…Maqful fil-ħabs ta’ ġbini …

Carmel Attard
Pubblikazzjoni: Horizons

Wieħed mill-albums mużikali favoriti u klassiċi ta’ kull żmien huwa “Wish you were here” tal-grupp leġġendarju Pink Floyd. Dan l-album huwa tislima lill-wieħed mill-fundaturi ta’ dan il-grupp Syd Barret, li kien ukoll il-vokalista prinċipali kif ukoll il-ħsieb wara l-ewwel suċċessi tagħhom. B’xorti ħażina Barret sfortunatament spiċċa marid mentalment aggravata mid-droga li kien jieħu. Dan il-ktieb li għandna llum b’xi mod fakkarni f’dan l-album, fis-sens li wkoll qiegħed jagħti ġieh lil persuna imma b’DIFFERENZA kbira. Barret spiċċa ftaqar mużikalment, għalkemm din hi xi ħaġa li aħna d-dilettanti ta’ dan il-grupp ma tantx inħobbu ngħidu, u dan kawża tad-droga li kien jieħu. Mhux hekk il-każ fil-ktieb li għandna llum, fejn m’għandna ebda każ ta’ droga, imma każ ta’ bniedem li wkoll safa mwarrab mis-soċjeta’ li tant ħabb. U fl-aktar mumenti diffiċli, il-poeżija tiegħu hija aktar qawwija, u toħroġ mill-ġewwien imqanqal b’ħafna tbatija u mfissra b’ħila kbira u sengħa poetika mill-aqwa.
Nistqarr huwa diffiċli għalija li f’din ir-riċensjoni nikteb dwar dan il-ktieb hemm volumuż u riċerkat u ngħid mal-ewwel li din il-ħarsa ħafifa ma tagħmilx ġustizzja ma’ dan il-ktieb ta’ 768 paġna. Qabel xejn l-awtur innifsu Paul P. Borg m’għandu bżonn ebda introduzzjoni magħkom qarreja minħabba li huwa kittieb magħruf sew u stabbilit u kontributur regolari fil-ġurnali tal-Union Press. Huwa wkoll magħruf għall-Malti mħaddem sew kif jixhed dan il-ktieb, u l-mod kif josserva id-dettalji bl-aktar mod profond. L-għan tal-ktieb jiddeskrivih l-awtur innifu, dik li juri li “l-kittieb hu l-kuxjenza soċjali u jeħtiġilna nqimuh” (p.21). Il-ktieb jinkludu wkoll ġabra ta’ poeżiji ta’ Attard, ħafna għadhom qatt ma ġew ippublikati, imma mhux biss. L-awtur jagħraf iżewwaq il-poeżiji mar-rakkont tiegħu dwar Carmel Attard u dak kollu li għadda minnu b’mod tajjeb ħafna li l-qarrej jista’ jifhem eżatt f’liema mumenti kien għaddej minnhom il-Poeta (f’din l-analiżi ser nagħżel li nirreferi għal Carmel Attard bħala l-Poeta, kif isejjaħlu ) meta esprima il-ħsus tiegħu. Ħaġa oħra li għoġbitni f’dan il-ktieb hija li għandna tifkira wkoll tal-kitba tal-istess Attard. Imbagħad għandna numru sabiħ ta’ ritratti. Nifhmu li ktieb bħal dan jista’ jsir realta’ biss grazzi għall-pubblikaturi, f’dan il-każ Horizons, li jinvestu fi ktieb bħal dan. Ċertament li ktieb bħal dan jgħolli l-livell tal-pubblikazzjonijiet tagħhom u huwa naħseb din il-motivazzjoni prinċipali sabiex iżidu mall-pubblikazzjonijiet tagħhom ktieb bħal dan.
Ħbiberija mal-awtur
L-ewwel żewġ kapitli (p.1-39) jixhdu l-ħbiberija li kien hemm bejn l-awtur (Paul P. Borg) u l-Poeta, (Carmel Attard), li kien isejjaħlu Karmenu, u baqa’ miegħu fl-aktar mumenti iebsa wkoll. Huwa tabilħaqq li fit-tbatija l-artist jesprimi l-aktar bil-qawwa u tassew joħroġ it-talent tiegħu/tagħha. Hekk naraw anke fil-każ tal-pittura fosthom bħal kbir Van Gogh li ċertament ma kienx maħbub fi żmienu hekk kif inhu popolari llum. Fi kliem l-awtur innifsu “ma kienx ikun Carmel Attard il-Poeta kieku ma kinitx it-tbatija li rnexxielu jbiddel fi kliem” (p.28). It-tbatija ta’ Attard tispiċċa f’karba:
“Mulej…
inti taf li din hi farsa ċinika
u traġedja
li aħjar tispiċċa.”
Martirju, 22/11/1981

Il-ktieb imbagħad jissokta bit-tfulija, l-adoloxxenza u ż-żogħżija tal-poeta (p.41-73) li tinkludi fost oħrajn iż-żmien li l-Poeta kien membru tas-Soċjeta’ tad-Duttrina (M.U.S.E.U.M). Il-Mużew laqagħhom ukoll ma żewġ poeti kbar oħra li baqgħu ħbieb għal ħafna u ħafna snin: Mario F. Bezzina (p.46) u Gorg Borg (p.55). Lil Mario F. Bezzina, Carmel Attard kien kitiblu:
“Bħal David bl-arpa f’idu
Jdoqq lil Sawl
Int ferraħtni bil-kitarra tiegħek
U bil-kisra tal-wiċċ tiegħek
Qajjimt fija seħer il-poeżija”
(Bħal David, p.548).

Kuxjenza soċjali
L-aktar ħaġa li laqtitni f’dan il-ktieb huwa li rnexxielu jisfida s-soċjeta’ ta’ preġudizzju u ta’ “Oqbra Mbajda”. Wieħed mill-aspetti pożittivi li għandu dan il-ktieb huwa fil-fatt li jittratta temi li waqtiet nazzarda ngħid li għad hemm stigma dwarhom sal-ġurnata tallum għalkemm kif jgħid Borg biex nifhmu t-tbatija tal-Poeta rridu narawha fil-kuntest (p.25) meta kien hawn ħafna u ħafna inqas għarfien dwar il-mard mentali kif ukoll dwar is-sesswalita’. L-1987 kienet is-sena li fiha l-aħħar li ħadem. Is-soċjeta’ ġenerali kienet għadha ma tagħrafx il-kundizzjoni tiegħu. Il-Poeta kien pijunier biex jitkellem dwar temi fosthom is-sesswalita’ (p.24) u jipprotesta kontra l-istigma dwar il-mard mentali (p.25). Ejja niftakru li fi kliem l-awtur (Borg) stess:
“Dan kien fi żmien persekuzzjoni kbira u tremeneda meta la kien hawn soċjeta’ mgħallma, la ħsieb soċjali ħieles u progressiv u wisq anqas għaqdiet L.G.B.T., u fuq kollox wisq u wisq anqas awtoritajiet kemm tal-Knisja kif ukoll tal-Istat li jaċċettaw id-dritt tal-għażliet intimi tal-bniedem” (p.25).
Paul P. Borg, bħal Carmel Attard ma jibżax jikteb fuq dak li jidhirlu li hu sew, għal aktar għarfien, għal soċjeta’ inklussiva ħielsa mix-xkiel tal-injoranza u l-preġudizzji. Fi kliem ieħor lil Borg narah bħala tkomplija ta’ dak li beda Attard, u li ċ-ċirkostanzi soċjali u personali forsi ma ħallewhx ikompli jissielet għal soċjeta’ aktar miftuħa. U din il-biċċa xogħol, Borg narah joħodha bħala missjoni u aktar saħħet it-twemmin soċjali tiegħu.
Il-Poeta ribelluż, kif fl-opinjoni tiegħi għandu jkun artist iħoss anki t-toqol tar-riġidita’ tar-reliġjon (p.72) anke fi żmien meta kien membru tas-soċjeta’ tat-tagħlim tad-duttrina. Jissuġġerixxi aġġornament fit-tagħlim tar-reliġjon ispirata mill-imħabba u mhux mill-biża, preġudizzji u skrupli (p,78). Jipprotesta saħansitra fuq il-kundizzjonijiet tal-isptarijiet mentali. Qatt ma jieqaf. Mentalment għajjien imma qatt ma jgħejja jipprotesta għal dinja aħjar. Carmel Attard ma jippruvax ifuh biex jagħmel isem. Dak huwa l-artist ta’ vera. Il-bniedem qalbieni, għalkemm kolt, li jiġġieled għal dak li jemmen fih. Xi waqtiet fil-poeżii tiegħu Attard jidher b’saħħtu ħafna dwar dan, tant li jgħid “Idfuni f’miżbla” (p.522) basta nibqgħu nafuh bħala l-Poeta li “ħadem biex forsi jbiddel wiċċ id-dinja …tul ħajtu kollha mingħajr ftit mistrieħ”.

Konklużjonijiet
Onestment nixtieq li dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-letteratura Maltija (naturalment mhux biss) jakkwistaw kopja ta’ dan il-ktieb li jfakkar Kittieb u lill-Kittieb jagħtih il-ġieh li jixraqlu tal-kontribut li jkun ta lil-Letteratura Maltija. Kif jgħid l-awtur innifsu “Soċjetajiet barranin tarahom jemmnu fil-poeti u fil-kittieba tagħhom, iqimuhom anki wara mewthom għaliex jifhmu ili l-kittieba huma l-kuxjenza soċjali li jfissru u juru sewwa dik it-tbatija li jgħaddi kulħadd minnha” (p.21).
Ningħaqad ukoll mal-awtur li nwasslu dan il-messaġġ qawwi li l-istigma dwar il-mard mentali tispiċċa darba għal dejjem u titqies bħala xi ħaġa tal-imgħoddi meta l-bniedem kien għadu mhux mgħarraf. B’xorti ħażina waqt li llum qed nirrikonoxxu li l-ġisem tagħna jimrad, donnu għal xi wħud il-moħħ mhux parti mill-ġisem ukoll.
It-tielet punt li xtaqt noħroġ huwa il-bżonn li l-awturi jiktbu u “jipprotestaw”. L-awtur għandu arma paċifika li jista’ jbiddel soċjetà. Carmel Attard kiteb u kellu ħafna x’jikteb dwar it-tbatijiet interni li kien għaddej minnhom. Imma QATT ma naqas li jikteb kontra l-inġustizzji, l-preġudizzji u favur dinja aħjar. Fil-poeżija Infern Uman jgħid:
“Ħu f’idejk ħajti Mulej
U agħmel minnha dawl għal ħuti”

(Paġna Letterarja, It-Torċa, 10 ta’ Mejju 2015)

Leave a Comment