Id-Dinja Tiegħi: Erba’ kotba ġodda!

Addattati minn Clare Azzopardi
Pubblikazzjoni: Merlin Publishers

Id-Dinja Tiegħi hija sensiela oħra ta’ kotba ħelwin u interessanti ta’ Merlin Publishers. Dawn huma kotba popolari mmens barranin, miġjuba lilna u addattati għal Mati minn Clare Azzopardi, li kif diġà għidna hija awtriċi stabbilita anke fil-qasam tal-kotba tat-tfal u popolari mmens. Is-sena li għaddiet ħarġu l-ewwel erba’ kotba minn din is-sensiela l (Lupu Lupettu, Rosetta Banana, Kukku l-Kukkudrill, Serafin il-prinċep denfil) u f’din il-paġna wkoll ktibna dwarhom. Din is-sena għandna erba’ kotba oħra(Lupu Lupettu ma jridx jimxi aktar, Kamilla Tixtieq Familja Ġdida, Ġakki l-Pirata, Bertu l-Bebbuxu Supereroj), biex b’kollox issa għandna tmienja
L-aktar li jolqtoni f’dawn il-kotba huwa il-mod sottili kif jedukaw it-tfal, mingħajr ħafna retorika. Il-valuri jaslu b’mod li t-tfal jibqgħu jieħdu gost, jistħajlu u jidħlu f’dinja ta’ karattri li lkoll se jiggustaw. Barra min hekk dawn il-kotba hua relevanti ħafna għax jindirizzaw temi u realtajiet ġodda li t-tfal, bħalna qed jesperjenzaw fosthom id-diversita’. Għaldaqstant jekk ngħidu aħna fil-ktieb Ġakki l-pirata niltaqgħu ma’ Ġakki li huwa ġiraff … imma ftit rasu iebsa. Dan Ġakki minkejja l-bard ma jkunx irid jilbes ix-xalla li ħititlu l-mamà. Irid bilfors imur l-iskola liebes ta’ pirata! Il-mamà tħallih jagħmel dak li jrid … sakemm Ġakki jiltaqa’ ma’ sħabu tal-iskola … u mnieħru jibda jqattar.
Laqatni ħafna Kamilla tixtieq familja ġdida, li jindirizza realta’ li t-tfal tagħna jesperjnzaw u forsi anke jbatu bħalna mill-preġudizzji soċjali u realtajiet differenti, li jgħixu fihom. Waħda minn dawn hija il-forom differenti ta’ familja u ngħidu x’ngħidu it-tfal għandhom jiġu l-ewwel. Lil hinn mill-argumenti tagħna l-kbar, dan il-ktieb jindirizza b’mod ħelu din il-problema b’tali mod li t-tfal iħossuhom aktar komdi jekk ikunu qed jgħixu f’xi realta’ differenti minn ta’ sħabhom. Kamilla, “qanfudina ċkejkna” tipprova tfittex il-familja ideali. Skont hi l-mama’ ddejjaqha mod u l-papa aktar moħħu fil-kaċċa, u oħtha ‘l ħin kollu tgħid. Waqt li tibda tfittex għall-familja ideali tibda tiltaqa’ ma’ diversi forom ta’ famiji fosthom ta’ Jann ħmar gustuż li missieru u ommu kienu żwiemel billi hu kien addottat. Imbagħad tiltaqa’ ma’ Dora ż-żrinġ li tgħix biss mal-mama’ tagħha, imma kuntenta u moħħha mistrieħ li jekk jinqala’ xi ħaġa xorta se tipproteġiha billejl. Il-papa ta’ Enzo l-ħanżir mhux roża bħalu. Batist l-għoġol għandu żewġ papajiet, Rogeru Batist li tgħidx kemm jafu jsajru tajjeb! Fl-aħħar dawn l-esperjenzi jgħinu lil Kamilla biex tapprezza aktar il-familja tagħha stess, għax l-aktar ħaġa importanti hi li jkun hemm l-imħabba.
Dawn il-karattri qed isiru popolari mmens mat-tfal u jkomplu jżidu mal-lista twila ta’ “ħbieb” tat-tfal tagħna. Biżżejjed insemmu lil Lupu Lupettu li diġà ltqajna miegħu fl-ewwel sett ta’ erba’ kotba. Issa fil-ktieb Lupu Lupettu ma jridx jimxi aktar. Ser niltaqgħu m’aktar avventuri fejn din id-darba jdaħħalha f’rasu li ma jridx jimxi u għalhekk jipprova mezzi differenti ta’ trasport. Imma dejjem jinqalagħlu xi ħaġa …
Karattru ġdid ieħor li naħseb se jkun popolari huwa Bertu l-Bebbuxu, bebbuxu simpatiku ħafna. Fil-ktieb Bertu l-bebbuxu supereroj, dan Bertu ffissa li huwa ċkejken wisq. Ċkejken u kurjuż! Bertu jixtieq ikun jaf x’hemm fl-għoli, ’il fuq mill-pjanti u l-fjuri. U allura jfassal pjan biex ikun jista’ jogħla kemm irid.
Ħelwin wisq dawn il-kotba fis-sensiela Id-dinja tiegħi u t-tfal se jiggustawhom wisq! Il-kotba kollha f’din is-sensiela jinsabu għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba kollha jew online direttament minn www.merlinpublishers.com

(Paġna Letterarja, It-Torċa, 10 ta’ Mejju 2015)See Translation— with Chris Gruppetta and Clare Azzopardi.

Leave a Comment