Vjoletta

Merlin Publishers tawna numru sabiħ ta’ kotba li għamlu suċċess barra minn xtutna u issa qegħdin f’idejn uliedna b’ilsien pajjiżna. Dan narah kontribut doppju fil-letteratura Maltija. L-ewwel nett qed jagħtuna ktieb li diġa għamel suċċess bil-lingwa tagħna. Qed nitgħallmu mill-esperjenza ta’ kotba barranin, x’format jużaw, l-illustrazzjonijiet tagħhom. Għalhekk fiha nfisha hija wkoll esperjenza ta’ tagħlim kemm għall-awturi u anke għall-pubblikaturi.
Meta traduzzjoni tkun tajba kif inhu f’dan il-każ ta’ dan il-ktieb, miktub oriġinarjament mill-awtriċi Abril Calero li ġie addattat għall-Malti minn Loranne Vella, tkun teħtieġ biċċa xogħol ġmielha. Fil-Paġna Letterarja tat-Torċa tas-6 ta’ Settembru 2015, l-awtur popolari Trevor Zahra li tana numru sabiħ ta’ kotba tat-tfal stqarr li “anke meta jkollok xogħol ta’ tradizzjoni tista’ tara kif meta x-xogħol jgħaddi minn lingwa għall-oħra jieħu sfurmaturi ġodda. L-idea ġenerali hi li meta se tittraduċi inti se titlef xi ħaġa mill-oriġinali. Ġieli jkun il-każ, imma jista’ jkun il-każ ukoll illi inti ħa tiggwadanja xi ħaġa ġdida, ħa tirbaħ xi ħaġa ġdida. Ħa tirbaħ per eżempju metafori ġodda, ħa tirbaħ frażijiet ġodda u x-xogħol se jieħu dimensjonijiet usa.” Biex nagħti eżempju konkret l-addattament ta’ Rita Saliba fiż-żewġ kotba Il-Misteri ta’ Thea jiġifieri Il-Misteru tal-labrint u l-Misteru tad-Dniefel tal-Ġebel, huwa ta’ min jammirah u partikolarment fejn jidħlu l-bosta logħob bil-kliem u kien hemm bżonn ta’ ħsieb ġdid u ħafna kreattivita’. Fil-verżjoni Taljana wieħed isib ħafna kliem imqassar u li jifhmuh it-tfal taljani biss. Għaldaqstant Saliba ħtiġilha toħloq frażijiet ħelwin fl-istess spirtu anke jekk huma differenti li jiftiehmu minn tfal Maltin. Fil-ktieb Vjoletta, Loranne Vella jirnexxilha tittrasmetti l-ġmiel u l-poeżija kollha tal-istorja oriġinali, u twassal din l-istorja lil udjenza Maltija bil-lingwa nazzjonali tagħna.
Vjoletta, oriġinarjament storja minn Spanja, huwa dwar tifla li kull lejl tipprova ma tagħmilx taħtha waqt li tkun rieqda, imma kull filgħodu tqum u ssib is-sodda mxarrba. Vjoletta issa bdiet tikber ftit, allura tħossha tistħi meta ta’ kull filgħodu l-mamà tonxor il-lożor fil-ġnien biex jinxfu wara l-ħasla, għax tħoss li kulħadd qed ikun jaf x’għamlet Vjoletta. Tipprova minn kollox, iżda billejl tant tkun rieqda fil-fond u tant tkun qed toħlom ħolm sabiħ, illi ma jirnexxilhiex tqum! Sakemm, jum wieħed, tasal in-nanna b’rigal speċjali li forsi jaf isolvi s-sitwazzjoni.
Dan il-ktieb huwa ideali għal tfal bejn 7 u 9 snin, għalkemm jista’ wkoll faċilment jinqara mill-ġenituri jew qraba lil tfal iżgħar minn hekk fl-età. Huwa ktieb ideali għal kull ġenitur li jixtieq juża l-qari tal-istejjer biex it-tfal jitħajru jagħmlu dak l-aħħar sforz biex ma jibqgħux ixarrbu s-sodda billejl.

Paġna Letterarja, It-Torċa, 11 t’Otubru 2015


Xalata ta’ kotba għat-tfal

Xalata ta’ kotba għat-tfal

Dejjem sostnejt f’din il-paġna li dan il-pajjiż ċkejken hu mogħni b’numru sabiħ ta’ kotba tat-tfal. Numru kbir ta’ awturi u pubblikaturi qed jaħdmu qatigħ sabiex joffru lil uliedna kotba tal-aqwa kwalita’. F’dan l-artiklu qed uża kotba pubblikati Merlin. Dawn il-kotba msemmijin hawn jinsabu għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba kollha jew online direttament minn www.merlinpublishers.com. Qed nikteb dan l-artiklu wkoll propju fil-bidu ta’ sena skolastika, u dan għaliex il-qari għall-gost huwa importanti mhux biss fis-sajf imma anke fix-xitwa. Il-qari huwa delizzju li m’għandux staġuni.
Kull ktieb li joħroġ mhux biss irid iħabbatha ma’ kompetizzjoni b’saħħitha u interessanti ma’ kotba oħrajn imma wkoll ma’ mezzi oħra fosthom dawk ta’ teknoloġija. Il-kwalita’ għaldaqstant f’ħafna minn dawn il-kotba tirrifletti iż-żminijiet tal-lum. It-tfal illum mhux neċessarjament imdorrijin jaqraw linja wara linja u b’modi konvenzjonali. Il-mezzi tat-teknoloġija partikolarment joffru opportunitajiet multimodali li mhux biss daħlu fid-djar tat-tfal imma wkoll fl-iskejjel. Fil-fatt illum huwa inevitabbli li l-edukazzjoni ma tapprofittax ruħha mill-opportunitajiet li joffru dawn il-mezzi. Il-pubblikaturi tal-kotba wkoll għarfu jdawru l-isfidi f’opportunitajiet. Dan huwa evidenti fil-kwalita’ tal-karta’, tal-istampa, u tal-mod kif ikun imqassam il-kliem u l-istampi. X’qed tara? ngħidu aħna jagħmel użu minn stampa sħiħa li tiddomina l-paġna, kważi tistħajlek qed tara xi filmat li jinvolvu lit-tfal b’mod interattiv u immersiv. Is-sensiela ta’ Jake Cassar ngħid jien kienet waħda kważi sperimentali u tabilħaqq innovattiva. Il-preżentazzjoni waħidha hija waħda koreografata u konspikwa; kliem jikber, jiċkien, idur ċirku, jinqaleb ta’ taħt fuq u logħob viżiv bil-kliem, xogħol l-artist Pierre Portelli.
L-awturi wkoll iridu jagħrfu jkunu relevanti. Dak li kien jgħodd tletin sena ilu mhux bilfors huwa attraenti għat-tfal tal-lum. Illum it-tagħlima aktarx toħroġ b’mod aktar sottili fl-istorja. Imma noqogħdu attenti: Huwa tajjeb li l-kotba tat-tfal iwasslu b’xi mod valuri tajbin. Mhux biss hekk għandu jkun għall-ġid tagħhom, imma t-tfal huma mxennqin għal dak li huwa sew u jammiraw lil min jagħmel it-tajjeb. Imma kotba moderni ma jkollhomx priedki twal u mhux neċessarjament jispiċċaw bis-sentenza: “It-tagħlima ta’ din l-istorja hi…”. Eżempju tajjeb ħafna huma s-sensiela Id-Dinja Tiegħi (Lupu Lupettu Kull Kulur, Kukku l-Kukkudrill Kantant Rosetta Banana Tinten jew Tfuħ? eċċ) li jwasslu bosta temi fosthom il-kunfidenza fihom infushom, it-tolleranza, l-kuluri, l-ġranet tal-ġimgħa, l-umiltà u l-ħbiberija. Vjoletta ngħidu aħna huwa intenzjonat li jwassal lit-tfal jitgħallmu ma jxarrbux is-sodda billejl.
Ġieli tisma’ min jgħid li t-tfal illum huma intelliġenti. U huwa minnu li t-tfal, għax mgħallmin kapaċi jagħrfu l-fantażija minn dak li hu reali. Ma jiddejqu xejn li jaraw dawn it-tnejn flimkien anke jekk jidħlu f’xulxin. L-istorja għalhekk trid tkun kredibbli, awtentika u miżgħuda bil-fantażija li t-tfal se jagħrfu li hi hekk. U jidħku għax hi hekk. Fl-istess ħin huwa tajjeb li t-tfal jimirħu fl-immaġinazzjoni .
Qari għall-gost anke fiż-żmien l-iskola. Noqogħdu lura milli nisfurzaw lit-tfal x’naħsbu li hu tajjeb mill-esperjenza tagħna. Mhux bilfors l-istejjer ta’ żmienna jinteressaw lit-tfal. Fl-istess ħin iżda hemm elementi li ma jinbidlux. It-tfal kienu, għadhom u jibqgħu jfittxu l-eroj. L-eroj x’aktarx li jassoċjaw miegħu jew magħha. Għaldaqstant fis insibu li l-eroj ikun xi tifel, tifla jew xi annimal. Jekk qed insemmu lil eroj biżżejjed insemmu lil Jake Cassar li ħoloq fenomenu fil-ktieb għat-tfal bil-Malti: dik ta’ stennija għall-avventura li jmiss. It-tfal ifittxu wkoll li jitbissmu u l-karattru speċjalment dak prinċipali li jistgħu jirrelataw miegħu. Nora, ngħidu aħna, hija tifla żgħira xi ftit imqarba wkoll imma titgħallem mill-esperjenzi tagħha stess.
Kotba tat-tfal ikollhom ukoll użu tajjeb tal-kliem. Ftit kliem imma li jfissru l-istorja sew. Naturalment dan ivarja wkoll skont l-eta’. Fil-każ ta’ X’qed tara? l-enfasi huwa fuq l-effett li jħallu l-ftit kliem u anke l-interpretazzjoni tat-tfal. Is-sorpriżi huma dejjem sbieħ, imma storja tat-tfal b’xi mod trid tilħaq il-qofol tagħha. Jake Cassar isalva renju sħiħ. Rosetta Banana, ngħidu aħna, ħadd ma jkun irid jagħmel ħbieb magħh għax jgħidu li tinten. Imma b’xorti tajba titfaċċa Qoton, in-nagħġa, li toħroġ b’idea biex Rosetta tagħmel il-ħbieb.
Fl-aħħar nett qabel ma nagħti aktar ħarsa lejn xi kotba biex insaħħaħ l-argument tiegħi, ktieb tajjeb għat-tfal ħafna drabi jiggustawh ukoll il-kbar. Ma jfissirx li dan ser jsir il-ktieb tal-qari tagħhom, imma ser jieħdu gost iħarsu lejh u forsi anke jaqrawh.
Il-kotba li għażilt ħarġu f’dawn l-aħħar xhur u huma x’aktarx immirata għal etajiet żgħar. Kemm hu importanti li t-tfal jaqraw sa minn ċkunithom, u t-tfal jieħdu gost jaqraw. Kotba bħal dawn huma bħal ġugarelli tagħhom.
X’qed tara?

X’qed tara? huwa ktieb adattat bħala qari għaż-żgħar net

F’dan il-ktieb naraw li l-istampi mhux qegħdin biex iżejnu. L-istampi huma parti mill-istorja. Fihom hemm espressjonijiet. Meta t-test jaqra “Ali rat xi ħaġa. Imma xiex?” naraw il-wiċċ skantat . M’hemmx għalfejn ngħid li dan jgħin ukoll biex it-tfal jitħarrġu fil-qari. Jekk it-test qed jgħid li Tim qed jieħu ritratt ser naraw l-istampa ta’ Tim jieħu r-ritratt.

Il-ktieb joħloq ukoll diskussjoni mat-tfal. “Ara Sara. X’qed tara Sara?” u t-tfal ser iwieġbu b’ħafna entużjazmu. It-tfal ser jgħidulna li Sara qed tara ż-żunżan, qed tara l-fjura. Il-ktieb mhux qed jagħti t-tweġiba bl-imgħarfa imma jħalli t-tfal jaħsbu. Huwa ktieb, bħal ħafna oħrajn li jistimulaw l-interattivita’ u mhux il-passivita’.

Fi ġnien f’belt bħall-oħrajn,
it-tfal kollha qed iħarsu ’l fuq.
Qed jaraw xi ħaġa wisq sabiħa,
Wisq kbira, wisq wisq.
Imma x’inhi?
X’qed jaraw?
U int, x’qed tara?

Ktieb bħal dan iħabbatha sew ma’ mezzi tat-teknoloġija fis-sena li joffri stampi kbar u sbieħ bil-kulur li huma il-paġna kollha u bil-kliem parti mill-istampa, u fl-istess ħin japprofitta ruħu mill-vantaġġ tal-materjal stampat li tista’ ddawwar il-paġni, taqbdu b’idejk u tpoġġih fuq xkaffa – xi ħaġa li fiha nfisha għat-tfal hija esperjenza. Napprezza l-fatt ukoll li l-kliem huma miktubin kbar u ċari, minħabba li l-qarrejja ta’ dan il-ktieb huma dawk tabilħaqq ċkejknin u li għadhom fl-ewwel passi tagħhom fil-qari.

Vjoletta

Merlin Publishers tawna numru sabiħ ta’ kotba li għamlu suċċess barra minn xtutna u issa qegħdin f’idejn uliedna b’ilsien pajjiżna. Dan narah kontribut doppju fil-letteratura Maltija. L-ewwel nett qed jagħtuna ktieb li diġa għamel suċċess bil-lingwa tagħna. Qed nitgħallmu mill-esperjenza ta’ kotba barranin, x’format jużaw, l-illustrazzjonijiet tagħhom. Għalhekk fiha nfisha hija wkoll esperjenza ta’ tagħlim kemm għall-awturi u anke għall-pubblikaturi.
Meta traduzzjoni tkun tajba kif inhu f’dan il-każ ta’ dan il-ktieb, miktub oriġinarjament mill-awtriċi Abril Calero li ġie addattat għall-Malti minn Loranne Vella, tkun teħtieġ biċċa xogħol ġmielha. Fil-Paġna Letterarja tat-Torċa tas-6 ta’ Settembru 2015, l-awtur popolari Trevor Zahra li tana numru sabiħ ta’ kotba tat-tfal stqarr li “anke meta jkollok xogħol ta’ tradizzjoni tista’ tara kif meta x-xogħol jgħaddi minn lingwa għall-oħra jieħu sfurmaturi ġodda. L-idea ġenerali hi li meta se tittraduċi inti se titlef xi ħaġa mill-oriġinali. Ġieli jkun il-każ, imma jista’ jkun il-każ ukoll illi inti ħa tiggwadanja xi ħaġa ġdida, ħa tirbaħ xi ħaġa ġdida. Ħa tirbaħ per eżempju metafori ġodda, ħa tirbaħ frażijiet ġodda u x-xogħol se jieħu dimensjonijiet usa.” Biex nagħti eżempju konkret l-addattament ta’ Rita Saliba fiż-żewġ kotba Il-Misteri ta’ Thea jiġifieri Il-Misteru tal-labrint u l-Misteru tad-Dniefel tal-Ġebel, huwa ta’ min jammirah u partikolarment fejn jidħlu l-bosta logħob bil-kliem u kien hemm bżonn ta’ ħsieb ġdid u ħafna kreattivita’. Fil-verżjoni Taljana wieħed isib ħafna kliem imqassar u li jifhmuh it-tfal taljani biss. Għaldaqstant Saliba ħtiġilha toħloq frażijiet ħelwin fl-istess spirtu anke jekk huma differenti li jiftiehmu minn tfal Maltin. Fil-ktieb Vjoletta, Loranne Vella jirnexxilha tittrasmetti l-ġmiel u l-poeżija kollha tal-istorja oriġinali, u twassal din l-istorja lil udjenza Maltija bil-lingwa nazzjonali tagħna.

Vjoletta, oriġinarjament storja minn Spanja, huwa dwar tifla li kull lejl tipprova ma tagħmilx taħtha waqt li tkun rieqda, imma kull filgħodu tqum u ssib is-sodda mxarrba. Vjoletta issa bdiet tikber ftit, allura tħossha tistħi meta ta’ kull filgħodu l-mamà tonxor il-lożor fil-ġnien biex jinxfu wara l-ħasla, għax tħoss li kulħadd qed ikun jaf x’għamlet Vjoletta. Tipprova minn kollox, iżda billejl tant tkun rieqda fil-fond u tant tkun qed toħlom ħolm sabiħ, illi ma jirnexxilhiex tqum! Sakemm, jum wieħed, tasal in-nanna b’rigal speċjali li forsi jaf isolvi s-sitwazzjoni.
Dan il-ktieb huwa ideali għal tfal bejn 7 u 9 snin, għalkemm jista’ wkoll faċilment jinqara mill-ġenituri jew qraba lil tfal iżgħar minn hekk fl-età. Huwa ktieb ideali għal kull ġenitur li jixtieq juża l-qari tal-istejjer biex it-tfal jitħajru jagħmlu dak l-aħħar sforz biex ma jibqgħux ixarrbu s-sodda billejl.

Is-sensiela ta’ Nora

Is-sensiela ta’ Nora tgħaqqad ħafna mill-elementi importanti f’kotba tat-tfal. Għandek addattament għall-Malti tajjeb minn Clare Azzopardi, li jgħin mhux ftit lil uliedna anke f’dak li għandu x’jaqsam ma’ taħdit bil-Malti u użu tajjeb ta’ kliem Malti. Nora hija wkoll karattru popolari mat-tfal. Magħha jistgħu jirrelataw. Xi waqtiet iġġiblek ukoll tbissima.

S’issa ħarġu ħames kotba ta’ Nora li huma (a) Il-praspar ta’ Nora, (b) Nora tagħlaq sninha (c) Is-sinna ta’ Nora (d) Nora hemm xi lbist? (e) Nora ma tiflaħx.

Nora hemm xi lbist? għoġobni ferm personalment għaliex ifakkarni ħafna fit-tifla li kif għalqet ċerta eta’ kienet tagħżel il-ħwejjeġ hi. U bħal Nora mhux dejjem kienu jixirqulha dawn il-ħwejjeġ. Ġieli kienu jkunu kbar. Ġieli l-kuluri ma kienu jaqblu xejn. Bħal Nora kienet tħobb tilbes ta’ prinċipessa. U bħal Nora tħobb tagħżel il-ħwejjeġ mal-mama’.
Fil-ktieb Nora ma tiflaħax naraw kif minkejja li soltu naqra mqarba miskina marritilha l-vuċi u qed tħossha ftit magħkusa. Imma fl-aħħar naraw kif tfiq u tmur l-iskola, iżda did-darba jmiss lill-għalliema tagħha li timrad.

Jake Cassar jiġġieled l-aħħar Battalja

Dan il-ktieb għandu kitba ta’ Clare Azzopardi u illustrazzjonijiet ta’ Mark Scicluna u jagħlaq din is-sensiela li b’kollox tikkonsisti f’għaxar kotba. Għalhekk nerġgħu niltaqgħu mal-karattri kollha li tul is-snin tant saru maħbuba mit-tfal: Jake, Mel, ir-Re Pankrazju, Furun, Teodoro, Ambrożja u ħafna oħrajn … u naturalment il-kattivissima Reġina Fidelja.
F’dan l-aħhar episodju, Jake u sħabu jkollhom jaffaċċjaw lir-Reġina Fidelja għall-aħħar battalja kontriha u kontra l-ħażen tal-pjanijiet tagħha. Ikollhom jissieltu ma’ mostru enormi – il-mostru tal-ilma – kif ukoll mal-Isturduti u mar-Reġina. Iżda flimkien Jake u sħabu – dawk kollha li ltaqa’ magħhom u li għen tul l-avventuri kollha tiegħu – jirnexxielhom joħorġu minn din l-aħħar battalja rebbieħa.

(Paġna Letterarja, It-Torċa, 11 t’Ottubru 2015)

Kritika Prattika: Nebh kritiku dwar il-poeżija Maltija ta’ żminijietna

Tarċisju Zarb u Andrew Sciberras

Naħseb bosta minnkom qarrejja smajtu b’awturi kbar, xi wħud minnhom ilhom li ħallewna imma l-kontribut li taw lil-letteratura Maltija huwa kbir. Dawn l-awturi jistħoqqilhom li nibqgħu nagħtuhom ġieh. Imma imbagħad għandna wkoll numru ta’ awturi kontemporanji li qed jagħmlu bosta unur kemm lilhom infushom kif ukoll lil pajjiżna. Xi wħud saħansitra rrapreżentaw lil Malta, f’diversi konkorsi internazzjonali. Oħrajn ħadmu fuq traduzzjonijiet u kkollaboraw m’awturi oħra. Huwa tajjeb u f’waqtu li nsiru nafu lil dawn l-awturi minn xogħlijiethom. Naħseb dan kien l-għan ta’ dan il-ktieb, “Kritika Prattika: Nebh kritiku dwar il-poeżija Maltija ta’ żmienna”. Terġa’ u tgħid il-poeżija, għalkemm tgawdi stima kbira, mhijiex wisq popolari fost il-poplu. Evidenza ta’ dan huwa n-numru ta’ kotba li jinbiegħu u anke li jiġu mislufa meta mqabbla ma’ forom letterarji oħra. Imma l-poeżija tibqa’ sadanittant il-balzmu li jpaxxina, l-ilma safi li jisqina, l-għana li jserraħna u waqtiet il-vrus li jħassbuna. U b’vuċi feroċi wkoll il-poeta mhux l-ewwel darba wkoll li semma’ leħnu favur l-imnikket, il-fqir u l-batut. Għal dan il-għan ukoll huwa tajjeb li nsiru nafu min huma il-poeti kontemporanji u xi wħud mix-xogħlijiet tagħhom. Tarcisio Zarb u Andrew Sciberras għamlu pass ieħor u f’din il-ġabra inkludew mhux biss poeti li nafuhom u xi wħud illum huma stabbiliti imma wkoll oħrajn illi ftit li xejn nafu bihom. Dan mhux dejjem huwa minħabba l-maturita’ tal-poeta, u lanqas minħabba s-suċċessi li jkunu għamlu. Imma għandna poeti wkoll li għal diversi raġunijiet forsi nafuhom inqas minn oħrajn, forsi ftit li xejn jimbuttaw lilhom infushom. Hemm ħafna talent moħbi f’bosta kittieba u bosta poeżiji fil-kxiexen bħal teżor moħbi xi xi darba għad jara d-dawl. Għallinqas dawk li raw id-dawl, permezz ta’ xi forma ta’ pubblikazzjoni qed insiru nafuhom iktar permezz ta’ dan il-ktieb.


Mhux l-iskop ta’ dan l-artiklu li nagħmel studju kritiku. Dan għamluh l-awturi Tarcisio Zarb u Andrew Sciberras meta flew bir-reqqa il-kotba li kellhom quddiemhom. Il-ktieb għandu wkoll daħla minn Walid Nabhan, kittieb rispettat immens fiċ-ċrieki letterarji u ħsieb fil-qoxra ta’ Patrick Sammut li wkoll huwa magħruf mhux biss għall-ħila tiegħu f’dak li għandu x’jaqsam ma’ analiżi letterarja imma wkoll għall-impenn tiegħu partikolarment bir-rivista diġitali il-Pont.
Il-ktieb fih 231 paġna u jinkludi 21 awtur differenti. Kif diġa għidt dawn ivarjaw kemm dawk stabbiliti bħal Oliver Friġġieri u awturi żgħażagħ li qed jippromettu sew bħal Josef Borg u Carlston Grima. Insibu wkoll poeti femminili bħal Marlene Saliba u Therese Pace.


Dwar dan il-ktieb imma bgħatli ħsieb żgħir kittieb ieħor li personalment jien ukoll nammirah, Alfred Massa, u nixtieq li naqsmu magħkom.


Ktieb ta’ kritika dwar il-Poeżija Maltija kontemporanja: Kitba ta’ Alfred Massa


L-ewwel darba li ltqajt ma’ ktieb ta’ din ix-xorta kien meta ġie f’idejja l-ktieb tal-kritiku Ingliż Matthew Arnold (1822-1888) The Study of Poetry. Fih Arnold jifli b’mod ħolistiku x-xogħlijiet ta’ diversi kittieba bħal Chaucer, Milton, Gray, Keats, Wordsworth u oħrajn. Iżda l-awtur ma jinkludix xogħlijiet sħaħ tal-poeti li jikteb dwarhom.

F’Malta kellna u għad għandna kittieba li wettqu xogħol siewi fil-qasam tal-kritika letterarja; fosthom il-Professur Oliver Friggieri. Insemmi lil Friggieri għax fil-fehma tiegħi hu l-aktar kritiku, li mhux biss minn żmien għal żmien huwa mfittex minn poeti biex jiktbilhom studji dwar il-pubblikazzjonijiet tagħhom, imma għax dan l-istudjuż bravu tagħna saħansitra kiteb kotba sħaħ dwar poeti Maltin, l-aktar dawk tal-era Romantika.

Propju hawn tinsab l-importanza ta’ dan il-ktieb Kritika Prattika. L-awturi Tarċisju Zarb u Andrew Sciberras iduru dawra ma’ numru ta’ poeti lokali kontemporanji. Bla ma nsemmi ismijiet, wieħed ma jridx wisq biex jinduna li wħud minn dawn il-poeti huma stabbiliti sew, oħrajn jidhru li ġa qabdu t-triq it-tajba, filwaqt li oħrajn għadhom fil-bidu tagħha; b’danakollu, qegħdin juru li għad jippromettu.

Hawn nixtieq nagħmel parentesi ċkejkna. Diżgrazzjatament, f’pajjiżna xi drabi nasal biex insostni dak li darba ktibt dwaru f’ġurnal lokali; jiġifieri, li kittieb jintagħmel, mhux jitwieled jew isir. B’hekk, għandna numru ta’ kittieba li għax twarrbu għażlu li jħallu xogħlijiethom maqfulin fid-dlam tal-kxaxen u allura baqgħu għal kollox misturin. F’dan il-kuntest, irrid nifraħ lil Zarb u Sciberras li f’dan il-ktieb bdew ikissru din l-attitudni tant li inkludew poeti li kważi kważi ftit li xejn nafu dwarhom.

Tajjeb li nżommu quddiem għajnejna li dan il-volum huwa biss il-bidu tal-istampa sħiħa li ż-żewġ awturi jixtiequ jagħtu ta’ kif qiegħda tinkiteb il-poeżija lokali fi żminijietna. Allura, bir-raġun kollu wieħed jistenna ħerqan il-volumi li jmissu. Hawn għandna 20 poeta u kull wieħed minnhom għandu l-partikolaritajiet tiegħu kemm fejn tidħol it-tema u wkoll fejn jidħol l-istil. Kuntrarju għal xi wħud, jiena nemmen li kull poeżija għandha s-siwi tagħha.

Barra minn kritika serja u bilanċjata, biex isaħħu kitbiethom, l-awturi – anke jekk wieħed jifhem li kull kritika hija dejjem suġġettiva – mhux biss jirreferu, imma saħansitra jippubblikaw poeżiji sħaħ. B’hekk, il-qarrej għandu ċ-ċans jifforma l-opinjoni personali tiegħu. Iżda Zarb u Sciberras anqas jieqfu hawn; huma jikkwotaw saħansitra sorsi ta’ kittieba oħra; kittieba ta’ ċerta stoffa, bħal Ġużè Chetcuti, Oliver Friggieri, Karmenu Mallia, Patrick Sammut u oħrajn.

Personalment f’dawn l-istudji u kummenti laqatni l-fatt li kemm Zarb kif ukoll Sciberras urew sens kbir ta’ maturità meta għażlu li jwarrbu kull kelma negattiva li setgħu għamlu użu minnha liberament. Jisgħobbija nistqarr li ċerti “ktitiċi” lokali donnhom biex juru kemm huma bravi, erħilhom jikkaċċjaw għan-nuqqasijiet fix-xogħlijiet li jkollhom f’idejhom aktar milli jagħżlu li jkunu pożittivi. Forsi din hi xi ħaġa li ma tantx hi komuni barra minn xtutna. B’danakollu, kien hemm min saħansitra wasal biex sejjaħ lil dawn it-tipi ta’ “kritiċi” awturi falluti u qal li ħaqqhom xebgħa sawt. Jien ma naqbilx ma’ dan għax nemmen fil-libertà tal-espressjoni, nippreferi nħalli lill-qarrej jagħżel hu l-qamħ mis-sikrana.

Għoġbitni ferm id-Daħla Kritika tal-kittieb Palestinjan, Walid Nabhan fejn esprima l-opinjoni tiegħu dwar il-vera kritika. Interessanti wkoll il-fehma tiegħu dwar ir-rabta li teżisti bejn il-kritika u l-kreattività.

Fl-aħħarnett, naqbel ukoll ma’ Nabhan li dan il-ktieb irriċerkat u mirqum jista’ jservi ta’ diskussjoni serja dwar il-preżent u l-futur tal-Letteratura Maltija.

Paġna Letterarja, 13 ta’ Settembru 2015

In Her Element

Awtriċi: Therese Pace
Pubblikazzjoni Faraxa

Nhar il-Ġimgħa 21 t’Awwissu 2015 fir-Razzett tal-Markiż Mallia Tabone, il-Mosta kien hemm it-tnedija tal-kotba “In Her Element” ta’ Therese Pace u “Bejn tnejn” ta’ Josef Borg u Carlston Grima. Dwar dan tal-aħħar diġa konna ktibna fil-Paġna Letterarja tal-Ħadd 21 ta’ Ġunju. Illum qed nippreżentawlkom il-ktieb “In Her Element” ta’ Therese Pace.
Nistqarr mingħajr ebda problema li Therese Pace hija waħda mill-aktar poetessi li jien nammira. Minbarra li għandha ħakma tajba tal-kelma, Pace kapaċi ssib bilanċ bejn il-bżonn li sserraħ lilha nfisha u tfisser il-ġewwieni tagħha u x-xewqa li tikkomunika. Hija poeżija soċjali daqs kemm hija personali u intima. Fl-opinjoni tiegħi “In My element” (p.18) hija l-poeżija li tiddeskrivi eżatt dak li tixtieq twassal. Permezz ta’ ħafna immaġini li jikkaretterizzaw il-poeżija tagħha fosthom tal-iljun sever li jimxi fil-ġungla, leħinha jidwi fid-deżert. Il-kitba hija l-pjazza li fiha timraħ, l-ispazju fejn taħkem għalkemm ukoll issib l-għedewwa. Il-poeżija ta’ Pace mhijiex waħda faċli. Għalkemm kapaċi tilħaq lill-kotra il-kitba tagħha hija sfida, mhux biss sabiex wieħed jixtarr sew dak li qed tgħid imma wkoll sfida fil-ħsieb tagħna. Xi waqtiet jaf tiskomodana daqs kemm f’oħrajn tpaxxina bil-vrus ħelwin u xenarji mill-isbaħ li tikteb daqs li kieku qed tpitter. Mhux ta’ b’xejn li Pace hija rebbieħa ta’ bosta konkorsi prestiġjużi kemm lokali kif ukoll internazzjonali, kif wieħed jista’ jara fis-sit tagħha http://www.freewebs.com/theresepace.


Huwa diffiċli għalija li nippreżenta dan il-ktieb fi spazju limitat imma mal-ewwel ħarsa tiegħi it-temi prinċipali nasal biex niġborhom fi tlieta: Il-Mara li tipprotesta, Il-Mara li tħobb u l-Mara bħala omm u pedament sod fil-familja. Dan il-ktieb għandu daħla tal-Professur Oliver Friggieri u analiżi kritika tal-awtur u kritiku Patrick Sammut.


Il-Mara li tipprotesta


Mill-ġabriet ta’ poeżiji tagħha “Appareġġi” u “Meta tkellimni hi” u anke f’din il-ġabra, ma nistgħux nikkonkludi li Pace hija femminista pero hija l-mara ħielsa li tipprotesta, tgħid dak li tħoss anke fil-kuntest ta’ relazzjoni bejn raġel u mara. Din ir-ribelljoni mhijiex riżultat ta’ ġlied jew firda imma hija l-bażi tal-ugwaljanza bejn is-sessi, għaliex il-mara għandna leħen u dak ta’ Pace bħala awtriċi tagħti leħen ukoll lil dawk in-nisa li m’għandhomx.
Minkejja l-progress, għad baqa’ ħafna nħawi fid-dinja fejn in-nisa għadhom ma jitħallewx jitgħallmu minħabba raġunijiet politiċi, soċjali u kulturali. “Barriers” (p.71) hija propju dwar hekk. “Casualty” (p.48) hija dedikata lil Iman al-Obeidi il-mara Libjana u studenta tal-Liġi li ngħatat attenzjoni kbira mill-media wara l-kuraġġ tagħha meta fis-26 ta’ Marzu 2011 irrapurtat kif kienet ġiet stuprata mill-forzi Libjani.
Madankollu anke fil-punent, il-mara dejjem trid taqta’ bi snienha sabiex tirnexxi fil-ħajja u waqtiet l-isfidi tagħha huma akbar minn dawk tar-raġel. Dan Pace tesprimieh fil-poeżija “Growing Tall” (p.24) fejn l-awtriċi tgħidilna wkoll li dan is-suċċess mhux dejjem jinżel tajjeb mas-sess maskili. Sfida oħra, li wkoll insibuha ħafna fil-punent fejn il-kummerċjaliżmu jiddomina hija dwar id-dehra fejn anke tfajliet żgħar jispiċċaw ilsiera tal-istess kummerċjaliżmu u d-dehra tagħhom. Dan narawh fil-poeżija “For Odyl and Pizzazz” (p.63).
Fil-poeżija tagħha “Oshibana”, (p.58), li tfisser l-arti sabiħa Ġappuniża permezz ta’ fjuri nixfin naraw il-poetessa li tħares lejn l-orizzont bi stagħġib u tħoss dan il-bżonn li toħroġ lil hinn minnha u titwaħħad mal-umanita’. Hu propju minn dan il-kwadru naħseb li joħorġu l-ħsus prinċipali ta’ Pace li nista’ niddeskrivihom bħala ħsus ta’ mara u li fihom toħroġ il-femminita’ daqs kemm toħroġ l-umanita’ tagħha. F’din il-poeżija li kienet imsemmija b’ġieh fil-konkors Nosside, Pace titratta t-tema tal-immigranti llegali li qed jittamaw għal ħajja aħjar u ma jafux li se jaslu. It-tema soċjali u l-altruwiżmu toħroġ ukoll fil-poeżija “Logic” (p.38).

Il-mara li tħobb


Wara l-mara li tidher fis-soċjeta’, wara l-mara li taħdem u forsi għandha karriera hemm mara li tħobb. U dan il-bżonn naturali ma jistax ikun miċħud kif naraw fil-poeżija “Behind closed doors” (p.33). Din l-imħabba ma tissarrafx bi kliem imma bis-silenzju (Telepathic, p. 37). Din hija l-komunikazzjoni li m’għandhiex bżonn storbju għax l-imħabba hi biżżejjed. Fil-poeżija ta’ Pace hemm xenqa kbira għas-sempliċita’ għaliex fis-sempliċita’ nsibu l-valur vera tal-imħabba (The Park, p.59). L-imħabba għal Pace imma mhijiex xi pakketta maġika imma trid taħdem għaliha kontinwament. Fil-poeżija “Trimming The Vines” (p.20) tgħidilna li bħal ma bniedem jiżbor siġra, hekk ukoll ir-relazzjoni bejn koppja tmut jekk din ma niżbruhiex. Il-mużew “Garden dwarf” (p. 17) ġewwa Zagreb fil-Kroazja wassal biex tirrifletti fuq it-tmiem ta’ relazzjonijiet.


Kif għidt aktar ‘il fuq il-poeżija ta’ Pace hija bħal kwadru, tippreżentalna xenarji mill-isbaħ, xi wħud minn inħawi differenti tad-dinja u realtajiet li forsi bilkemm noħolmuhom. “Wavelengths” (p.66) ngħidu aħna titratta d-differenza fl-istatus fis-soċjeta’ u l-isfidi meta wieħed li ġej minn soċjeta’ għolja iħobb xi ħadd li ġej minn klassi soċjali aktar baxxa.
Is-silenzju jidher f’bosta poeżiji imma l-aktar li huwa mfisser bil-qawwa huwa fil-poeżija “The Silence That Charms Me” (p.21). Is-silenzju huwa l-enerġija tal-poetessa u l-ispirazzjoni tagħha. Il-poeżija hija dik li timlilha qalbha, hekk kif naraw b’mod ċar fil-poeżija A Poet’s Song (p.65).
Mal-imħabba għall-poeżija, wieħed irid iżid ukoll l-Imħabba għal ilsien pajjiżna li jagħmilha kburija (Language talk, p.52)

Rwol tal-mara bħala omm u pedament sod fil-familja


Element ieħor li noħroġ mill-poeżija ta’ Pace huwa r-rwol bħala omm u r-rwol tal-mara bħala pedament sod fil-familja. Fil-poeżija “Bond” (p.31) naraw li dik ir-rabta tal-omm mal-ulied ma tintemmx anke jekk kif ngħidu bil-Malti dawn bħal għasafar u jtiru. Minkejja li l-istess omm tikber fiż-żmien din ir-rabta mal-ulied tibqa’ hemm. F’” Neophyte” (p.34) naraw l-esperjenza tal-omm li tgħin lil uliedha sabiex dawn jikbru, tgħallimhom anke jekk waqtiet il-frott ma jkunx dejjem kif tixtieq.
It-trobbija hija sfida u sabiħa u daqstant hija kerha n-nuqqas tal-ħajja. Żewġ poeżiji ngħid jien kuntrasti imma t-tnejn jitkellmu fuq ħajja li tintilef. Huma kuntrasi għaliex f’waħda din it-telfa tal-ulied m’hijiex mixtieqa (Radicle, p.42). L-Omm qatt u qatt ma tista’ tinsa l-iben jew lil bintha (f’dan il-każ lil binha). Mill-banda l-oħra f’”Matriarch” (p.25) naraw ir-realta’ kerha tal-abort u d-dritt tat-tifel/tifla għall-ħajja.


Konklużjoni


Fil-poeżija “In my element”, Therese Pace tgħidilna li ma tafx ħaddieħor kif ser jilqa’ l-vrus tagħha. Dan narah jien bħal parabbola taż-żerriegħa (għalkemm din it-tixbiha ma nsibuhiex fil-poeżija ta’ Pace) li ma tafx iż-żerriegħa fejn taqa’. Aħna żgur napprezzaw il-poeżija ta’ Pace u ktieb bħal dan żgur li jinżel għasel ma’ dawk li għandhom għal qalbhom il-poeżija. Huwa bħal kwadri differenti fejn l-artista użat il-kelma flok iż-żebgħa. Mid-dettal toħroġ tema li tista’ toħloq diskussjoni.
Ma tantx inħobb noħroġ tema awtobijografika mill-poeżija minħabba li l-artist kapaċi joħloq bosta xogħlijiet sabiex jesprimi ruħu u anke jagħti gost. Imma nazzarda noħroġ l-elementi li jsawru l-karattru ta’ Therese Pace mhux biss bħala poetessa imma bħala mara. Mara li għandha rieda soda, taf fejn trid tasal, intelliġenti, imma tgħożż il-valuri tradizzjonali li għall-ebda raġuni ma jċedu quddiem il-progress li jista’ jeqred il-ħajja, jwassal sabiex inkunu skjavi tal-moda jew tal-istess progress.

Paġna Letterarja, It-Torċa, 22 t’Awwissu 2015

Therese-Cover

It-Tifel li ħadd ma’ ħabb

Casey Watson
Pubblikazzjoni: BDL

Nistqarr li l-istorja li għandna llum hija waħda ta’ swied il-qalb imma hija realta’ kiefra illi hawn fostna. Imma hija wkoll storja ta’ tama. Il-ktieb laqatni l-aktar għaliex bħala għalliem iltqajt ma’ numru studenti li jkollhom bosta problemi soċjo-ekonomiċi. Waħda mid-diffikultajiet li kont insib mill-esperjenza tiegħi hija l-impatt li dawn il-problemi jħallu fuq l-edukazzjoni tat-tfal, mhux biss akkademika imma wkoll dik ta’ imġieba. Bosta drabi, għalkemm mhux dejjem, dawn huma marbutin flimkien.


L-istorja ta’ Casey Watson, li hija l-ewwel waħda tiegħu li huwa wkoll foster carer stajt għalhekk nirrelata magħha. Trid tkun waqtiet vera professjonali sabiex tinduna bit-tbatija, u trid ukoll ħafna u ħafna imħabba. Ma tistax iżda teduka, jew twassal persuna biex jimxi ‘l quddiem fis-soċjeta’jekk ma tifhimx l-għeruq tal-problemi u t-tbatija li jkun għadda/għaddiet minnha. F’kelma waħda trid tifhem persuni.


Justin kien ilu jiġi pprovdut kenn sa minn meta kellu 5 snin, waqt li ħutu kellhom tliet snin. Ommhom kellha l-vizzju tad-droga, u ħalliethom bil-ġuħ u waħidhom. Naturalment kif spjegajt fl-introduzzjoni tiegħi, dawn xejn ma jolqtu tajjeb lill-persuna. Fil-fatt ġie pprovdut mill-inqas għoxrin kenn ieħor mingħajr ebda suċċess.
Ta’ ħdax –il sena meta ltaqa’ ma’ Casey Watson, Justin kien vjolenti u agressiv . Casey u r-raġel tagħha Mike kienu speċjalisti ma’ imġieba diffiċli u kienu jippruvaw diversi mezzi ta’ għajnuna lil dawn it-tfal. Għalhekk kienu l-aħħar tama għal Justin. Kif inhu mistenni, huwa kien jirrifjuta l-imħabba li huma kienu joffrulu. Din fil-fatt hija sfida kbira anke għall-għalliema li jaħdmu ma’ studenti diffiċli, għaliex mhux biss ir-riżultati jkunu żgħar (biex ma ngħidx kważi bilkemm jidhru), imma wkoll l-imħabba li ħafna drabi joffru lill-klijenti tagħhom li huma l-istess tfal xi darba ma tkunx daqshekk apprezzata. Naturalment qegħdin nitkellmu, biex inkun ċar fuq tfal bħal Casey li l-ħajja ma tantx tbissmitilhom.
Kienet żjara fid-dar ta’ omm Justin li setgħu jaraw dak il-passat u l-problemi li Justin qatt ma tkellem dwarhom. Issa Casey u l-familja tagħha setgħu jifhmu il-kawża tal-problema u l-tbatija siekta li kien għadda minnha.
Dan il-ktieb jinkiseb mill-ħwienet ewlenin jew minn BDL San Ġwann.

Paġna Letterarja, 16 t’Awwissu 2015

Duminku Mintoff f’Helsinki

Awtur: Josef Grech
Pubblikazzjoni: Dom Communications Ltd


Dis-sena jaħbat l-erbgħin anniversarju mill-Konferenza ta’ Helsinki. Sabiex ifakkru dan il-jum storiku ġew organizzati konferenza u anke wirja fil-bini tal-Parlament fost oħrajn. Dom Communications Ltd. li tawna ħafna u ħafna pubblikazzjonijiet dwar il-Perit Mintoff, tant li din id-dar ta’ pubblikazzjoni hija wkoll imsemmi għal dan l-ex-Prim Ministru u statista kbir, u kienet waħda mill-ewwel monumenti ħajjin tiegħu. Ma setax jonqos allura li Dom Communications joħorġu ktieb ukoll għal din l-okkażjoni.


Dik li baqgħet magħrufa bħala d-dikjarazzjoni ta’ Helsinki kellha l-bidu tagħha fl-1973 u kienet important mmens għaliex fl-eqqel ta’ Gwerra Bierda il-35 stat li pparteċipaw iffirmaw sabiex jitjiebu r-relazzjonijiet bejn il-Pajjiżi tal-Lvant u dawk tal-Punent. Fost il-pajjiżi li ffirmaw din id-dikjarazzjoni kien hemm Malta, irrapreżentata mill-Prim Ministru Dom Mintoff. Il-Konferenza ntemmet sentejn wara, bl-iffirmar tal-Helsinki Accords.


Il-ktieb jagħti ħarsa komprensiva tal-ħsieb ta’ Mintoff u għalhekk imur lura fl-1971 propju meta l-Partit Laburista ħa f’idejh it-tmum tal-pajjiż. Il-Partit Laburista ma kienx kuntent bil-ftehim tal-Indipendenza u għalhekk ħaseb minnufih li jerġa’ jinnegozja dan il-ftehim. Fost l-inizjattivi li ħa kien li talab formalment għal reviżjoni tat-trattati ta’ difiża u finanzjarja bejn iż-żewġ pajjiżi. Jien dejjem fhimt li n-newtralita’ ma kinetx għażla politika faċli. Din il-mistoqsija u x’konsegwenzi kellha fuq Malta ddiskutejtha wkoll fil-ħsieb tiegħi dwar il-ktieb “Ħelsien” ta’ Mark Camilleri li kif għidt wieġeb bosta mill-mistoqsijiet tiegħi. Għaliex kif insibu f’il-ktieb ta’ Grech (p.26), l-indipendenza tal-1964 ġabet magħha wkoll il-konsegwenza li “n-NATO beda jopera f’territorju barra mill-ġurisidizzjoni ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu” u “Malta bdiet titlef madwar £40,000 fis-sena.” Grech jispjega li kemm –il darba sar attentat mill-Partit Nazzjonalista sabiex Malta jkollha rabtiet aktar mill-qrib man-NATO, fosthom wara l-gwerra tal-1967 bejn l-Għarab u Israel imma din it-talba dejjem ġiet miċħuda (p.29). Malta qamet fuq saqajha għaliex kif kien qal fid-diskors storiku tal-1958: “‘Is-Siegħa tal-Prova waslet. Il-poplu Malti li tant iġġieled fl-imgħoddi battalji ta’ ħaddieħor issa wasal biex juri lid-dinja jekk veru kibirx u sar nazzjon.” Din id-darba dan immaterjalizzah billi għamel bosta ftehim mhux biss mal-Gvern Ingliż imma nazzjonijiet oħra fosthom il-Libja u ċ-Ċina. Fl-1973 Malta ssieħbet fil-Moviment non-allineat, li ta’ min ngħidu li dak iż-żmien kien jinkludu wkoll bosta pajjiżi fosthom Ċipru u l-Yugoslavja. Il-qagħda strateġika ta’ Malta f’nofs il-Mediterran, li għal diversi snin serviet bħala bażi militari, Mintoff fehem li jista’ jieħu l-vantaġġi minnha jekk minflokk vapuri tal-gwerra jidħlu vapuri tal-paċi.


Huwa f’dan il-kuntest li rridu nifhmu d-dikjarazzjoni ta’ Helsinki. U naħseb dan kien l-iskop ta’ Josef Grech. Mintoff sostna li ma jistax ikun hemm paċi fid-dinja jekk ma jkunx hemm paċi fil-Mediterran. U Malta setgħet isservi ta’ pont sabiex dan isseħħ.


Id-dikjarazzjoni ta’ Helsinki ma kinetx ġrajja storika biss imma hija relevanti ħafna anke fiz-zmien tallum. Ta’ min wieħed jgħid li l-Perit Mintoff anke fid-disgħinijiet baqa’ jsostni dan il-prinċipju tiegħu favur il-paċi u s-sehem ta’ pajjiżna, kif ukoll l-attiviżmu tiegħu baqa’ qawwi ħafna l-aktar fiż-żmien tal-gwerra kontra l-Iraq. Illum għadna qed naraw fit-Tramuntana l-kunflitt tal-Ukrajna, fil-Lvant il-gwerra dejjiema fil-Palestina, u ftit il-bogħod minna l-kriżi fl-Afrika.
Interessanti ħafna l-istampi li juri l-fehmiet tal-ġurnali matul iż-żminijiet b’diversi artikli marbutin direttament jew indirettament mal-ħidma tal-Perit Mintoff.

Dan il-ktieb għandu d-daħla ta’ Ivan Grech Mintoff in-neputi ta’ Duminku Mintoff.
Dan il-ktieb tista’ tixtrih billi ċċempel fuq 9906 1916 jew tibgħat e-mail fuq: jew mill-ħwienet ewlenin f’Malta u Għawdex.

Paġna Letterarja It-Torċa, 16 t’Awwissu 2015

Il-maħbuba ta’ Jack The Ripper

Karmenu Baldacchino

L-istorja ta’ Jack the Ripper tibqa’ mhux biss tiba’ tkexkex imma wkoll tibqa’ tagħti lok għal bosta spekulazzjonijiet ta’ min huwa dan is-serial killer famuż. Biżżejjed ngħidu li kif insibu f’dan l-istess ktieb “hemm madwar ħmistax –il kandidat serju għat-titlu mistmerr ta’ Jack the Ripper” (p.53). Baldacchino fil-fatt ma jaqbadx u jasal għall-konklużjoni waħda ta’ min seta’ kien, imma jagħti sfond fil-qosor tas-suspettati (p.53-59).

Wieħed minn dawn kien James Maybrick, negozjant tal-qoton (p.17). Din it-tijorija hija misluta mid-djarju li kiteb dwaru ċerta Michael Barrett, negozjant żgħir tal-ħadid skartat minn Liverpool (p.62). Dan allega li ngħata lilu minn ħabib ċertu Tony Devereux, waqt li dawn kienu ġo pub. Għalkemm l-awtur tad-djarju ma jidentifikax ruħu b’mod ċar, huwa ovvju li minn bosta referenzi jidher li kien tan-negozjant tal-qoton James Maybrick. Maybrick miet f’Mejju tas-sena 1889 u ftit wara l-mewt tiegħu, il-mara tiegħu Florence kienet arrestata u akkużata bil-mewt ta’ żewġha billi vvelenatu (p.32). Imma għaliex Maybrick beda joqtol, dejjem skont dan id-djarju? Iż-żwieġ ta’ Florence ma’ James ma’ kien xejn feliċi (ħlief li għal għajn in-nies kien wieħed hieni). Filfatt f’dan id-djarju jiddeskriviha bħala “qaħba” (p.77). Kienet ir-relazzjoni ta’ martu ma’ Brieley li mmotivatu sabiex joqtol il-prostituti (p.78).

Id-djarju jiddeskrivi b’mod dettaljat ħafna l-qtil tiegħu. Ta’ min wieħed jgħid li qabel deher dan id-djarju qatt ma ssemma li James Maybrick seta kien Jack the Ripper. L-ewwel reazzjoni tal-esperti li eżaminaw id-djarju kienet li kien ġenwin. Ċertament li ż-żmien li jissemma huwa wieħed korret. Madankollu kien meħtieġ aktar analiżi forensika li kellha tistabbilixxi jekk id-djarju kienx wieħed ġenwin.
Aktar tard iżda Michael Barret stqarr ma’ The Liverpool Post li kien hu li ffalsifika d-djarju. Il-gazzetta ġabet fil-fatt li “Ir-raġel li qal li għandu d-djarju ta’ Jack the Ripper ilbieraħ ammetta li l-affari ma kienet xejn ħlief ħlieqa” (p.133).

Dan huwa ktieb fil-fehma tiegħi interessanti mmens għax ma jitrattax l-istorja ta’ Jack the Ripper b’mod kif ġieli rajnieha billi jsemmi s-suspettati imma jippreżentalna din l-istorja ta’ imħabba li qatt ma eżistiet bejn tnejn min-nies, jiġifieri James u Florence, li spiċċat b’mod traġiku. U intom taħsbu li James seta’ kien Jack the Ripper?

Paġna Letterarja, It-Torċa, 12 ta’ Lulju 2015

Il-Prostituzzjoni f’Malta

Edward Attard
Pubblikazzjoni: BDL

Żgur li Eddie Attard m’għandu bżonn ebda introduzzjoni f’dawk li għandu x’jaqsam ma’ kotba marbuta ma’ kriminalita’. Dan il-ktieb diġa deher avviż meta ħareġ, imma numru ta’ qarrejja talbuni li nagħti ftit aktar tagħrif u għaldaqstant mhux neskludi li ‘l quddiem nagħmel intervista ma’ dan l-awtur. Attard għandu esperjenza kbira fil-korp tal-pulizija u huwa wkoll riċerkatur tajjeb u jikkombina l-istudji tiegħu mal-esperjenza li għandu b’mod tajjeb ħafna.
Dan il-ktieb “Il-prostituzzjoni f’Malta” mela vojt fil-qasam letterarju imma ngħid jien jista’ jkun ta’ siwi wkoll għal diversi dixxiplini oħra kemm akkademiċi kif ukoll prattiċi. Għaliex din l-eqdem professjoni kultant forsi nippreferu li tkun ftit mistura, daqs li kieku qatt ma eżistiet, ħlief meta xi kultant nisimgħu xi każ ta’ prostituti li jittellgħu il-qorti. Illum forsi wieħed jistaqsi jekk dawk li nafuhom bħala gentlemen’s clubs għandhomx jiġu regolarizzati. U f’dan il-kuntest tajjeb li jkollna sfond storiku ta’ dan is-suġġett kontroversjali.
Il-ktieb fih seba’ kapitli u ħames appendiċijiet,u taħt it-titlu ta’ kull kapitlu hemm kwotazzjoni fuq is-suġġett. L-awtur jikkwota lil Victor Hugo, il-Papa Ġwanni Pawlu II, Charles Dickens, Barbara Meil Hobson, it-Tabib Philip Carabott u lil Lorraine Spiteri. Fl-introduzzjoni jiddeskrivi l-Prostituzzjoni bħala l-eqdem professjoni fejn saħansitra tissemma fil-Kotba Mqaddsa, u “fil-Kodiċi ta’ Ħammurabi tas-sena 1772 qabel Kristu, fil-parti fejn jissemma d-dritt tal-propjeta’ tan-nisa, il-liġi kienet tgħid li d-dritt kien japplika wkoll għall-prostituti” (p.13). Wara l-introduzzjoni qasira u informattiva, fil-ktieb insibu seba’ kapitli:
1. Il-Prosituzzjoni f’Malta fi żmien l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann
2. Il-mard venerju
3. It-tagħlim nisrani u l-awtoritajiet tal-Knisja fir-rigward tal-prostituzzjoni
4. Il-liġijiet dwar il-prostituzzjoni minn żmien l-Ingliżi f’Malta,
5. Il-Prostituzzjoni fil-bidu tas-seklu għoxrin u s-snin ta’ wara,
6. Omiċidji u reati oħra relatati mal-Prostituzzjoni,
7. Kundanni dwar reati ta’ Prostituzzjoni.
Wara dawn il-kapitli nsibu appendiċi interessanti mmens. L-Appendiċi huma s-sorsi primarji u għaldaqstant mhux biss juru kemm dan il-ktieb huwa wieħed riċerkat imma wkoll dawn is-sorsi huma ta’ interess kbir.

Professjoni qadima imma kundannata

F’pajjiżna wkoll jidher li l-prostituzzjoni kellha għeruq fondi. Biżżejjed insemmu xi qwiel Maltin, li mhux biss juru dan imma juru wkoll li “taqħib” jew “qaħba” kienu użati flok prostituzzjoni jew prostituta (p.7). Il-ktieb jibda billi jsemmi li kien hemm gran mastri li kellhom x’jaqsmu ma’ prostituta u li la l-prostituzzjoni u lanqas ir-rabta tagħhom mal-Ordni ma kienu xi ħaġa li bdew f’Malta. Tant li ħafna snin qabel ġew Malta, l-Ordni diġà tat id-dritt li wieħed jista’ jitlob li jitkeċċew prostituti viċin tiegħu (p.23). Attard isemmi wkoll li fit-22 ta’ Lulju 1566, “il-Papa Piju V kien ħareġ l-editt biex jitkeċċew il-prostituti minn Ruma” (p.28). Imbagħad aktar tard naraw ukoll kif fil-Kodiċi Kriminali ta’ żmien il-Gran Mastru Vilhena jissemma li raġel miżżewweġ ma setax imur ma’ prostituta u kien hemm pieni ħorox jekk jagħmel dan (p.38).
M’għandniex xi ngħidu l-Knisja Kattolika minn dejjem kienet ħarxa ħafna kontra l-prostituzzjoni (p.65), ispirata mill-Kotba Mqaddsa (p.66). Fis-sekli ħmistax u sittax imbagħad naraw it-twaqqif ta’ djar magħrufa bħala Convertite della Maddalena li kellhom l-għan propju li jilqgħu lil dawk in-nies sabiex jikkonvertu. F’Malta twaqqaf il-Monasteru li ġie msejjaħ Santa Maria Madalena delle Repenite (p.73). Attard jirreferi għal ktieb ta’ riċerka ieħor bl-isem ta’ Magdalene Nuns and Penitent Prostitutes Valletta ta’ Christine Pace. Dan ukoll huwa ktieb li nirrakommandah. Ta’ min wieħed jgħid ukoll li l-Knisja ta’ Marija Madalena fil-Belt Valletta l-unika fdal li fadal minn dan il-monasteru, qed tiġi restawrata u diġà wieħed jista’ jammira x-xogħol sabiħ illi sar fiha.

Madankollu mhux biss il-ħabs jew kastigi oħra li kienu kontra l-prostituzzjoni. Kellek ukoll il-mard venerju, li nafu li mhux biss nies ordinarji mardu bih imma wkoll patrijiet, saċerdoti, kavallieri u saħansitra granmastri (p.43). Anke fi żmien l-Ingliżi kellek l-Isptar ta’ Bighi fil-Kalkara li fih ġew ikkurati bosta baħrin bil-mard venerju (p.97).

Minkejja dan kollu naraw kemm bosta persuni spiċċaw messu mal-prostituzzjoni. Minkejja l-vot tal-kastita’, meta l-Kavallieri sabu posthom fil-Birgu kienu aktar qrib it-tentazzjoni (p.24). Bosta nies oħra anke ta’ prominenza jissemmew fi żmien l-Ingliżi fosthom il-Kummissarju Frank Stivala li ġie akkużat fost oħrajn li assoċja ruħu ma’ nisa b’karattru dubbjuż (p.124).

Konklużjoni

Huwa diffiċli li f’riċensjoni qasira nħares fid-dettal lejn ktieb bħal dan. Dan il-ktieb fih saħansitra l-Indiċi. Madankollu bħal kotba oħra ta’ Edward Attard huwa mexxej ħafna u faċilment jiftiehem minn persuni bħali li mhux midħla la tal-liġi u lanqas ma’ dak kollu marbut mal-kriminalita’. Attard jikteb b’mod dirett ħafna. Terġa’ l-istampi jgħinu mhux ftit sabiex wieħed jifhem sew il-kuntest anke jekk dan il-ktieb huwa wkoll wieħed storiku. Għaldaqstant waqt li jien inqis dan il-ktieb bħala wieħed ta’ referenza, ċert li darba tibda taqrah ma titilqux minn idejk.

Il-ktieb jinsab għal bejgħ mingħand il-Book Distributors Ltd ta’ San Ġwann u mill-ħwienet li jbiegħu l-kotba.

(Paġna Letterarja, It-Torċa, 12 ta’ Lulju 2015)See Translation

Awtoskatti Versi u linji

Andrew Sciberras u Tarcisio Zarb
Dan l-aħħar għadhom kif ħarġu żewġ kotba interessanti ta’ Andrew Sciberraw u Tarcisio Zarb. Għadu kif ġie pubblikat l-ewwel volum ta’ kritika letterarja Kritika Prattika: Nebħ kritiku dwar il-poeżija ta’ żmienna. Imma donnu li Sciberras u Zarb qabel ħarġu l-ewwel volum ta’ din il-kritika letterarja, riedu juru huma stess il-ħiliet artistiċi tagħhom fil-poeżija. U tabilħaqq kien xieraq li ngawdu il-poeżija ta’ dawn iż-żewġ awturi.
Diffiċli għalija li niddefenixxi x’hemm komuni bejn iż-żewġ awturi. Fil-fatt anke l-Professur Oliver Friġġieri fid-daħla tiegħu għal dan il-ktieb jiddeskrivihom bħala “Żewġ kittieba differenti”. L-istil taż-żewġ poeti huwa kompletament differenti anke jekk f’din il-ġabra t-tnejn li huma jħaddmu l-vers ħieles u mhux marbutin ma’ tip wieħed jew temi jew stili. Il-poeżija ta’ Sciberras narha tixbah ħafna lil dik ta’ Achille Mizzi, fis-sens li wieħed jistenna li se jsib kliem Malti Semitiku u arkajku, ma’ dak Romanz u modern minsuġin b’sengħa u ħila kbira, għalkemm wieħed jista’ wkoll jinnota bosta differenzi. Il-poeżija ta’ Tarcisio Zarb ftit li xejn nista’ inxebbaha ma’ oħrajn għallinqas fix-xena lokali. Versi qosra, ġieli b’kelma waħda jew tnejn jikkaraterizzaw dawn il-poeżiji, li bil-kontra ta’ Sciberras x’aktarx huma aktar diretti . Fil-poeżiji ta’ Zarb wieħed jinnota wkoll bosta termini użati fit-taħdit anke jekk dawn huma mislufin mil-lingwa Ingliża “Ifphotoshoppjati”, p.40, selfie, p.46 eċċ). Naturalment wieħed japprezza li l-awturi jużaw il-liċenzja poetika sabiex b’ħila artistika kbira jwasslulna stampa u aktarx messaġġ dwar xi tema soċjali partikolari. Għaldaqstant jekk ikolli nsib żewġ temi komuni f’dawn il-poeżiji, jkolli ngħid li t-tnejn li huma jiktbu poeżija li se niddeskriviha bħala tisfidak, tqanqal diskussjoni. Mhijiex sempliċiment bħal kumment fil-mezzi soċjali li l-ħbieb jagħmlulu like imma provokazzjoni għall-ħsieb passiv. Tema oħra li xtaqt noħroġ hi li dwar kif iż-żewġ poeti donnhom jimirħu fl-ispazji ġewwieni, fil-“jien” u fl-istess ħin wara riflessjonijiet profondi joħorġu b’bosta ħsibijiet soċjali.
Poeżija li tisfidak
Sciberras jitkellem dwar l-Omm Sirjana u l-Mara ta’ Miżurata. Fiż-żewġ poeżiji naraw kif il-poeta jemanċipa man-nies li qed ibatu imma wkoll jilmenta dwar il-bniedem “l-uniku annimal brutali” u jistaqsi x’sehem għandhom bosta pajjiżi fosthom l-Għarabja Sawdita f’dan kollu. Jistaqsi wkoll x’sehem għandha l-Ewropa fil-kwistjoni tal-Libja (p.6). Sciberras jinkwieta għall-ammont ta’ “asbestos tossiku” (p.6), “armi kimiċi”(p.16), li jintużaw fil-gwerer.
Zarb jemmen bi sħiħ li l-poeta għandu jitkellem u jsemma’ leħnu fejn jidħlu oqsma soċjali. Dan huwa dak li jagħmel il-poeżija relevanti.
“L-Unjoni Ewropea,
Id-defeċit strutturali.
U l-Korpi Kostitwiti.
Skużani. Ta. Imma.
Dawk mhumiex suġġetti.
Ta’ poeżija.
Qed tifhem.
Qaltli. Dawk mhumiex suġġetti ta’ poeżija.
Qaltli.” (p.45)

Jilmenta ngħidu aħna dwar l-użu eċċessiv tal-insettiċidi u kif il-kontroll tal-bniedem daħal wisq f’dak li hu naturali. Donnu anke f’dak li hu estetika sirna naraw wisq sabiħ fejn hemm l-intervent tal-bniedem (p.59).
Poeżija bħala vjaġġ ġewwieni b’riflessjonijiet soċjali
Huwa minnu li l-poeżija ta’ Sciberras u Zarb huma għajta ta’ protesta kontra l-inġustizzja, l-manipolazzjoni fid-dinja tal-bniedem, u l-kapitaliżmu sfrenat. Imma l-poeżija toħroġ wara riflessjoni profonda interjuri. U wara kollox il-poeżija tiktibha biex isserraħ lilek innifsek. Mhux ta’ b’xejn kritiku letterarju mill-poeżija kapaċi jpinġi l-karattru tal-awtur.
Zarb jikteb (p.46):
“Jien ma niktibx għalik,
imma għalija.
Jien is-selfie antik
tal-poeżija.”

L-interess ta’ Sciberras jinteressah fix-xjenza, il-metafiżika u l-filosofija u għandu ħabta li jħallathom flimkien għax wara kollox it-tliet dixxiplini jfissru l-univers li fih qed ngħixu u min fejn ġejjin. Hekk naraw f’poeżiji bħal Paradoss (p.2). Imnebbah mill-filosofija tal-paċi partikolament dik Buddista (p.21-23) jixxennaq għal dinja aħjar, u fejn l-imħabba ssir eternita’.
Kontra dak li nagħmel is-soltu mhux se nagħmel konklużjoni dwar dan il-ktieb imma se nġib għall-attenzjoni tagħkom il-ħsibijiet ta’ Mario Azzopardi; drammatur, awtur u poeta.

Ħsibijiet ta’ Mario Azzopardi dwar Awtoskatti
Wasalli ktieb interessanti, intelliġenti u eklettiku, bil-firma ta’ Andrew Sciberras u Tarċisju Zarb. Mhux ktieb tas-soltu u l-aħħar ktieb li daqq din in-nota espansiva kien Linji Ġodda (1973), kummentarju kritiku inventiv li kien ħareġ Peter Serracino Inglott. Dan il-volum ta’ Sciberras u Zarb jirrappreżenta kollaborazzjoni ta’ elementi individwali minn varjetà ta’ sorsi, sistemi jew stili.
Marsusin ma’ xulxin hemm metodi, twemmin u ideat li jikkombinaw dak kollu li jinħass ta’ ħtieġa. Ta’ molla li twassal għal effetti minn bosta sorsi.
Sciberras hu l-aktar politiku (u xellugi), bil-mira espliċitament tiegħu ta’ spiss tkun il-manipulazzjoni f’idejn il-potenzi tal-Punent. Min-naħa l-oħra, Zarb jorbot ir-riflessjonijiet tiegħu b’mod aktar introspettiv, b’elementi “qodma” etniċi bħala punt tat-tluq. Il-poeta jaf jazzarda u lanqas ma jeħles lilu nnifsu mill-kritika.
Li jagħmel dan il-ktieb Awtoskatti: Versi u Linji, tassew insolitu hu l-postscriptum li l-awturi jintroduċu wara kull poeżija. Awtoskatti jagħmel dekostruzzjoni interessanti ibda minn dik tal-lingwa u tal-ġeneri sa dawk para-reliġjuzi, etniċi u politiċi, dejjem b’tiftix (ħafna drabi frenetiku) għal spazju determinat, għas-“sens” eżistenzjali-empiriku, anki teknoloġiku. Il-ktieb hu miżgħud b’referenzi għal ħassieba globali, minn sorsi dwar “ix-xjenza tal-arti sal-ispiritwalità tal-Orjent”; mit-tradiment tal-popli bla poter sal-oxxenitajiet tal-Knisja oppressiva u qattiela (Tomâs de Torquemada).
Hawn niltaqgħu ma’ omaġġi lil ġenji bħal Schubert, kwotazzjonijiet tal-Budda, Platun, Nietzsche, San Ambroġju u erwieħ importanti oħra li mmarkaw il-mixja mqallba tal-umanità. Dak li għall-bidu jidher bħala “dissonanza” ma jdumx ma jibda jagħmel sens organizzat fejn żewġ poeti jinterzjaw ħsibijiet f’qafas ta’ postmoderniżmu letterarju li f’Malta ftit li xejn għad hawn min daħal biex jesplorah u jinterpretah.
Fid-‘djalogu’ ta’ bejniethom, Sciberras u Zarb jistadu għall-għerf. Ktieb indispensabbli għal fuq l-ixkaffa tal-qarrejja esiġenti li lesti jilqgħu l-isfida tad-dixxerniment.
……………………………………………………………………………………….

(Paġna Letterarja, It-Torċa, 12 ta’ Lulju 2015)

Kważi kważi lil Tamara nżommuha

oriġinarjament miktub bit-Taljan minn Georgia Manzi
addattat għall-Malti mill-awtur magħruf Simon Bartolo
Pubblikazzjoni: Merlin Publishers

Merlin Publishers qed jagħmlu diversi sforzi sabiex jolqtu l-gosti taż-żgħażagħ u adoloxxenti. L-adoloxxenti mhumiex tfal. Hija l-eta’ fejn jibdew ifittxu l-individwalita’ tagħhom u hekk għandu jkun. Għalkemm huwa diffiċli għal ġenituri sabiex jaċċettaw u jifhmu, dawn jibdew ifittxu aktar il-gosti u l-interessi tagħhom u mhux dawk tal-ġenituri, inkluż l-għażla tal-ħbieb u dan iwassal biex bosta drabi jkun hemm bosta konfronti bejnhom u l-ġenituri. Terġa’ u tgħid huwa żmien ukoll ta’ ribelljoni u dan bosta drabi jwassalhom sabiex ikun hemm kwistjonijiet bejnhom u bejn l-adulti, illi jarawhom bħala awtorita’. Ktieb għall-adoloxxenti għandu jirrifletti dan il-kuntest. Irid ikun marbut mal-ħajja li jgħixu l-adoloxxenti, allura waqt li f’dan il-ktieb naraw l-ambjent tal-iskola, x-xogħol tal-iskola u l-ġenituri, l-awtriċi żżomm f’moħħha li Lilli m’għadhiex tifla u r-ribelljoni toħroġ ukoll ċara f’dan il-ktieb, flimkien mal-ħolm u l-fantażiji.

Il-qofol tal-ktieb narah fir-relazzjoni bejn Lili (tfajla Taljana) u s-Sinjura Tamara, il-mara Rumena li kienet tieħu ħsieb id-dar. Fil-ktieb ngħaddu minn inċertezza għall-oħra; nibdew minn dik personali ta’ Lilli li jħallu l-Italja lejn Ateni fil-Greċja, minħabba li missierha jingħatha xogħol hemmhekk. Lilli ma tistax timmaġina kif il-ħajja tagħha ser tinbidel fi żmien qasir. Fil-Greċja kellha tibda ħajja ġdida. Iżda naraw kif ommha Clelia, tikkritika kollox u lil kullħadd. Missierha mill-banda l-oħra l-importanti li jġib il-flus id-dar u daqshekk. L-integrazzjoni fl-iskola ma kienx biżżejjed. Imbagħad għandna l-kriżi ekonomika li laqtet lill-Greċja. Imma fil-ktieb naraw kif f’nofs dawn l-inċertezzi Lilli tagħmel ħbieb ma’ ġuvni u tibda tinbet relazzjoni bejniethom. Lilli tiskopri wkoll il-bajjiet sbieħ tal-Greċja u dawn kienu wkoll mumenti pożittivi. F’mumenti diffiċli, ta’ taħwid u inċertezza Celia timrad b’dak li lkoll kemm aħna nistkerrhu ma nixtiqux. F’dawn il-mumenti imn’Alla kienet Tamara.

Fil-ktieb nara bosta punti ta’ riflessjoni interessanti. Dawn naturalment qegħdin b’mod sottili ħafna għaliex illum qed ninqatgħu mill-idea li kull ktieb qiegħed biex jgħallem u jrid jispiċċa b’numru ta’ valuri. Ktieb qiegħed hemm wara kollox biex iż-żgħażagħ, adoloxxenti u t-tfal jieħdu gost bih, bħalma nieħdu gost bih aħna. Wara kollox illum anke t-tagħlim formali qed jieħu forom differenti fosthom ta’ logħob, gost, u ħolqien ta’ ideat. Mhux neċessarjament għandu jkun ifformalizzat. Imma fost il-punti interessanti li laqtuni fil-ktieb insibu r-relazzjonijiet taħt diversi forom fosthom mal-ġenituri, għalliema, ħbieb, mal-maħbub eċċ. L-aktar ma’ Tamara. Interessanti wkoll kif iż-żgħażagħ u l-adoloxxenti jgħixu bħalna, u ngħid aktar minna t-tbatijiet tal-ħajja u bosta drabi jinġarru magħhom u jaffetwawhom mhux ftit. Dan għaliex ikunu għaddejjin diġà minn bidliet radikali u żviluppi mhux biss fiżiċi imma wkoll emozzjonali. Mhux ta’ b’xejn ir-reazzjoni ta’ Lilli lejn Tamara kienet li kienet. Xi kultant iva anke min jurihom li jħobbhom. Naturalment imbagħad fl-iskola kienet hemm ukoll drabi fejn ma sabitx dak l-ambjent li stħajlet u xtaqet. Fuq kollox insibu kif hemm il-pożittivita’ li toħroġ bħal ward qalb ix-xewk. Kif insibu fil-bidu ta’ dan il-ktieb, “Il-kriżijiet u d-diffikultajiet spiss isiru opportunita’ ta’ żviluppi interjuri” (p.8).

Ta’ min wieħed isemmi wkoll li l-qoxra tal-ktieb tal-verżjoni Maltija ma tagħmilx għajb lil dik oriġinali. Naraw id bil-loom bands (li huma popolari ħafna f’ċerta etajiet) fil-but ta’ jeans. Jispikka r-roża fit-titlu u anke l-mod informali kif inhu miktub. Kollox juri informalita’, tbegħid mir-riġidita’ u l-uniformita’.

Georgia Manzi hija awtriċi żagħżugħa taljana, imma tgħix f’Ateni. Hija għalliema tat-taljan b’esperjenzi maż-żgħażagħ u wkoll ġurnalista. Manzi hija wkoll omm ta’ żewġt itfal. It-truduzzjoni ġiet fdata f’idejn Simon Bartolo, awtur popolari ta’ bosta kotba għaż-żgħażagħ u l-adoloxxenti fosthom it-triloġija tal-Fiddien. Napprezza l-fatt li ktieb bħal dan mhux biss qed jagħtina l-opportunita’ li naqrawh bi lsien pajjiżna imma ta’ min ngħidu wkoll li jagħmel isem lil pajjiżna billi se jidher fuq bosta siti elettroniċi barranin u mezzi oħra tal-media soċjali.See Translation— with Chris Gruppetta.