Ġrajjet it-Tagħlim f’Malta – L-Ewwel Volum

Dan il-ktieb xtaqt ukoll norbtu ma’ Jum il-Ħaddiem minħabba li l-Edukazzjoni hija ċ-ċavetta sabiex il-ħaddiem jeħles mill-jasar tal-injoranza u jimxi ‘l quddiem.

Mhux normali li f’din il-paġna nikteb dwar ktieb li diġà nkun għamilt intervista dwaru, bħal ma għamilt f’dan il-każ mas-Sinjura Sammut. Imma rridu ngħidu li dan il-ktieb jien narah bħala rigal għalina li ma kienx mistenni. Dan minħabba l-fatt li l-familja Sammut sabu dan il-ktieb fil-kompjuter, ktieb li Sammut ma laħaqx ippubblika.

Il-ktieb huwa bħal mixja fl-istorja ta’ Malta mill-bidu sa żmien l-Ingliżi. Qed insejjaħlu mixja għaliex Sammut mhux biss kien oratur tajjeb imma kellu wkoll l-istess ħila meta jikkomunika permezz tal-kitba, u għaldaqstant jagħraf ifisser biċċa biċċa li l-qarrej anke dak mhux familjari mal-istorja se jsibha faċli biex jifhem, Fil-bidu ta’ kull kapitlu jfisser sew il-kuntest storiku sabiex wieħed ikun jista’ jifhem l-iżvilupp edukattiv.

Iż-tliet aspetti li nara l-aktar prinċipali f’dan il-ktieb huma: (a) L-edukazzjoni li teħles mix-xkiel tal-injoranza sabiex il-bniedem ikun tabilħaqq illiberat, (b) l-edukazzjoni għall-massa, u (c) l-edukazzjoni fil-formazzjoni ta’ pajjiżna bħal nazzjon u allura tidħol ukoll il-kwistjoni tal-lingwa. Dawn it-tlieta huma importanti ħafna fl-iżvilupp edukattiv ta’ pajjiżna. Kontra ħassieba kritiċi u xellugin bħal Freire u Bowles and Gintis li jikkritikaw dawk l-elementi fis-sistema edukattiva li kienu qed jintużaw bħala mezz mill-klassi kapitalista sabiex iżommuha f’postha u jirriproduċu ħaddiema skont il-bżonnijiet tas-sistema, is-sitwazzjoni f’pajjiżna kienet differenti ħafna. Malta kienet mifnija bil-faqar u bl-injoranza u l-klassi li kienet qed taħkem kien fl-interess tagħha li l-poplu jibqa’ ma jitgħallimx. U f’dan is-sens allura toħroġ aktar bil-qawwa l-edukazzjoni bħala liberazzjoni. Din kienet il-prijorita’ u ċ-ċavetta biex effettivament dan il-pajjiż sar nazzjon. Għax poplu mgħallem huwa dak li jdawwar ir-rota ekonomika ‘l quddiem.

Edukazzjoni għall-innovazzjoni, kreattivita’ u moħħ kritika

Li jolqotni f’Sammut bħala edukaturi huwa kemm kien impenjat lejn ix-xogħol tiegħu li jeduka. Fid-diversi rwoli li kellu ma ngħalqx wara skrivanija imma lanqas ġo klassi, imma għarrex, informa ruħu u minn dak li jaf bena sett ta’ valuri. Dan il-proċess mhuwiex wieħed naturali f’kull għalliem, għaliex ix-xogħol, l-impenji, imma anke l-insularita’ ta’ pajjiżna fiċ-ċokon tiegħu. Mill-esperjenza tiegħi, bħala edukaturi, jidhirli li hemm diversi drabi fejn il-passivita’ tirbaħ.

Li jolqotni f’Sammut bħala edukaturi huwa kemm kien impenjat lejn ix-xogħol tiegħu li jeduka. Fid-diversi rwoli li kellu ma ngħalqx wara skrivanija imma lanqas ġo klassi, imma għarrex, informa ruħu u minn dak li jaf bena sett ta’ valuri. Dan il-proċess mhuwiex wieħed naturali f’kull għalliem, għaliex ix-xogħol, l-impenji, imma anke l-insularita’ ta’ pajjiżna fiċ-ċokon tiegħu. Mill-esperjenza tiegħi, bħala edukaturi, jidhirli li hemm diversi drabi fejn il-passivita’ tirbaħ.

Il-Kummissarju tal-Gvern Franċiż, Régnaud de Saint-Jean d’Angély fit-taħdita li għamel fl-1798 tkellem kif l-injoranza “hija l-appoġġ tad-despotiżmu”, u kif kienu jċaħħduhom mill-mezzi kollha tat-tagħlim (p.64). Bonaparte, fis-16 u 18 ta’ Ġunju fil-fatt kien ħareġ numru ta’ liġijiet relatati mal-edukazzjoni. Fost oħrajn dawn kienu jinkludu li jitwaqqfu 15-il skola primarja (p.64). Iżda Frans Sammut jagħraf ukoll l-iżvilupp edukattiv f’kull żmien, u minkejja li l-pożizzjoni tiegħu hija ċara, (fost oħrajn kemm konna niksbu aktar kieku l-Franċiżi tħallew bil-pjan li kellhom għall-gżejjer), huwa wkoll awtur li jipprova jagħti stampa oġġettiva kemm jista’ jkun. Jagħraf is-sehem tal-Ġeżwiti fost oħrajn anke permezz tal-Kulleġġ li beda “jagħti l-lawrji fil-filosofija u t-teoloġija fl-1727” u b’hekk għolla l-livell ta’ pajjiżna fuq dak Ewropew (p.41).

Kif kien mistenni, f’dan il-ktieb insibu bi prominenza l-ideat ta’ Vassalli. Vassalli kien ġenju, viżjonarju kbir u l-ħsieb tiegħu edukattiv biss jixhed dan. “Jgħid li kellu jkun hemm għalliema skont il-popolazzjoni tal-belt jew tar-raħal li jkun” (p.52) u f’moħħu kellu numru ta’ skejjel. Vassalli ispirat mill-ispirtu tal-illuminiżmu, li l-għan tagħha kien li toħodha kontra l-Ordni soċjali, beda jħares lejn is-soċjeta’ b’mod differenti. Is-soċjeta’ ispirata minn dawn il-valuri ġodda kienet dik maqtugħa mill-ordni soċjali tal-imgħoddi, ibbażata fuq il-prinċipji tal-meritokrazija fejn ir-rwoli soċjali jiġu milħuqa bil-ħiliet u l-mertu u mhux mogħtija skont il-privileġġi tal-familja.

Edukazzjoni għall-ħelsien mill-faqar u l-injoranza

L-iskop ewlieni tal-edukazzjoni obbligatorja huwa aktarx marbut mal-mobilta’ soċjali u għall-klassi tal-ħaddiema dan huwa mod ukoll kif tista’ tavvanza ‘l quddiem (Michael Ward, ‘I’m a geek I am’: academic achievement and the performance of a studious working-class masculinity, 2014, p.710). Sa mill-bidu l-għan tal-edukazzjoni obbligatorja kienet sabiex l-edukazzjoni tkun għal kulħadd – għal massa u taqta’ l-faqar (Sjaak Braster, Frank Simon, Ian Grosvenor, A History of Popular Education: Educating the People of the World, 2013). Ta’ min ngħidu li l-Ingliżi ma kellhomx l-istess entużjażmu tal-Franċiżi li kellhom il-ħsieb li jibnu 15 –il skola fil-gżejjer Maltin (Correspondence de Napoléon I, pubilée par ordne de l’Empereur Napoléon III, 1859). L-Ingliżi kienu jifhmuha li “il-ħtieġa tat-tagħlim tal-poplu aktar kellu l-potenzjal li jaqla’ l-inkwiet illi jagħmel il-ġid lill-amministrazzjoni paċifika u ordinata ta’ dil-kolonja ġdida” (p.97). Dan il-ħsieb ta’ Frans Sammut jaqbel ħafna ma’ Dak ta’ Charles Xuereb (France in the Maltese Collective Memory – Perspectives, Perceptions, Identities after Bonaparte in British Malta’ ). Xuereb ikompli jżid bir-rabta li kien hemm, u qbil bejn il-Gvern Ingliż mal-Knisja Kattolika li t-tnejn bħal iħokku dahar xulxin sabiex iħarsu l-interessi ta’ xulxin.

Interessanti ħafna li f’dawk i-ż-żminijiet, u din għalija hija tagħrif ġddia li kellek Maltin ispirati mill-prinċipji Repubblikani Franċiżi fosthom il-familja tan-Nobbli Sceberras. Ċerta Camillo Sciberras ġabar numru ta’ “patrijotti” biex tinħoloq speċi ta’ rappreżentanta li tressaq il-jeddijiet tal-Maltin quddiem ir-Re tal-Ingilterra (p.99). Imbagħad naraw kif il-Kummissjoni tal-1836 “stqarret li l-Gvern Ingliz kien reponsabbli għad-dħul tat-tagħlim popolari b’xejn fil-livell primarju u li jiftaħ l-iskejjel fil-bliet u r-rħula kollha tal-Gżejjer Maltin” (p.115). Sa ċerta punt din kienet sorpriża għalija li hekk bikri kien hawn dan il-ħsieb għal Malta għaliex nafu li l-Att għall-Edukazzjoni Elementari, f-Ingilterra (Elementary Education Act… [electronic resource] : manual explanatory of the Act to provide for public elementary education in England and Wales) , li wassal sabiex jiġu mwaqqfin bordijiet tal-iskejjel u skejjel ġodda, ħareġ fl-1870.

L-edukazzjoni fil-formazzjoni ta’ pajjiżna bħal nazzjon u l-kwistjoni tal-lingwa

Ħtieġa kbira ta’ dan il-poplu kien li jqum fuq saqajh u jsir nazzjon u allura tqum il-kwistjoni tal-identita’ nazzjonali. Dan il-poplu ma kienx Ingliż u lanqas Taljan jew frott xi poplu ieħor barrani. In-nazzjonaliżmu allura rridu nħarsu lejh f’dan is-sens. Sammut jidher li jħaddan dan il-ħsieb; l-istess bħal Vassalli, Dimech u forsi nazzarda ngħid anke mexxejja politiċi aktar riċenti. Ilsien pajjiżna huwa il-Malti, lingwa unika fid-dinja, l-unika waħda semitika li tinkiteb b’alfabett latin.

Frans Sammut jemmen li l-Malti huwa ta’ nisel semitiku, li ġej mill-Għarbi u li ġej mill-Għarbi Mislem. Fil-fatt, iwaqqa’ l-argument ta’ dawk li fiċ-ċrieki letterarji jsostnu li l-Malti ġej qabel l-Għarbi, jiġifieri mill-Feniċju u dan isejjaħlu bħala “ħliqa” (p.33). Nissuġġerixxi li wieħed jara dan il-kapitlu interessanti mmens, b’bosta eżempji ta’ kliem li bihom Sammut isaħħaħ l-argument tiegħu.

Konklużjoni

Nistqarr li Frans Sammut għandu ħabta jkun kontroversjali imma fl-istess ħin bil-mod kif jippreżenta l-argument tiegħu jasal biex jikkonvinċik. Hekk ħassejtni f’xi mumenti waqt li qed naqra dan il-ktieb, minkejja li l-edukazzjoni hija l-qasam ewlieni tiegħi. Forsi dan minħabba l-mod kif jippreżenta l-argument. Il-ktieb huwa miktub b’Malti mill-isbaħ, l-għodda tant għal qalb Sammut, u ppermettuli ngħid li jagħti tagħlima lil dawk li jsostnu li biex il-lingwa taqdina fil-ħtiġijiet ta’ kuljum irridu ndakkru bosta kliem minn pajjiżi oħrajn. Naħseb dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-Malti, u l-istorja ta’ pajjiżna b’mod ġenerali għandu jkollhom dan il-ktieb fil-librerija tagħhom. Żgur li x-xewqa tagħna tkun li jinstab it-tieni volum, anke jekk mhux komplut ta’ dan il-ktieb, u dan sabiex inkomplu ngawdu il-kitba ta’ dan l-awtur kbir.

Paġna Letterarja, it-Torċa, 3 ta’ Mejju 2015

Dimech Poeta: Mill-Ħabs għall-Eżilju

Awtriċi: Jessica Micallef

Għadna kif iċċelebrajna Jum il-Ħaddiem – Jum li għandu sinifikat speċjali meta tqis l-isfond soċjali u politiku tiegħu. Nafu li l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema ma kinux minn dejjem kif nafuhom illum. Is-soċjeta’ kienet mifnija bil-faqar u l-injoranza. Manwel Dimech kien wieħed minn tal-ewwel li kellu viżjoni għal dan il-pajjiż u minħabba t-twemmin tiegħu kellu jħallas prezz qares. Għall-grazzja t’Alla il-ħolm ta’ Dimech illum sar realta’ imma kellu jgħaddi ż-żmien sabiex dan il-bniedem jingħatalu l-ġieh li jixraqlu. Mil-lat letterarju wieħed ta’ min isemmi li l-SKS kienet minn ta’ quddiem li tat ġieh lil Manwel Dimech f’diversi kotba fosthom Il-Mixja tal-Ħaddiem lejn il-Ħelsien ta’ Frans Sammut (awtur li wkoll nibqgħu nsellmu l-memorja tiegħu). Imma naħseb li l-aktar persuna li rriċerka u bena monument letterarju ħaj ta’ Manwel Dimech kien Patri Mark Montebello. Dimech huwa ktieb riċerkat u meqjus ħafna, b’kull sentenza msaħħa b’diversi sorsi primarji li ħafna minnha setgħu jaraw għall-ewwel darba permezz ta’ dan il-ktieb. Verżjoni aktar qasira ta’ dan il-ktieb kienet Jien Manwel Dimech, tal-istess Patri Mark. Imbagħad Montebello reġa’ ġabar numru ta’ kitbiet dwar Dimech (pubblikazzjoni SKS) li jistħarrġu l-personalita’, l-ħsieb u ż-żminijiet tiegħu . Ma rridux ninsew imbagħad id-dokumentarju li ħareġ Patri Mark flimkien ma’ Kottoner Media. Minbarra l-kotba mbagħad għandna t-teatru, fosthom Manwel! Manwel! (2000, mużika ta’ Dominic Galea u lirika ta’ Ray Mahoney.
Dan il-kuntest qed nippreżentah għax il-ktieb li għandna quddiemna mhuwiex ktieb ta’ poeżija kwalunkwe. Dan mhux qed ngħidu biex innaqqs is-sbuħija tal-poeżija li anke ppruvat toħroġ Jessica Micallef f’dan ix-xogħol. Imma dawn il-poeżiji huma kollha xhieda tat-tbatija li Dimech kellu jġarrab u minnhom nistgħu nsiru nafu aktar mill-qrib lil dan il-bniedem kbir .

Il-ktieb huwa wkoll studju riċerkat billi joħroġ wara li l-istess awtriċi, li studjat l-Universita’ ta’ Malta u għandha l-Maġisteru tal-Art fil-Lettertura Maltija rriċerkat ix-xogħlijiet letterarji ta’ Manwel Dimech, Ġwann Mamo u oħrajn. Imma f’dan il-ktieb li għandna, li ħareġ uffiċjalment għall-pubbliku f’għeluq il-100 sens mill-bidu tal-eżilju ta’ Manwel Dimech, l-awtriċi u l-pubblikaturi SKS għażli li aktar milli kitba akkademika jwasslu s-sorsi (oriġinali imma editjati) u dan sabiex aħna l-qarejja wkoll nistgħu ngawdu u ngħixu l-istess esperjenza tar-riċerkaturi.

Mhuwiex l-iskop tiegħi hawn li nagħmel studju dwar dawn il-poeżiji, għax dan l-istudju diġa tippreżentahulna fil-qosor l-awtriċi nfisha (p.23-36). Barra minn hekk għandna wkoll studju qasir ieħor ta’ Dr Adrian Grima li jitkellem dwar l-emarġinazzjoni ta’ poeta antikolonjali.
Micallef għażlet li taqsam il-poeżiji skont it-tema b’dan il-mod: (a) Is-sentiment liriku (b) Is-sentiment uman (c) Is-Sentiment didattiku (d) Is-sentiment reliġjuż (e) Is-sentiment soċjali (f) is-sentiment politiku (g) is-sentiment nazzjonali. Dan il-mod fil-fehma tiegħu, jekk inħarsu lejh aktar mill-qrib naraw kemm il-persuna – Manwel Dimech kellu tabilħaqq personalita’ qawwija, iben dehen ta’ din l-art Maltija.
It-tieni punt li nosserva mill-mod kif qasmet dawn il-poeżiji Micallef hija l-mixja fil-ħsieb ta’ Dimech minn sensittivita’ għat-tbatija għall-ħolma ta’ Malta bħala Nazzjon. Għaldaqstant naraw ukoll l-evoluzzjoni fil-ħsieb ta’ Dimech; minn osservazzjoni lejn dak li qed jiġri madwaru.


Ħabs

Il-ktieb jibda b’sunett bit-Taljan li Dimech kiteb madwar l-1884 iddedikat lil Dr Dun Ġuzepp Żammit (p.53), is-saċerdot li kien jinkoraġġihom jiktbu. Ta’ min jgħid li Dimech għandu diversi poeżiji li kiteb il-ħabs fosthom Oh! Qual Nera Caligine (p.83) , Cinque vuol vedere (p.147), Un Maltese ai Maltese (p.185). Huwa l-ħabs li ironikament serva wkoll għal Dimech ta’ skola, fejn beda jinbet il-ħsieb tiegħu għal Malta aħjar bħal Un Maltese ai Maltesi. Fil-ħabs tgħallem jikteb u jaqra u tħarreġ f’bosta oqsma tal-għerf . Metaforikament il-ħabs għal Dimech narah bħal mod kif dan il-pajjiż ħareġ mill-ħabs tal-faqar u l-injoranza u l-jasar taħt il-barrani għall-ħelsien. Bħala edukatur nara lil Dimech ukoll bħala idolu li ħareġ mill-faqar u mill-ħabs sabiex sar edukaturi ta’ poplu sħiħ, u dan forsi huwa wkoll ta’ mudell għal dawk il-ftit żgħażagħ li minħabba (forsi bħal Dimech) iċ-ċirkostanzi iebsa tal-ħajja tagħhom iwassalhom sabiex jibqgħu marġinalizzati fis-soċjeta’ – għallinqas ‘is-soċjeta’’ li ngħixu fiha aħna. Izda fIl-ħabs (fejn kien għal 10 darbiet) imma seta’ jara wkoll fost oħrajn il-kruha tal-piena kapitali. Lil ċerta Rużar Mizzi, li ġie mgħallaq bla ħtija jiddedikalu numru ta’ poeżiji fosthom Rużar Briffa ma kienx ħati (p.157), Lill-qattelin ta’ Rużar Mizzi (p.156) u Il-Miżien ta’ fuq il-bieb tal-Qorti (p.160). Anke hawn naraw kif Dimech tabilħaqq kien joħroġ għonqu kontra l-inġustizzji. Jgħidilna:
“Ħalla ‘l Malta dana l-leħen,
U mad-dinja kollha dar;
Fil-widnejn ta’ kulħadd żarżar:
Ma kienx ħati, le Rużar”
(Rużar Mizzi ma kienx ħati, p.157)

Kuraġġ

Dimech kien konxju mill-oppożizzjoni ħarxa kontrih. L-impressjoni li ħadt f’dawn il-poeżiji hija li sakemm kissruh u farrkuh għal kollox, mhux biss it-twemmin tiegħu baqa’ sod u ma ċediex pulzier minn dak li kien jaħseb li kien sew, imma wkoll kien jittama li l-ħolma tiegħu sseħħ. Fil-poeżija Qum Infern! (p,161) jgħid:
“Qumu, infern, u tiegħek agħmel;
Biss li tirbaħ tittamax:
Tagħna t-torri ħadd ma jġarraf ,
Għax jiġġarraf ma jistax.”

Interessanti kif għalkemm Dimech miet minsi u mwarrab wieħed jista’ jgħid li kien profetiku f’dan il-ħsieb għaliex il-ħolm tiegħu fosthom l-emanċipazzjoni taż-żgħir u l-batut, l-edukazzjoni għal kullħadd li kien jarha bħala l-mezz sabiex teħles lil dan il-poplu mill-ktajjen tal-injoranza u l-Malti bħala lsien Nazzjonali saru realta’. Dan il-ħsieb baqa’ jbaqbaq sal-aħħar, saħansitra sal-mument meta kien fl-eżilju. Fost il-poeżiji li skont Micallef aktarx kiteb meta kien fl-eżilju nsibu Mannarino to his countrymen (p.214)- ispirata minn dik li baqgħet tissejjaħ bħala r-“Rewwixta tal-Qassisn”, Have you seen the Maltese islands? (p.214)
Ta’ min wieħed jgħid imma li minkejja l-persekuzzjoni kontrih mill-awtoritajiet ekkleżjastiċi, u l-qlajjiet kontra tiegħu Manwel Dimech kien bniedem reliġjuż u dan jixhduh in-numru kbir ta’ poeżiji reliġjużi li nsibu f’dan il-ktieb (p 121-143). Ta’ min ngħidu li minħabba l-ħidma permezz tax-Xirka tal-Imdaulin, il-Knisja skomunikatu għal sena sħiħa.


Il-Bandiera tal-Maltin

Hekk kif ħareġ mill-ħabs fl- 1897 beda joħroġ kull ġimgħa il-Bandiera tal-Maltin – l-organu li kellu fl-opinjoni tiegħi joħloq rivoluzzjoni sħiħa.
Fl-ewwel ħarġa tal-bandiera tal-Maltin, żanżan il-poeżija Lilkom ħbiebi (p.140):
“Qatt ma jkun illi tintrebaħ
Mill-għedewwa misħutin ;
Tirbaħ biss u tirbaħ dejjem
IL-BANDIERA TAL-MALTIN”

Il-viżjoni ta’ Dimech kienet dik kif anke naraw f’dan il-ktieb ta’ Malta bħala nazzjon sovran. Il-viżjoni tiegħu, għallinqas kif narah jien u kif jidher minn dawn il-poeżiji kienet allura waħda Repubblikana – fis-sens li kien iwaħħad il-ħelsien tal-bniedem ma’ dak tan-nazzjon: Il-bżonn li l-persuna tagħraf l-individwalita’ tagħha u tinħeles mill-ktajjen tad-dipendenza u l-bżonn li pajjiżna jsir nazzjon ħieles mill-forzi li żammuh fil-faqar u fl-injoranza.
Ngħidu x’ngħidu, l-immigrazzjoni sfurzata hija tama għall-ħelsien għal persuna li qed ibati. Il-Maltin ukoll, mhux l-ewwel darba kellhom iħallu din l-art sabiex isibu ġejjieni aħjar. Il-poeżija L-Għanja ta’ Malti sejjer isiefer (p.158) titratta dwar dan. Kif nafu, fl-istorja aktar riċenti, il-Maltin jibqgħu qalbhom hawn minkejja li jkunu f’artijiet imbiegħda. Mhux ta’ b’xejn li Dimech jgħid (p.159):
“Alla miegħek! Jien sejjer,
Ħelwa Malta se nħallik!
Ġismi minnek s’r jitbiegħed
Iżda ruħi tibqa’ fik.”

Din ix-xewqa ta’ pajjiżna bħala nazzjon tinħass sew f’dawn il-poeżiji tant li fil-ktieb li għandna llum insibu numru sabiħ ta’ poeżiji (p183-215) bikrin fil-ħsieb tar-romantriċiżmu u dak ta’ identita’ nazzjonali.
Meta ma kienx għad Innu Nazzjonali kiteb il-poeżija Innu Malti (p.194).


Konklużoni

Mhux biċċa xogħol faċli dak li għamlet Jessica Micallef. Dawn huma kitbiet ta’ patrijott u eroj Malti, bosta minnhom bil-Malti, imma nifhmu li Micallef ħtiġilha tadatta skont il-Malti kif jinkiteb illum. Oħrajn bit-taljan u bl-Ingliż, u Micallef għamlet tradizzjoni. Minn kull poeżija nisslet xi tagħrif u allura għandna bħal bijografija li toħroġ minn dawn il-poeżija. Dan jagħmel dan il-ktieb wieħed interessanti sabiex jinqara. Il-ktieb għandu wkoll valur lingwistiku kbir partikularment għan-numru ta’ kliem mhux komuni, li m’għadhomx jintużaw, u għal dawn Micallef toffri wkoll tifsira għalihom (p.225). Naturalment dan huwa ktieb li jagħmel kompleta il-bibljografija li għandi dwar Manwel Dimech, u jibni mal-kotba ta’ Patri Mark Montebello. Minn fomm Dimech stess, nistgħu naraw ħafna tagħrif interessanti fosthom taż-żmien meta kien fl-eżilju.

Ntemm dawn il-ħsibijet qosra dwar dan il-ktieb bi strofa mill-poeżija Sliema għalik, Bandiera Tagħna (p.186):
Sliema għalik, Bandiera tagħna!
Aħna wliedek il-Maltin
Lejk inħarsu bik nithennu
Fi ħsieb wieħed imgħaqqdin”
(Paġna Letterarja, It-Torca, 3 ta’ Mejju 2015)


Bla Ħtija

Bla ħtija
Gino Lombardi

Fil-Jum tat-tieġ tiegħek jew tat-tfal tiegħek ftit li xejn ikollok ħin taħseb fuq xi ħaġa jew oħra. Imma waqt ir-reception tat-tieġ tat-tifel tagħha, is-Sinjura Lara Montegue rat il-pittura tas-Sinjura Violet Flores (p.8) li aktar xprunata biex tmur tiltaqa’ magħha. Is-Sinjura Lara Montegue li tidher li fl-opinjoni tiegħi hija l-karattru prinċipali ta’ dan ir-rumanz kellha wkoll ħolma kerha, liema ħolma l-awtur jibda l-ktieb biha propju fil-jum tat-tieġ. Hawn min jgħid li l-ħolm xi kultant ikun profetiku. Din il-ħolma makabra (p.1) donnha kienet profetika wkoll għaliex Daniel (it-tifel tas-Sinjura Lara) u Teżara sabu l-bieb sgassat propju wara qamar il-għasel u kollox imqalleb. Sadanittant imma is-Sinjura Flores tirrakkonta lis-sinjura Lara l-istorja tal-familja tagħha – storja li ma kinetx taf. Din hija l-istorja li s-Sinjura Flores tħoss li kien wasal iż-żmien, issa li waslet fl-aħħar, li sserraħ il-kuxjenza tagħha u tgħaddiha lis-Sinjura Lara u importanti li tkun taf. U parti mill-imgħoddi ikrah tal-familja tas-Sinjura Lara, passat krudili li safa fi qtil brutali (p.122-133) ukoll joħorġu f’din il-ħolma. Li jolqtoni f’Gino Lombardi huwa l-istil li jikteb fejn jirrakkonta żewġ stejjer b’mod paralleli u li bejniethom ikun hemm rabta. Kif nagħmel is-soltu qed nipprova nevita li nirrakonta l-istorja sabiex ma ntellifx il-gost tagħkom il-qarrejja, kif ukoll is-sigrieti li hemm f’dan ir-rumanz.

Storja fi storja
Parti kbira mill-ktieb hija irrakontata minn fomm il-qabla tal-familja, is-Sinjura Violet Flores. Insiru nafu li s-Sinjura Flores kienet tiġi t-tifla ta’ Salvina, il-qaddejja tal-familja (p.129) li b’xi mod donnu li s-Sinjura Diodata Battistino kellha dejn kbir magħha, forsi għall-mod kif żammet l-affarijiet moqżieża tal-familja mistura. Il-ġrajja tal-imgħoddi toħodna fi żmien il-gwerra (p.14). Jispikka l-element ta’ misteru, u suspens, l-aktar bil-mod kif jirrakkonta Lombardi li jżommok anzjuż, tgħarrex fid-dar qadima, fil-kantina umda u mudlama li fiha hemm persuna moħbi. Persuna misterjuża li minħabba l-kundizzjoni tagħha maqfula f’kantina kif kienet b’xorti ħażina d-drawwa fl-imgħoddi u li bosta kotba jirreferu għall-mod ħażin kif persuni bi problemi ta’ saħħa mentali kienu jiġu trattati; ifakkruni fil-karattru ta’ Bertha Mason f’Jane Eyre ta’ Charlotte Brontë u anke niftakru f’The System of Doctor Tarr and Professor Fether ta’ Edgar Allan Poe. Imbagħad fl-istorja riċenti naraw lill-ispettur Cutajar flimkien mas-Surġent isegwu l-filmat tal-kameras tas-Sigurta’ fost ħafna tensjoni u stennija sabiex jaraw min daħal fl-appartament ta’ Danjel u Teżara (p.84). U aktar minn hekk li sabiex tidħol fl-appartament irid ikollok l-aċċess permezz tal-card li għandu biss l-iskoċċiż David Foyes li kien jieħu ħsieb (p.274). U mbagħad il-qarrej jitħalla jipponta subgħajh lejn dak u l-ieħor.
Naraw xebh ukoll bejn “iż-żewġ stejjer” dwar persuni li jiġu mwarrba fis-soċjeta’. Fl-imgħoddu naraw lill-qaddejja Marjanna li tilqa’ l-isfida u tieħu ħsieb persuna li minħabba l-kundizzjoni tiegħu safa maqful f’kantina u moħbi mis-soċjeta’ (p.19-33). Dan ma kien ħadd ħlief is-Sur Alvaro, it-tifel tas-Sinjura Diodata li bl-imħabba tagħha beda juri progress ġmielu. Fl-istorja moderna naraw naraw ukoll lil Angie, Il-ħabiba ta’ Rachel u Lara (p.88) li tilqa’ l-isfida u taċċetta li t-tifel tagħha għandu relazzjoni ma’ persuna oħra tal-istess sess.
Xebh ieħor narawh ukoll dwar il-mod kif trabbew. Daniel u Tezara trabbew bħal ‘aħwa’ għalkemm mhumiex (p.79) tant li wara żżewġu. Ralph u Violet Flores ukoll kienu jgħixu flimkien (p.74) għax fi kliem Ralph din kienet id-drawwa fl-imgħoddi meta kien ikollok djar kbar.
Naraw ukoll li l-imħabba għal Alvaro spiċċat f’imħabba intima (p.46), tant li saħansitra ħarġet tqila minnu (p.58, p.102) u l-ħtif tat-tarbija (p.104). Fl-aħħar imbagħad naraw kif Martina tiżżewwġ lil Ralph fl-istess ġurnata li fiha Marjanna tiżżewweġ lil Patist (p.355) u dan b’inkejja għal nannitha stess, li saħħitha bdiet tmur lura ferm. Is-Sinjura Violet tmut imma s-Sinjura Lara kellha missjoni li ġiet fdata biha.
Karattri
Dak li għidna dwar ir-rakkont tal-ġrajja, u l-mod kif insibu rabta bejn l-imgħoddi u l-ġejjieni narawh ukoll fil-karattri. Is-Sinjura Lara tintebah kemm ma taf xejn fuq il-familja tagħha fosthom dwar in-Nanna Diodata u li s-Sinjura Martina (omm Lara) kien kunjomha Battistino. Diffiċli ħafna tanalizza liema huma l-karattri b’saħħithom u liema huma karattri dgħajfin, minħabba l-fatt li fl-imgħoddi in-nobbli kellhom ħafna saħħa fis-soċjeta’. Huwa evidenti imma li s-Sinjura Diodata (in-nanna) kienet persuna dominanti ħafna; biżżejjed naraw il-mod kif kienet tkellem lil Patist li kien raġel ( P.116, 126), il-mod kattiv li bih imxiet ma’ Marjana (p.104-106) u l-fatt li kulħadd kien jibża’ minnha u jobdiha (p.108). Marjana kienet il-qaddejja, fi żmien fejn ftit li xejn kellha drittijiet. Imma is-saħħa fil-karattru tagħha narawh fil-mod kif kellmet lil Salvina (p.33) u anke lis-sinjura Diodata (p.41). U m’inix se ngħid meta ħaditilha t-tarbija għax bħal kull omm hawn tiġik saħħa barranija u Marjana refgħet idejha fuqha għal darba darbtejn! Tispikka wkoll l-injoranza tal-imgħoddi bħal meta n-nanna tbeżża li t-tifla (Martina) li raġel li kien miet jidher lit-tfal imqarbin (p.53). Martina iżda kellha karattru sod, kienet imqarċa (p.66-67), ma tibżax u l-impressjoni li ħadt waqt li qed naqra dan ir-rumanz huwa li lin-nanna kienet tiqfilha wkoll, l-aktar meta bdiet tikber (p.341) u kienet tagħmel minn kollox biex tmur kontra l-kelma ta’ nannitha saħansitra titħallat ma’ nies ta’ ‘klassi aktar baxxi minnha’ (p.342). Salvina wkoll kellha karattru sod (p.292) u minkejja l-lealta’ kemm –il darba naraw fl-istorja li żammet mas-sens komun, u żammet ħafna ħwejjeġ mistura fosthom dak li kienet qed tagħmel Marjanna ma’ s-sur Alforo. Is-Sinjura Lara Lara naraw li ukoll kellha rasha iebsa u tibqa’ tinsisti (p.68-71).
L-emozzjonijiet f’dan ir-rumanz ma jonqsux, bħal meta t-tifel tal-ħabiba tal-familja jkun l-akkużat ewlieni. X’tagħmel taħfirlux? (p.267 287) l-aktar meta jkun hemm talba mqanqla mill-omm stess u jkun hemm problema personali.
Stil
Gino għandu l-ħila jikteb minn storja għall-oħra fl-immedjat u fl-istess ħin imur lura f’xi rakkont dwar xi ħaga fil-passat. U ż-żewġ rakkonti jgħaqqadhom b’mod tajjeb ferm.
Jekk hemm xi ħaġa li lil Gino Lombardo tagħtih kull mertu żgur li tkun għall-Malti sabiħ, b’mod naturali sabiex jikteb ir-rumanz. Waqt li juza l-Malti għall-komunikazzjoni, u naħseb li nkun ġust jekk ngħid li l-iskop tar-rumanzi huwa li jkunu f’idejn ħafna nies mingħajr wisq studju jew sengħa, jaf iħaddem sew il-Malti tant li jiżboq kull meta kellu jiddobba kliem barrani, tant li d-dibattitu jaħraq ta’ kif għandna nużaw kliem bl-Ingliż fil-Malti jisfaxxa fix-xejn f’dan il-każ. Lombardi għandu għażla tajba tal-kelma Maltija, kemm fid-deskrizzjonijiet u kemm fit-taħdit, b’esperessjonijiet naturali sbieħ. Wisq aktar jaf jintogħġob u jappella għall-massa mingħajr ma jaqa’ fin-nasba li jkun populist b’xi uzu ta’ kliem baxx jew dagħa.
Ħila oħra hija fil-mod kif iġiegħel il-qarrej jistħajjel l-istorja; nistqarr li x-xeni tad-dar antika ta’ Diodata u tal-appartament imqalleb għadhom f’moħħi daqs li kieku rajthom filmat.

Konklużjoniji
Dan huwa rumanz fejn Il-preżent jiltaqa’ mal-passat. Dan huwa rumanz fejn żewġ rakkonti li l-qarrej jibda jaqra flimkien iwassluk sabiex fl-aħħar tgħaqqadhom flimkien u tifhem li wara l-misteri u sigrieti tal-imgħoddi u l-preżent hemm ġrajja waħda. Nazzarda ngħid li l-esperjenza ta’ Ġino fid-drama, tgħinu mhux ftit sabiex fir-rumanzi jwasslilna ġrajjiet b’deskrizzjonijiet ferm tajbin tant li tistħajlek qed tarhom fuq xi palk jew mezzi tax-xandir.
(Paġna Letterarja, it-Torċa, 12 t’April 2015)See Translation— with Gino Lombardi.

Nixtiequ naraw lil Ġesu`

Nixtiequ naraw lil Ġesu’
Paul Mizzi
Pubblikazzjoni QUM
Għal Jum l-Għid, Jum li fih bosta qarrejja tagħna wkoll jgħożżu bħala l-aktar jum importanti tat-twemmin tagħhom huwa xieraq li fih qed nikteb dwar dan il-ktieb. Nistqarr li l-ewwel m’għamilt huwa li xtart sewwa kemm il-kontenut ta’ dan il-ktieb imma rajt ukoll li l-argumenti li għandu huma msaħħin bi kwotazzjonijiet jew spjegazzjonijiet. Nista’ ngħid li dawn l-elementi sibthom. Insibu fost oħrajn ikkwotati bosta teologi. Il-ktieb mhuwiex newtrali, fis-sens l-iskop tiegħu huwa ċar li jwassal lill-qarrej li jagħraf aktar lil Ġesu’ Kristu. Mhuwiex sempliċiment dokument storiku. Bosta referenzi tal-ktieb huma mnisslin mit-twemmin nisrani ta’ ħutna l-insara mhux kattoliċi, u dawn qegħdin ikkwotati kif għandu jkun bis-sorsi tagħhom.
Il-ktieb huwa importanti għal dawk li jridu jifhmu aktar l-Iskrittura – li fuq kollox hija l-aktar Ktieb importanti għall-Insara, huma min huma. Biex nifhmu sew l-Iskrittura rridu nifhmu l-kuntest storiku tagħha, minħabba li drawwiet, politika, ħajja soċjali u użanzi ta’ elfejn sena ilu huma differenti ħafna minn dawk li għandna llum. Jidhirli li l-ktieb jagħmel esiġeżi tajba tal-Iskrittura filwaqt li ma jidħolx daqstant fil-fond ta’ studju akkademiku tant li jitlef mill-ispiritwalita’ li huwa l-għan ewlieni tal-ktieb. Kif insibu tajjeb fil-ktieb “L-ispirazzjoni mhijiex mekkanika” (p.17) u għalhekk importanti li nifhmu x’kellhom xi jgħidu sew l-awturi sagri. Paul Mizzi, l-awtur ta’ dan il-ktieb mhux biss għamel riċerka tajba imma wkoll għandu ħila li jikkomunika sew u dan il-ktieb jista’ jintlaħaq mhux biss minn ċrieki akkademiċi imma minn kullħadd, speċjalment għall-mod kif l-awtur ifisser biċċa biċċa bl-aktar mod sempliċi.
Ktieb li jgħaqqad l-għerf mal-Fidi
Il-ktieb huwa studju dwar it-Testment il-Ġdid, jiġifieri dik il-Parti tal-Iskrittura li titratta l-ħajja ta’ Ġesu u l-bidu tal-Knisja. Naturalment dan huwa il-qofol tat-twemmin nisrani u huma l-esperjenza ta’ l-ewwel xhieda tat-twemmin Kristjan. Il-ktieb jagħtina introduzzjoni (p.2-6) tajba ħafna saħansitra għal dawk li mhux midħla ta’ xi studju teoloġiku. Ifisser fost oħrajn il-kelma “Bibbja” u s-siwi tat-Testment il-Qadim. Wara din l-introduzzjoni qasira nsibu kapitlu (p.7-16) li fil-fehma tiegħi jidħol aktar fil-fond fit-“tagħlim” spiritwali. Joħroġ aktar bil-qawwi kif Kristu huwa, skont dan il-ktieb, il-milja tal-istorja u li l-wegħdiet ta’ Abraham , Mose’, David eċċ jilħqu l-qofol tagħhom f’Ġesu’. Imbagħad il-ktieb jgħaddi għall-Introduzzjoni għall-erba’ evanġeli (p.17-24). Is-sabiħ ta’ dawn l-erba’ evanġeli huwa li jippreżentaw faċċati differenti tal-ħajja ta’ Ġesu’, qishom bħal mera b’erba’ faċċati li kollha qed juru l-istess sors, imma l-interpretazzjoni tagħhom kienet differenti. Mizzi jgħidilna li “kull kittieb għażel kemm x’jinkludi kif ukoll x’iħalli barra” (p.18). Irridu nifhmu wkoll li l-awturi sagri, dak iż-żmien meta kienu jiktbu kellhom skop għaliex jagħmlu dan u riedu jwasslu messaġġ partikolari lill-komunitajiet tagħhom. Hekk għamlu l-Evanġelisti, hekk għamel San Pawl u grazzi għalhekk li għandna l-kotba tat-Testment il-Ġdid. Mizzi jgħid li “hu evidenti li ebda Evanġelu mhu maħsub biex jippreżenta djarju dettaljat jew stampa sħiħa ta’ ħajjet Ġesu’” (p.20).
Kull kapitlu jispiċċa b’xi tip ta’ affermazzjoni tal-Fidi meħuda jew mill-Katekizmu ta’ Heidelberg jew xi tagħlim ieħor uffiċjali ta’ ħutna l-Kristjani.
Il-Kotba tat-Testment il-Ġdid
L-istil li jagħżel Mizzi f’dan il-ktieb huwa wieħed sistematiku ħafna. Dwar kull Ktieb tat-Testment il-Ġdid, huwa jipprovdi l-isfond storiku u l-għan għalfejn dan inkiteb, il-profil – jiġifieri titwila ħafifa lejn il-kontenut sħiħ tal-Ktieb, karatteristiċi ewlenin, imbagħad jidħol fil-fond f’dawn il-karatteristiċi. Fl-aħħar jispiċċa b’Konklużjoni. Dan jagħmlu għal kull Ktieb. Fi ftit kliem, mill-istudju jgħaddi għall-ħajja spiritwali u dan naturalment sabiex iwassal li l-ħajja tagħna trid tkun ibbażata fuq l-Evanġelu.
Fil-ktieb insibu paraguni mibnijin tajjeb ukoll ma’ xi differenzi, naturalment żgħar, li nsibu mat-tagħlim tal-Knisja Kattolika. Fil-fatt il-ktieb saħansitra jikkwota mill-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika.
Konklużjonijiet
Il-bidu tal-Knisja, kif insibuha mfissra fl-Atti tal-Appostli u l-Ittri huwa suġġett interessanti mmens li kważi nazzarda ngħid anke għal min ma jemminx f’xi tip ta’ reliġjon. Naraw kif mill-Palestina it-tagħlim ta’ Ġesu’ ħareġ –il barra fost dawk il-Lhud li ma kinux tal-Palestina u anke l-Pagani. San Pawl kellu sehem importanti mmens f’din il-missjoni kbira. Interessanti imma l-ħidma sabiex it-tagħlim ta’ Kristu ġie milqugħ mill-Pagani u dak li sabu jappella għalihom u komuni mat-twemmin tagħhom. Imma l-isfidi ma kinux żgħar, u dan jinħass sew mhux biss fl-Ittri imma joħroġ aktar b’mod espliċitu fl-aħħar Ktieb tal-Bibbja ir-Rivelazzjoni li huwa miktub bi stil uniku u differenti ħafna. Fil-fehma tiegħi Paul Mizzi għamel biċċa xogħol siewja, u jistħoqqilha kull tifħir u tana ktieb ta’ referenza u gwida waqt il-qari tat-Testment il-Ġdid.
Il-ktieb huwa hardbound, 780 paġna. Jinbiegh għal €30. Jista’ jinkiseb billi wieħed jikkuntattja:

Joseph Farrugia
Dar tal-Pubblikazzjoni QUM
Email:
Mobile: 79048186
(Paġna Letterarja, itTorċa 5 t’April 2015)

Indri’, Is-Sajjied Malti 2: It-tradiment infami

Arturo Caruana
Adattat minn Charles B. Spiteri
Pubblikazzjoni: Book Distributors Limited

Il-ktieb li għandna llum huwa wieħed minn sensiela ta’ sitt kotba, għalkemm fl-oriġinali kienu triloġija. Huwa rumanz b’kuntest storiku, li mill-esperjenza li nisma’ lil xi qarreja, dawn it-tip ta’ rumanzi jinżlu għasel ma’ xi wħud.
Iżda qabel se nagħtu ħarsa ħafifa lejn il-ktieb li diġà konna ġibna fuq din il-Paġna, Id-Difna f’Ta’ Xbiex, Siensiela Indri’, is-Sajjied Malti 1. M’hemmx għalfejn wieħed jaqra l-ewwel ktieb sabiex jaqra dan it-tieni ktieb u l-kumplament, iżda jekk taqrhom wieħed u wara l-ieħor tintebah bi storja mħawra ta’ intriċċi u manuvri. Fl-ewwel għandna ġrajja ta’ regħba u ħażen fi żmien il-ħakma tal-Gran Mastru Ximenes. Naqraw li fid-dieher, kollox jimxi skont l-ordni tal-ġurnata, iżda fil-verità, iż-żgħir ikollu jbaxxi rasu għal kulma jridu l-kbarat u l-kavallieri, mill-inġustizzji sal-kastità ta’ wliedhom. Niltaqgħu ma’ wieħed mill-persunaġġi tar-rumanz, Indrì s-sajjied ta’ Ta’Xbiex. Dan Indri’ kien bniedem misterjuż. Kif iddeskrivih ix-xwejjaħ Baldassare “liebes ta’ sajjied” iżda jdejh fttit missew ġut u jekk missew…dan sar waqt l-ikel. Bniedem maħbub u rispettat minn dawk kollha li jgħixu madwaru u jaħdmu miegħu fil-lant tas-sajd. Iżda fil-verità min hu dan Indrì ? Insiru nafu wkoll lil Baskal Testaferrata Sciberras, il-Ħakem, li kien il-widna u l-id il-leminija tal-Gran Mastru, u li jabbuża ferm mis-setgħa tiegħu, u lill-Baruni Ġiovanni Dingli. Dawn ikunu qabbdu lil Indrì joqtol lil ċertu Konti biex jisirqulu mir-renti. Kien minħabba f’hekk li jitwieled il-persunaġġ ta’ Indrì s-sajjied, wara li flimkien mal-familja tiegħu jeżiljaw irwieħhom għal xi żmien minn Malta.
Ir-Rumanz li għandna llum iġib l-isem ta’ “It-Tradiment Infami”. Il-ktieb jibda bl-inċident fejn Pietru mar jaqdi lill-imgħallem tiegħu Indri’ għand il-Ħakem, iżda dan tilef rasu tah daqtejn ta’ rkobba fuq sidru u “tefgħu minn tulu fl-art” (p.13). Indri’ (in-nobbli imma taħt il-figura ta’ sajjied) jmur jitkellem mal-Manifiku sabiex jeħles lil bintu Dorotea li ġiet misruq minn Kavallier (p.20). Għall-ewwel jgħidlu li ma kienx se jindaħal peress li dan laħaq għamel negozju mal-Ħakem tal-Imdina u mal-Baruni Ġanni Dingli. Pietru jinqabad fuq sieq waħda wara l-għelt kbir tiegħu li refa’ jdejh fuq il-Ħakem u jiġi mhedded li jkun aħjar għalih li joffri l-id tal-ħbiberija u jikkoopera (p.45). Il-kurżita’ u l-misteru huma żewġ elementi essenzjali f’dan ir-rumanz, u Pietru jistqarr: “..il-misteru li nippossiedi jien, hu midfun taħt ġurament” (p.46).
Ix-xitan ma ħamilx il-ħbiberija ta’ Marija u Dorotea u sfaw iffastidjati minn tliet kavallieri. “Il-kavallieri ma kienx fadlilhom stima tar-Reliġjon…kienu sferraw għal kollox, ebda kont, ebda mistħija ma kien baqa’ fihom, u kienet kibret tant ix-xelleraġni tagħhom, illi xi wħud inkitbu mażuni u oħrajn qabel imorru jitqarbnu kienu jieħdu ċ-ċikkulata u l-kafe’” (p.123). Segond, ta’ kuraġġuż li kien dar għat-tlieta iżda dawn attakkawh mill-ewwel u spiċċa mal-art. Ix-xhud ewlieni ta’ dan kollu ma’ kien ħadd ħlief Ġużeppi, l-ilsir tal-Baruni Ġanni Dingli (p.116). L-infwazzjoni ta’ Ġużeppi għal Marija bint Indri kompliet tikber. Waqt li l-Baruni Dingli jerħilha għal għand il-Gran Mastru sabu sorra kbira mgħottija b’biċċa ċarruta sewda. Kif fetħu ċ-ċarruta sabu dokument maħżuż. Indri’ jaqra din l-ittra indirizzata lill-Gran Mastru De Rohan li fiha jissemma’ ismu stess. Indri’ mal-ewwel fehem, li ġejjin xi manuvri ġodda kontra tiegħu (p.148). Ġanni Dingli ried “b’kull mod jeħles minn Indri’” (p.153). Waqt li rrapporta li fil-każ ta’ Birkirkara li ferieh hu, ċertu Mazzacani Eugenio, kif konna rajna diġà, jgħidlu li Indri’ kien dak li seraq xbejba u żammha f’daru. Il-Gran Mastru ta’ x’jifhem li l-isem ta’ Indri’ ma kienx ġdid għal Gran Mastru (p.155) iżda hekk kif kien ċert li l-Baruni telaq fehem sewwa u pprova jistudja il-pożizzjoni li kienu jinsabu fiha kontra xulxin, “il-Ħakem Testaferrata, il-Baruni Dingli, is-sajjied Indri’ u daqs tużżana kavallieri tal-agħar kondotta tagħhom” (p.156).
Iżda bħalma rajna fl-ewwel ktieb, id-determinazzjoni ta’ Indri’ hija kbira u tibqa’ sa ma jirnexxielu jikxef l-abbużi mill-awtoritajiet u jġib fid-deher it-taħwid, manuvrar ta’ dawk li suppost kellhom ikunu xempju fis-soċjeta’. Il-Gran Mastru ried ikun jaf fost oħrajn x’seħħ tabilħaqq fil-kannierja ta’ San Duminku. Indri’ wkoll kien imdawwar iżda b’kavallieri ħbieb tiegħu bħal Roy y Zingo Travas u Eugenio Mazzacani.
Dawn il-kotba jolqtuni għaliex waqt li l-kuntest tagħhom huwa dak ta’ żmien il-Kavallieri, Arturo Caruana juri kif ċerta elementi bħalma huma n-nepotiżmu, tirannija, klijentaliżmu, u li xi ħadd jagħtik bis-sejf minn wara dahrek, kienu minn dejjem. Issa Arturo Caruana, l-awtur oriġinali, kif għidna fil-bidu, kiteb naqra żmien ilu mhux ħażin, u għaldaqstant hija ħasra li għadna naraw bosta konfoffi u manuvrar saħansitra bejn dawk li temmen li jkunu ħbieb. Imma waqt li dan joħroġ t’eroj, wara li jistieden lill-Ħakem u lill-Baruni fil-katakombi, jagħtihom xebgħa sew. U nistennew allura t-tpattija.
Rumanz imqanqal, li ma tħallihx sakemm tispiċċah. Id-deskrizzjonijiet, u t-taħdit huma tant ċari li faċilment tistħajjel dak li qiegħed iseħħ quddiemek.

Aktar dwar ir-Rumanz…
It-Tradiment Infami huwa wieħed it-tieni ktieb mis-sensiela “Indri’, is-Sajjied Malti”. Dawn il-kotba huma adattati ferm tajjeb minn Charles B. Spiteri mill-kitba oriġinali ta’ Arturo Caruana (1876-1919). Ir-rumanz ġie stampat f’faxxikli illi kienu jitwasslu bl-idejn fi djar in-nies illi kienu jabbonaw fihom. Meta l-pubblikazzjoni kienet aktar għalja u rari milli hi llum, dawn il-faxxikli kienu mezz tajjeb sabiex l-awturi jwasslu x-xogħlijiet tagħhom. Aktar tard konna narawhom fil-ġurnali.
Dan ir-rumanzli għandna llum, apparti milli hu sabiħ, hu ambjentat kollu kemm hu f’Malta, kif kien jikteb ir-rumanzi tiegħu Caruana, l-awtur oriġinali. Charles B.Spiteri fil-fatt reġa’ tana diversi rumanzi, li jien nazzarda ngħid li kieku ma kienx għall-ħeġġa, imħabba u dedikazzjoni kbira sabiex isir dan l-adattament, forsi llum dawn ir-rumanzi ma kinux ikunu f’idejna biex ma ngħidx kienu jintilfu. Grazzi wkoll għall-pubblikaturi (BDL) li jemmnu f’dawn il-kotba. Minbarra din is-sensiela, Spiteri adatta wkoll kotba oħrajn ta’ Caruana fosthom il-Misteri tal-Wardija, li tant intlaqa’ tajjeb li l-BDL ippublika wkoll Katina Eterna ta’ Carolina Invernizio (f’żewġ kotba) u dan ta’ Indrì, is-Sajjied Malti. Ta’ min wieħed jgħid li l-ħsieb ta’ Spiteri li jwasslilna dawn ir-rumanzi kien wara s-suċċess meta kien jaqrahom fuq ir-radju u mir-rispons tajjeb li kien ikollu mis-semmiegħa.
Dawn ir-rumanzi huma biċċa xogħol tajba u ta’ min ifaħħarha, anke għall-kontribut lejn il-letteratura Maltija.
(Paġna Letterarja, it-Torċa, 22 ta’ Marzu 2015 — with Charles Spiteri.