Insaniam

Edgar Formosa
Pubblikazzjoni: Horizons

Naqra l-kitba ta’ Formosa stħajjiltni qed naqra interpretazzjoni ta’ riċerka etnografika bid-differenza li minflok analiżi akkademika l-awtur qed iwasslilna novelli li jħallulek diversi togħmiet differenti imma kollha huma xejra tal-istess ħajja. Li jolqtok mal-ewwel fl-istil ta’ Formosa huwa l-istil li juża sabiex iġiegħel lill-qarrej jirrelata mal-karattri li joħloq. In-novelli b’kuntest waqtiet surreali imma realistiċi, u qrib ħafna il-ħajja tal-bniedem ordinarju. Fin-novelli tiegħu Formosa jieħu wkoll pożizzjoni, tant li bosta drabi huma miktubin fl-ewwel persuna, fatt li jinnotah ukoll il-Professur Oliver Friggieri fid-daħla ta’ dan il-ktieb.. Dan il-fatt jidher b’mod ċar ukoll fil-ktieb tiegħu Anastasia, li kien rumanz mill-bidu sal-aħħar. Iseħħu affarijiet strambi f’dan ir-raħal Fir-rumanzi jew novelli kollha imma Formosa jirnexxielu bħal jifhem is-sitwazzjonijiet li jkun ħoloq huwa stess, fis-sens ma jarax l-istampa mill-bogħod bħalma soċjologu jinterpreta statistika, imma mill-qrib.
Il-Professur Oliver Friggieri fid-daħla ta’ dan il-ktieb jgħid li Formosa “jsawwar kwadru psikoloġiku” u jesplora kif jaħdem moħħ il-bniedem f’ċirkostanzi partikolari. Dan jagħmel dan il-ktieb wieħed interessanti mmens, tajjeb daqs kemm huwa wkoll pjaċevoli biex wieħed jaqrah. Formosa huwa awtur li ma jiddejjaqx jesperimenta u barra minn hekk m’għandux ġeneru wieħed li huwa marbut miegħu biss. L-ewwel ktieb ngħidu aħna “Sena mill-ħajja mistura ta’ Daniel Tusa” (2004) huwa wieħed umoristiku. It-tieni ktieb tiegħu “tikk…tokk…is-sagħtejn” (2010) huwa immirat lejn l-adoloxxenti u jxaqleb kemmxejn lejn il-biża’. Hawnhekk kont qed nistenna li Formosa se jibda jikteb għall-adoloxxenti, minħabba li permezz tal-esperjenzi kbar li għandu magħhom jista’ jifhimhom u jgħinuh mhux ftit sabiex jikteb għax-xewqat u l-gosti tagħhom. Iżda dan l-awtur qatt ma jieqaf jesperimenta, sakemm dejjem naturalment ikollu materjal ġdid kif qed jidher sa issa. Il-ktieb li għandna llum “Insaniam” jiġbor fih fil-fatt mhux rumanz wieħed imma tliet novelli: Insaniam, Għażiża Rachel u Naf fejn toqgħod. Interessanti kif minkejja d-differenzi bejn il-kotba għallinqas fil-fehma tiegħu hemm xi ħaġa komuni li l-ktieb tagħrfu li huwa ta’ Edgar Formosa.

Differenti fl-istejjer … Imwaħħdin fil-ħsieb

Insaniam, (titlu mil-latin li jfisser ġenn) mitkub bi stil u Malti li jintuża fit-taħdit imma għani fl-istess ħin. Il-ġenn jista’ jfisser it-tensjoni li toħroġ mit-tbatija tal-persuna. Fl-ewwel persuna aktar jista jemanċipa ma’ din il-koppja mill-klassi tal-ħaddiema. F’dan il-każ qisu jgħix ma’ din il-familja, u allura nistgħu nifhmu it-tbatija qabel nagħmlu ġudizzju mill-isfond soċjali tagħna. Min minnha jista’ jiġġudika persuna li fit-trobbija tagħha fi-gwerra “tiekol ħobż niexef meta ssibu, anke minn mal-art?” (.24). Min minna jiista jifhem familja li barra t-tbatija soċjali tagħhom imutulhom żewġt itfal (p.5)? Xi kultant nehdew intaqtu fuq in-nuqqasijiet tal-oħrajn, anke jekk dan huwa nuqqas kbir. Hawn min donnu b’xorti ħażina jehda jara l-ħażin ta’ ħaddieħor flok nixxenqu sabiex ħaddieħor ma jbati. B’ton ta’ rabja naqraw “in-nies dak li tkun trid, ja qatta’ ċawl imġewwah lest biex ikun jaf id-dwejjaq ta’ ħaddieħor biex imbagħad b’għoġba u ferħ sadist ixerrdu mas-sebat irjieħ” (p.13). Ninsew ukoll li l-ħmar il-magħkus idur għalih id-dubbien u hawn persuni li diffiċli mmens joħorġu miċ-ċiklu vizzjuż li jkunu daħu fih bħalma huma l-karattri tal-istorja tagħna. Dan ifakkarni fot oħrajn fi studji bħal ta’ Paul Willis Working class students get working class jobs? fejn fl-istudji tiegħu jiltaqa’ ma’ diversi tipi ta’ imġieba u ħruxijiet li jgħaddu minnhom persuni mill-klassi tal-ħaddiema li jagħmilha diffiċli għalihom jitilgħu klassi soċjali. Qed nuri dan biex wieħed jifhem il-ħsieb u r-relavanza wara l-istorja tagħna. Kif wieħed jista’ jifhem persuna li jasal biex joqtol lil ommu?

Is-soċjeta’ titfa’ lil dan il-bniedem fil-manikomju (p.27). Iżolat. Wara kollox il-bniedem li għalkemm fiżikament kien hemm xorta kien iżolat minn familtu waqt li ommu u missieru kienu dejjem jiġġieldu. Nifhem li l-awtur ħtieġu jindaga ftit x’jiġri fil-manikomju u jaddattah bl-istil surreali tiegħu. Maqful, jibqa’ ma jifhimx dak li għamel. U dan narawh kemm il-darba, tant li jgħid “Mhux sew. Xejn mhu sew” (p.28), “Jien m’iniex miġnun” (p.29, 35, 36, 61 u oħrajn), jiddeskrivi lill-oħrajn bħala “salt oqbra mbajda, bħal bqija” (p.33). Iħoss li ħadd ma jifhmu (p.39).
It-tmiem huwa sorpriża, kif wara kollox huwa fit-tliet novelli oħra. Bla dubju m’inix se niżvela l-istorja hawnhekk, u ntellef il-gost tagħkom il-qarrejja, imma ngħid biss li fil-kitba ta’ Formosa wieħed ma jistenniex dejjem xi tmiem pjaċevoli. U dan jgħodd ukoll għan-novelli l-oħra. It-tmiem huwa miftuħ għall-immaġinazzjoni tal-qarrej u dan jagħmel dan il-ktieb aktar impenjattiv u joffri din l-isfida għall-qarrej li jimmaġina x’jista’ jseħħ.

Għażiża Rachel hija fuq l-istess binarji fil-qofol tagħha: Analiżi psikoloġika tal-moħħ. Is-suġġett li huwa differenti. Titratta l-kunflitt bejn raġel u l-mara f’relazzjoni. Jispikka l-ġlied kbir ta’ bejniethom (p.130), fejn ir-relazzjoni titfarrak għal kollox u għaldaqstant jgħidilha “Mela nsejthom il-wegħdiet li għamiltlek jien fuq l-artal?” (p.140). Min se jieħu s-supremazija f’din ir-relazzjoni. L-arma li tuża l-mara hija is-skiet (p.140-141).

Formosa jirrakkonta esperjenza ta’ koppja li tibda minn 0.6 (p.118) u tnaqqas kull darba (0.5 eċċ) bl-eċċezzjoni ta’ 0.1 li intenzjonalment l-awtur ħareġ barra mill-ordni kronoloġiku sabiex jagħti togħma ta’ x’se jkun hemm fl-aħħar. Dan huwa wkoll fih innifsu esperiment interessanti ta’ dan l-awtur. Bħar-rumanzi l-oħra dan il-ktieb huwa għani fl-għażla tal-kelma, waqtiet kważi metaforizzat mingħajr ma’ jaqa’ fil-medjokrita’. Biex nagħti eżempju wieħed biss:
“Għal waqt wieħed stħajjel li se jara wċuh oħra fil-mera, uċuh oħra minn tiegħu, iħarsu lejh biċ-ċiera. Uċuħ xbieha tal-ħajja l-imgħoddija tiegħu” (p.123).

Fl-istess ħin Jidħol fid-dettalji li jġgħalek “tara” l-istampa quddiem għajnejk. Fit-taħdit, Formosa juża l-Malti aktar mitħaddet, aktar goff fi kliemu, għalkemm qatt ma jaqa’ fil-vulgarita’. U aktar minn hekk ma nsibux dagħa f’dan il-ktieb, fatt li napprezzah ħafna. Imma l-ħila ta’ Formosa, ġġagħlek tħoss il-qawwa tal-kliem li juża, ir-rabja li toħroġ fihom.

Naf fejn toqgħod, hija l-aħħar novella li nsibu u għoġbitni mhux ftit. Waqt li bħal fil-każ tal-oħrajn għandna sitwazzjoni li ġġiegħel il-qarrej jifhem kif qieħed iġib ruħu f’sitwazzjonijiet partikolari, interessanti li kultant is-sitwazzjonijiet mhux dejjem ikollna kontroll fuqhom. Kif ngħidu d-destin huwa dak li jbiddel il-bniedem. F’mumenti diffiċli fejn aħna nistaqsu: “Għaliex jien?”. Riħ ta’ siegħa li jbiddillek ħajtek. Din in-novella titlaq minn dan il-fatt b’mod interessanti mmens. Iħoss f’mumenti diffiċli, kif iħoss kullħadd li “L-Alla tal-oħrajn issa m’għadux l-alla tiegħu” (p.162).
Għandna karattru itturmentat minħabba li ġie mkeċċi mix-xogħol (p.162). Imma fid-dispirament hemm xaqq ta’ dawl u jsib sejba interessanti mmens li tbiddillu ħajtu. Isir bniedem ieħor. “Jekk ma nkunux għatxana għall-ħajja, u nħobbuha, u napprezzawha, ma ħaqqniex ngħixuha l-ħajja” (p.239).

Fost l-istil partikolari ta’ din in-novella u l-istil partikolari tagħha nsibu xi siltiet li huma miktuba b’tipa differenti u dan sabiex joħloq effett.

Konklużjoni

Ir-rakkonti ta’ Formosa huma mexxejja daqs kemm huma profondi u bi ħsieb li forsi ma tifhmux mal-ewwel. L-awtur għalhekk jisfida lilna l-qarrejja sabiex naħsbu. Dan l-esperiment fil-kitba u r-rakkont jinħass ukoll fid-dehra u l-istil tal-ktieb. Il-qoxra wkoll fiha nfisha mhux tas-soltu: forma ta’ persuni mill-ktieb. Fil-bidu ta’ kull novella nsibu xi kwotazzjonijiet li huma marbuta ma’ dik in-novella, u mbagħad fil-bidu tal-ktieb insibu kwotazzjonijiet li jiġbru b’mod ġenerali l-ħsieb ta’ dan il-ktieb.
Wieħed ma’ jistax ma jitkellimx fuq il-ħila ta’ Formosa fl-għażla tajba tal-kelma mill-aktar mirquma. Interessanti mmens imbagħad li fid-djalogu, l-awtur juża taħdit li jirrifletti l-ħajja ta’ kuljum.
Dan huwa ktieb li juri, għallinqas fil-fehma tiegħi, li Edgar Formosa jsegwi x’qed jiġri fix-xena internazzjonali. Ktieb li għandu jappella wkoll għal dawk li qed ifittxu xi ħaġa differenti, xi ħaġa mhux tas-soltu.
Insaniam huwa pubblikazzjoni ta’ Horizons, u jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin tal-kotba.

(Paġna Letterarja it-Torċa 7 ta’ Ġunju 2015)See Translation— with Edgar Formosa.

Leave a Comment