajn il-ħajja mqallba ta’ Caravaggio, adattament tad-dramm kontroversjali Salomé ta’ Oscar Wilde, monologu fuq San Pawl, l-ħajja traġika ta’ Oscar Wilde u oħrajn. X’tgħidilna dwar dawn l-esperjenzi sbieħ? X’iffissru għalik?

T. Le, din ma kinetx l-ewwel traduzzjoni tiegħi għall-palk. Fil-fatt bdejt f’dan il-ġeneru meta, fis-snin 90, Mario Micallef, Direttur tal-Kumpanija Talenti, talabni naqliblu għall-Malti d-dramm komiku ta’ Shakespeare The Comedy of Errors (Il-Kummiedja tal-Iżbalji), li ttellgħet b’suċċess kbir fit-Teatru Manoel. Wara domna snin twal intellgħu dramm ta’ Shakespeare kull sena, sakemm xi ħadd għaref iddeċieda li jaqta’ ħesrem din is-sensiela ta’ drammi li kienet saret tant popolari u mistennija kull Jannar. Wara, dejjem mal-Kumpanija Talenti, tellajt għadd sabiħ ta’ Monologi, fuq talbiet tal-bravissimu Mario Micallef, li fihom huwa interpreta b’ħila eċċeżżjonali lil Dante, lil Caravaggio u lil San Pawl u, ma’ cast żgħir ieħor, adattamenti tiegħi tad-dramm Salomé ta’ Oscar Wilde, kif ukoll tal-ħajja mqallba tal-istess awtur Irlandiż. Dawn kollha kienu suċċessi kbar u ntlaqgħu tajjeb ħafna minn kulmin attenda għalihom fit-Teatru San Ġakbu, il-Belt. Għalija dawn kienu esperjenzi li tawni sodisfazzjon kbir, u peremezz tagħhom sirt napprezza dejjem aktar mhux biss l-arti tal-palk iżda wkoll il-ħila tal-atturi bravi Maltin.

4. Alfred, nammirak li tħaddem tajjeb diversi ġeneri letterarji li ser ikollna ċans ftit nitkellmu dwarhom, pero jkolli nammetti li meta nsemmi Alfred Palma f’moħħi jiġuni t-traduzzjoni tad-Divina Commedia ta’ Dante u t-traduzzjoni tas-Sunetti ta’ Shakespeare. Magħhom nistgħu nagħmlu lista twila ħafna fosthom Candide ta’ Voltaire u L-Maħbub ta’ Lady Chatterly (Lady Chatterley’s lover) ta’ D.H. Lawrence. Grazzi għalik dawn ix-xogħlijiet kbar setgħu jiġu b’ilsien pajjiżna. It-traduzzjoni hija biċċa għadma iebsa. Fil-fehma tiegħi hija sengħa li trid tħaddem b’ħila kbira. Kif jirnexxielek tibqa’ daqshekk leali lejn it-test oriġinali u ovjament iżżomm traduzzjoni tajba Maltija? X’diffikulta’ ssib meta għandek speċjalment sorsi li huma miktuba b’Ingliż li huwa ftit differenti minn dak tal-lum?

T. Iva, it-traduzzjoni hija għadma iebsa, iebsa ħafna; hija arti li, bħal kull arti oħra, titwieled ma’ dak li jkun. Sa minn jiem l-iskola, it-traduzzjoni kienet xi ħaġa naturali għalija; l-hena tiegħi nittraduċi xi silta letterarja. Maż-żmien, kif taf, jien dħalt għal xogħlijiet letterarji ta’ kobor mondjali, bħad-Divina Commedia ta’ Dante, id-drammi u s-Sunetti ta’ Shakespeare, kif ukoll ix-xogħlijiet ewlenin ta’ Oscar Wilde, minbarra diversi xogħlijiet kbar ta’ awturi oħra bħal Voltaire, Thomas Mann u DH Lawrence. M’hemmx għalfejn ngħidlek, id-diffikultajiet f’kull traduzzjoni jkunu kbar: inkun irrid nixtarr mhux biss ix-xogħol innifsu iżda wkoll l-awtur tiegħu; ukoll iż-żmien li fih inkiteb id-dramm, biex l-atmosfera tal-epoka ma tintilifx. Fuq kollox irrid nara x’Malti jkolli nuża, biex ma noħloq l-ebda anakroniżmu. Dan ġarrabtu l-aktar fid-Divina Commedia, li nkitbet fi żminijiet medjevali, u allura b’Taljan arkajk, kif huwa l-Ingliż tad-drammi u s-sunetti ta’ Shakespeare. Forsi l-Ingliż ta’ Wilde ma kienx daqshekk arkajk, iżda kellu l-problema tas-sofistikaġni u tal-battuti fini li, nammetti, ħabbtuni kważi aktar mill- arkajk ta’ Dante u ta’ Shakespeare. Imbagħad kelli l-problema tal-Franċiż ukoll qadim tal-Candide ta’ Voltaire u l-Ingliż djalettali ta’ Lawrence. Iżda, kollox ma’ kollox, nemmen li f’kull traduzzjoni li għamilt tajt kulma stajt, u qatt ma nqast mill-fedeltà lejn l-awtur rispettiv, u aktar u aktar lejn xogħlu!

5. Ikolli ngħid li nassoċjak wisq mal-kapulavur tad-Divina Commedia li ma nafx jekk kienx l-ewwel traduzzjoni kbira tiegħek. X’ġagħlek li tindaga fuq din il-biċċa xogħol kbira, f’moħħi għandi wkoll il-fatt li diġa kien hawn traduzzjonijiet simili?

T. Iva, id-Divina Commedia ta’ Dante kienet l-ewwel traduzzjoni kbira tiegħi, u kienet ilha f’moħħi sa minn jiem l-skola. Bdejt naħdem fuqha fl-1966, meta kelli biss 26 sena, u temmejtha 20 sena wara. Il-Commedia hija kapolavur universali li ridt nagħti lil pajjiżi, imkebbes mill-enerġija taż-żgħożija u l-imħabba tiegħi għall-Ilsien Malti. Fil-fatt, it-traduzzjoni tiegħi hija l-unika waħda kompluta u irrimata. Veru, fi żminijiet oħra saru diversi attentati, adattamenti u traduzzjonijiet ħielsa tal-poema. Fl-1964 Erin Serracino Inglott ħarġet l-Infern, traduzzjoni tajba ħafna iżda mhux irrimata, u, għad li dejjem ingħad li l-Purgatorju u l-Ġenna huma lesti wkoll, dawn qatt ma dehru, u għalhekk, bir-rispett kollu, Erin ma jistax jingħata l-kredtu tax-xogħol komplut.

6. Xtaqt inħarsu aktar fid-dettal lejn dan l-aħħar ktieb tiegħek, qed ngħid għal Maħbuba ta’ Chatterly. Dan ix-xogħol ta’ D.H. Lawrence, popolari mmens, ġie adattat diversi drabi għar-radju u anke għat-televixin. Jolqotni ħafna f’dan il-ktieb ir-relazzjoni ta’ mħabba bejn raġel mill-klassi tal-ħaddiem u mara mill-klassi għolja, tema li ġġibilna emozzjonijiet differenti meta wieħed jikkunsidra ċ-ċirkostanzi ta’ dak iż-żmien u interpretata f’numru ta’ xogħlijiet oħra. Xtaqtek tgħidilna aktar dettalji dwar dan u kif D.H. Lawrence irnexxielu joħroġ it-tema tal-imħabba? X’kienu l-akbar sfidi għalik f’dan il-ktieb?
D.H. Lawrence mar lil hinn mill-istrutturi soċjali u mis-soċjali daħal ukoll f’dak li hu intimu u dan jagħmlu biex ngħid hekk b’mod espliċitu u kontroversjali għal dak iż-żmien. Nimmaġina li dan kien jitlob ċerta kuraġġ.

T. Ir-rumanz notorju Lady Chattereley’s Lover ta’ DH Lawrence, miktub fl-1917, kien daqqa ta’ ħarta lill-ipokresija u d-djuq post-Vittorjan, u bih l-awtur mhux bisss ried jixxokkja iżda wkoll jisfida liċ-ċensuri dojoq u ipokriti ta’ żmienu. Meta saflaħħar ir-rumanz ġie ppubblikat fl-Ingilterra mill-Penguin fl-1960, qajjem furur sħiħ u nbiegħ bl-eluf, x’aktarx minħabba l-kontenut pornografiku tiegħu milli għall-element kuntrastiv bejn żewġ klassijiet soċjali: l-għolja u l-baxxa. B’danakollu, u minkejja kollox, ir-rumanz huwa kapalovur letterarju li (ukoll) dejjem xtaqt nittraduċi għall-Malti. Tifhem li ma kinetx ħaġa faċli għalija, l-aktar minħabba raġunijiet ta’ ċensura, ħajr għall-passaġġi erotiċi u bosta drabi vulgari li fih. Kelll nistenna sakemm il-liġijiet lokali taċ-ċensura nbidlu, u s-sena l-oħra ppubblikajtu. Kien pass kuraġġuż min-naħa tiegħi, u forsi bosta jitmeżmżu jaqraw ir-rumanz, ukoll daż-żmien, għax fit-traduzzjoni ridt nibqa’ fidil għal kollox lejn Lawrence, u fejn kien oxxen bl-Ingliż baqa’ oxxen bil-Malti!

7. Permezz ta’ dawn il-kotba anki inti qed tiġġieled kontra forzi tat-tabu’ li b’xorti ħażina tista’ tnaqqas potenzjalment il-valur artistiku u ma tħallihx jifjorixxi. Insemmi fost oħrajn l-atmosfera ta’ omossesswalita’ sottili, bħal fil-Merkant ta’ Venezja u Iż-Żewġ Ġentlomi ta’ Verona. Imma l-aktar fis-Sunetti, fejn fl-ewwel parti il-glorifikazzjoni taż-żagħżugħ ‘maħbub’ hija bilwisq aktar intensa u qawwija minn dik lejn il-mara samra misterjuża li, nemmen, intużat bħala paraventu biex tibbilanċja l-affarijiet u ttaffi ftit l-atmosfera erotika u passjonali tal-ewwel parti tal-istess sunetti.

T. Iva; kif ġa aċċennajtlek, jien kont sa minn dejjem kontra kull xorta ta’ ċensura, meta l-persuna tkun adulta u matura. Niftakar żminijiet koroh meta ċ-ċensura lokali kienet oppressiva għall-aħħar, l-aktar fejn tidħol letteratura erotika. U dan ħoloq fija sens ta’ sfida li, ħajr għall-bdil fil-liġijiet lokali, artist, kittieb, xi jkun, issa huwa ħieles li jesprimi ruħu kif irid. Ċerti taboos, l-aktar fejn tidħol l-omosesswalità, li qabel kienet sottili f’bosta xogħlijiet letterarji kbar, bħal f’xi drammi u fis-sunetti kollha ta’ Shakespeare, f’ħafna xogħlijiet ta’ Wilde u f’kapolavuri letterarji oħra, issa jistgħu jitperrċu u jinftiehmu aħjar u allura jkunu aktar apprezzati.

8. Inti ktibt ukoll numru ta’ rumanzi oriġinali għall-adulti fosthom Irmied u Tqanqil. Dawn it-tip ta’ kotba jkolli talba għalihom mill-qarrejja ta’ dan il-ġurnal. Xtaqtek tgħidli ftit xi ħaġa dwarhom.

T. Iva, jien ktibt sitt rumanzi, kollha erotiċi u kollha rikmandati għal qarrejja adulti. Dan m’għamiltux biex noħloq xi sensazzjoni, iżda biex nuri li l-ħajja hi dik li hi, u li kollu għalxejn li noqogħdu ninħbew wara l-maskri, għax bogħod minn għajnejn in-nies, kulħadd jagħmel li jaqbillu! Barra minn hekk, min qara r-rumanzi tiegħi għamel hekk minn rajh, u jekk (wara) skandalizza ruħu u triegħex, ma kienx tort tiegħi! L-ipokresija qatt ma ħmiltha, u qatt ma għamlet ġid lil ħadd!

9. Naħseb il-ħbiberija tagħna nibtet f’qasam ieħor li huwa ħafna għal qalbek, qed ngħid dak tal-poeżija. Irrid nirringrazjak pubblikament li dejjem tajtni appoġġ, u dan qed ngħidu għax m’għandix dubju għax l-istess jistgħu jgħidu dwarek numru ta’ poeti. Liema kienu l-aktar suċċessi li tista’ tgħid kellek, jew li tawk sodisfazzjon fil-poeżija?

T. Iva, Omar, il-poeżija għenet ħafna fil-ħbiberija tagħna. Inkoraġġejtek u nibqa’ ninkoraġġik għax fik nara poeta ġenwin li verament iħobb il-poeżija. Jien bdejt nikteb l-ewwel poeżiji tiegħi meta kont għadni nistudja fil-Kulleġġ De La Salle. Maż-żmien isseħibt f’diversi Għaqdiet Letterarji lokali; fl-1972 ippubblikajt xi poeżiji ma’ tliet poeti oħra, u wara deher Preludji (1993). Irbaħt bosta Konkorsi ta’ Poeżija, kemm f’Malta kif ukoll f’Ruma u fl-Istati Uniti. Issa qed nistenna l-pubblikazzjoni tat-tieni ġabra ta’ poeżiji tiegħi, li semmejt Katarsi għax, fil-fatt, u kif taf tajjeb, m’hemm xejn isbaħ mill-katarsi poetika!

10. Inti wkoll membru onorarju tal-Għaqda Poeti Maltin, titlu li rrid ngħid ma jingħatax lil kullħadd. Naf li inti kont impenjat ħafna f’din l-għaqda li fost oħrajn torganizza l-Konors Nazzjonali tal-Poeżija, dak li llum qed jiġi organizzat flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, u numru ta’ serati fl-irħula tagħna, ħafna drabi bis-sehem jew bi sħab ma’ kunsilli lokali jew għaqdiet oħrajn. X’tgħidilna aktar dan?

T. Jien minn dejjem ħabrikt u għent kemm stajt biex l-arti poetika tiffjorixxi lokalment. Il-poeżija, bħall-mużika, hija d-duwa għar-ruħ, l-aktar fiż-żminijiet imqallba tal-lum. L-Għaqda Poeti Maltin kienet minn dejjem quddiemnett biex tinkoraġġixxi l-imħabba lejn il-poeżija, bid-diversi Konkorsi u attivitajiet li jsiru spiss matul i-sena kollha. L-istess jista’ jingħad għall-Kunsill Lokali tal-Ktieb, u nħoss li għad li tibqa’ tinħass dejjem dik l-indifferenza u kultant ukoll bruda fir-rigward tal-poeżija, b’danakollu nemmen li l-effett, ukoll jekk forsi ma jidhirx prima facie, ikun qed jinħass. Illum l-Għaqda Poeti Maltin tgawdi prestiġju lokali u internazzjonali, u nħossni grat u kburi li snin ilu ħatritni bħala Membru Onorarju tagħha, u dejjem nara li, kulmeta u fejn nista’, nibqa’ noffri l-kontribut tiegħi fit-tixrid tal-poeżija.

11. Ma nistax fl-aħħar nett ma nistaqsikx dwar Ħaż-Żabbar, raħal tant għal qalbek. Naf li inti involut f’numru ta’ attivitajiet letterarji u kulturali f’Ħaż-Żabbar. X’ifisser għalik dan l-impenn?

T. Iva, lil Ħaż-Żabbar inħobbu, u jisgħobbija biss li ma twelidtx fih! B’danakollu jien Żabbari sa ruħ ommi, u kulmeta niġi mitlub biex ngħin f’xi attivitajiet kulturali u/jew letterarji fir-raħal, nagħmel li nista’ u kemm nista’, biex nagħti daqqa t’id. F’Ħaż-Żabbar, kull tielet Tlieta tax-xahar, il-Kunsill Ċiviku tal-lokal, immexxi b’dedikazzjoni kbira mis-Sinjura Grace Pace, jorganizza Kikkra Kulturali , serata li fiha niltaqgħu grupp ta’ kull età biex flimkien inqattgħu siegħa jew tnejn naqraw poeżiji, novelli u x’naf jien, biex b’hekk nieħdu gost flimkien u fl-istess ħin ninkoraġġixxu l-imħabba lokali lejn il-letteratura. Mistieden kulħadd u żgur li min jattendi darba jibqa’ jattendi. Tifhem li, minħabba l-bosta mpenji li jkolli, ma jkunx dejjem possibbli għalija li nattendi għal dawn is-serati; iżda kulmeta nkun nista’ dan id-dmir inwettqu wkoll! — with Alfred Palma.

Insaniam

Edgar Formosa
Pubblikazzjoni: Horizons

Naqra l-kitba ta’ Formosa stħajjiltni qed naqra interpretazzjoni ta’ riċerka etnografika bid-differenza li minflok analiżi akkademika l-awtur qed iwasslilna novelli li jħallulek diversi togħmiet differenti imma kollha huma xejra tal-istess ħajja. Li jolqtok mal-ewwel fl-istil ta’ Formosa huwa l-istil li juża sabiex iġiegħel lill-qarrej jirrelata mal-karattri li joħloq. In-novelli b’kuntest waqtiet surreali imma realistiċi, u qrib ħafna il-ħajja tal-bniedem ordinarju. Fin-novelli tiegħu Formosa jieħu wkoll pożizzjoni, tant li bosta drabi huma miktubin fl-ewwel persuna, fatt li jinnotah ukoll il-Professur Oliver Friggieri fid-daħla ta’ dan il-ktieb.. Dan il-fatt jidher b’mod ċar ukoll fil-ktieb tiegħu Anastasia, li kien rumanz mill-bidu sal-aħħar. Iseħħu affarijiet strambi f’dan ir-raħal Fir-rumanzi jew novelli kollha imma Formosa jirnexxielu bħal jifhem is-sitwazzjonijiet li jkun ħoloq huwa stess, fis-sens ma jarax l-istampa mill-bogħod bħalma soċjologu jinterpreta statistika, imma mill-qrib.
Il-Professur Oliver Friggieri fid-daħla ta’ dan il-ktieb jgħid li Formosa “jsawwar kwadru psikoloġiku” u jesplora kif jaħdem moħħ il-bniedem f’ċirkostanzi partikolari. Dan jagħmel dan il-ktieb wieħed interessanti mmens, tajjeb daqs kemm huwa wkoll pjaċevoli biex wieħed jaqrah. Formosa huwa awtur li ma jiddejjaqx jesperimenta u barra minn hekk m’għandux ġeneru wieħed li huwa marbut miegħu biss. L-ewwel ktieb ngħidu aħna “Sena mill-ħajja mistura ta’ Daniel Tusa” (2004) huwa wieħed umoristiku. It-tieni ktieb tiegħu “tikk…tokk…is-sagħtejn” (2010) huwa immirat lejn l-adoloxxenti u jxaqleb kemmxejn lejn il-biża’. Hawnhekk kont qed nistenna li Formosa se jibda jikteb għall-adoloxxenti, minħabba li permezz tal-esperjenzi kbar li għandu magħhom jista’ jifhimhom u jgħinuh mhux ftit sabiex jikteb għax-xewqat u l-gosti tagħhom. Iżda dan l-awtur qatt ma jieqaf jesperimenta, sakemm dejjem naturalment ikollu materjal ġdid kif qed jidher sa issa. Il-ktieb li għandna llum “Insaniam” jiġbor fih fil-fatt mhux rumanz wieħed imma tliet novelli: Insaniam, Għażiża Rachel u Naf fejn toqgħod. Interessanti kif minkejja d-differenzi bejn il-kotba għallinqas fil-fehma tiegħu hemm xi ħaġa komuni li l-ktieb tagħrfu li huwa ta’ Edgar Formosa.

Differenti fl-istejjer … Imwaħħdin fil-ħsieb

Insaniam, (titlu mil-latin li jfisser ġenn) mitkub bi stil u Malti li jintuża fit-taħdit imma għani fl-istess ħin. Il-ġenn jista’ jfisser it-tensjoni li toħroġ mit-tbatija tal-persuna. Fl-ewwel persuna aktar jista jemanċipa ma’ din il-koppja mill-klassi tal-ħaddiema. F’dan il-każ qisu jgħix ma’ din il-familja, u allura nistgħu nifhmu it-tbatija qabel nagħmlu ġudizzju mill-isfond soċjali tagħna. Min minnha jista’ jiġġudika persuna li fit-trobbija tagħha fi-gwerra “tiekol ħobż niexef meta ssibu, anke minn mal-art?” (.24). Min minna jiista jifhem familja li barra t-tbatija soċjali tagħhom imutulhom żewġt itfal (p.5)? Xi kultant nehdew intaqtu fuq in-nuqqasijiet tal-oħrajn, anke jekk dan huwa nuqqas kbir. Hawn min donnu b’xorti ħażina jehda jara l-ħażin ta’ ħaddieħor flok nixxenqu sabiex ħaddieħor ma jbati. B’ton ta’ rabja naqraw “in-nies dak li tkun trid, ja qatta’ ċawl imġewwah lest biex ikun jaf id-dwejjaq ta’ ħaddieħor biex imbagħad b’għoġba u ferħ sadist ixerrdu mas-sebat irjieħ” (p.13). Ninsew ukoll li l-ħmar il-magħkus idur għalih id-dubbien u hawn persuni li diffiċli mmens joħorġu miċ-ċiklu vizzjuż li jkunu daħu fih bħalma huma l-karattri tal-istorja tagħna. Dan ifakkarni fot oħrajn fi studji bħal ta’ Paul Willis Working class students get working class jobs? fejn fl-istudji tiegħu jiltaqa’ ma’ diversi tipi ta’ imġieba u ħruxijiet li jgħaddu minnhom persuni mill-klassi tal-ħaddiema li jagħmilha diffiċli għalihom jitilgħu klassi soċjali. Qed nuri dan biex wieħed jifhem il-ħsieb u r-relavanza wara l-istorja tagħna. Kif wieħed jista’ jifhem persuna li jasal biex joqtol lil ommu?

Is-soċjeta’ titfa’ lil dan il-bniedem fil-manikomju (p.27). Iżolat. Wara kollox il-bniedem li għalkemm fiżikament kien hemm xorta kien iżolat minn familtu waqt li ommu u missieru kienu dejjem jiġġieldu. Nifhem li l-awtur ħtieġu jindaga ftit x’jiġri fil-manikomju u jaddattah bl-istil surreali tiegħu. Maqful, jibqa’ ma jifhimx dak li għamel. U dan narawh kemm il-darba, tant li jgħid “Mhux sew. Xejn mhu sew” (p.28), “Jien m’iniex miġnun” (p.29, 35, 36, 61 u oħrajn), jiddeskrivi lill-oħrajn bħala “salt oqbra mbajda, bħal bqija” (p.33). Iħoss li ħadd ma jifhmu (p.39).
It-tmiem huwa sorpriża, kif wara kollox huwa fit-tliet novelli oħra. Bla dubju m’inix se niżvela l-istorja hawnhekk, u ntellef il-gost tagħkom il-qarrejja, imma ngħid biss li fil-kitba ta’ Formosa wieħed ma jistenniex dejjem xi tmiem pjaċevoli. U dan jgħodd ukoll għan-novelli l-oħra. It-tmiem huwa miftuħ għall-immaġinazzjoni tal-qarrej u dan jagħmel dan il-ktieb aktar impenjattiv u joffri din l-isfida għall-qarrej li jimmaġina x’jista’ jseħħ.

Għażiża Rachel hija fuq l-istess binarji fil-qofol tagħha: Analiżi psikoloġika tal-moħħ. Is-suġġett li huwa differenti. Titratta l-kunflitt bejn raġel u l-mara f’relazzjoni. Jispikka l-ġlied kbir ta’ bejniethom (p.130), fejn ir-relazzjoni titfarrak għal kollox u għaldaqstant jgħidilha “Mela nsejthom il-wegħdiet li għamiltlek jien fuq l-artal?” (p.140). Min se jieħu s-supremazija f’din ir-relazzjoni. L-arma li tuża l-mara hija is-skiet (p.140-141).

Formosa jirrakkonta esperjenza ta’ koppja li tibda minn 0.6 (p.118) u tnaqqas kull darba (0.5 eċċ) bl-eċċezzjoni ta’ 0.1 li intenzjonalment l-awtur ħareġ barra mill-ordni kronoloġiku sabiex jagħti togħma ta’ x’se jkun hemm fl-aħħar. Dan huwa wkoll fih innifsu esperiment interessanti ta’ dan l-awtur. Bħar-rumanzi l-oħra dan il-ktieb huwa għani fl-għażla tal-kelma, waqtiet kważi metaforizzat mingħajr ma’ jaqa’ fil-medjokrita’. Biex nagħti eżempju wieħed biss:
“Għal waqt wieħed stħajjel li se jara wċuh oħra fil-mera, uċuh oħra minn tiegħu, iħarsu lejh biċ-ċiera. Uċuħ xbieha tal-ħajja l-imgħoddija tiegħu” (p.123).

Fl-istess ħin Jidħol fid-dettalji li jġgħalek “tara” l-istampa quddiem għajnejk. Fit-taħdit, Formosa juża l-Malti aktar mitħaddet, aktar goff fi kliemu, għalkemm qatt ma jaqa’ fil-vulgarita’. U aktar minn hekk ma nsibux dagħa f’dan il-ktieb, fatt li napprezzah ħafna. Imma l-ħila ta’ Formosa, ġġagħlek tħoss il-qawwa tal-kliem li juża, ir-rabja li toħroġ fihom.

Naf fejn toqgħod, hija l-aħħar novella li nsibu u għoġbitni mhux ftit. Waqt li bħal fil-każ tal-oħrajn għandna sitwazzjoni li ġġiegħel il-qarrej jifhem kif qieħed iġib ruħu f’sitwazzjonijiet partikolari, interessanti li kultant is-sitwazzjonijiet mhux dejjem ikollna kontroll fuqhom. Kif ngħidu d-destin huwa dak li jbiddel il-bniedem. F’mumenti diffiċli fejn aħna nistaqsu: “Għaliex jien?”. Riħ ta’ siegħa li jbiddillek ħajtek. Din in-novella titlaq minn dan il-fatt b’mod interessanti mmens. Iħoss f’mumenti diffiċli, kif iħoss kullħadd li “L-Alla tal-oħrajn issa m’għadux l-alla tiegħu” (p.162).
Għandna karattru itturmentat minħabba li ġie mkeċċi mix-xogħol (p.162). Imma fid-dispirament hemm xaqq ta’ dawl u jsib sejba interessanti mmens li tbiddillu ħajtu. Isir bniedem ieħor. “Jekk ma nkunux għatxana għall-ħajja, u nħobbuha, u napprezzawha, ma ħaqqniex ngħixuha l-ħajja” (p.239).

Fost l-istil partikolari ta’ din in-novella u l-istil partikolari tagħha nsibu xi siltiet li huma miktuba b’tipa differenti u dan sabiex joħloq effett.

Konklużjoni

Ir-rakkonti ta’ Formosa huma mexxejja daqs kemm huma profondi u bi ħsieb li forsi ma tifhmux mal-ewwel. L-awtur għalhekk jisfida lilna l-qarrejja sabiex naħsbu. Dan l-esperiment fil-kitba u r-rakkont jinħass ukoll fid-dehra u l-istil tal-ktieb. Il-qoxra wkoll fiha nfisha mhux tas-soltu: forma ta’ persuni mill-ktieb. Fil-bidu ta’ kull novella nsibu xi kwotazzjonijiet li huma marbuta ma’ dik in-novella, u mbagħad fil-bidu tal-ktieb insibu kwotazzjonijiet li jiġbru b’mod ġenerali l-ħsieb ta’ dan il-ktieb.
Wieħed ma’ jistax ma jitkellimx fuq il-ħila ta’ Formosa fl-għażla tajba tal-kelma mill-aktar mirquma. Interessanti mmens imbagħad li fid-djalogu, l-awtur juża taħdit li jirrifletti l-ħajja ta’ kuljum.
Dan huwa ktieb li juri, għallinqas fil-fehma tiegħi, li Edgar Formosa jsegwi x’qed jiġri fix-xena internazzjonali. Ktieb li għandu jappella wkoll għal dawk li qed ifittxu xi ħaġa differenti, xi ħaġa mhux tas-soltu.
Insaniam huwa pubblikazzjoni ta’ Horizons, u jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin tal-kotba.

(Paġna Letterarja it-Torċa 7 ta’ Ġunju 2015)See Translation— with Edgar Formosa.

Il-Malti – l-ewwel passi

Terence Portelli
Terence Portelli għandu l-ħila jikkombina b’mod tajjeb ħafna il-ħiliet tiegħu akkademiċi kif ukoll dawk poetiċi. Dan għaliex Portelli huwa magħruf ukoll għall-poeżija tiegħu, partikularment il-Ħajku. Fil-fatt, fost oħrajn Portelli ppublika…..
Ammirazzjoni oħra li għandi għal Portelli huwa għal fatt li bħala akkademiku joħroġ ‘il barra mill-kuriduri tal-universita’ u tar-riċerka u jattwalizza r-riċerka għall-prattika. Għaldaqstant huwa involut sew f’dak li għandu x’jaqsam mal-pedagoġija, mhux biss fil-livell tejoretiku imma anke fil-prattika. Dawn il-kotba huma xhieda ta’ dan.
L-edukazzjoni elementari hija importanti mmens u huwa fatt riċerkat li sa miċ-ċokon importanti li uliedna jitħarrġu u jitgħallmu. F’dak iż-żmien isir ħafna u ħafna tagħlim. It-tfal jibdew billi josservaw dak li hemm madwarhom u “Kliem minn kullimkien” jindirizza propju dan. Nistgħu inqisuh bħala miklem żgħir għat-tfal. Jibda min-nies, u allura “tifla”, “tifel” eċċ., imbagħad insibu “il-partijiet tal-ġisem”, “frott”, “ħaxix”, “annimali” u sezzjonijiet oħra. Il-ktieb jikkonsisti fi stampi sbieħ u l-kliem bil-Malti. Din hija inizjattiva ta’ min ifaħħarha, għaliex dejjem huwa ta’ kontribut għal-ilsien pajjiżna. “L-ewwel ktieb tal-kuluri” jista’ jintuża kemm biex jilħaq l-objettiv prinċipali dik li jgħallem il-kuluri imma Portelli ħaseb ukoll li l-istampi iddeskriva x’inhuma. Għaldaqstant it-tfal żgħar jistgħu jagħrfu l-oġġetti u jassoċjawhom mal-kulur li għandhom billi l-istampi huma kollha b’dak il-kuluri, ngħidu aħna oranġjo huma kollha oranġjo. Portelli ma naqasx milli jdaħħal oġġetti li għandhom dak il-kulur partikolari, ngħidu aħna mal-kulur aħmar insibu frawla, ġobna mal-kulur isfar, għeneb mal-kulur aħdar, larinġ mal-kulur oranġjo eċċ. It-tfal, bl-għajnuna tal-ġenituri u l-għalliema jistgħu jiġu mistoqsija, X’qed taraw? Fejn issibu dan l-oġġett? Ġieli taraw l-istess oġġett b’kulur ieħor? Tistgħu ssemmu oġġett ieħor bl-istess kulur? Mill-banda l-oħra anke tfal akbar (l-ewwel sena primarja) jistgħu jitgħallmu l-kliem, u anke kif jinkitbu. Il-ktieb jispiċċa b’numru ta’ stampi b’ħafna kuluri bħal bloks, fjuri, raddiena eċċ. “L-ewwel ktieb tan-numri” iħarreġ lit-tfal fil-ħila li jgħoddu affarijiet differenti, u fl-istess ħin li jaqraw in-numru bil-Malti u jagħrfu kif jinkiteb in-numru taħt forom differenti. Fl-ewwel parti għandek in-numri sal-għaxra, għaliex dawn huma importanti għall-ewwel żminijiet. Imbagħad il-ktieb jgħaddi billi jerġa’ jfakkar in-numri u l-possibilta’ li t-tfal jgħoddu affarijiet differenti u l-ħila li jgħoddu fuq idejhom. Imbagħad insibu n-numru f’inqas dettal imma bil-possibilta’ li t-tfal jgħoddu minn ħdax sa dsatax u għal tfal aktar avvanzati kif jinkitbu n-numru bil-Malti, għoxrin, tletin, erbgħin, ħamsin, sittin, sebgħin, tmenin, disgħin u mija.
Jakkumpanjaw lil dawn il-kotba, għalkemm jistgħu jiġu użati individwalment huma l-kotba tat-taħriġ li huma ta’ gwida għall-kitba tal-ittri kollha tal-alfabett u n-numri bejn il-linji. Kull ittra tal-alfabett miktuba żgħira u kbira.Kull ittra tal-alfabett hi marbuta ma’ ritratt ikkulurit ta’ oġġett, u taħtu kelma b’daqs kbir miktuba bejn il-linji. B’hekk it-tfal għandhom jitgħallmu jiktbu l-ittri tal-alfabett u n-numri bejn il-linji b’mod ħafif u malajr. Kull paġna qegħda fuq sfond safrani biex jgħin lil tfal bid-dislessija.
Insibu wkoll flexkards, li għal darb’oħra jistgħu kemm jinxtraw u kemm jintużaw separatament, li jgħinu lit-tfal jitgħallmu b’mod ħafif u b’gost, ħafna drabi f’kuntest ta’ logħba, l-ittri kollha tal-alfabett u n-numri bil-Malti. Dawn huma għodda importanti mmens kemm għall-ġenituri u kemm għall-għalliema.
Dawn il-kotba kif ukoll għodod edukattivi oħra li qed joffrielna Terence Portelli huma siewja ferm li jgħinu lit-tfal fl-aktar snin bikrin.

(Paġna Letterarja It-Torċa, 31 ta’ Mejju 2015)See Translation— with Terence Portelli.

Il-Professur Godfrey Wettinger (1929-2015)

Nitkellmu ma’ Professur Yosanne Vella

Nhar Il-Ġimgħa 22 ta’ Mejju 2015 ħalliena l-Professur Godfrey Wettinger, storiku u eks Dekan tal-Fakultà tal-Arti fl-Università ta’ Malta. Il-Professur Wettinger jibqa’ mfakkar fost oħrajn għall-iskoperta tiegħu tal-Kantilena fit-22 ta’ Settembru 1966, flimkien ma’ Patri Mikiel Fsadni. Il-Kantilena hija l-eqdem kitba letterarja bil-Malti magħrufa s’issa. Huwa kellu 85 sena. Dwar Professur Wettinger tkellimna ma’ Professur Yosanne Vella mill-Fakulta’ tal-Edukazzjoni. L-interessi ta’ Vella huma l-aktar il-pedagoġija u t-tagħlim tal-istorja.

1. Qabel xejn xtaqt nibda billi ninstaqsik kif nibtet il-ħbiberija tiegħek ma’ Professur Wettinger. X’impatt ħalla fuqek u l-istudji tiegħek?

Jien kien jgħallimni l-parti tal-kontenut tal-istorja fil-kors tal- B.Ed bejn 1984 u 1989 billi jien l-ispeċjalizzajoni tiegħi kienet fl-istorja. Kien għad għandi dsatax-il sena meta bdejt naħseb fuq xiex se naħdem fit teżi tiegħi. Jien xtaqt ħafna nirriċerka fuq in-nisa fl-istorja u bdejt navviċina bosta lekċerers imma ma tantx sibt lil min jinkorraġini; għal kuntrarju ħafna qalluli li ma kienx suġġett tajjeb għax m’hemmx xi tgħid għax in-nisa qatt m’għamlu xejn fl-istorja! Wara xi xahrejn kont kważi qtajt qalbi u d-data tal-għeluq biex nissottometu t-titlu kien għoddha waslet. Niftakar kont mort il-librerija u bdejt naħseb jekk kienx aħjar naqleb fuq xi ħaga dwar it-tagħlim tal-bniet fl-iskejjel fil-qasam tal-Edukazzjoni u ninsa n-nisa fl-istorja. Kif kont nieżla t-tarag tal-librerija tal-universita’ rajt lil Prof. Wettinger tiela’ u ma nafx x’fettili (għax bil-kemm kont naf min hu għax xi unit wieħed konna għadna għamilna miegħu) staqsejtu jekk kienx possibli nagħmel il-teżi miegħu. Minnufih qalli biex immorru l-uffiċju u niddiskutu dak li xtaqt nagħmel. “U żgur,” qalli, “li tista’ taħdem dwar in-nisa f’Malta. Kienu nofs il-popolazzjoni jekk mhux naqra iktar u la kienu hemm kellhom impatt anke jekk mhux stmati quddiem il-ligi.
Kull ma naf fuq kif wieħed għandu jikteb l-istorja tgħallimt minnu. Kien dixxiplinat ħafna b’sens ta’ etika kbira u bħala tutor kien joffri l-ħin u joqgħod jaqra biċċa biċċa kull ħaga li bħala studenta kont nikteb, jiddiskuti fit-tul dak li kont insib fl-arkivji u jikkoreġi l-materjal għal diversi drabi. Kellu bżonn kulħadd bħalu mal-istudenti! Għallimni li trid tiffoka sew, tirriċerka fit-tul u qatt ma tgħid xejn jekk m’għandekx l-evidenza fuqiex qed tibni l-argument tiegħek u fuq kollox ma tħallix l-aġenda personali tiegħek taħkem fuq l-interpretazzjoni tiegħek. Ma tistax tkun tifhem f’kollox imma trid tkun tifhem ħafna fuq ftit, niftakru dejjem jgħidli. Kliem li jien dejjem żammejt f’moħħi u li ‘l quddiem ippruvajt ngħaddi lill-istudenti tiegħi.

2. M’hemmx dubju li Professur Wettinger ta’ kontribut kbir bid-diversi riċerki tiegħu. Fost oħrajn, studja l-kunjomijiet, studja l-ismijiet tal-lokalitajiet, dwar l-iskjavitù f’Malta fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann, dwar il-Lhud f’Malta fil-Medju Evu (wieħed isemmi partikularment dawk dwar il-ħakma Għarbija), u l-istudju u l-iskoperta li għamel tal-aktar letteratura antika f’pajjiżna, il-Kantilena ta’ Pietru Caxaru. Liema riċerka tħoss l-aktar li kienu importanti fl-interess nazzjonali u għaliex? X’impatt taħseb li ħalla dwar il-mod kif naħsbuha bħala Maltin?
Hafna akkademici inkluz jien jiktbu bosta ‘papers’ u dawn daqqa ikunu mhux hazin daqqa tajbin u rari ferm u probabli qatt fil-hajja ta’ hafna minna tohroglok bicca ricerka li tkun tassew eccelenti u tibdel ta’ taht fuq dak kollu li d-dinja academika kienet tahseb. Fil-kaz ta’ Prof. Wettinger mhux hekk gara, ghal kuntrarju kwazi l-papers kollha li hareg ghamlu spluzjoni kbira fl-istorja ta’ Malta u ghamlu dak li fl-akademija nghidulha ‘paradigm shift’, kienu kisbiet kbar hafna. Kollox li kiteb kien xi haga totalment differenti u bir-ricerka tieghu sfidat kull ma konna nahsbu qabel fuq is-suggett li tkellem fuqu sew jekk kienet il-lingwa, sew jekk kienet il-kontinwita tal-kristjanezmu sa zmienna minn zmien San Pawl u sew lejn kif inharsu lejn il-Musulmani u l-Lhud f’Malta. Huwa kisser bosta miti fl-istorja li kienu ilhom jiddominaw minghajr ebda opposizzjoni ta xejn ghal snin twal. Il-kontribut tieghu u l-impatt ma tistax tkejlu ghax huwa imprezzabli
3. It-tagħlim tal-istorja huwa l-qasam li inti tispeċjalizza l-aktar fih. Fid-dawl tal-istudju tal-Professur Wettinger, kemm huwa importanti li nkunu nafu l-istorja sew? Kemm hi reali l-biża’ li jekk dan ma jsirx nistgħu nibnu l-istorja tagħna fuq il-ħrejjef u l-leġġendi?
Jiena wara li ggadwajt għat-tieni darba ma bqajtx nimxi fit-triq tal-Professur Wettinger imma qbadt triq differenti. Jien komplejt nispeċjalizza u dħalt fil-qasam tal-pedagoġija tal-istorja li ma kinetx id-dinja ta’ Prof. Wettinger. Il-metodu tiegħu ta’ tagħlim kien wieħed tradizzjonali. Kien lekċerer tajjeb ħafna u kapaci jżommok attenta waqt il-lekċers tiegħu għal sigħat twal, pero kollox ibbażżat fuq in-narrattiva. Waqt li dan il-mod jaf jaħdem ma’ studenti universitarji żgur li ma jaħdimx ma’ tfal fil-klassi tas-sekondarja u tal-primarja. Il-metodu li jiena nagħmel ir-riċerka fuqu u li ngħallem lill-istudenti tieghi tal P.G.C.E. u tal-B.Ed li qed jistudjaw biex isiru għalliema tal-Istorja hija pedagoġija bbazata fuq ħiliet fl-istorja nnifisha, preżentazzjoni ta’ sorsi, u analizi ta’ interpretazzjonijiet differenti. Jekk tifhem li fl-istorja jista’ jkollok ħafna interpretazzjonijiet validi u fl-aħħar mill-aħħar il-konkluzjonijiet tista’ tagħmilhom jekk għandek l-evidenza biss, b’mod awtomatiku il-ħrejjef u l-leġġendi jikkrollaw. Inti trid tgħallem lill-istudenti mhux billi tagħti informazzjoni kontra xi ħaga jew favur iżda billi tagħtihom l-għodda li jkunu kapaċi jagħmlu l-ġudizzju tagħhom jekk ħaga għandiex validita’ fl-storja, jew jekk hijiex xi ħaga li ma tistax toqgħod fuqha. Li tistaqsi ‘Min’ qed jikteb, ‘għal min’, u ‘meta’ b’dan il-metodu ta’ tagħlim issir importanti ħafna u hekk tkun armajt lill-istudenti kontra kull ħaga li jistgħu jħabbtu wiċċhom magħha fil-futur.

4. Professur Wettinger kien bniedem għaref u forsi nazzarda ngħid mhux faċli li dak li jkun li ma jkunx tkisser fir-riċerka u l-istudju jifhmu. Kif taħseb li r-riċerka u l-istudju tiegħu tista’ tiġi mwassla għalina?
Kien akkademiku ta’ livell għoli ħafna u naħseb ħafna drabi kien diffiċli wisq għas-soċjeta’ b’mod ġenerali li tifhmu. Bla dubbju kien jaf jirrakonta u jispjega sew u laħaq l-aktar lin-nies f’xi xandiriet xi snin ilu. Iżda bla dubju x’qal Professur Wettinger huwa importantissimu u issa jmiss lill-għalliema li jgħaġnu t-tagħlim tiegħu u jippreżentawh lill-istudenti u l-poplu b’mod ġenerali, b’mod faċli u li jiftiehem minn kullħadd.

(Paġna Letterarja, it-Torċa, 31 ta’ Mejju 2015)See Translation— with Yosanne Vella.

Konvinzjoni u Esperjenza: Ugo Mifsud Bonnici

Pubblikazzjoni: Klabb Kotba Maltin

F’din il-paġna kemm –il darba tajna ġieh lil persuni prominenti u wisq aktar nieħdu gost li nġibu kotba li jfakkru b’xi mod l-istorja ta’ pajjiżna. Insemmi fost oħrajn, L-elf lewn ta’ Mintoff, miktub minn Claire Xuereb Grech, Dimech Poeta ta’ Jessica Micallef, Ilkoll Aħwa fi kristu – Il-memorji ta’ Ġużeppi Mercieca, ta’ Charles Buttigieg, Il-Mixja għall-Ħelsien ta’ Mark Camilleri, Ġrajjiet it-tagħlim f’Malta ta’ Frans Sammut u bosta oħrajn.

Nistqarr li waqt li ngħatat lili din ir-responsabilta’ li nikteb dwar dan il-ktieb, inħossni mċekken bil-għerf u esperjenza ta’ persuna li mxiet mill-aktar stadji komuni tal-ħajja sal-għola kariga tal-pajjiż; dik ta’ President tar-Repubblika. Naturalment, jien se nħares lejn dan il-ktieb bħala letteratura. Imma minn dan l-aspett, fil-ktieb joħroġu ħafna esperjenzi personali u rakkonti imprezzabli, xi wħud li qed insiru nafu bihom għall-ewwel darba, f’dan il-ktieb. Fihom infushom dawn għandhom valur letterarju kbir. Barra minn hekk, l-awtur – L-Eċċellenza tiegħu Dr Ugo Mifsud Bonnici – għandu ħakma tajba tal-ilsien Malti, sengħa li għenitu sabiex jesprimu sew id-diversi ġrajjiet li sawwru lilu bħala personalita’ u mhux inqas lill-pajjiż. Dan jidher li kien żvilupp li għamel fil-bidu tal-karriera tiegħu meta kien kontributur kull ġimgħa fil-ġurnal il-Mument bejn l-1976-1987 (p.73), u l-artikli tiegħu saru aktar ppreparati sew u aktar magħġuna meta mqabbla ma’ dawk li kien jikteb fil-Poplu (p.73).
Dan il-ktieb huwa awto-bijografija. Għadaqstant nagħżel li nirreferi għall-awtur bħala Mifsud Bonnici, u dan mhux b’nuqqas ta’ rispett lejn l-Eċċellenza Tiegħu , il-President Emeritus, imma għax dan il-mod aktar nistgħu nifhmu l-persuna u l-esperjenzi li bnew lil pajjiżu. Raġuni oħra hija minħabba l-firxa wiesgħa ta’ żminijiet li jiġu rrakontati f’dan il-ktieb li jinkludu t-tfulija, ż-żogħżija fejn anke jitkellem dwar il-bidu tal-karriera politika tiegħu u kif il-Partit , iż-żmien tiegħu bħala ministru u naturalment President.
Minnu nnifsu l-ktieb diġà huwa wieħed volumuż. Fil-fatt jekk neskludu l-indiċi u l-werrej għandu 1195 paġna. Naħseb li mill-ammont ta’ paġni biss diġà nistgħu nintebhu kemm informazzjoni nistgħu niksbu dwar l-istorja ta’ pajjiżna permezz ta’ dan il-kteib. Mifsud Bonnici ma jtawwalx għalxejn. Kull sentenza fiha storja u hemm raġuni valida għalfejn ikun qalha.
Dan il-ktieb inħares lejh bħala ktieb ta’ storja ta’ Malta, mhux biss politika imma ngħid jien anke dik soċjali u kif il-poplu Malti kiber u mmatura. Din il-maturita’ naħseb tippermetti wkoll li ħafna minnha nistgħu naqraw dan il-ktieb, anke jekk l-interpretazzjoni tal-ġrajjiet politiċi hija differenti minn kif smajniha aħna, u forsi għaliex le anke b’dan il-mod il-ktieb ukoll jista’ jisfida l-ħsieb tradizzjonali tagħna. Qed insejjaħlu wkoll imma ktieb dwar l-istorja ta’ Malta, għaliex huwa ktieb minn fomm President, li wara kollox jissimbolizza lil dan in-nazzjon u allura lilna lkoll. Għaldaqstant dan il-ktieb fil-qosor inqassmu hekk (a) Valuri li jsawru viżjoni għall-ġejjieni (b) Prinċipji sodi imma fl-istess ħin moderati (c) Storja ta’ Pajjiż (d) President ta’ Malta.
Il-ktieb huwa rakkont u għaldaqstant faċli ħafna li wieħed isegwih. L-istil huwa wieħed mexxej ħafna, għalkemm riflessiv ukoll. F’din il-ħarsa ħafifa ma nistax nagħmel ġustizzja ma’ dan il-ktieb u d-dettalji li fih, u għalhekk qed nagħżel biss xi aspetti li ċertament jolqtu lilkom qarrejja ta’ dan il-ġurnal.
Valuri li jsawru viżjoni għall-ġejjieni
Huwa fatt li għalkemm bħal bosta pajjiżi Ewropej, pajjiżna dejjem aktar qed isir sekulari, it-twemmin ħalla impatt kbir fl-istorja tagħna u l-formazzjoni tal-identita’ nazzjonali. Mar-reliġjon inżid ukoll il-familja, u fil-ktieb jidher ċar kemm għal Mifsud Bonniċi dawn it-tnejn huma importanti. Insibu li ommu li “kellha fidi fis-saħħa tat-talb” (p.4), jiftakar fil-quddies nhar ta’ Ħadd u r-rabta mal-patrijiet ta’ Santa Tereża (p.4). Qatt ma ħamel ir-ridkolaġnifid-diskors politiku u t-tgħajjir għaliex hekk ġie mrawwem (p.6). Jirrakonta b’nostalġija l-esprjenzi sbieħ fil-Kulleġġ St Edwards (p.8) u anke fil-mużew tad-duttrina (p.4) fejn sar familjari mal-Kotba Mqaddsa. Imbagħad hemm ukoll xi episodji koroh u m’għandix dubju li fost dawn kien hemm il-gwerra (p.9). Bħal ħafna Bormliżi kellhom jitilqu lura u jħallu darhom fejn reġgħu irritornaw lura fl-1945 (p.13). Ma jistax jonqos it-tensjoni fi żmien ta’ qabel il-gwerra partikularment fejn fazzjonijiet mill-popolazzjoni Maltija issimpatizzat ma’ Mussolini. Ma rridux ninsew ukoll fil-Maltin li ġew internati. B’xi mod dawn l-episodji jfakkruni fil-ktieb li wara ħareġ ukoll film, Seven Years in Tibet ta’ Heinrich Harrer, fejn Harrer kien ħarab mill-kamp ta’ konċentrament Ingliż. Wieħed ukoll irid jiftakar li “kattoliċi, latini, maltesi” (p.11) vers mill-innu tal-Partit Nazzjonalista ftit li xejn seta’ jinżel tajjeb mal-Ingliżi. Dawn l-episodji kollha ħallew impatt fuq Mifsud Bonnici li waqt li żamm il-valuri tiegħu, għaraf jiġġedded, fehem il-bżonn ta’ tiġdid inkluż dak fil-Partit Nazzjonalista imma wisq aktar importanti għal dan in-nazzjon. Matul il-ktieb stajt inħoss il-ħin kollu dan il-fattur ta’ bidla ta’ mentalita’, mill-bidu u l-ewwel żminijiet meta beda daħal fil-Partit (p,53) sa nazzarda ngħid fi żmien tal-Presidenza fejn anke ried jagħti bidla fost oħrajn tisbiħ tal-Palazzi,
Riflessjoni interessanti li jagħmel, għalkemm jiena ma naqbilx miegħu, dwar il-viżjoni li kellu l-Partit Laburista ta’ Mintoff li jiddeskriviha bħala “gwerra għal kull modernita’” (p.172). Jien ma naqbilx għar-raġuni li wara l-Indipendenza kull pajjiż kellu bżonn jieħu aktar kontroll u joqgħod attent li jkollu kontroll tal-ekonomija. Hekk għamlu ex-kolonji oħra, fosthom Singapore u l-Korea t’isfel, u forsi grazzi għal dan l-ippjanar, għallinqas kif narha jien, li llum jiftaħru li huma l-aktar favur in-negozju u t-tkabbir ekonomiku. Dan biss, jurina kemm dan il-ktieb jiftaħ dibattiti sħaħ u l-argumenti jistgħu jibqgħu għaddejjin. Mifsud Bonnici jagħti sensiela ta’ każijiet fejn skont hu il-Gvern ta’ dak iż-żmien waqqaf “l-iżvilupp, kemm soċjokulturali kif ukoll tekniku” (p.172), bosta minnhom smajnihom fuq li smajnihom, imma żgur li qatt bid-dettalji li għandna f’dan il-ktieb. Imkien qatt ma qrajt jew smajt, eżempju, x’kien qallu Patrick Holland u anke Kalċidon Agius dwar l-edukazzjoni, u l-biża’ li “kullħadd ikun irid isir skrivan” jew aktar minn hekk li l-istudenti “isiru Nazzjonalisti” (p.172). Dan il-ħsieb, fil-fatt, ironikament, ġie attakkat sew mill-ħassieba tal-edukazzjoni li kkritikaw l-egemonija (Freire), kif l-edukazzjoni tista’ tikkontrolla (Foucault) u kif it-tfal tal-ħaddiema isibu xogħlijiet manwali u diffiċli jitilgħu klassi soċjali (Willis). Mifsud Bonnici kien iqisha ambigwita’ l-fatt li minn banda l-Partit Labursita “kien jippreżenta ruħu bħala partit xellugi”, u fl-istess ħin “kien juża metodi li kienu ripressivi” (p.173).
Naturalment dawk iż-żminijiet kienu karatterizzati wkoll mill-bidla interna fil-Partit Nazzjonalista u l-bidu ta’ ħidma ta’ Eddie Fenech Adami bħala Kap tal-Partit.
Prinċipji sodi imma fl-istess ħin moderati
Gvern Labursita ġdid fl-1971 immexxi mill-Perit Duminku Mintoff nieda riforma waħda wara l-oħra; riformi meħtieġa għal dan il-pajjiż. Fost oħrajn kien hemm bosta żviluppi industrijali fosthom l-AirMalta (p.143) u l-baċir (p.144), riformi soċjali, riformi ekonomiċi fosthom il-bidla għas-sistema deċimali (p.144), u bidliet ċivili fosthom li l-piena kapitali ġiet abolita (p.142), u t-tneħħija tal-adulterju u l-omosesswalita’ minn reat kriminali (p.143). Kif wieħed jistenna dawn ir-riformi ħallew ukoll l-impatt tagħhom fuq l-oppożizzjoni, u kif bosta drabi jiġri kellek fost oħrajn diversi qasmiet fl-istess partit nazzjonalista. Mifsud Bonnici ma kienx kontra dawn ir-riformi, u sostna li l-Partit Nazzjonalista ma kellux jagħmel kruċjata dwar din il-miżura (p.143) : fost oħrajn jiddeskrivi l-pieni kapitali bħala “piena selvaġġa, sproporzjonata u inutili” (p.142), u l-bżonn tal-baċir (p.144) fost oħrajn. Mill-banda l-oħra kien kritiku għad-deċiżjoni kontroversjali tal-BICAL (p.145), u bħal fi bnadi oħra fil-ktieb anke hawn naraw xi battuta ħelwa bejnu u l-Perit Mintoff u l-istil partikolari ta’ kif kien ipoġġi l-kliem Mintoff. Diskussjoni taħraq ferm kienet dwar il-Kostituzzjoni, u dwar dan fil-ktieb insibu kapitlu sħiħ (XXVIII). Ma jistax jonqos li nsibu dettalji dwar il-bidla fit-tmexxija tal-PN (p.153-177). Din il-ħtieġa fil-fatt kienet ilha tinħass sa minn żmien l-Indipendenza (p.53), tant li għalkemm Mifsud Bonnici ma kellux ħajra għall-kap tal-Partit, kienet il-ħtieġa għal ideat ġodda li xprunatu biex jibda’ jimmilita’ fil-Partit biex wara kollox jagħti kontribut lill-pajjiżu. Ma setax jonqos naturalment li jkun hemm dubji min kellu jkun l-aħjarkap tal-PN: Guido li xi wħud bdew jibżgħu li bi kliemu “seta’ jdaħħal lill-Partit f’xi basla” jew lil Eddie li kien hemm min kien jaraw kwiet wisq. Naħseb li llum li jiena nista’ nara l-istorja minn barra, u lura, min kien jaħseb b’dan il-mod kien żbaljat.
Naħseb li dan l-istil ta’ kalma, imma ta’ persważjoni, li huwa tant għal qalb Mifsud Bonnici, nfirex sew fil-Partit Nazzjonalista, tant li Mintoff ma kienx għadu ntebah bil-ħila ta’ Fenech Adami li jqanqal il-massa (p.215). Biż-żmien ngħid li daħlet ukoll anke fi Gwido Demarco li llum huwa magħruf sew għall-ktieb tiegħu Il-Politika Tal-Perswazjoni, u wara anke fil-partit laburista speċjalment wara t-tmexxija ta’ Dr Alfred Sant, għalkemm kien hemm bosta każijiet iżolati anke fil-Partit Labursita tat-tmenijiet li kienu jħaddnu dan l-istil aktar minn dak ta’ konfrontazzjoni u attakki. Bla dubju ta’ xejn dan huwa l-istil li jħaddan Dr Joseph Muscat, il-Prim Ministru preżenti.
Ċertament imma li d-diversi attakki vjolenti li l-ktieb jagħmel referenza għalihom (p.215-242), saru minn fejn saru, illum huma imgħoddi u xhieda kemm dan il-poplu mmatura politikament.
Storja ta’ Pajjiż
L-Indipendenza ta’ Malta (ta’ l-1964) kien iż-żmien fejn ġie offrut għall-ewwel darba rwol pubbliku – propju fir-referendum tal-Indipendenza (p.47). Dak iż-żmien tliet partiti, “il-Partit Demokratiku Nazzjonalista ta’ Herbert Ganado, il-Partit tal-Ħaddiema Nsara ta’ Toni Pellegrini u l-Partit Kostituzzjonali Progressivi kienu taw il-parir lill-eletturi li jibbojkotjaw ir-referendum, billi dehrilhom li ma kienx ġust” (p.51). Ċertament li l-21 ta’ setembru jibqa’ mmarkat għall-awtur bħala jum importanti mmens f’ħajtu. Xtaqt li fil-ktieb nara aktar dettal dwar il-ġrajjiet storiċi ta’ Jum ir-Repubblika kif ukoll Jum il-Ħelsien.
Kif wieħed jistenna, l-ktieb jitkellem fit-tul dwar iż-żmien meta Mifsud Bonnici kien Ministru u anke hawn naraw bosta riformi meħtieġa. Insemmi fost oħrajn il-Kurrikulu Minimu Nazzjonali (p.513) li kien żvilupp tal-Att tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni waħda mill-ewwel riformi ta’ Mifsud Bonnici. Din tat aktar lok ta’ diċentralizzazjoni li ma jkunx il-gvern tal-ġurnata li jiddetermina x’jiġri fl-iskejjel u għaldaqstant lok ukoll li l-edukazzjoni ma tispiċċax taqdi l-aġenda ta’ xi partit jew ieħor. Ta’ min wieħed jgħid iżda li dan il-Kurrikulu Nazzjonali (l-ewwel wieħed) kien ġie kkritikat fost oħrajn għax ġie implementat mingħajr konsultazzjoni, tant li wassal biex bosta kkritikawh fosthom il-Professur Kenneth Wain, permezz tal-ktieb tiegħu The Maltese National Minimum Curriculum (1990). Madankollu biex inkunu ġusti dan il-kurrikulu kien ġab bosta bidliet fosthom li “diversi skejjel, kemm tal-Knisja, kif ukoll dawk privati bdew jaħsbu biex jibnu u jirranġaw” (p.518). F’xi każijiet kien hemm ukoll il-problema ambjentali minħabba li kellek skejjel li bnew barra z-zona tal-iżvilupp, imma Mifsud Bonnici ħareġ għonqu biex jiddefendi din l-għażla (p.518). Riformi oħrajn li ħarġu mill-Kundizzjonijiet minimi kienu dawk tal-Kodiċi tal-Etika tal-Għalliema. Nistqarr li jien li dak iż-żmien kont student stajt nesperjenza bidla fl-imġieba tal-għalliema, kif u x’setgħu jagħmlu u r-relazzjoni tagħhom mal-istudenti. Ċertament, m’għandiex ċans nidħlu f’dettalji dwarha imma waħda mill-akbar bidliet u kisbiet kienu fl-Universita’ fejn in-numru ta’ korsijiet żdiedu flimkien man-numru ta’ studenti b’mod inkredibbli u anke l-ħolqien tal-Junior College.

Tagħrif interessanti mmens huwa dwar il-wirt storiku. Fost oħrajn naraw it-tilwim li kien hemm fl-1955 fl-iżvilupp tal-Birgu, bil-bini ta’ skola ġdida fost oħrajn (p.125). Isemmi wkoll il-famuż Old Naval bakery u l-ħolma li kellu li dan jingħata l-ħajja kif kien fil-fatt sar fejn illum hemm il-Mużew Marittimu – eżempju fl-opinjoni umli tiegħi tajjeb ħafna kif bini storiku jista’ jintuża tajjeb.

President ta’ Malta
Parti sostanzjali minn dan il-ktieb hija kif wieħed jistenna dwar il-Presidenza. Matul din il-presidenza wkoll insibu diversi episodji interessanti fl-istorja lokali fosthom il-gvern qasir immexxi minn Dr Sant bejn l-1996-1998. Hawnhekk wieħed jara minn fomm il-President stess, xi tkun ir-reazzjoni, u l-ħsibijiet li jgħaddu minn moħħ President f’sitwazzjonijiet mhux tas-soltu bħal dawn. Imbagħad, meta għandek gvern bi twemmin differenti (f’dan il-każ laburista) kellek ukoll politika differenti li ried jimplimenta fost oħrajn dik li jreġġa’ lura mill-VAT (li kienet għadha tibda) għas-sistemi ta’ dazji u dwar l-Unjoni Ewropeja. Naqbel ma’ Mifsud Bonnici li Alfred Sant ma kienx jara l-Unjoni Ewropeja b’mod negattiv u l-ktieb tiegħu A European Maltese jixhed dan (p.1111). Dawk li bħali qraw dan il-ktieb jistgħu dan jifhmuh. Imbagħad kellek każijiet jaħarqu wkoll fosthom dak ta’ Querios (p.1088). Mill-banda l-oħra l-Presidenza hija opportunita’ wkoll għal laqgħat ma’ nies prominenti oħra bħal Papa Ġwanni Pawlu II u Nelson Mandela (p.1091-1095).
Konklużjonijiet
Kull ktieb għandu l-valur tiegħu. Anzi jiena mmur pass ieħor u ngħid kull biċċa letteratura inkluż poeżija jew proża qasira imqassma jew imħażża biex twassal messaġġ. Pero hemm xi kotba li jiddistingwu ftit minħabba diversi fatturi fosthom bħal ma għandna f’dan il-każ, awtobijografija ta’ President Emertus. Il-pubblikaturi (Klabb Kotba Maltin) ħasbu biex il-ktieb jippreżentawh kif jixraq, bi kwalita’ tal-karta mill-aqwa, tipa sabiħa mmens u qoxra iebsa u eleganti. Għaldaqstant waqt li l-qarrej se jsib ruħu ma jistax jitlaq dan il-ktieb minn idejh, żgur li huwa wkoll ktieb ta’ referenza; ktieb li jżejjen il-librerija tagħna u jagħti aktar valur lid-dar.
Bla dubju ta’ xejn fil-ktieb se nsibu argumenti politiċi li mhux kullħadd se jissimpatizza magħhom, u huwa tajjeb li l-ktieb ukoll joffrilna sfida fil-ħsieb u imbagħad kif għamilt jien stess f’dan il-ħsieb, ikun hemm fejn bla dubju ta’ xejn ma taqbilx. Dan narha bħala pożittiva ħafna għax dan mhux ktieb li ma jħalli ebda impatt fuq il-qarrejja, imma ktieb li taħseb dwaru, se titgħallem, waqtiet se titbissem ukoll u xi kultant se tirrabja jew għax taqbel jew ma taqbilx mal-awtur.
Kif sejjaħtlu fl-introduzzjoni dan ktieb li joffri perspettiva importanti u sinifikanti dwar l-istorja ta’ pajjiżna u allura wieħed m’għandux jitlef.

Paġna Letterarja, It-Torċa, 17 ta’ Mejju 2015

Id-Dinja Tiegħi: Erba’ kotba ġodda!

Addattati minn Clare Azzopardi
Pubblikazzjoni: Merlin Publishers

Id-Dinja Tiegħi hija sensiela oħra ta’ kotba ħelwin u interessanti ta’ Merlin Publishers. Dawn huma kotba popolari mmens barranin, miġjuba lilna u addattati għal Mati minn Clare Azzopardi, li kif diġà għidna hija awtriċi stabbilita anke fil-qasam tal-kotba tat-tfal u popolari mmens. Is-sena li għaddiet ħarġu l-ewwel erba’ kotba minn din is-sensiela l (Lupu Lupettu, Rosetta Banana, Kukku l-Kukkudrill, Serafin il-prinċep denfil) u f’din il-paġna wkoll ktibna dwarhom. Din is-sena għandna erba’ kotba oħra(Lupu Lupettu ma jridx jimxi aktar, Kamilla Tixtieq Familja Ġdida, Ġakki l-Pirata, Bertu l-Bebbuxu Supereroj), biex b’kollox issa għandna tmienja
L-aktar li jolqtoni f’dawn il-kotba huwa il-mod sottili kif jedukaw it-tfal, mingħajr ħafna retorika. Il-valuri jaslu b’mod li t-tfal jibqgħu jieħdu gost, jistħajlu u jidħlu f’dinja ta’ karattri li lkoll se jiggustaw. Barra min hekk dawn il-kotba hua relevanti ħafna għax jindirizzaw temi u realtajiet ġodda li t-tfal, bħalna qed jesperjenzaw fosthom id-diversita’. Għaldaqstant jekk ngħidu aħna fil-ktieb Ġakki l-pirata niltaqgħu ma’ Ġakki li huwa ġiraff … imma ftit rasu iebsa. Dan Ġakki minkejja l-bard ma jkunx irid jilbes ix-xalla li ħititlu l-mamà. Irid bilfors imur l-iskola liebes ta’ pirata! Il-mamà tħallih jagħmel dak li jrid … sakemm Ġakki jiltaqa’ ma’ sħabu tal-iskola … u mnieħru jibda jqattar.
Laqatni ħafna Kamilla tixtieq familja ġdida, li jindirizza realta’ li t-tfal tagħna jesperjnzaw u forsi anke jbatu bħalna mill-preġudizzji soċjali u realtajiet differenti, li jgħixu fihom. Waħda minn dawn hija il-forom differenti ta’ familja u ngħidu x’ngħidu it-tfal għandhom jiġu l-ewwel. Lil hinn mill-argumenti tagħna l-kbar, dan il-ktieb jindirizza b’mod ħelu din il-problema b’tali mod li t-tfal iħossuhom aktar komdi jekk ikunu qed jgħixu f’xi realta’ differenti minn ta’ sħabhom. Kamilla, “qanfudina ċkejkna” tipprova tfittex il-familja ideali. Skont hi l-mama’ ddejjaqha mod u l-papa aktar moħħu fil-kaċċa, u oħtha ‘l ħin kollu tgħid. Waqt li tibda tfittex għall-familja ideali tibda tiltaqa’ ma’ diversi forom ta’ famiji fosthom ta’ Jann ħmar gustuż li missieru u ommu kienu żwiemel billi hu kien addottat. Imbagħad tiltaqa’ ma’ Dora ż-żrinġ li tgħix biss mal-mama’ tagħha, imma kuntenta u moħħha mistrieħ li jekk jinqala’ xi ħaġa xorta se tipproteġiha billejl. Il-papa ta’ Enzo l-ħanżir mhux roża bħalu. Batist l-għoġol għandu żewġ papajiet, Rogeru Batist li tgħidx kemm jafu jsajru tajjeb! Fl-aħħar dawn l-esperjenzi jgħinu lil Kamilla biex tapprezza aktar il-familja tagħha stess, għax l-aktar ħaġa importanti hi li jkun hemm l-imħabba.
Dawn il-karattri qed isiru popolari mmens mat-tfal u jkomplu jżidu mal-lista twila ta’ “ħbieb” tat-tfal tagħna. Biżżejjed insemmu lil Lupu Lupettu li diġà ltqajna miegħu fl-ewwel sett ta’ erba’ kotba. Issa fil-ktieb Lupu Lupettu ma jridx jimxi aktar. Ser niltaqgħu m’aktar avventuri fejn din id-darba jdaħħalha f’rasu li ma jridx jimxi u għalhekk jipprova mezzi differenti ta’ trasport. Imma dejjem jinqalagħlu xi ħaġa …
Karattru ġdid ieħor li naħseb se jkun popolari huwa Bertu l-Bebbuxu, bebbuxu simpatiku ħafna. Fil-ktieb Bertu l-bebbuxu supereroj, dan Bertu ffissa li huwa ċkejken wisq. Ċkejken u kurjuż! Bertu jixtieq ikun jaf x’hemm fl-għoli, ’il fuq mill-pjanti u l-fjuri. U allura jfassal pjan biex ikun jista’ jogħla kemm irid.
Ħelwin wisq dawn il-kotba fis-sensiela Id-dinja tiegħi u t-tfal se jiggustawhom wisq! Il-kotba kollha f’din is-sensiela jinsabu għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba kollha jew online direttament minn www.merlinpublishers.com

(Paġna Letterarja, It-Torċa, 10 ta’ Mejju 2015)See Translation— with Chris Gruppetta and Clare Azzopardi.

Jake Cassar irid isalva r-Renji kollha waħdu

Clare Azzopardi
Pubblikazzjoni: Merlin Publishers

It-tfal jassoċjaw mal-karattri li jaqraw u erħilhom jimirħu fl-immaġinazzjoni. Merlin ilhom snin li daħlu diversi karattri ġewwa pajjiżna li saru popolari mmens mat-tfal, bosta minnhom ngħid li llum kibru magħna. Matul iż-żmien inħolqu oħrajn ġodda li jilħqu l-aspirazzjonijiet tat-tfal, fi stejjer aġġornati għaż-żminijiet tallum, li jistgħu jikkompetu ma’ dawk barranin li għandhom l-istess filosofija. Karattru ħelu, u popolari mmens mat-tfal huwa Jake Cassar, li nazzarda ngħid huwa l-alternattiva Maltija għal karattri oħrajn barranin li t-tfal tagħna wkoll jafu bihom bħalma huma Geronimo Stilton. Clare Azzopardi, l-awtriċi ta’ dawn il-kotba, stabbilixxiet sew bħala kittieba ewlenija ta’ kotba tat-tfal. Impenjata sew ukoll li ddur mal-iskejjel f’Malta u Għawdex, kif ukoll f’diversi attivitajiet sabiex tħeġġeġ il-qari. Bħala għalliema taf sew xi jridu t-tfal, li l-qari m’għandux jiġi sfurzat, u kważi kważi hi stess issir tifla waqt li qed taħseb dan il-ktieb u taħseb bl-immaġinazzjoni ta’ tifla żgħira. Din is-sensiela ta’ Jake Cassar taf il-bidu tagħha fl-2009 u mall-ewwel kisbet popolarita’ kbira. Il-ktieb li għandna llum Jake Cassar irid isalva d-dinja waħdu, huwa id-disa’ ktieb. Il-kotba l-oħra f’din is-sensiela huma: Jake Cassar Isalva r-Renju tar-Re Pankrazju IV, Ir-Re Pankrazju Jagħlaq Mitt Sena, Ir-Reġina Fidelja u r-Renju Sturdut, Il-Bastun tar-Reġina Fidelja, L-Ixkupa tar-Re Vonxkup, Ir-Re Fellambrożja u r-Renju Laġenba, Jake Cassar u l-istorja tar-Reġina x-Xiħa, Jake Cassar u r-Reġina Fidelja f’boċċa tal-ħġieġ.
Bħal kumplament tas-sett, il-ktieb li għandna llum huwa miktub bi stil informali u partikulari ħafna. Merlin Publishers, kif għidt f’artikli oħra, jagħmlu sforzi varji biex jikkompetu mhux biss fis-suq lokali u dak dinji imma anke mad-dinja ta’ teknoloġija li t-tfal imrawmin fiha. Bl-għodda teknoloġiċi, it-tfal mhux neċessarjament jaqraw linja wara linja, imma għandhom diversi opportunitajiet oħra. L-istil ta’ dawn il-kotba għaldaqstant jappellaw ħafna għat-tfal, u mhumiex miktubin bi stil konvenzjonali sabiex joħolqu diversi effetti. Azzopardi tagħraf tagħmel dan tajjeb mingħajr ma tissagrifika l-ortogrofija u l-grammatika Maltija bħalma ħafna drabi jsir f’forom oħra ta’ litteriżmu bħalma hu fil-Media soċjali.
L-istorja tallum tibda dwar il-boċċa tal-ħġieġ li fiha qaflu lir-Reġina Fidelja, imma Furun qallu li din inkisret. Fidelja kellha wiċċha mimli tikmix u kieent imdejqa. It-tieni Kapitlu miktub bil-maqlub, għax jista’ jinqabeż mingħajr mat-tfal jitilfu l-istorja imma fl-istess ħin importnanti ħafna għax jgħidilna dwari il-ħidma ta’ Cassar bħala ambaxxatur. L-istorja tissokta li kollox beda sejjer żmerċ u jibżgħu li kulħadd kien se jixjieħ. Jake Cassar, Ambrożja, Defdemola u Qamri jibqgħu barra biex insalvaw ir-renji kollha maħkuma mir-Reġina. L-ewwel ħaġa li għamel kien li jkun se jixrob il-likwidu speċjali li hejja Teodoro li kien se jagħtih poteri speċjali. Imma hekk kif kien se jagħmel dan Titfaċċa l-mama’.

Bħal kumplament tal-kotba dan il-ktieb għandhu Illustrazzjonijiet ta’ Mark Scilcuna. Dawn għinu mhux ftit fl-istil differenti u sabiħ ta’ dan il-ktieb.
Ta’ min wieħed jgħid li xi kotba f’din is-sensiela rebħlu l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fil-kategorija tat-Tfal. U bir-raġun! Kif għidt fil-bidu dan il-ktieb jimmira għat-tfal kollha, imma l-akbar sfida hija li jappella saħansitra għat-tfal li normalment ma jaqrawx u jien ċert li anke dawn isiru segwaċi ta’ Jake Cassar u jkun wieħed mill-idoli tagħhom.
Dan il-ktieb, u l-oħrajn f’din is-sensiela jinkisbu mill-ħwienet ewlenin jew inkella mis-sit www.merlinpublishers.com.

(Paġna Letterarja, It-Torċa, 10 ta’ Mejju 2015)

…Maqful fil-ħabs ta’ ġbini …

Carmel Attard
Pubblikazzjoni: Horizons

Wieħed mill-albums mużikali favoriti u klassiċi ta’ kull żmien huwa “Wish you were here” tal-grupp leġġendarju Pink Floyd. Dan l-album huwa tislima lill-wieħed mill-fundaturi ta’ dan il-grupp Syd Barret, li kien ukoll il-vokalista prinċipali kif ukoll il-ħsieb wara l-ewwel suċċessi tagħhom. B’xorti ħażina Barret sfortunatament spiċċa marid mentalment aggravata mid-droga li kien jieħu. Dan il-ktieb li għandna llum b’xi mod fakkarni f’dan l-album, fis-sens li wkoll qiegħed jagħti ġieh lil persuna imma b’DIFFERENZA kbira. Barret spiċċa ftaqar mużikalment, għalkemm din hi xi ħaġa li aħna d-dilettanti ta’ dan il-grupp ma tantx inħobbu ngħidu, u dan kawża tad-droga li kien jieħu. Mhux hekk il-każ fil-ktieb li għandna llum, fejn m’għandna ebda każ ta’ droga, imma każ ta’ bniedem li wkoll safa mwarrab mis-soċjeta’ li tant ħabb. U fl-aktar mumenti diffiċli, il-poeżija tiegħu hija aktar qawwija, u toħroġ mill-ġewwien imqanqal b’ħafna tbatija u mfissra b’ħila kbira u sengħa poetika mill-aqwa.
Nistqarr huwa diffiċli għalija li f’din ir-riċensjoni nikteb dwar dan il-ktieb hemm volumuż u riċerkat u ngħid mal-ewwel li din il-ħarsa ħafifa ma tagħmilx ġustizzja ma’ dan il-ktieb ta’ 768 paġna. Qabel xejn l-awtur innifsu Paul P. Borg m’għandu bżonn ebda introduzzjoni magħkom qarreja minħabba li huwa kittieb magħruf sew u stabbilit u kontributur regolari fil-ġurnali tal-Union Press. Huwa wkoll magħruf għall-Malti mħaddem sew kif jixhed dan il-ktieb, u l-mod kif josserva id-dettalji bl-aktar mod profond. L-għan tal-ktieb jiddeskrivih l-awtur innifu, dik li juri li “l-kittieb hu l-kuxjenza soċjali u jeħtiġilna nqimuh” (p.21). Il-ktieb jinkludu wkoll ġabra ta’ poeżiji ta’ Attard, ħafna għadhom qatt ma ġew ippublikati, imma mhux biss. L-awtur jagħraf iżewwaq il-poeżiji mar-rakkont tiegħu dwar Carmel Attard u dak kollu li għadda minnu b’mod tajjeb ħafna li l-qarrej jista’ jifhem eżatt f’liema mumenti kien għaddej minnhom il-Poeta (f’din l-analiżi ser nagħżel li nirreferi għal Carmel Attard bħala l-Poeta, kif isejjaħlu ) meta esprima il-ħsus tiegħu. Ħaġa oħra li għoġbitni f’dan il-ktieb hija li għandna tifkira wkoll tal-kitba tal-istess Attard. Imbagħad għandna numru sabiħ ta’ ritratti. Nifhmu li ktieb bħal dan jista’ jsir realta’ biss grazzi għall-pubblikaturi, f’dan il-każ Horizons, li jinvestu fi ktieb bħal dan. Ċertament li ktieb bħal dan jgħolli l-livell tal-pubblikazzjonijiet tagħhom u huwa naħseb din il-motivazzjoni prinċipali sabiex iżidu mall-pubblikazzjonijiet tagħhom ktieb bħal dan.
Ħbiberija mal-awtur
L-ewwel żewġ kapitli (p.1-39) jixhdu l-ħbiberija li kien hemm bejn l-awtur (Paul P. Borg) u l-Poeta, (Carmel Attard), li kien isejjaħlu Karmenu, u baqa’ miegħu fl-aktar mumenti iebsa wkoll. Huwa tabilħaqq li fit-tbatija l-artist jesprimi l-aktar bil-qawwa u tassew joħroġ it-talent tiegħu/tagħha. Hekk naraw anke fil-każ tal-pittura fosthom bħal kbir Van Gogh li ċertament ma kienx maħbub fi żmienu hekk kif inhu popolari llum. Fi kliem l-awtur innifsu “ma kienx ikun Carmel Attard il-Poeta kieku ma kinitx it-tbatija li rnexxielu jbiddel fi kliem” (p.28). It-tbatija ta’ Attard tispiċċa f’karba:
“Mulej…
inti taf li din hi farsa ċinika
u traġedja
li aħjar tispiċċa.”
Martirju, 22/11/1981

Il-ktieb imbagħad jissokta bit-tfulija, l-adoloxxenza u ż-żogħżija tal-poeta (p.41-73) li tinkludi fost oħrajn iż-żmien li l-Poeta kien membru tas-Soċjeta’ tad-Duttrina (M.U.S.E.U.M). Il-Mużew laqagħhom ukoll ma żewġ poeti kbar oħra li baqgħu ħbieb għal ħafna u ħafna snin: Mario F. Bezzina (p.46) u Gorg Borg (p.55). Lil Mario F. Bezzina, Carmel Attard kien kitiblu:
“Bħal David bl-arpa f’idu
Jdoqq lil Sawl
Int ferraħtni bil-kitarra tiegħek
U bil-kisra tal-wiċċ tiegħek
Qajjimt fija seħer il-poeżija”
(Bħal David, p.548).

Kuxjenza soċjali
L-aktar ħaġa li laqtitni f’dan il-ktieb huwa li rnexxielu jisfida s-soċjeta’ ta’ preġudizzju u ta’ “Oqbra Mbajda”. Wieħed mill-aspetti pożittivi li għandu dan il-ktieb huwa fil-fatt li jittratta temi li waqtiet nazzarda ngħid li għad hemm stigma dwarhom sal-ġurnata tallum għalkemm kif jgħid Borg biex nifhmu t-tbatija tal-Poeta rridu narawha fil-kuntest (p.25) meta kien hawn ħafna u ħafna inqas għarfien dwar il-mard mentali kif ukoll dwar is-sesswalita’. L-1987 kienet is-sena li fiha l-aħħar li ħadem. Is-soċjeta’ ġenerali kienet għadha ma tagħrafx il-kundizzjoni tiegħu. Il-Poeta kien pijunier biex jitkellem dwar temi fosthom is-sesswalita’ (p.24) u jipprotesta kontra l-istigma dwar il-mard mentali (p.25). Ejja niftakru li fi kliem l-awtur (Borg) stess:
“Dan kien fi żmien persekuzzjoni kbira u tremeneda meta la kien hawn soċjeta’ mgħallma, la ħsieb soċjali ħieles u progressiv u wisq anqas għaqdiet L.G.B.T., u fuq kollox wisq u wisq anqas awtoritajiet kemm tal-Knisja kif ukoll tal-Istat li jaċċettaw id-dritt tal-għażliet intimi tal-bniedem” (p.25).
Paul P. Borg, bħal Carmel Attard ma jibżax jikteb fuq dak li jidhirlu li hu sew, għal aktar għarfien, għal soċjeta’ inklussiva ħielsa mix-xkiel tal-injoranza u l-preġudizzji. Fi kliem ieħor lil Borg narah bħala tkomplija ta’ dak li beda Attard, u li ċ-ċirkostanzi soċjali u personali forsi ma ħallewhx ikompli jissielet għal soċjeta’ aktar miftuħa. U din il-biċċa xogħol, Borg narah joħodha bħala missjoni u aktar saħħet it-twemmin soċjali tiegħu.
Il-Poeta ribelluż, kif fl-opinjoni tiegħi għandu jkun artist iħoss anki t-toqol tar-riġidita’ tar-reliġjon (p.72) anke fi żmien meta kien membru tas-soċjeta’ tat-tagħlim tad-duttrina. Jissuġġerixxi aġġornament fit-tagħlim tar-reliġjon ispirata mill-imħabba u mhux mill-biża, preġudizzji u skrupli (p,78). Jipprotesta saħansitra fuq il-kundizzjonijiet tal-isptarijiet mentali. Qatt ma jieqaf. Mentalment għajjien imma qatt ma jgħejja jipprotesta għal dinja aħjar. Carmel Attard ma jippruvax ifuh biex jagħmel isem. Dak huwa l-artist ta’ vera. Il-bniedem qalbieni, għalkemm kolt, li jiġġieled għal dak li jemmen fih. Xi waqtiet fil-poeżii tiegħu Attard jidher b’saħħtu ħafna dwar dan, tant li jgħid “Idfuni f’miżbla” (p.522) basta nibqgħu nafuh bħala l-Poeta li “ħadem biex forsi jbiddel wiċċ id-dinja …tul ħajtu kollha mingħajr ftit mistrieħ”.

Konklużjonijiet
Onestment nixtieq li dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-letteratura Maltija (naturalment mhux biss) jakkwistaw kopja ta’ dan il-ktieb li jfakkar Kittieb u lill-Kittieb jagħtih il-ġieh li jixraqlu tal-kontribut li jkun ta lil-Letteratura Maltija. Kif jgħid l-awtur innifsu “Soċjetajiet barranin tarahom jemmnu fil-poeti u fil-kittieba tagħhom, iqimuhom anki wara mewthom għaliex jifhmu ili l-kittieba huma l-kuxjenza soċjali li jfissru u juru sewwa dik it-tbatija li jgħaddi kulħadd minnha” (p.21).
Ningħaqad ukoll mal-awtur li nwasslu dan il-messaġġ qawwi li l-istigma dwar il-mard mentali tispiċċa darba għal dejjem u titqies bħala xi ħaġa tal-imgħoddi meta l-bniedem kien għadu mhux mgħarraf. B’xorti ħażina waqt li llum qed nirrikonoxxu li l-ġisem tagħna jimrad, donnu għal xi wħud il-moħħ mhux parti mill-ġisem ukoll.
It-tielet punt li xtaqt noħroġ huwa il-bżonn li l-awturi jiktbu u “jipprotestaw”. L-awtur għandu arma paċifika li jista’ jbiddel soċjetà. Carmel Attard kiteb u kellu ħafna x’jikteb dwar it-tbatijiet interni li kien għaddej minnhom. Imma QATT ma naqas li jikteb kontra l-inġustizzji, l-preġudizzji u favur dinja aħjar. Fil-poeżija Infern Uman jgħid:
“Ħu f’idejk ħajti Mulej
U agħmel minnha dawl għal ħuti”

(Paġna Letterarja, It-Torċa, 10 ta’ Mejju 2015)