Konvinzjoni u Esperjenza: Ugo Mifsud Bonnici

Pubblikazzjoni: Klabb Kotba Maltin

F’din il-paġna kemm –il darba tajna ġieh lil persuni prominenti u wisq aktar nieħdu gost li nġibu kotba li jfakkru b’xi mod l-istorja ta’ pajjiżna. Insemmi fost oħrajn, L-elf lewn ta’ Mintoff, miktub minn Claire Xuereb Grech, Dimech Poeta ta’ Jessica Micallef, Ilkoll Aħwa fi kristu – Il-memorji ta’ Ġużeppi Mercieca, ta’ Charles Buttigieg, Il-Mixja għall-Ħelsien ta’ Mark Camilleri, Ġrajjiet it-tagħlim f’Malta ta’ Frans Sammut u bosta oħrajn.

Nistqarr li waqt li ngħatat lili din ir-responsabilta’ li nikteb dwar dan il-ktieb, inħossni mċekken bil-għerf u esperjenza ta’ persuna li mxiet mill-aktar stadji komuni tal-ħajja sal-għola kariga tal-pajjiż; dik ta’ President tar-Repubblika. Naturalment, jien se nħares lejn dan il-ktieb bħala letteratura. Imma minn dan l-aspett, fil-ktieb joħroġu ħafna esperjenzi personali u rakkonti imprezzabli, xi wħud li qed insiru nafu bihom għall-ewwel darba, f’dan il-ktieb. Fihom infushom dawn għandhom valur letterarju kbir. Barra minn hekk, l-awtur – L-Eċċellenza tiegħu Dr Ugo Mifsud Bonnici – għandu ħakma tajba tal-ilsien Malti, sengħa li għenitu sabiex jesprimu sew id-diversi ġrajjiet li sawwru lilu bħala personalita’ u mhux inqas lill-pajjiż. Dan jidher li kien żvilupp li għamel fil-bidu tal-karriera tiegħu meta kien kontributur kull ġimgħa fil-ġurnal il-Mument bejn l-1976-1987 (p.73), u l-artikli tiegħu saru aktar ppreparati sew u aktar magħġuna meta mqabbla ma’ dawk li kien jikteb fil-Poplu (p.73).
Dan il-ktieb huwa awto-bijografija. Għadaqstant nagħżel li nirreferi għall-awtur bħala Mifsud Bonnici, u dan mhux b’nuqqas ta’ rispett lejn l-Eċċellenza Tiegħu , il-President Emeritus, imma għax dan il-mod aktar nistgħu nifhmu l-persuna u l-esperjenzi li bnew lil pajjiżu. Raġuni oħra hija minħabba l-firxa wiesgħa ta’ żminijiet li jiġu rrakontati f’dan il-ktieb li jinkludu t-tfulija, ż-żogħżija fejn anke jitkellem dwar il-bidu tal-karriera politika tiegħu u kif il-Partit , iż-żmien tiegħu bħala ministru u naturalment President.
Minnu nnifsu l-ktieb diġà huwa wieħed volumuż. Fil-fatt jekk neskludu l-indiċi u l-werrej għandu 1195 paġna. Naħseb li mill-ammont ta’ paġni biss diġà nistgħu nintebhu kemm informazzjoni nistgħu niksbu dwar l-istorja ta’ pajjiżna permezz ta’ dan il-kteib. Mifsud Bonnici ma jtawwalx għalxejn. Kull sentenza fiha storja u hemm raġuni valida għalfejn ikun qalha.
Dan il-ktieb inħares lejh bħala ktieb ta’ storja ta’ Malta, mhux biss politika imma ngħid jien anke dik soċjali u kif il-poplu Malti kiber u mmatura. Din il-maturita’ naħseb tippermetti wkoll li ħafna minnha nistgħu naqraw dan il-ktieb, anke jekk l-interpretazzjoni tal-ġrajjiet politiċi hija differenti minn kif smajniha aħna, u forsi għaliex le anke b’dan il-mod il-ktieb ukoll jista’ jisfida l-ħsieb tradizzjonali tagħna. Qed insejjaħlu wkoll imma ktieb dwar l-istorja ta’ Malta, għaliex huwa ktieb minn fomm President, li wara kollox jissimbolizza lil dan in-nazzjon u allura lilna lkoll. Għaldaqstant dan il-ktieb fil-qosor inqassmu hekk (a) Valuri li jsawru viżjoni għall-ġejjieni (b) Prinċipji sodi imma fl-istess ħin moderati (c) Storja ta’ Pajjiż (d) President ta’ Malta.
Il-ktieb huwa rakkont u għaldaqstant faċli ħafna li wieħed isegwih. L-istil huwa wieħed mexxej ħafna, għalkemm riflessiv ukoll. F’din il-ħarsa ħafifa ma nistax nagħmel ġustizzja ma’ dan il-ktieb u d-dettalji li fih, u għalhekk qed nagħżel biss xi aspetti li ċertament jolqtu lilkom qarrejja ta’ dan il-ġurnal.
Valuri li jsawru viżjoni għall-ġejjieni
Huwa fatt li għalkemm bħal bosta pajjiżi Ewropej, pajjiżna dejjem aktar qed isir sekulari, it-twemmin ħalla impatt kbir fl-istorja tagħna u l-formazzjoni tal-identita’ nazzjonali. Mar-reliġjon inżid ukoll il-familja, u fil-ktieb jidher ċar kemm għal Mifsud Bonniċi dawn it-tnejn huma importanti. Insibu li ommu li “kellha fidi fis-saħħa tat-talb” (p.4), jiftakar fil-quddies nhar ta’ Ħadd u r-rabta mal-patrijiet ta’ Santa Tereża (p.4). Qatt ma ħamel ir-ridkolaġnifid-diskors politiku u t-tgħajjir għaliex hekk ġie mrawwem (p.6). Jirrakonta b’nostalġija l-esprjenzi sbieħ fil-Kulleġġ St Edwards (p.8) u anke fil-mużew tad-duttrina (p.4) fejn sar familjari mal-Kotba Mqaddsa. Imbagħad hemm ukoll xi episodji koroh u m’għandix dubju li fost dawn kien hemm il-gwerra (p.9). Bħal ħafna Bormliżi kellhom jitilqu lura u jħallu darhom fejn reġgħu irritornaw lura fl-1945 (p.13). Ma jistax jonqos it-tensjoni fi żmien ta’ qabel il-gwerra partikularment fejn fazzjonijiet mill-popolazzjoni Maltija issimpatizzat ma’ Mussolini. Ma rridux ninsew ukoll fil-Maltin li ġew internati. B’xi mod dawn l-episodji jfakkruni fil-ktieb li wara ħareġ ukoll film, Seven Years in Tibet ta’ Heinrich Harrer, fejn Harrer kien ħarab mill-kamp ta’ konċentrament Ingliż. Wieħed ukoll irid jiftakar li “kattoliċi, latini, maltesi” (p.11) vers mill-innu tal-Partit Nazzjonalista ftit li xejn seta’ jinżel tajjeb mal-Ingliżi. Dawn l-episodji kollha ħallew impatt fuq Mifsud Bonnici li waqt li żamm il-valuri tiegħu, għaraf jiġġedded, fehem il-bżonn ta’ tiġdid inkluż dak fil-Partit Nazzjonalista imma wisq aktar importanti għal dan in-nazzjon. Matul il-ktieb stajt inħoss il-ħin kollu dan il-fattur ta’ bidla ta’ mentalita’, mill-bidu u l-ewwel żminijiet meta beda daħal fil-Partit (p,53) sa nazzarda ngħid fi żmien tal-Presidenza fejn anke ried jagħti bidla fost oħrajn tisbiħ tal-Palazzi,
Riflessjoni interessanti li jagħmel, għalkemm jiena ma naqbilx miegħu, dwar il-viżjoni li kellu l-Partit Laburista ta’ Mintoff li jiddeskriviha bħala “gwerra għal kull modernita’” (p.172). Jien ma naqbilx għar-raġuni li wara l-Indipendenza kull pajjiż kellu bżonn jieħu aktar kontroll u joqgħod attent li jkollu kontroll tal-ekonomija. Hekk għamlu ex-kolonji oħra, fosthom Singapore u l-Korea t’isfel, u forsi grazzi għal dan l-ippjanar, għallinqas kif narha jien, li llum jiftaħru li huma l-aktar favur in-negozju u t-tkabbir ekonomiku. Dan biss, jurina kemm dan il-ktieb jiftaħ dibattiti sħaħ u l-argumenti jistgħu jibqgħu għaddejjin. Mifsud Bonnici jagħti sensiela ta’ każijiet fejn skont hu il-Gvern ta’ dak iż-żmien waqqaf “l-iżvilupp, kemm soċjokulturali kif ukoll tekniku” (p.172), bosta minnhom smajnihom fuq li smajnihom, imma żgur li qatt bid-dettalji li għandna f’dan il-ktieb. Imkien qatt ma qrajt jew smajt, eżempju, x’kien qallu Patrick Holland u anke Kalċidon Agius dwar l-edukazzjoni, u l-biża’ li “kullħadd ikun irid isir skrivan” jew aktar minn hekk li l-istudenti “isiru Nazzjonalisti” (p.172). Dan il-ħsieb, fil-fatt, ironikament, ġie attakkat sew mill-ħassieba tal-edukazzjoni li kkritikaw l-egemonija (Freire), kif l-edukazzjoni tista’ tikkontrolla (Foucault) u kif it-tfal tal-ħaddiema isibu xogħlijiet manwali u diffiċli jitilgħu klassi soċjali (Willis). Mifsud Bonnici kien iqisha ambigwita’ l-fatt li minn banda l-Partit Labursita “kien jippreżenta ruħu bħala partit xellugi”, u fl-istess ħin “kien juża metodi li kienu ripressivi” (p.173).
Naturalment dawk iż-żminijiet kienu karatterizzati wkoll mill-bidla interna fil-Partit Nazzjonalista u l-bidu ta’ ħidma ta’ Eddie Fenech Adami bħala Kap tal-Partit.
Prinċipji sodi imma fl-istess ħin moderati
Gvern Labursita ġdid fl-1971 immexxi mill-Perit Duminku Mintoff nieda riforma waħda wara l-oħra; riformi meħtieġa għal dan il-pajjiż. Fost oħrajn kien hemm bosta żviluppi industrijali fosthom l-AirMalta (p.143) u l-baċir (p.144), riformi soċjali, riformi ekonomiċi fosthom il-bidla għas-sistema deċimali (p.144), u bidliet ċivili fosthom li l-piena kapitali ġiet abolita (p.142), u t-tneħħija tal-adulterju u l-omosesswalita’ minn reat kriminali (p.143). Kif wieħed jistenna dawn ir-riformi ħallew ukoll l-impatt tagħhom fuq l-oppożizzjoni, u kif bosta drabi jiġri kellek fost oħrajn diversi qasmiet fl-istess partit nazzjonalista. Mifsud Bonnici ma kienx kontra dawn ir-riformi, u sostna li l-Partit Nazzjonalista ma kellux jagħmel kruċjata dwar din il-miżura (p.143) : fost oħrajn jiddeskrivi l-pieni kapitali bħala “piena selvaġġa, sproporzjonata u inutili” (p.142), u l-bżonn tal-baċir (p.144) fost oħrajn. Mill-banda l-oħra kien kritiku għad-deċiżjoni kontroversjali tal-BICAL (p.145), u bħal fi bnadi oħra fil-ktieb anke hawn naraw xi battuta ħelwa bejnu u l-Perit Mintoff u l-istil partikolari ta’ kif kien ipoġġi l-kliem Mintoff. Diskussjoni taħraq ferm kienet dwar il-Kostituzzjoni, u dwar dan fil-ktieb insibu kapitlu sħiħ (XXVIII). Ma jistax jonqos li nsibu dettalji dwar il-bidla fit-tmexxija tal-PN (p.153-177). Din il-ħtieġa fil-fatt kienet ilha tinħass sa minn żmien l-Indipendenza (p.53), tant li għalkemm Mifsud Bonnici ma kellux ħajra għall-kap tal-Partit, kienet il-ħtieġa għal ideat ġodda li xprunatu biex jibda’ jimmilita’ fil-Partit biex wara kollox jagħti kontribut lill-pajjiżu. Ma setax jonqos naturalment li jkun hemm dubji min kellu jkun l-aħjarkap tal-PN: Guido li xi wħud bdew jibżgħu li bi kliemu “seta’ jdaħħal lill-Partit f’xi basla” jew lil Eddie li kien hemm min kien jaraw kwiet wisq. Naħseb li llum li jiena nista’ nara l-istorja minn barra, u lura, min kien jaħseb b’dan il-mod kien żbaljat.
Naħseb li dan l-istil ta’ kalma, imma ta’ persważjoni, li huwa tant għal qalb Mifsud Bonnici, nfirex sew fil-Partit Nazzjonalista, tant li Mintoff ma kienx għadu ntebah bil-ħila ta’ Fenech Adami li jqanqal il-massa (p.215). Biż-żmien ngħid li daħlet ukoll anke fi Gwido Demarco li llum huwa magħruf sew għall-ktieb tiegħu Il-Politika Tal-Perswazjoni, u wara anke fil-partit laburista speċjalment wara t-tmexxija ta’ Dr Alfred Sant, għalkemm kien hemm bosta każijiet iżolati anke fil-Partit Labursita tat-tmenijiet li kienu jħaddnu dan l-istil aktar minn dak ta’ konfrontazzjoni u attakki. Bla dubju ta’ xejn dan huwa l-istil li jħaddan Dr Joseph Muscat, il-Prim Ministru preżenti.
Ċertament imma li d-diversi attakki vjolenti li l-ktieb jagħmel referenza għalihom (p.215-242), saru minn fejn saru, illum huma imgħoddi u xhieda kemm dan il-poplu mmatura politikament.
Storja ta’ Pajjiż
L-Indipendenza ta’ Malta (ta’ l-1964) kien iż-żmien fejn ġie offrut għall-ewwel darba rwol pubbliku – propju fir-referendum tal-Indipendenza (p.47). Dak iż-żmien tliet partiti, “il-Partit Demokratiku Nazzjonalista ta’ Herbert Ganado, il-Partit tal-Ħaddiema Nsara ta’ Toni Pellegrini u l-Partit Kostituzzjonali Progressivi kienu taw il-parir lill-eletturi li jibbojkotjaw ir-referendum, billi dehrilhom li ma kienx ġust” (p.51). Ċertament li l-21 ta’ setembru jibqa’ mmarkat għall-awtur bħala jum importanti mmens f’ħajtu. Xtaqt li fil-ktieb nara aktar dettal dwar il-ġrajjiet storiċi ta’ Jum ir-Repubblika kif ukoll Jum il-Ħelsien.
Kif wieħed jistenna, l-ktieb jitkellem fit-tul dwar iż-żmien meta Mifsud Bonnici kien Ministru u anke hawn naraw bosta riformi meħtieġa. Insemmi fost oħrajn il-Kurrikulu Minimu Nazzjonali (p.513) li kien żvilupp tal-Att tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni waħda mill-ewwel riformi ta’ Mifsud Bonnici. Din tat aktar lok ta’ diċentralizzazjoni li ma jkunx il-gvern tal-ġurnata li jiddetermina x’jiġri fl-iskejjel u għaldaqstant lok ukoll li l-edukazzjoni ma tispiċċax taqdi l-aġenda ta’ xi partit jew ieħor. Ta’ min wieħed jgħid iżda li dan il-Kurrikulu Nazzjonali (l-ewwel wieħed) kien ġie kkritikat fost oħrajn għax ġie implementat mingħajr konsultazzjoni, tant li wassal biex bosta kkritikawh fosthom il-Professur Kenneth Wain, permezz tal-ktieb tiegħu The Maltese National Minimum Curriculum (1990). Madankollu biex inkunu ġusti dan il-kurrikulu kien ġab bosta bidliet fosthom li “diversi skejjel, kemm tal-Knisja, kif ukoll dawk privati bdew jaħsbu biex jibnu u jirranġaw” (p.518). F’xi każijiet kien hemm ukoll il-problema ambjentali minħabba li kellek skejjel li bnew barra z-zona tal-iżvilupp, imma Mifsud Bonnici ħareġ għonqu biex jiddefendi din l-għażla (p.518). Riformi oħrajn li ħarġu mill-Kundizzjonijiet minimi kienu dawk tal-Kodiċi tal-Etika tal-Għalliema. Nistqarr li jien li dak iż-żmien kont student stajt nesperjenza bidla fl-imġieba tal-għalliema, kif u x’setgħu jagħmlu u r-relazzjoni tagħhom mal-istudenti. Ċertament, m’għandiex ċans nidħlu f’dettalji dwarha imma waħda mill-akbar bidliet u kisbiet kienu fl-Universita’ fejn in-numru ta’ korsijiet żdiedu flimkien man-numru ta’ studenti b’mod inkredibbli u anke l-ħolqien tal-Junior College.

Tagħrif interessanti mmens huwa dwar il-wirt storiku. Fost oħrajn naraw it-tilwim li kien hemm fl-1955 fl-iżvilupp tal-Birgu, bil-bini ta’ skola ġdida fost oħrajn (p.125). Isemmi wkoll il-famuż Old Naval bakery u l-ħolma li kellu li dan jingħata l-ħajja kif kien fil-fatt sar fejn illum hemm il-Mużew Marittimu – eżempju fl-opinjoni umli tiegħi tajjeb ħafna kif bini storiku jista’ jintuża tajjeb.

President ta’ Malta
Parti sostanzjali minn dan il-ktieb hija kif wieħed jistenna dwar il-Presidenza. Matul din il-presidenza wkoll insibu diversi episodji interessanti fl-istorja lokali fosthom il-gvern qasir immexxi minn Dr Sant bejn l-1996-1998. Hawnhekk wieħed jara minn fomm il-President stess, xi tkun ir-reazzjoni, u l-ħsibijiet li jgħaddu minn moħħ President f’sitwazzjonijiet mhux tas-soltu bħal dawn. Imbagħad, meta għandek gvern bi twemmin differenti (f’dan il-każ laburista) kellek ukoll politika differenti li ried jimplimenta fost oħrajn dik li jreġġa’ lura mill-VAT (li kienet għadha tibda) għas-sistemi ta’ dazji u dwar l-Unjoni Ewropeja. Naqbel ma’ Mifsud Bonnici li Alfred Sant ma kienx jara l-Unjoni Ewropeja b’mod negattiv u l-ktieb tiegħu A European Maltese jixhed dan (p.1111). Dawk li bħali qraw dan il-ktieb jistgħu dan jifhmuh. Imbagħad kellek każijiet jaħarqu wkoll fosthom dak ta’ Querios (p.1088). Mill-banda l-oħra l-Presidenza hija opportunita’ wkoll għal laqgħat ma’ nies prominenti oħra bħal Papa Ġwanni Pawlu II u Nelson Mandela (p.1091-1095).
Konklużjonijiet
Kull ktieb għandu l-valur tiegħu. Anzi jiena mmur pass ieħor u ngħid kull biċċa letteratura inkluż poeżija jew proża qasira imqassma jew imħażża biex twassal messaġġ. Pero hemm xi kotba li jiddistingwu ftit minħabba diversi fatturi fosthom bħal ma għandna f’dan il-każ, awtobijografija ta’ President Emertus. Il-pubblikaturi (Klabb Kotba Maltin) ħasbu biex il-ktieb jippreżentawh kif jixraq, bi kwalita’ tal-karta mill-aqwa, tipa sabiħa mmens u qoxra iebsa u eleganti. Għaldaqstant waqt li l-qarrej se jsib ruħu ma jistax jitlaq dan il-ktieb minn idejh, żgur li huwa wkoll ktieb ta’ referenza; ktieb li jżejjen il-librerija tagħna u jagħti aktar valur lid-dar.
Bla dubju ta’ xejn fil-ktieb se nsibu argumenti politiċi li mhux kullħadd se jissimpatizza magħhom, u huwa tajjeb li l-ktieb ukoll joffrilna sfida fil-ħsieb u imbagħad kif għamilt jien stess f’dan il-ħsieb, ikun hemm fejn bla dubju ta’ xejn ma taqbilx. Dan narha bħala pożittiva ħafna għax dan mhux ktieb li ma jħalli ebda impatt fuq il-qarrejja, imma ktieb li taħseb dwaru, se titgħallem, waqtiet se titbissem ukoll u xi kultant se tirrabja jew għax taqbel jew ma taqbilx mal-awtur.
Kif sejjaħtlu fl-introduzzjoni dan ktieb li joffri perspettiva importanti u sinifikanti dwar l-istorja ta’ pajjiżna u allura wieħed m’għandux jitlef.

Paġna Letterarja, It-Torċa, 17 ta’ Mejju 2015

Leave a Comment