Jake Cassar irid isalva r-Renji kollha waħdu

Clare Azzopardi
Pubblikazzjoni: Merlin Publishers

It-tfal jassoċjaw mal-karattri li jaqraw u erħilhom jimirħu fl-immaġinazzjoni. Merlin ilhom snin li daħlu diversi karattri ġewwa pajjiżna li saru popolari mmens mat-tfal, bosta minnhom ngħid li llum kibru magħna. Matul iż-żmien inħolqu oħrajn ġodda li jilħqu l-aspirazzjonijiet tat-tfal, fi stejjer aġġornati għaż-żminijiet tallum, li jistgħu jikkompetu ma’ dawk barranin li għandhom l-istess filosofija. Karattru ħelu, u popolari mmens mat-tfal huwa Jake Cassar, li nazzarda ngħid huwa l-alternattiva Maltija għal karattri oħrajn barranin li t-tfal tagħna wkoll jafu bihom bħalma huma Geronimo Stilton. Clare Azzopardi, l-awtriċi ta’ dawn il-kotba, stabbilixxiet sew bħala kittieba ewlenija ta’ kotba tat-tfal. Impenjata sew ukoll li ddur mal-iskejjel f’Malta u Għawdex, kif ukoll f’diversi attivitajiet sabiex tħeġġeġ il-qari. Bħala għalliema taf sew xi jridu t-tfal, li l-qari m’għandux jiġi sfurzat, u kważi kważi hi stess issir tifla waqt li qed taħseb dan il-ktieb u taħseb bl-immaġinazzjoni ta’ tifla żgħira. Din is-sensiela ta’ Jake Cassar taf il-bidu tagħha fl-2009 u mall-ewwel kisbet popolarita’ kbira. Il-ktieb li għandna llum Jake Cassar irid isalva d-dinja waħdu, huwa id-disa’ ktieb. Il-kotba l-oħra f’din is-sensiela huma: Jake Cassar Isalva r-Renju tar-Re Pankrazju IV, Ir-Re Pankrazju Jagħlaq Mitt Sena, Ir-Reġina Fidelja u r-Renju Sturdut, Il-Bastun tar-Reġina Fidelja, L-Ixkupa tar-Re Vonxkup, Ir-Re Fellambrożja u r-Renju Laġenba, Jake Cassar u l-istorja tar-Reġina x-Xiħa, Jake Cassar u r-Reġina Fidelja f’boċċa tal-ħġieġ.
Bħal kumplament tas-sett, il-ktieb li għandna llum huwa miktub bi stil informali u partikulari ħafna. Merlin Publishers, kif għidt f’artikli oħra, jagħmlu sforzi varji biex jikkompetu mhux biss fis-suq lokali u dak dinji imma anke mad-dinja ta’ teknoloġija li t-tfal imrawmin fiha. Bl-għodda teknoloġiċi, it-tfal mhux neċessarjament jaqraw linja wara linja, imma għandhom diversi opportunitajiet oħra. L-istil ta’ dawn il-kotba għaldaqstant jappellaw ħafna għat-tfal, u mhumiex miktubin bi stil konvenzjonali sabiex joħolqu diversi effetti. Azzopardi tagħraf tagħmel dan tajjeb mingħajr ma tissagrifika l-ortogrofija u l-grammatika Maltija bħalma ħafna drabi jsir f’forom oħra ta’ litteriżmu bħalma hu fil-Media soċjali.
L-istorja tallum tibda dwar il-boċċa tal-ħġieġ li fiha qaflu lir-Reġina Fidelja, imma Furun qallu li din inkisret. Fidelja kellha wiċċha mimli tikmix u kieent imdejqa. It-tieni Kapitlu miktub bil-maqlub, għax jista’ jinqabeż mingħajr mat-tfal jitilfu l-istorja imma fl-istess ħin importnanti ħafna għax jgħidilna dwari il-ħidma ta’ Cassar bħala ambaxxatur. L-istorja tissokta li kollox beda sejjer żmerċ u jibżgħu li kulħadd kien se jixjieħ. Jake Cassar, Ambrożja, Defdemola u Qamri jibqgħu barra biex insalvaw ir-renji kollha maħkuma mir-Reġina. L-ewwel ħaġa li għamel kien li jkun se jixrob il-likwidu speċjali li hejja Teodoro li kien se jagħtih poteri speċjali. Imma hekk kif kien se jagħmel dan Titfaċċa l-mama’.

Bħal kumplament tal-kotba dan il-ktieb għandhu Illustrazzjonijiet ta’ Mark Scilcuna. Dawn għinu mhux ftit fl-istil differenti u sabiħ ta’ dan il-ktieb.
Ta’ min wieħed jgħid li xi kotba f’din is-sensiela rebħlu l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fil-kategorija tat-Tfal. U bir-raġun! Kif għidt fil-bidu dan il-ktieb jimmira għat-tfal kollha, imma l-akbar sfida hija li jappella saħansitra għat-tfal li normalment ma jaqrawx u jien ċert li anke dawn isiru segwaċi ta’ Jake Cassar u jkun wieħed mill-idoli tagħhom.
Dan il-ktieb, u l-oħrajn f’din is-sensiela jinkisbu mill-ħwienet ewlenin jew inkella mis-sit www.merlinpublishers.com.

(Paġna Letterarja, It-Torċa, 10 ta’ Mejju 2015)

Leave a Comment