Id-dinja ta’ kreaturi strambi fil-kuntest lokali f’ġabra affaxxinanti

The Maltese Bestiary
Awtur: Stephen D. Mifsud
Pubblikazzjoni: Merlin Publishers

Il-leġġenda hija narrattiva popolari bosta drabi bi stħajjil immaġinarju forsi b’għeruq fi ġrajjiet li jistgħu jkunu ġraw tabilħaqq. Mal-leġġenda wieħed ukoll jista’ jżid il-bosta kreaturi strambi, frott l-immaġinazzjoni, biża’ jew inkella sabiex ibeżżgħu, jaħbu jew iwasslu messaġġ. Xi waqtiet ukoll nibtu sabiex joffru divertiment fi żmien meta mhux biss il-media ma kinetx teżisti imma lanqas il-ktieb ma kien hekk komuni fost il-poplin. Waqt li mhux l-ewwel darba smajna bil-bosta ħlejjaq fittizji mill-mitoloġija Griega, pajjiżi Skandivani u minn bosta pajjiżi oħra donnu f’pajjiżna kien jinħass dan in-nuqqas li jkollna ġabra ta’ dawn il-ħlejjaq sopranaturali, kreaturi strambi u li jkexkxu, pjanti maġiċi, allat, u bosta leġġendi u fenomeni oħra. Imma waqt li s-superstizzjonijiet, il-biża’ u l-fenomeni m’humiex marbuta ma’ xi pajjiż wieħed imma għandhom l-għeruq tagħhom sa mill-bidu tal-bniedem, f’kull pajjiż jieħdu karatteristika differenti. Billi kważi ebda pajjiż mhux iżolat, u lanqas ma kien fl-imgħoddi speċjalment meta jkun hemm xi tip ta’ kummerċ ma’ pajjiżi oħra, dawn il-fenomeni jiġu trasferiti minn post għal ieħor. Malta kienet għal numru ta’ snin maħkuma mill-barrani u l-qagħda ġeografika tagħha ġabitha f’kuntatt ma’ diversi kulturi oħra u magħhom daħlu wkoll temmin fi ħwejjeġ li m’għandom ebda bażi jew evidenza xjentifika. Imma forsi l-aktar li huwa interessanti u dan joħroġ sew fil-ktieb huwa li dawn ukoll għandhom karattru Malti, twieldu hawn jew ħadu xejra Maltija.
Il-Fantażija u l-ħolqien ta’ Kreaturi Strambi minn madwar id-dinja
Sa mill-eqdem żminijiet mal-bniedem kien hemm it-twemmin f’diversi leġġendi u kreaturi. Jekk immorru ftit lura nsibu l-epika ta’ gilgamesh poeżija epika mill-Mesopotamia li l-istoriċi jaħsbu li nfluwenzat xi kotba tal-Bibbja. Fost oħrajn insibu l-istejjer ta’ Enkidu/Shamhat li hemm xebh ma’ dik t’Adam u Eva billi fit-tnejn li huma nħolqu mill-ħamrija u fit-tnejn li huma naraw il-preżenza tas-serp. Ta’ min jgħid ukoll li għal ħafna snin it-Tradizzjoni Orali kienet il-mezz kif l-Iskrittura waslet minn ġenerazzjoni għal oħra, bosta drabi kif kienu jifhmu s-sopra naturali l-bnedmin u miżjuda b’bosta elementi minsuġin mill-ħajja reali, fantażija u dak li jkunu semgħu u raw. Aktar tard imma nsibu wkoll il-mitoloġija Griega, bil-bosta kitbiet dwar l-allat u kreaturi oħra. Insibu wkoll il-mitoloġija Skandivana, ispirata mil-paganiżmu u dawk tal-kultura Ċeltika li x’aktarx influwenzaw sew l-użanzi tal-festa tal-Halloween. Ma nistgħux inqabbżu barra wkoll imma kulturi oħra barra mill-Ewropa, fosthom dawk Azjatiċi. Is-superstizzjoni fil-Ġappun ta’ saħta li titwieled meta xi ħadd imut b’rabja u mibegħda kienet l-ispirazzjoni għall-film tal-biża’ The Grudge.
Rabta ma’ dak li hu Malti
B’din il-ħarsa madwar id-dinja wieħed jifhem, anke kif spjegajna aktar ‘il fuq li Malta qatt ma kienet maqtugħa mid-dinja. Ħafna minn dawn il-leġġendi u stejjer waslu wkoll Malta. Imma Malta għandha wkoll il-karatteristiċi uniċi tagħha. Dal-pajjiż għal numru kbir ta’ snin, għallinqas, ħaddan it-twemmin Kattoliku, u b’xi mod dominat mill-forzi ekkleżjastiċi. Il-poplu tagħna beża’ jew beżżgħuh minn kwalunkwe twemmin ieħor, speċjalment minn dak Mislem u dak Protestant li ma baqax leali lejn Ruma. Malta wkoll għal numru ta’ snin kienet fqira, b’poplu illitterat u mhux infurmat. Dan kien il-kuntest ideali sabiex jinbtu bosta stejjer li kienu jitwemmnu daqs li kieku kienu vera.
Il-ktieb jibda b’introduzzjoni interessanti ferm u jagħraf li minkejja ċ-ċokon tagħna dawn il-gżejjer huma miżgħuda b’diversi stejjer. Il-bidu ta’ dawn il-gżejjer mhux daqstant ċar imma l-bosta annimali kbar li nsibu f’Għar Dalam jagħtuna x’nifhmu li dawn ġew mill-Kontinent. Pajjiżna huwa għani wkoll bi żviluppi avvzati sew ta’ Missirijietna fosthom Ħaġar Qim, Mnajda u l-Ġgantija li huma eqdem mill-Piramidi tal-Eġittu u minn dawk ta’ Stonehenge. Barra minn hekk insibu bosta raded (cart-ruts) imxerrda f’bosta nħawi f’Malta fosthom ir-Rabat u Ħad-Dingli. Dawn għandhom valur storiku enormi u l-isoriċi għadhom jistudjaw x’kien eżatt is-siwi tagħhom. Il-ktieb jagħmel referenza għad-deskrizzjonijiet ta’ Platun ta’ Atlantis, u kif jagħmlu xi awturi oħra Maltin jinnota s-similaritajiet ma’ pajjiżna u jekk kienx parti darba minn din l-art kbira li ntilfet. Bosta ħrejjef jitrattaw din id-dinja ta’ taħt u nies misterjużi li jgħixu fiha. Insemmu fost oħrajn l-għar ta’ Xħajma bejn ir-Rabat u n-Nadur li fih jingħad li ġieli semgħu bosta għajjat tal-waħx. Ħadd ma jazzarda jersaq lejn dawn il-postijiet u min xi darba jfettillu jispiċċa ħażin. Insemmu wkoll Buġibda li hija mħarsa sew mill-iljuni u orsijiet. Fl-opinjoni tiegħi il-mod kif il-ktieb jibda b’din id-“dinja ta’ taħt” u donnu kollox jinbet fuqha hija waħda interessanti mmens għaliex jagħtik x’tifhem li kollox ġej minnha u r-rabta li hemm bejn dak li jidher hawn fuq ma’ dak li hemm taħt imma xi kultant niltaqgħu magħhom. Għaldaqstant il-ktieb iħallik tkompli taqrah mingħajr ma tintilef fl-argumenti kif qegħdin nagħmlu aħna hawnhekk.

Fi żmien meta l-mediċina tradizzjonali kienet għadha bilkemm teżisti l-pjanti kellhom bit-tajjeb u l-ħażin rwol importanti mmens x’jaqdu. Imma xi wħud forsi minħabba l-forom tagħhom ħadu konnotazzjoni reliġuża, jew sopranaturali bħal xewk ix-xitan. Hek ukoll l-insetti u xi annimali oħra u bħal f’xi pajjiżi nibtu madwarhom elementi superstizzjużi. Forsi l-akbar imma ammont ta’ kreaturi tal-waħx nibtu fl-opinjoni tiegħi frott il-biża’ jew li jbeżżgħu kemm lit-tfal imma anke lill-adulti. B’hekk iġagħlu lil dak li jkun jobdi u jagħmel dak li jkun mitlub. Fost dawn wieħed isemmi ngħidu aħna r-Razzett tax-Xjaten fl-inħawi tal-Mellieħa li x’aktarx li dan kien propjata ta’ misilmin u l-Ordni kompliet bit-tradizzzjoni tal-biża’ sabiex iżommu l-Maltin ‘il bogħod minn propjeta’ li kienet tagħhom. Naturalment il-ktieb ilaqqgħana mal-Gawgaw, Babaw, il- Gadajdu, il Gidmejmun. Niltaqgħu ukoll ma’ diversi ‘xjaten’ fosthom il-Brejbes, ix-xifajk, l-mniefaħ u oħrajn. Dawn huwa studju interessanti mmens saħansitra għall-ilsien Malti għaliex fil-lingwa tagħna nsibu bosta frażijiet li fihom jissemmew dawn il-kreaturi . U fil-ktieb qegħdin ippreżentati wkoll b’mod ċar. Aħna ngħidu eżempju “Nirra’ l-mniefaħ jieħduk” (kif insibu f’paġna 82).
L-għajn bla dubju għandha wkoll posta f’dan il-ktieb u mogħtija l-importanza mistħoqqa l-aktar għall-fatt li l-Maltin xi wħud għadhom jemmnu bis-sħiħ fiha. Naraw ukoll bosta affarijiet li l-Maltin kienu jagħmlu sabiex ibegħdu l-għajn.

Konklużjonijiet
Affaxxinanti! M’hemmx kelma oħra li tista’ tiddeskrivi dan il-ktieb.
Din il-ġabra hija ppreżentata b’mod mill-isbaħ, fi ktieb ta’ kwalita’ għolja ħafna. Xtaqt kieku nidħol fid-dettal tal-preżentazzjoni ta’ dan il-ktieb imma sabiex insemmu l-istami magħżula, il-kwotazzjonijiet, referenzi, il-karta sabiħa u saħansitra l-indiċi. Biex ma nsemmux il-qoxra iebsa li aktar tagħmlu ktieb ta’ referenza, ktieb li jista’ jżejjen (mingħajr ma neskludu l-enfasi tagħna li l-kotba qegħdin biex jinqraw) il-librerija tagħna.
Il-ktieb huwa dwar kreaturi fittizji, għallinqas hekk nemmen jien, imma li huma wkoll parti essenzjali minn dak li hu Malti u mill-identita’ Maltija. Huma ta’ siwi sabiex weħed jifhem aktar kif dawn il-kreaturi daħlu fl-ilsien Malti. Fuq kollox nifhmu wkoll lil Missirijietna. Imma l-istil li huwa ppreżentat bih huwa wieħed mexxej ħafna, id-deskrizzjonijiet huma konċiżi u jżomm il-karattru, biex ngħid hekk, ta’ kurżita’ li ngħarrxu f’dak li għalina huwa misterjuż
Bdejna x-xahar ta’ Diċembru u bla dubju ta’ xejn huwa ktieb li nirrakomanda anke bħala rigal sabiħ.

(Paġna Letterarja It-Torċa, 7 ta’ Diċembru 2014)See Translation— with Merlin Publishers.

L-elf lewn ta’ Mintoff

Awtriċi: Claire Xuereb Grech
Pubblikazzjoni: SKS

L-ELF LEWN TA’ MINTOFF

KWADRU MIMLI LWIEN LI GĦAD IRID JITPINĠA

L-Elf Lewn ta’ Mintoff  huwa pubblikazzjoni ġdida magħmula minn intervisti esklussivi li Claire Xuereb Grech  għamlet ma’ 54 persuna li b’xi mod jew ieħor ġew x’kuntatt ma’ Mintoff tul il-karriera twila tiegħu. Din il-pubblikazzjoni ġiet imnedija fil-festival tal-Ktieb u mistennija tiddomina l-pjazza ewlenija ta’ Bormla meta jiġi mikxuf il-monument tal-Perit Mintoff fil-11 ta’ Diċembru, lejliet ir-Repubblika. L-intervisti huma djalogi familjari, kważi intimi. Joffru perspettivi differenti ta’ bniedem ta’ personalità kumplessa u rikka. L-intervisti huma ma’ kollaboraturi ta’ Mintoff fil-ħidma politika tiegħu, politiċi Laburisti  u Nazzjonalisti, trejdjunjonisti, ġurnalisti, qraba ta’ Mintoff, diplomatiċi, ekonomisti, nies fil-militar, ħbieb personali ta’ Mintoff, akkademiċi, membri tal-kleru, storiċi u negozjanti. Dawn ilkoll jagħtu l-versjoni tagħhom ta’ min jaħsbu li kien Mintoff. Ħadd minnhom ma joffri interpretazzjoni sħiħa jew definittiva; ħadd minnhom ma jgħid l-‘aħħar kelma’ dwaru. Dak li jagħtu hu xejriet ta’ kwadru mimli lwien li għad irid jitpinġa. It-Torċa tkellmet ma’ Claire Xuereb Grech u staqsietha x’jiddistingwi da nil-ktieb minn pubblikazzjonijiet oħra dwar il-Perit Mintoff.

Ktieb ieħor dwar Mintoff. Kien hemm bżonnu?

Kienx hemm bżonnu jew le ma nafx nirrispondik imma jien ħassejt li kelli nagħmlu. Tinsiex li xogħol fuq ktieb jieħu ħafna żmien u għalhekk ma bdejtx naħdem fuqu issa. Ix-xogħol fuq dan il-ktieb beda daqs tliet snin ilu meta l-Perit kien għadu ħaj u meta lanqas kien hawn imqar ktieb wieħed biss riċenti li jitratta lilu bħala s-suġġett ewlieni. Terġa’ u tgħid dak iż-żmien kien jissemma biss meta kien ikollu xi problema b’saħħtu u kien jidħol l-isptar. Kien jiddispjaċini nara bniedem ta’ daqstant kalibru u stoffa batut u qisu minsi minn kulħadd.  Ħassejt li kelli nagħmel xi ħaġa. Ir-risposta tiegħi għal dak li ħassejt kien dan il-ktieb. Mhux qed niddejjaq jew ninkwieta pero’ li ħiereġ wara li kien hawn diġa’ xi publikazzjonijiet oħra bl-istess suġġett. Dan għaliex jista’ jkun hawn mitt ktieb fuq Mintoff imma l-ebda ktieb m’hu se jkun l-istess. Din is-sentenza kien qalhieli l-Prof Oliver Friggieri ftit xhur ilu.

X’fih ġdid dan il-ktieb li ma fihomx kotba oħrajn dwar Mintoff?

L-ewwel nett l-istil tal-ktieb fih innifsu huwa differenti mill-istili li mdorrijin naraw fil-kotba Maltin. Dan għaliex kull kapitlu huwa intervista ma’ personaġġ. L-istil mibni aktar fuq Malti kollokjali milli dak miktub. Allura għalkemm qed jitratta parti mill-istorja politika Maltija u personaġġ politiku Malti, xorta huwa sempliċi u mexxej fl-istil tiegħu. Nieqes minn paragrafi twal li jaqtgħu qalb lil dak li jkun biex ikompli jaqra. Dan Il-ktieb tieħu gost taqrah mhux biss għax fih joħorġu aspetti fil-karattru ta’ Mintoff li ma konniex nafu bihom imma wkoll għax jaqtgħalna l-kurżita’ dwar kif kien għemilu fil-ħajja ta’ kuljum man-nies li kien jaf u kif kien jaġixxi wara l-kwinti. Hemm anki xi aneddoti ħelwin dwaru li kultant jistgħu jkunu anki umoristiċi.  Terġa’ u tgħid ħafna mill-paġni mimlija ritratti li ħafna minnhom inkisbu mill-kollezzjonijiet privati ta’ dawk li ġew intervistati u li allura qatt ma rajna bħalhom. Ir-ritratti biss ukoll jagħmlu lil dan il-ktieb uniku u r-ritratti waħedhom huma ta’ valur storiku fihom infushom.

X’wasslek biex tibda taħdem fuq dan il-ktieb?

Il-kurżita’ hija dik li timmotivani nagħmel ċertu affarijiet. Li titgħallem u tagħmel esperjenzi ġodda, li tagħmilha man-nies, tkellimhom u tħallihom jinfluwenzawlek jew jaffettwawlek l-opinjoni. Jgħidu li l-mistoqsija oħt il-għerf, jekk ma tistaqsix u ma jkollokx kurżita’ naħseb li tkun mentalment mejjet. Kien għalhekk qisu proċess naturali li nibda nistaqsi u nfittex ftit mill-ħafna veritajiet dwar Mintoff. Imbagħad kienet ukoll xewqa tiegħi li xi darba naħdem fuq ktieb u rajtha idea tajba li naħdem proprju fuq suġġett daqstant ikkulurit, interessanti u kontroversjali.   

Bħala għalliema u omm, kif sibt ħin taħdem fuq il-ktieb?

Fl-2008 kelli t-tifel u fl-2011 kelli t-tifla. Malli twieled it-tifel ħadt career break biex inkun nista’ nrabbi lil uliedi. Nerġa’ nidħol fl-impieg full-time li kelli fl-2015. Għaldaqstant f’dawn l-aħħar snin ma kellix il-ġenn li wieħed jistenna li jkollu meta jkun ukoll f’impieg full-time, għalkemm xorta dejjem sibt x’nagħmel peress li involuta f’ħafna affarijiet differenti. Il-ħidma fuq il-ktieb bdiet fl-2011, malli twieldet it-tifla. Irraġunajt li meta tkun trid tagħmel xi ħaġa, ħin għaliha ssib u mezz kif tagħmilha ssib ukoll. Meta bdejt nagħmel l-intervisti kont nieħu t-tarbija miegħi. Meta mbagħad qabżet is-sena stajt inħalliha jew ma’ żewġi jew mal-kunjata għal dawk is-sagħtejn jew tlieta li kont inkun barra. L-iktar parti li ħaditli ħin u kienet pedantika kienet il-parti tat-transkripts. Kull siegħa ta’ diskors qisha toħodlok daqs tlieta jew erba’ sigħat biex tipproduċiha bħala transcript. Dan ix-xogħol kont nagħmlu meta t-tfal kienu jkunu reqdin, x’aktarx wara t-tmienja ta’ filgħaxija. Meta kont f’dik il-fażi qatt ma bsart kemm kien għad fadalli xogħol. Bejn editing, ġiri, ġbir ta’ informazzjoni u ta’ ritratti, korrezzjonijiet u l-bqija l-anqas jien stess ma naf kif sibt il-ħin għal dan kollu. B’naqra determinazzjoni u volonta’ u naqra għajnuna min-nies ta’ madwarek ikolli ngħid li kollox tagħmel fil-ħajja!

X’siwi edukattiv taħseb li għandu l-ktieb tiegħek?

Irnexxieli noħloq ktieb dwar ġgant tal-politika Maltija u rnexxieli nagħmel dan b’mod leġġer ħafna, b’mod li jista’ jaqrah u jifhmu u jieħu gost bih kulħadd. Ġaladarba taqra l-ktieb mingħajr ma trid qisek tixrob il-background storiku ta’ pajjiżna wkoll, il-background li kien jgħix fih Mintoff. Issir taf dwar il-qagħda tal-Maltin, l-intriċċi fil-politika barranija, l-azzjonijiet tiegħu u l-impatt tagħhom kemm fil-qasam domestiku kif ukoll dak internazzjonali. Il-qarrej isir jifhem aktar dwar is-soċjaliżmu ta’ Mintoff, x’kien il-ħsieb wara ċertu miżuri, x’effett ħallew fuq il-poplu u x’effett ħallew fuq pajjiżna, x’kienet il-viżjoni tiegħu, fejn ried jasal, fejn wasal u x’seta’ għamel aħjar. Isir aktar konxju ta’ x’kienu d-difetti tiegħu u anki x’għamlu ta’ qablu u x’relazzjoni kellu magħhom u mal-kontemporanji tiegħu. Il-verita’ hi li żgur kulħadd sema’ b’Mintoff imma żgur mhux kulħadd fehem x’kien il-pjan tiegħu, x’wettaq verament u għaliex ħoloq il-kontroversja. Dan il-ktieb jitfa’ dawl fuq dawn l-affarijiet kollha, dan jagħmlu dejjem b’mod sempliċi għal-aħħar. 

Għaliex Mintoff jimpressjonak?

Ftit niftakar dwar Mintoff u nafu meta kien imdaħħal sew fiż-żmien. Allura aktar milli kien jimpressjonani hu, fil-bidu aktar kienu jimpressjonawni r-reazzjonijiet tan-nies meta ssemmih. Jew tħobbu ħafna, tadurah jew ma taħmlux u ma tistax tarah b’għajnejk. Kont ngħid imma kif jista’ jkun dan il-bniedem iqanqal daqshekk sentimenti opposti imma daqstant qawwija? Kont niskanta. Skantajt ukoll b’dak li ġara fl-1998 u hemmhekk qisu doqt il-forza tal-ħsibijiet u l-azzjonijiet ta’ dan il-bniedem. Diffiċli taqdef kontra l-kurrent flok taċċetta l-istatus quo. Hu għamel hekk tul ħajtu kollha. Ara x’karattru u determinazzjoni! Fit-tajjeb u fil-ħażin ikolli ngħid li kollox jimpressjonani minnu.

Qatt iltqajt ma’ Mintoff personalment? X’esperjenzi għandek tiegħu?

Qatt ma ltqajt miegħu personalment u meta kont qed nagħmel il-ktieb, tlabt lil uliedu biex inkun nista’ nżuru imma peress li saħtu kienet ħażina, ma kinux iħallu nies imorru ħdejh. Esperjenza li baqgħet f’moħħi seħħet waqt intervista li għamlulu fuq it-televixin fis-snin disgħin. Niftakru jitkellem fuq il-privatizzazzjoni. Kelma twila u diffiċli u hu spjegaha bla tlaqliq u b’mod li jista’ jifhmu kulħadd. Niftakru qisu lbieraħ jgħid ‘Privatizzazzjoni? Din xi tfisser? Qisu għandek mastrudaxxa u tbigħlu l-għodda. Allura biex ser jaħdem? Dik kienet l-ewwel darba li smajtu jitkellem u laqatni mill-ewwel, tant li bqajt niftakar x’qal.

Liema kienet l-intervista (inkluża fil-ktieb) li l-aktar laqtitek?

Diffiċli nirrispondiha din id-domanda għax kull intervista għandha l-karattru uniku tagħha li b’xi mod laqtitni għax kieku mhix inkluża fil-ktieb. Wara kull intervista għandek imbagħad il-bniedem u l-karattru personali tiegħu. Laqtuni diversi kelliema min għal ħaġa u min għal oħra. Fosthom kien hemm għadd ta’ nies dħulin ħafna li laqgħuni immens. Mhux se nsemmihom kollha għax għandi lista sħiħa. Imbagħad laqtuni ħafna l-eks-mexxejja tal-partiti. Laqatni Dr Fenech Adami għax qatt ma ltqajt ma’ bniedem daqshekk loġiku. Laqatni ħafna wkoll Dr Karmenu Mifsud Bonnici, mhux biss għax jiftakar id-dati u d-dettalji storiċi b’ċertu faċilita’ imma wkoll għax ħassejtu bniedem inteliġenti ħafna.

Għala l-ktieb jismu l-Elf Lewn? Għal liema ‘lwien’ qed tirrerefi?

Mintoff huwa bniedem kumpless u t-titlu jirreferi għall-‘lwien’ u sfumaturi li kellu fil-karattru tiegħu u li joħorġuhom u jitkellmu dwarhom dawk li ġew intervistati. L-‘ilwien’ diversi jirreferu għall-aspetti fil-karattru tiegħu li kienu joħorġu fil-ħajja ta’ kuljum ma’ dawk li għexu qrib tiegħu. Permezz tal-intervisti, il-qarrejja se jħossuhom li jafu lil Mintoff aktar mill-viċin minn qatt qabel għax dan il-ktieb se jġiegħlhom, iridu jew ma jridux, itiegħmu x’tip ta’ karattru kellu. Wara kollox kien bniedem bħal kulħadd, bid-difetti, l-istramberiji, l-beżgħat u l-bqija.

X’relevanza taħseb li għad għandu Mintoff illum?

Hu kien rilevanti ħamsin sena ilu, għadu rilevanti llum u b’konvinzjoni ngħid li jibqa’ rilevanti mitejn sena oħra. Huwa minnu li ċertu aspetti mis-soċjaliżmu tiegħu ma toħlomx li jkunu implimentati fid-dinja tal-lum għax biż-żmien jinbidlu ċertu affarijiet bħalma huma l-metodi ta’ tmexxija. Madanakollu, meta nitkellmu fuq ċertu valuri u prinċipji li kellu, inħoss li dawn huma universali għax jibqgħu tajbin dejjem. Pereżempju l-Perit kien jisħaq fuq il-ħaddiem, il-fqir, il-batut u l-marid. Daħħal fil-poplu Malti l-idea ta’ ġustizzja soċjali. Din l-idea ta’ ruħ soċjali tista’ xi darba ssir out-dated? Allaħares ngħid jien għax inkella nkunu morna lura mhux ’il quddiem, inkunu erġajna nżilna fil-qiegħ.

Naħseb f’Mintoff u tinbet f’moħħi l-imħabba lejn il-patrija, imħabba li kull Malti għandu jħoss għal art twelidu, irrilevanti hux qed jgħix issa jew mitejn sena oħra. Hu daħħal fil-Maltin is-sens ta’ ‘jien bħalek u daqsek’ u pprova jeqred is-sens ta’ inferjorita’ kollettiva li l-poplu Malti jġarrab peress li għex dejjem taħt ħakma barranija. Dan il-prinċipju kif jista’ xi ħadd jgħid li mhux rilevanti anki llum jekk għadna sal-lum kultant inbatu b’kumpless ta’ inferjorita’ fejn jidħlu l-paraguni bejn dak li hu Malti u dak li hu barrani? Il-prinċipju li nkunu sid ta’ art twelidna u ma jkollniex indħil mill-barrani  mbagħad huwa rilevanti immens illum fid-dawl li Malta qegħda fl-UE u fid-dawl li kollox ġie u għadu qed jiġi pprivatizzat.

Jeħtieġ intervista oħra biex nitkellmu fuq dawk il-prinċipji li kienu tiegħu u li għadhom rilevanti sal-lum imma għal din l-intervista jkolli nieqaf hawn. M’hemmx dubju li fil-ħajja kollox jinbidel, xejn m’hu etern u kull ma jibda għandu t-tmiem imma ċertu prinċipji għandhom ikunu l-għeruq li permezz tagħhom tissaħħaħ il-pjanta. Ċertu valuri li kien iħaddan Mintoff huma u għandhom jibqgħu hemm bħala bażi, pedament sod u b’saħħtu li fuqu jinbena dak li hu ġdid illum. 

Il-Waħx il-ġdid tas-seklu 20 – Mejt

Awtur: Anton Grasso
Pubblikazzjoni: Horizons

Il-kitarrista tal-grupp Black Sabbath, “Geezer” Butler, darba qal f’intervista li ta f’Ġunju tal-2002 li kien jarha stramba kif in-nies kienu jħallsu dawk il-flus kollha biex jaraw films tal-biża’. U kien dan il-fatt li wassalhom biex ħarġu l-ewwel album tagħhom Black Sabbath, b’lirika u ħoss marbutin ma’ temi tad-dlam, sopranaturali u biża’. Ħadt spunt minn din l-intervista, għaliex interessanti ħafna għalfejn il-bniedem jibża’ u wisq aktar għalfejn din is-sensazzjoni tal-biża’ togħġob lill-bniedem.
Il-kotba tal-biża’ huma popolari bil-bosta . Forsi wieħed jiġih f’moħħu H.P. Lovecraft, Stephen King, Richard Matheson u Edgar Allan Poe fost oħrajn. Hawn Malta meta titkellem dwar din ix-xorta ta’ kitba żgur li jiġik f’moħħok Anton Grasso. Lura għall-mistoqsija dwar din is-sensazzjoni tal-biża’ li togħġob lill-bniedem, Anton Grasso jimla dan il-vojt fix-xena lokali. Ismu huwa assoċjat mal-istejjer u programmi tal-waħx u dak kollu li jkexkex il-bniedem. U mhux ta’ b’xejn li Grasso huwa sinonimu ma’ dawn it-tip ta’ stejjer. Ħareġ ‘il fuq minn 52 ktieb u nafuh ukoll f’bosta programmi fuq il-mezzi tax-xandir. L-ewwel ktieb tiegħu kien Iljieli bla qamar (1974), li kuntent ħafna li għandi kopja oriġinali tal-ewwel ħarġa tiegħu. Terġa’ lil Grasso lanqas ixxebhu faċilment ma’ xi awtur ieħor barrani u l-istil tiegħu huwa uniku mhux biss f’pajjiżna, imma anke fix-xena internazzjonali…għallinqas kif narah jien bħala qarrej, għax ma nqisx lili nnifsi bħala espert ta’ dan il-ġeneru ta’ kitba. Sa ċerta punt żviluppa dan l-istil għalih, forsi bħala terapija anke għalih innifsu biex jeħles mill-biżgħat, bħalma l-poeżija hija terapija għall-poeta mit-tiġrib tal-ħajja.
Stil
Hekk kif tibda’ taqra l-ewwel sentenza tal-ewwel storja ta’ Anton Grasso iżżommok taħt stennija. Tistenna li ġej xi ħaġa oħra. Imbagħad niltaqgħu ma’ dak li hu stramb…dak li ma nifhmux. Dak li hu stramb nistaqsu hux ġej mix-xitan. Dak li nsibu ma’ wiċċna mbagħad huwa dak li jaħsadna, jkexkixna. Dan l-istil ta’ Grasso jogħġobni ħafna. Huwa aktar psikoloġiku. Li jogħġobni f’dan l-awtur Malti huwa li jitbiegħed minn dak li huwa grafiku jew aktar minn hekk vjolenti. Naturalment fil-medda twila ta’ kotba ta’ dan l-awtur wieħed se jiltaqa’ ma’ xeni makabri, mal-mewt, ma’ iħirsa, deskrizzjonijiet skomdi, ma’ dmija, insetti li jkexkxu u biżgħat oħra. Imma kollox huwa mibni f’kuntest. Jitlaq mill-ħajja normali, u jasal għal dak li l-anqas nixtiequ bħala bnedmin.
“Il-każ huwa stramb aktar milli jidher. L-ewwel wieħed tax-xeħta tiegħu. Għadna mħawdin ħafna”
“Imma taħseb li għandu x’jasam max-xitan?” (p.16).
Jekk inħarsu lejn din is-silta, faċilment naraw il-kliem li juża l-awtur sabiex idaħħalna aktar f’tensjoni u fl-atmosfera tal-istorja; naraw dak li hu “stramb”, “l-ewwel wieħed”, “mħawdin” u x-“xitan”.
Dawk li bħali smajna lil Anton Grasso fuq il-mezzi tax-xandir meta naqraw il-ktieb bħal donnu nistħajlu li qed jaqra l-istorja. Imma anke min ma jiftakrux lil Grasso fuq ix-xandir se jgħix l-istess esperjenza waqt li qed jaqra għax ktieb ta’ Grasso huwa mogħni b’Malti tajjeb ħafna li tista’ tistħajjel dak li qed taqra. Il-binja tas-sentenza hija eċċellenti. Imma barra minn hekk, il-ktieb, bħal oħrajn tal-istess awtur, huwa wkoll għani fl-għażla ta’ kliem li juża’. Biex nagħti eżempju żgħir:
“Dawl abjad mis-sħab griż daħal beżgħan bejn il-purtieri bħal ħalliel” (p.24).
Dawk li bħali għandhom għal qalbhom ilsien pajjiżna, japprezzaw il-fatt li Grazzo, forsi minkejja li jitratta diversi temi, xi wħud kontemporanji, u jeħtieġlu juża’ għażla kbira ta’ kliem, juża l-Malti b’mod sabiħ u ħelu sabiex jitkellem fuq dak li hu ikrah u makabru.

Stejjer
Il-ktieb jikkonsisti f’ħames stejjer. Il-ħila ta’ Grasso hija li dak li forsi jista’ jidher normali, jibdlu f’xi ħaġa li mhux normali xejn anzi f’rakkont li jqajjimlek ġismek xewk xewk. L-ewwel storja Mejt niltaqgħu ma’ marda kkawżata minn mikrobu li tibdel persuna fi bniedem feroċi, qisu mxajtan. Bħalma jgħidu, li ddaħħak hija ħila li mhijiex kullħadd għandu, hekk ukoll li tbeżża’. Il-mod kif ipoġġi s-sentenza Anton Grasso u kif jibni u joħloq argument, idaħħlek f’sitwazzjoni li ma tkunx qed tistenna. Id-dar sabiex nies imdejqa jmutu hienja hija d-dar fejn tieħu gost tmut. “Jekk tieqaf taħseb ftit, tinsa l-ikel, ix-xorb u d-divertiment li ssib hawn ġew tinduna li taħt din il-maskra ta’ hena artifiċjali hemm il-mewt” (p.77).
Fir-raba’ storja “Il-Ġar” il-vendetta ta’ tifel ta’ tmien snin li jitħallas mill-qattiel tiegħu. L-ispettur jistaqsi, “Din l-istess katina li ndifnet ma’ Jerry instabet madwar għonq Ramsey Nickells…Iżda kif ġiet għandu?” (p.120). Mill-banda l-oħra fl-aħħar storja li għandna, “Ir-Raġel ta’ Novembru” għandna żagħżugħ li ommu qatlet lil missieru. Din ġabet rabja fih tant li jispiċċa joqtol it-tfajliet.
Konklużjonijiet
F’dan il-ktieb Grasso jagħmel pass ieħor f’dak li għandu x’jaqsam mal-waħx. Mhijiex biss il-biża’ mid-dlam, mill-iħirsa, mill-makabrita’ u saħansitra lanqas mill-mewt. Hija wkoll il-biża’ li tagħżel ħażin, li twettaq deċiżjoni li ma tkunx trid tieħu. F’xi waqtiet fil-ktieb ħassejtni bħal fis-sitwazzjoni iebsa bħal ma nsibu fl-istorja Button Button ta’ Richard Matheson, li minnha ħareġ ukoll il-film The Box, li jekk tagħfas buttuna tirċievi $200,000 imma xi ħadd li ma tafx imut. Imbagħad hemm is-sitwazzjoni meta l-imħabba, għax tkun kbira, twassal għal vendetta. Realta’ kiefra, u tal-biża’. Imma wara kollox dak huwa l-iskop ta’ ktieb bħal ma għandna llum.
Bħal kotba ta’ qablu tal-istess awtur, dan huwa ktieb li ċertament mal-ewwel ser jinħataf.

(Paġna Letterarja, It-Torċa, 23 ta’ Novembru 2014)See Translation— with Anton Grasso.

Ħarsa lejn l-istorja minn lenti kritika

Awtur: Dr Charles Xuereb
Pubblikazzjoni:  Malta University Press

“France in the Maltese Collective Memory:  Perceptions, Perspectives, Identities after Bonaparte in British Malta”  huwa ktieb li fil-fehma tiegħi, jimla vojt kbir fl-istorja ta’ Malta u jġagħlna niskopru fatti li għal diversi raġunijiet ikunu ġew imwarrba, u nazzarda ngħid imħassra mill-istorja ta’ pajjiżna.   L-awtur jisfida l-impressjonijiet u t-“tagħrif” li bosta minnha nħaddnu imma li baqgħu jiġu mogħtija lilna matul iż-żminijiet.   Għaldaqstant kien jeħtieġlu jindaga fuq studju  vast, b’argumenti msaħħa u bbażati fuq diversi riċerki.  Charles Xuereb huwa mwieled fl-1948 u trabba u għex il-ħakma Ingliża, esperjenza l-Indipendenza u dak kollu li segwa din il-ġrajja.  Dan il-kuntest wasslu sabiex jirrifletti fuq l-identita’ nazzjonali u dak li jagħmilna bħala nazzjon.  Il-mistoqsija ċentrali tal-awtur hija jekk it-tagħrif li għandna, jew aħjar dak li nafu dwar meta l-Maltin qamu kontra Bonaparte u t-twaqqif ta’ Gvern Ġdid fl-1788 huwiex mibni fuq perċezzjonijiet u l-interpretazzjonijiet differenti bosta minnhom mgħoddija lilna matul iż-żminijiet (Introduzzjoni, XXII).  Sabiex jasal għal dan l-awtur janalizza diversi aspetti partikolarment fil-kultura popolari tagħna l-Maltin.  Għaldaqstant dan il-ktieb mhuwiex sempliċiment dwar ġrajja waħda, jiġifieri dwar il-perjodu ta’ Bonaparte f’Malta jew it-tmiem tiegħu, imma ktieb dwar dak li fforma l-istorja soċjali u politika ta’ dan in-nazzjon.  Aktar minn hekk huwa studju interessanti li jitratta l-identita’ nazzjonali. 

L-istil li bih huwa miktub dan il-ktieb huwa wieħed mexxej ħafna.  Jikkonsisti f’bosta eżempji interessanti li l-qarrej (jien inkluż) ftit li xejn għandna konoxxenza tagħhom.  Il-ktieb huwa t-teżi tad-dottorat tal-awtur u għaldaqstant wieħed se jistenna argumenti riċerkati sabiex isaħħu l-pożizzjoni tal-awtur.  Madankollu l-esperjenza vasta ta’ Charles Xuereb bħala xandar għal diversi snin għenitu mhux ftit fil-ħila li jikkomunika mal-poplu.  Fil-fatt nista’ ngħid li minn meta bdejt naqra l-introduzzjoni bqajt għaddej sal-aħħar minn ġrajja għal waħda wara l-oħra.  L-awtur huwa wkoll midħla sewwa tas-suġġett, kif nafu jaf sewwa l-istorja taż-żewġ pajjiżi, u huwa bniedem kulturat sew, infurmat tajjeb kemm bil-qari u anke bis-safar li huwa wieħed mid-delizzji tiegħu.  Dan l-isfond jinħass sew fil-ktieb, u għalkemm kif inhi l-prassi fit-teżijiet f’bosta universitajiet, il-ktieb huwa fit-tielet persuna, il-pożizzjoni tal-awtur fil-fehma tiegħi tinħass ħafna kif ukoll l-esperjenza tiegħu.  Il-qarrej jista’ wkoll jirrelata ma’ dak li hemm fil-ktieb, għaliex wara kollox din hija l-istorja ta’ pajjiżna. 

L-identita’ Nazzjonali

Jidhirli li t-tema ċentrali li dwarha huwa mibni dan il-ktieb hija l-mistoqsija dwar l-identita’ Nazzjonali.  Dan il-pajjiż huwa żvilupp ta’ diversi popli li ħakmuh li xi ftit jew wisq kollha ħallew l-impatt tagħhom. Għaldaqstant minn żmien għal żmien iqumu l-mistoqsijiet dwar il-kwistjoni tal-ilsien tagħna; minn fejn bdiet din il-lingwa, u saħansitra anke min huma l-antenati tagħna.  Hemm ukoll id-drawwiet tagħna, fosthom id-drawwiet kulturali u popolari bħal ma huma dawk reliġjużi.  Wieħed ma jistax ma jsemmix il-liġijiet u s-sistema edukattiva tagħna li wkoll huma influwenzati minn popli Ewropej.  Xuereb hawnhekk imma jidħol ħafna aktar fil-fond fuq hekk u jistaqsi:  Għalfejn naħsbuha b’dan il-mod?  U hawn iġib eżempju konkreti moderni, sabiex juri kif ġie msawwar il-mod kif naħsbuha llum.  Fi ktieb bħal dan, li huwa studju universitarju, ebda sentenza li l-awtur jisħaq fuqha ma tista titpoġġa barra mill-kuntest tagħha.  Il-binja tal-argument ta’ Xuereb huma msaħħa minn stqarrijiet ta’ bosta awturi li tkellmu dwar l-identita’, l-identita’ nazzjonali, u l-formazzjoni tal-ħsieb bħal ma huma Paul Ricoeur, Pierre Nora, Michel Foucault, Richard Jenkins u bosta oħrajn. 

It-twemmin kunfliġġenti li joħroġ anke fir-rewwixta tal-qassisin li rreferejt għaliha aktar ‘l isfel donnu jinħass ferm matul il-mixja ta’ dan il-poplu.   Kellek aktar tard allura il-kleru fuq naħa, imma kellek ukoll ħassieba intelletwali ispirati mill-ħsibijiet liberali fosthom Mikiel Anton Vassalli, Cristoforo Frendo u Giuzeppe Zahra (p.70).  Irridu ngħidu li nies bħal dawn jagħmlu ġieh lill-istorja ta’ pajjiżna, li minkejja l-faqar u l-injoranza li ddomina matul iż-żminijiet, joħorġu bħal għanja sabiħa fis-skiet tad-deżert ilħna li kisru s-silenzju u ngħaqdu ma’ intelletwali kbar oħra barra minn xtutna. 

Il-Knisja Kattolika u t-Tradizzjonijiet Maltin

Waħda mill-mistoqsijiet kbar li kelli jien, u li fihom nista’ ngħid li sibt risposta permezz ta’ dan il-ktieb hija dwar ir-rwol tal-Knisja Kattolika f’Malta, taħt il-ħakma tal-Imperu Ingliż protestant.   Huwa fatt kurjuż fil-fatt kif il-Knisja Kattolika donnha sabet kenn jew aħjar refuġju mill-Imperu Ingliż, li min-naħa tiegħu serraħ rasu li qiegħda żżomm il-kotra kalma.  Personalment dejjem interessani wkoll kif l-edukazzjoni f’ħafna pajjiżi setgħet ġiet użata biex taqdi l-interessi  tal-ħakkiema u l-eġemonija, u f’xi drabi oħra, min-naħa l-oħra, l-edukazzjoni obligatorja kienet tinħass ta’ theddida għaliex il-massa jiġu mgħarrfa sew. 

Dan il-kuntest jista’ jgħinna nifhmu ftit ir-rabta fil-qrib li kien hemm bejn il-Knisja u l-Imperu.   Kienu id f’id f’dak li xtaqu li dan il-poplu jiċċelebra u jikkommemora. Fost oħrajn insibu l-Assedju l-Kbir, li niftakru wkoll fit-twelid ta’ Marija.  Il-bqija sal-1964 Malta ma kelliex ċelebrazzjonijiet oħra ħlief dawk imperjali (p. 15).   Interessanti stampa ta’ pittura li nsibu fil-bidu tal-ktieb “The Prince of Wales and a priest down Strada Santa Lucia”  li hija stampa London illustrated tal-1876, li fiha naraw propju raprezentat tal-Knisja u tal-monarkija mexjin biswit xulxin.

Il-ġlieda għall-poter, mhijiex kwistjoni moderna.  Fil-ktieb insibu dwar ir-rewwixta tal-qassisin, li bdiet wara li l-Gran Mastru Francisco Dimenes de Texada (1773-75) barra li neħħa ħafna mill-privileġġi tar-reliġjużi, għamel illegali l-ikkaċċjar tal-Fenek.   Dun Gaetano Mannarino flimkien ma’ grupp ta’ qassisin organizzaw rewwixta, waqt li bdew jaħsbu li l-poplu kien se jingħaqad magħhom.  Madankollu ma ġarax hekk għaliex il-poplu fil-fatt ħadha kontra tagħhom (p.110).  Din is-silta hija interessanti għaliex joħroġ il-fatt kemm xi waqtiet il-poplu jaġixxi skont dak li jkunu bellgħulu.    Interessanti imma aktar għaliex aktar tard, ir-reliġjużi reġgħu ħaduha kontra t-tmexxija, din id-darba kontra Bonaparte.  Waqt li forsi sal-ġurnata tallum, smajna ħafna rakkonti dwar x’għamlu l-Franċiżi ‘kontra’ l-Knisja u ‘kontra’ l-Maltin, jidher li Bonaparte ta wkoll bosta privileġġi lil Knisja f’Malta. Fost oħrajn neħħa l-amministrazzjoni ċivili fejn bosta reliġjużi kellhom ħafna kwistjonijiet bejniethom fiha, u ħeles lil Dun Gaetano Mannarino wara tlieta u għoxrin sena fil-ħabs tal-Ordni (paġna 136).  Barra minn hekk offfra l-Kon-Katidral ta’ San Ġwann (li hu tal-Istat) lill-Knisja Maltija u stieden lill-Isqof biex jamministra serviżzi reliġjużi f’dan ir-tempju prestiġjuż li qabel ma kellux aċċess għalih (p.136).  L-Arċisqof Labini kien iqaddes ukoll ġewwa s-swar għall-Franċiżi (p.137).X’wassal allura għar-rewwixta?  Fil-ktieb insibu bosta raġunijiet, imma l-aktar li toħroġ hija dik finanzjarja.  Ħafna membri tal-kleru kienu ġejjin minn familji “comodissimi, denarosi, benestanti, mercandanie,” u “facultosi” (p.134).   Bla dubju hemm ukoll il-biża mill-istat sekulari li ried joħloq Bonaparte.  Minkejja li Bonaparte, kontra l-idea popolari kien jemmen f’Alla (p.199) xorta l-propoganda beżżgħet kontra “x-xjaten Franċiżi” (p.198).  Ejja niftakru wkoll li fl-1798 Bonaparte diġa kien qed jiddiskuti ż-żwieġ ċivili mal-Knisja Kattolika, li setgħet twassal ukoll għad-dħul tad-divorzju (p.40).  Tajjeb inżommu dan il-kuntest f’moħħna meta niftakru li ż-żwieġ ċivili kien wassal għall-kwistjoni reliġjuża taħraq fis-sittinijiet u li d-divorzju f’Malta daħal ħafna aktar tard, propju fl-2011. 

Rabtiet ma’ Malta u l-Ingiltera

Kif jiġri meta jkollok ħakma bħalma kienet dik Ingliża, saru sforzi konxji sabiex dan il-pajjiż ikun jinħass sew il-kobor tal-Imperu Ingliz.  Simboli Ingliżi għadna nsibuhom ma’ bosta faċċati ta’ palazzi u fortifikazzjonijiet li kienu tal-Ordni.  Reġgħu biddlu l-isem minn Place de La Liberte għal dak oriġinali St George’s Square (u ġiethom tajba billi San Ġorġ huwa l-patrun tal-Ingilterra) u minn Rue Nationale saret Kingsway.  Interessanti l-fatt li matul il-ħakma Ingliża ebda president Franċiż ma ġie mistieden f’Malta, u dan baqa’ sejjer  saħansitra wara l-Indipendenza (p.303) 

Il-perċezzjoni li l-Franċiżi huma “l-għedewwa tagħna li rbaħnilhom” baqgħet saħansitra wara li l-waqgħa ta’ Napuljun, meta l-Gran Brittanja u Franza saru alleati. Din il-perċezzjoni negattiva swiet tajjeb għall-Imperu Ingliż li kompla jagħti l-impressjoni ta’ protettur u ħabib tal-poplu Malti li ħeles lill-Maltin mill-ħakma Franċiża (p. 150). 

Konklużjonijiet

Huma bosta li għandhom għal qalbhom l-istorja ta’ pajjiżna u hekk għandu jkun.  Irridu nkunu nafu minn fejn ġejjin biex insiru nafu aktar lilna nfusna.  Għaldaqstant dan huwa ktieb li ħadd m’għandu jitlef, u għandu jsib post fil-libreriji tagħna.  Dak li jipprova jagħmel Xuereb huwa totalment l-oppost dak li jagħmlu kittieba Romantiċi.  Xuereb jinqata’ mill-idealiżmu u jistaqsi b’mod kritiku dak li diġa konna nafu.  Jistaqsi għalfejn inġibu ruħna b’dan il-mod u jqanqal temi li forsi sal-ġurnata tallum ftit jazzardaw iqanqlu. 

Il-ktieb fih ukoll minjiera ta’ sorsi fosthom primarji, li anke naraw xi wħud minnhom bħala stampi.  L-awtur jinseġ tajjeb ferm l-istudju tiegħu dwar l-identita’ mal-esperjenzi ta’ dan il-poplu u ġrajjiet li seħħew.    Il-ktieb huwa ppublikat mill-Malta University press.   


Con gli Occhi nel Cuore

Huwa ta’ pjaċir kbir għalina li nġibu dwar awturi barra minn xtutna li għandhom rabta ma’ Malta. M’ilux wisq meta fuq din il-paġna, deher il-ktieb “Imxi ftit passi miegħi” ta’ Joe Axiaq, Malti li jgħix l-Awstralja. Joe Axiaq kelli anke ċ-ċans niltaqa’ miegħu waqt li kien hawn Malta. Imbagħad għandek barranin li b’xi mod rabtu qalbhom ma’ Malta. Naturalment mhux dejjem ikun faċli li dan ikun mal-ilsien Malti, imma bosta drabi jikkollaboraw ma’ għaqdiet lokali, jiġu jżuru pajjiżna u forsi anke jagħżlu lil Malta bħala l-pajjiż fejn iniedu xi ktieb minn tagħhom. Hekk għamlet Paola Mara De Maestri, li għażlet lil pajjiżna sabiex tniedi l-ġabra ta’ poeżiji tagħha “Con Gli Occhi del Cuore” waqt serata organizzata flimkien mal-Għaqda Poeti Maltin. Din fil-fatt kienet it-tieni darba li De Maestri pparteċipat f’lejla ta’ poeżija mtellgħa mill-Għaqda Poeti Maltin, l-ewwel waħda kienet fl-2009. Din hija l-ħames ġabra ta’ poeżiji tagħha wara Dentro la vita (2001), L’amore parla piano (2004), Il pane del sorriso (2008), u Aquiloni di argento (2010). Jakkumpanjaw il-poeżiji ta’ dan il-ktieb insibu wkoll 10 disinni tal-artist Malti Hilary Spiteri, li huwa l-Kap tad-Dipartiment tal-Arti fil-Kulleġġ De La Salle u daħla kritika tal-awtur u kritiku Patrick Sammut. Tliet temi li mal-ewwel personalment laqtuni u stajt nislet minn din il-ġabra huma: L-imħabba, l-imgħoddu u l-ġejjieni u l-ħajja.

L-imħabba

Il-qofol tal-poeżiji ta’ De Maestri hija l-imħabba, kif imfissra fl-ewwel poeżija “l’amore”, bħal biex tagħti mal-ewwel indikazzjoni dwar x’inhu l-għan aħħari tal-poeżiji: l-imħabba, partikolarment għat-tifel tagħha Gioele u għal missierha qatt minsi. Għal dawn iż-żewġ persuni xtaqet tħalli din it-tifkira speċjali. L-imħabba hija bħal siġra li dejjem tħaddar, u bħas-siġra li għandha għeruq fil-fond li jiġri x’jiġri ma tinqgħalax (p.16). L-imħabba għal missierha tinħass f’diversi poeżiji, partikolarment “Ritorno a mio padre”. Missierha għaliha kien l-iskop għal ħajjitha, it-tama, il-‘pont’ u l-‘qawsalla’ (p.20). Kien is-sors tal-ħajja tagħha, u għaldaqstant toħroġ għal darb’ora t-tixbiha ma’ siġra fil-poeżija “Albero del mil primo Germoglio” (p.20). Ixxebbah lilha nfisha ma’ warda milli toħroġ minn din is-siġra li ma setgħetx tifjorixxi mingħajru. Lil missierha taf li mhux ser tarah, u mhux reġa’ ġej lura (p.28), imma taf li qiegħed hem preżenti.

Jekk għall-mewt ta’ missierha titnikket, joħroġ il-feħ tagħha fit-twelid ta’ binha. It-tieni kapitlu li propju jġib l-isem “Vita nuova” – li tiddeskriviha bħala rebbiegħa ġdida, bil-ħdura tan-natura u l-friefet (p.32). L-imħabba għal binha toħroġ partikolarment fil-poeżija “A Giole”, “Il sorriso di un figlio”, u “Gioele”. Binha għaliha huwa bħal dawl li jdawwal id-dinja (p.38). Mhux biss tikteb dwar binha imma l-imħabba tagħha bħala omm kif naraw fil-poeżija “L’amore della mamma”. L-imħabba fuq kollox hija “lingwa universali” (p.39) u xejn ma’ jista’ jifred l-imħabba ta’ omm min binha.

L-imgħoddu l-ġejjieni

F’bosta’ poeżiji jinħass din ix-xenqa li tmur lura – “Ritorno a mio padre bambina” (p.20). Tħares lejn l-imgħoddi sabiex tifhem il-ġejjieni. “I ricordi sono perle del cuore” tgħid (p.24), u bħal fjakkli dejjem mixgħula li tqabbilhom ma’ imħabba li hija infinita.
Tixtieq terġa’ tħares lejn l-imgħoddu mill-għajnejn u l-ħlewwa ta’ tifla żgħira (p.18).

Donnu wara t-twelid tat-tifel tagħha ukoll bħal dawl mill-istilel li xegħel fuq l-imgħoddu u tiftakar fl-imgħoddi tagħha, fost oħrajn il-ħbieb tagħha u l-ewwel jum tal-iskola (p.42). Hawnhekk allura issa għandna l-preżent li qed jitfa’ dawn fuq l-imgħoddi. Dan iċ-ċiklu jinħass sew fil-poeżiji ta’ De Maestri. Miet missierha, u twieled binha. Fit-tnejn li huma għandek l-imħabba, u din l-imħabba baqgħet għax hija eterna. Minn missierha għal għandha, minn għandha għal missierha, minn għandha għal binha u minn binha għal għandha. Naturalment din tapplika wkoll għall-omm, li wkoll tiddedikalha poeżija “Mamma”. L-imħabba ta’ ommha hija bħal dawl, qtar tan-nida, u tagħti l-kulur fejn m’hemmx. Issa li hija wkoll omm, tista’ tagħraf tajjeb dan.

Il-ħajja

Il-bidu ta’ ħajja hija xi ħaġa li tgħożż (E’ natale), u mqabbla b’bosta tixbihat man-natura, bħas-siġra u l-ward li joħroġ minnha (p.22). Il-poetessa tagħraf ukoll li l-imħabba hija “miraklu tal-Ħallieq” (p.41).

Il-poetessa hija persuna pożittiva. Jiġri x’jiġri fil-ħajja, il-fjamma ma’ tintefa’ qatt.
“Corrono gli anni
sui binari della vita.
Quante stazioni
quanti punti senza luce
quante stelle
quante salite
eppure questa lantern
e’ sempre accesa” (p.19).

It-tama tagħha fit-tbatija hija fil-Fidi tagħha f’Sidna Ġesu’ Kristu; “La passion del Sigonore sia luce nel dolore” (p.52). Il-qawmien mill-mewt tiegħu hija ta’ kuraġġ kbir u tama għalina (p.53).

Din il-pożittivita’ nerġgħu narawha fil-poeżija “il senso della Vita”. Għal awtriċi l-ħajja hija sabiħa u ż-żmien biss jista’ jżomm din il-kuntentizza. Jekk nerġa’ għall-ewwel poeżija naraw il-kunċett tal-eternita, għax l-imħabba hija eternal.

L-għażla tal-metafora li tagħżel bosta drabi hija fil-biċċa l-kbira min-natura . Għaldaqstant għandek qbil mal-ħajja, permezz tas-siġra, fjuri, stilel (p.22,23), u l-ward għal darb’oħra p.24), u l-qawsalla (p.20). Il-ħajja fuq kollox tarha fil-poeżija, tarha fit-tifel tagħha u f’missierha li jibqa’ dejjem preżenti f’ħajjitha.

Konklużjoni

Il-poeżiji huma mexxejja, u fihom tinħass ċerta ħlewwa, li tiggusthom. Rajt il-poeżiji kollha u stajt nara li minkejja l-użu tal-metafora, għandek sentenzi li tista’ ssegwihom u jagħmlu sens. U dan huwa aspett pożittiv ħafna, u kwalita’ tajba fil-poeżija. L-użu tal-metafora mhuwiex wieħed superfiċjali, imma f’postu, sabiex isaħħaħ dak li trid twassal u jfisser il-ħsus fil-ġewwieni tal-poetessa.

Lil Paola Mara De Maestri kelli l-okkażjoni li nkellimha. Naf li hija għalliema, ġurnalista u taħdem sew fil-qasam tal-poeżija, fosthom bħala editriċi tal-folju kulturali u letterarjuBottega Letteraria li joħroġ mar-rivista ’l Gazetin f’Sondrio. Madankollu dawn il-poeżiji jikxfru dimensjoni ħafna akbar personali u minnhom toħroġ persuna li tagħraf tapprezza is-sbuħija tar-rigal tal-ħajja. Min jixtieq jakkwista kopja ta’ dan il-ktieb jista’ jibgħat fuq l-indirizz elettroniku ta’ din il-paġna għal aktar informazzjoni.
(Paġna Letterarja, It-Torċa, 2 ta’ Novembru 2014) — with Paola Mara and Patrick J Sammut.

Satin

Mhux l-ewwel darba li l-qarrejja talbuni nissuġġerixxi xi ktieb bi stejjer qosra. F’dawn it-tip ta’ stejjer, għalkemm l-awtur huwa limitat fl-ispazju u kemm jista’ jiftaħ l-istorja, xorta jista’ jimraħ fl-immaġinazzjoni permezz tad-diversi stejjer differenti. Huma ideali wkoll għal min irid jasal għall-konklużjoni tal-istorja malajr. Imbagħad hemm numru ta’ qarreja oħra li talbuni wkoll rumanzi/stejjer qosra ħelwin, x’aktarx b’lingwaġġ li jiftiehem, li jistgħu jiggustaw. Rita Saliba, permezz ta’ dan il-ktieb laqtet lil dawn iż-żewġ tipi ta’ qarrejja. F’idejna għandna ktieb bi stejjer qosra, ħelwin u li jpaxxu lil min jaqrhom.

Din is-sempliċita’ mhijiex nuqqas imma kwalita’ u ċertament li l-istejjer ta’ Saliba mhux nieqsa mill-ħsieb profond li jsawwarhom. Mhux nieqsa lanqas mill-espressjonijiet sbieħ bil-Malti u tħaddim tajjeb tal-lingwa. Huwa dwar dan iż-żewġ aspetti l-aktar li laqtuni f’dan il-ktieb u li se niftaħ aktar fuqhom il-ħsibijiet tiegħi. Minkejja diversi temi li jistgħu jkunu delikati, bħal relazzjoni mal-ġirien, familjari, il-mewt, faċilment dawn jiġu aċċettati mill-qarrej u l-istil ta’ Saliba qatt ma jkun offensiv jew b’xi mod li jweġġa’ lil dak li jkun.

L-istejjer jolqtu aspetti differenti tal-ħajja, forsi anke dawk li ftit ikollna ċans naħdmu fuqhom. U waqt li taqrhom tgħid, ‘kos, taf li vera hekk jiġri’. Il-qarrejja faċilment jassoċjaw mal-istejjer, jagħmluhom tagħhom, ifakkruhom x’xi ġrajja jew oħra li għaddew minnhom, u f’xi kważijiet anke tistħajlek parti mill-istorja.
L-istejjer
Mhux se ntellef il-kurzita’ tagħkom, qarrejja ta’ din il-paġna, u l-gost li taqraw dan il-ktieb. Għaldaqstant ir-rakkonti inħallihom f’idejkom. Xtaqt aktar naqsam xi ħsibijiet sabiex nuri kemm il-qarrej jista’ jirrelata mal-istorja u forsi x’wassal sabiex Saliba kitbet dik l-istorja.
It-temi huma ħafna: kwistjonijiet mal-ġirien, ħbieb, għira, teknoloġija, id-determinazzjoni, il-mewt u oħrajn. M’huwiex daqstant dirett il-ħsieb, jew it-tema wara kull storja. Wara kollox l-għan tal-awtriċi huwa li tagħti gost lill-qarrejja. Xi kultant waqt li qed naqra ħassejtni wkoll qiegħed nuża il-media soċjali u nara x’għandhom x’joffru l-kontributuri. Ngħidu aħna ma kinetx felċi ordinarja li marret tiftaħar biha l-persuna tal-ewwel storja “Stephanotis flats” għaliex f’kemm ili ngħidlek il-blokk sar qisu foresta. U x’tagħmel jekk iħabbat il-bieb u taħseb li xi ħadd ikun ġablek il-fjuri f’Jum “San Valentinu” u minflok ikunu għal ħaddieħor! Jew inkella jekk taħseb li “bla flus”, tispiċċa toqgħod ħdejn xi ħadd li vera ma tridx toqgħod ħdejh u wara tintebah li l-kartiera fil-but. Mhux hekk biss, imma dal-persuna ma jkollux flus! Id-dinja tat-teknoloġija li qed ngħixu fiha hija l-ispirazzjoni tal-istorja “Il-Kelb”. Xi kultant, wisq naħsbu li t-teknoloġija hija s-soluzzjoni maġika ta’ kollox. Fid-dar ta’ Lino u Tessa “il-magna tal-ħasil kienet taf x’ħin għandha tibda taħsel, it-telvixin x’ħin jinxegħel u jintefa’, il-forn kien jagħraf il-majjal mill-pastizzi u d-dawl jixgħel b’ċapċipa u jintefa’ bi tnejn” (paġna 13). Imma kollox jista’ jissolva b’għafsa ta’ buttuna?
B’xorti ħażina, storja li tista’ tiġri hija dik li nsibu f’”Is-Segretarja” fejn wieħed jiġi mqarraq u meta xi ħadd filli jibda jaħseb li se jsib xi ħaġa li se jkun jixtieq u filli jsib xi ħaġa oħra. Fi tbissima nistaqsi wkoll, jekk il-mara li bosta drabi titqies bħala s-sess id-dgħajjef, għandiex dan il-kontroll fuq ir-raġel.
L-awtriċi toħodna minn vjaġġ għall-ieħor, mit-tfulija sa etajiet akbar u minn post għall-ieħor. Jekk dan mhux biżżejjed, Saliba timmeravilja ruħa wkoll bis-seħer tad-deżert fl-istorja “In-nies tar-riħ” u kapaċi tidħol f’din il-kultura differenti u differenti għal kollox minn dik tagħna.
L-istil
L-istejjer ta’ Saliba huma bħal “ward ifuħ” (espressjoni li intenzjonalment qed noħodha mill-istorja “Żiffa riħ u ward ifuħ”), li jserraħlek moħħok u jpaxxik bit-tiżwiq ta’ kliem. Hi x’inhi l-istorja, anke jekk fiha waqtiet iebsa bħalma hi l-mewt, xorta ma ttaqqalx wisq il-qarrej. Fil-kitba nara din l-armonija bejn in-natura u aħna, l-imgħoddi u u issa, u forsi din l-armonija fil-kitba li hija riflessa f’ċerta kalma u sliem.
Il-ħila ta’ Rita Saliba hija li tosserva l-iċken dettalji, titkellem fuq l-aktar ħwejjeġ żgħar li forsi lanqas nagħtu każ. Din hija l-ħila li żżewweġ l-osservazzjoni kwazi minn lenti ta’ tifla żgħira, f’dinja kbira bi ħsieb matur u ta’ adulta. Forsi l-esperjenza ta’ Saliba bħala awtriċi ta’ bosta kitbiet għat-tfal, saħħu fiha din il-ħila li tosserva u s-sempliċita’. Fl-istess ħin l-awtriċi tagħna hija wkoll poetessa, u għaldaqstant tirrifletti u tesprimi l-ħsus tagħha bħal għanja ħelwa.
Ma tonqosx ukoll it-tbissima kultant b’sitwazzjonijiet li għalkemm ma jkunux komiċi tidħak, għallinqas wara li jkunu għaddew!
Konklużjoni
Xtaqt nagħlaq dan il-ħsieb tiegħi bil-ħsieb li nsibu fuq wara tal-ktieb:
“L-istejjer miġbura fihom sfumaturi ta’ ġrajjiet awtentiċi: għalkemm waqtiet juruk dak li jleqq, ħafna drabi jiżvelaw minn taħt dak li huwa matt u aħrax… bħal biċċa drapp tas-satin.”
Dan il-ktieb huwa ktieb ġdid ta’ Horizons Publications, u jinstab għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jidħol fuq is-sit: http://horizons.com.mt/.

(Paġna Letterarja , It-Torċa, 26 t’Ottubru 2014) — with Rita Saliba.

Ilkoll Aħwa fi Kristu: Ġużeppi Mercieca – Memorji

Konna ilna nistennew l-esperjenza tal-Arċisqof Emeritus Mons Ġużeppi Mercieca. Qabel xejn wara li rajna diversi bijografiji u awtobijografiji ma setax jonqos li magħhom ikun hemm inkluż tar-ragħaj spiritwali tal-kattoliċi li għal ħafna snin, ta’ transizzjoni kemm għall-knisja u kemm għall-pajjiż, mexxa lil Knisja fi żmijijiet mhux daqstant faċli. Ma kienx hemm dubju li l-Arċisqof Emerits kellu bosta esperjenzi xi jwasslilna, imma nafu wkoll kemm kellu fommu sieket, u forsi nazzarda ngħid qatt ma kien juri minn barra speċjalment il-weġgħat li kien iżomm ġo fih, għall-ġid tal-Knisja u għall-ġid tan-nazzjon. Dan is-skiet, huwa wkoll il-kurżita’ tagħna, imma mhux biss. L-aktar raġuni li konna b’tant ħerqa qed nistennew dan il-ktieb huwa għaliex jimla parti fl-istorja li kienet nieqsa. L-istorja, kemm jekk sabiħa u kemm jekk kerha, smajniha rrakontata minn diversi bnadi. Hija opportunita’ sabiħa għalhekk, li kwistjonijiet fejn kienet tidħol il-Knisja direttament, jaslu għalina mill-protagonist ewlieni, ħadd ħlief l-Arċisqof Emeritus

Jekk dan il-mument konna ilna nistennewh, żgur iżda li wasalt f’waqtu għaliex propju din is-sena qed niċċelebraw l-40 anniversarju mill-Episkopat ta’ Mons Gużeppi Mercieca. U propju qed jagħtina l-possibilta’ li naqraw din l-esperjenza, persuna li qatta’ ħafna snin mal-Arċisqof, u forsi wieħed mill-aktar persuni li kien jaf fil-qrib. Fil-fatt l-awtur huwa s-Sur Charles Buttiġieġ, eks-Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-Kurja tal-Arċisqof.

Ħarsa ħafifa

It-titlu ta’ dan il-ktieb huwa “Ilkoll aħwa fi Kristu” il-motto ta’ Mons Mercieca bħala Isqof. Fl-ewwel taqsima jirrakonta dwar it-trobbija tiegħu, is-snin bħala saċerdot, in-nomina tiegħu bħala Isqof Awżiljarju tal-Arċisqof Mikiel Gonzi u l-aħħar snin ta’ Mons Gonzi.

It-tieni taqsima titratta aktar il-kwistjonijiet li kellha l-Knisja li allura kienet immexija minn Mons Mercieca mal-Gvern ta’ dak iż-żmien. Dawn l-aktar, imma mhux biss, il-kwistjoni tal-iskejjel u l-propjeta’ tal-Knisja u naraw ukoll kif immaturaw ir-relazzjonijiet bejnu u l-Perit Mintoff.

It-tielet taqsima hija interessanti mmens għaliex naraw il-fehma ta’ Mons Mercieca dwar bosta temi bosta minnhom jaħarqu fosthom id-divorzju, persuni tal-istess sess, l-IVF, żwieġ u l-knisja.

Jekk inħares lejn dawn it-taqsimiet aktar fil-fond nista’ nislet dawn it-temi prinċipali:
Il-Valuri Spiritwali f’dinja sekulari, is-snin tmenin u r-relazzjoni mal-Perit Mintoff, deċiżjonijiet kuraġġużi u dinja li qegħda dejjem aktar tinbidel.

Il-ktieb għandu preżentazzjoni kif tixraq u kif wieħed jistenna. Huwa ktieb li jżejjen lil kull librerija, jagħmilha aktar għanja kemm fil-valur u wkoll fl-informazzjoni billi kif diġa għidna fih parti essenzjali fl-istorja ta’ pajjiżna. Insibu wkoll sett ta’ ritratti bil-kulur li jgħinnu lill-qarrej jassoċja aktar ruħu mal-ġrajjiet imsemmija. L-aktar li apprezzajt imma f’din ir-riċerka huma ritratti ta’ dokumenti oriġinali , fosthom ittri miktuba bl-idejn li l-Perit Mintoff bagħat lill-Arqisqof Ġuzeppi Mercieca fosthom fl-10 ta’ Awwissu 1987, fid-9 ta’ Awwissu 1989, 8 t’Awwissu 1997, u fit-13 t’Awwissu 1990

It-tnedija ta’ dan il-ktieb saret fis-27 ta’ Settembru fil-Palazz DePiro l-Imdina u fiha tkellmu wkoll il-President Emeritu Dr Ugo Mifsud Bonnici, Monsinjur Philip Calleja u l-Avukat Joe Brincat.

Il-Valuri Spiritwali f’dinja sekulari

Parti essenezjali mit-trobbija tal-Arċisqof (li forsi llum qed nitilfu) hija li jekk trid xi ħaġa u “ma jkollokx biex tixtriha għandek tagħraf tistabar u tistenna” (paġna 5). Naħseb li mingħajr ma nnaqqas xejn mill-esperejnzi f’dan il-ktieb, u t-tbatija personali li għadda minnha Mons Mercieca ħafna drabi fis-skiet, l-akbar sfida li għandha l-Knisja llum u li għalkemm ftit kmieni imma diġa beda jikkumbatti l-ewwel ħalel dak iż-żmien kien is-sekulariżmu u l-materjaliżmu. L-ewwel waħda tidher aktar ċara f’dan il-ktieb għaliex kien parti mill-mixja ta’ dan il-pajjiż li jsir aktar modern u sekulari, iżda f’din il-mixja seta’ kellha xi ħotob li kellhom jiġu ndirizzati. It-tieni sfida, il-materjaliżmu, hija aktar sottili – ma ġabitx tkissir u tgħajjir – iżda forsi wkoll aktar pertinenti. It-trobbija tal-Ariċisqof Emeritu, għenitu mhux ftit fil-fehma tiegħi jilqa’ għal dawn iż-żewġ sfidi kbar.

Mons. Arċisqof Ġużeppi Mercieca twieled ir-Rabat Għawdex, fil-11 ta’ Novembru 1928. Tagħrif fil-qosor dwaru nsibuha fl-introduzzjoni ta’ dan il-ktieb, u minsuġa f’aktar dettal fl-ewwel taqsima. L-aktar data importanti imma is-29 ta’ Novembru 1976, meta l-Papa Pawlu VI ħatru bħala Arċisqof ta’ Malta. Fost il-bosta ittri li rċieva kien hemm mingħand il-Prim Ministru, il-Perit Mintoff, propju fit-3 ta’ Diċembru 1976 fejn kitiblu hekk (paġna 45):

“Il-Ministri kollha u jiena nifirħulek għall-ħatra tiegħek mill-Qdustija Tiegħu l-Papa bħala Arċisqof ta’ Malta. Jalla r-relazzjonijiet tajba li jeżistu bejn il-Knisja u l-Istat t’Malta jkomplu taħt it-tmexxija tiegħek jiissaħħu għall-ġid spiritwali u materjali tal-Poplu Malti.”

“Ilkoll aħwa fi Kristu” il-motto li għażel għal dan l-episkopat, nebbhu biex jipprova jibni djalogu kostruttiv. L-akbar sors għall-qawwa spiritwali u fiżika għalih kien appuntu Ġesu’ Kristu. Mingħajr ma nidħol fil-każijiet tal-imgħoddi, naħseb dan l-aspett jidher, u żgur li hekk hija x-xewqa ta’ Mons Mercieca li jagħmel dan il-ħsieb relevanti anke għall-isfidi tallum li kif diġa għidna, għalkemm sottili, mhumiex faċli lanqas. Fi Kristu Msallab isib it-tama, u dan il-punt saħqu ngħidu aħna fl-Ittra Pastorali tad-29 ta’ Ġunju 1979 fejn tkellem dwar Knisja għas-servizz tal-Maltin kollu.

Din l-ispirazzjoni minn Kristu (għalkemm mhux direttament minn Kristu msallab) toħroġ ukoll fl-intervista li Mons Mercieca kien għamel ma Dr Joseph Muscat (kien għadu mhux mexxej tal-Partit Laburista u Prim Ministru), dak iż-żmien fuq l-istazzjon televiżiv Super One fil-programm Elfejn. Fi tweġiba dwar il-kwistjoni politiko-reliġjuza, għall-mistoqsija diretta minn Dr Muscat, Mons Merceica wieġeb li quddiem il-ferita’, il-ġerħa, il-Mulej jagħti r-rimedu u li jrid ikollna l-kuraġġ li naħfru lil min weġġagħna

Is-snin tmenin u r-relazzjoni mal-Perit Mintoff

It-tieni taqsima ta’ dan il-ktieb hija tista’ tgħid kollha kemm hi dwar il-kwistjonijiet li kien hemm bejn il-Knisja u l-Gvern ta’ dak iż-żmien. Għall-grazzja t’Alla dawn l-affarijiet huma llum fatt storiku, u jidhirli li nistgħu nitkellmu fuqhom liberalment mingħajr ma nweġġgħu lil xulxin. Hija grazzja wkoll mhux biss li din il-fażi tal-istorja għaddiet imma wkoll għax hija turija kemm dan il-poplu mmatura. Mill-iżbalji tgħallem kullħadd. Aktar milli nagħmlu ġudizzju fuq dak u fuq l-ieħor, napprezzaw il-fatt kemm għall-ġid ta’ dan il-pajjiż li jinsab kif jinsab illum kien hemm min ħadem qatiegħ inkluż il-Knisja. Fl-ewwel taqsima diġa naraw xi tibdil li l-amministrazjoni ta’ dak iż-żmien immexxija mill-Perit Mintoff bdiet tagħmel u li l-Isqfijiet wrew tħassib. Fost oħrajn naraw li l-Gvern neħħa d-dritt tal-Knisja “li tiddetermina min għandu jiġi midfun fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata” (paġna21). Mons Mercieca jinterpreta din bħala reazzjoni għal dak li ġara fis-snin sittin fejn persuni li ħaddnu t-twemmin laburista ġew midfunin fil-parti mhux ikkonsagrata magħrufa aħjar bħala “l-miżbla” (paġna 22). Imma l-akbar inkwiet serju għal Mons Mercieca beda propju wara l-ħatra tiegħu bħala Arċisqof. Fost oħrajn insemmu l-kwistjoni dwar il-festi pubbliċi (p. 47-49), tal-fakulta’ tat-teoloġija (p. 55), it-tkeċċija tal-blue sisters (p.73-80). Interessanti mmens u b’dettalji li qatt ma konna smajna dwarhom hija l-parti dwar l-inċident ta’ bomba mal-“Palazz tal-Arċisqof”. Mons Mercieca jirrakonta kif Joyce Grech kienet ittieħdet l-għassa fejn akkużawha li kient hi stess jew qabdet lil xi ħadd biex jagħmel din il-bomba (p.132) . L-Arċisqof Emeritu ma jonqosx milli jsemmi wkoll il-qtil ta’ Karin Grech, tifla ta’ 15-il sena bint il-Professur Grech (p.51) u ta’ Raymond Caruana (p.167).

Kif wieħed jistenna parti kbira mill-ktieb hija ddedikata lill-kwistjoni tal-iskejjel tal-Knisja. Dan il-ktieb huwa dokument riċerkat b’bosta sorsi oriġinali u dokumenti storiċi oħra u oħrajn fi kliem Mons Mercieca. Fost oħrajn insibu l-pożizzjoni tas-Santa Sede fil-25 ta’ Frar 1984 (p.114) u l-pożizzjoni tal-Isqfijiet permezz tal-Komunikat Stampa fit-13 ta’ Marzu 1984. Din il-kwistjoni naturalment baqgħet għaddejja anke matul il-perjodu li Dr Karmenu Mifsud Bonnici kien Prim Ministru u ngħalqet minn gvern ġdid immexxi min Dr Eddie Fenech Adami.

Kif diġa għidna, illum dawn l-affarijiet huma fatti storiċi li seħħew imma għaddew. Fi kliem l-Arċisqof Emeritu stess, “il-Perit Mintoff għamel il-parti tiegħu” u hu wkoll (p. 193). Mons Mercieca baqa’ jżur bosta drabi l-Perit Mintoff meta kien l-isptar, li min-naħa tiegħu kien jurih “li jieħu gost u japprezza ħafna” (p.192). Ikompli jgħid li “it-ton tad-diskors ta’ bejnietna hekk kien sar: kalm, sabiħ, ta’ ħbieb sinċieri” (p.193).

Deċiżjonijiet kuraġġużi

Jekk is-snin tmenin kienu diffiċli, ma jonqsux sfidi oħra kif semmejt hawn fuq. Mons Mercieca kellu jieħu diversi deċiżjonijiet iebsa fosthom it-tnaqqis tal-propjeta’ li iżda sarrfet biex bosta familji bnew id-dar tagħhom u fuq kollox il-Knisja setgħet aktar tiffoka fuq l-impenn pastorali (p.203). It-tmexxija ta’ Mercieca ġiet fi żmien fejn il-Knisja forsi għall-ewwel darba bdiet tnaqqas l-importanza tagħha mhux biss għall-istat imma fis-soċjeta’ b’mod ġenerali inkluż għall-ħafna persuni. Dan wassal għal sfidi mhux biss materjali (ta’ flus), imma anke morali. Bdejna nitkellmu fuq id-divorzju għall-ewwel darba (p.215), persuni tal-istess sess (p.221), u prokreazzjoni assistita(p.222). L-akbar pjaga għall-Knisja tibqa’ imma l-abbużi sesswali fi ħdanha. Għal dan il-fatt fil-ktieb insibu kapitlu sħiħ fosthom dwar il-politika li ħaddan Mons Arċisqof u l-miżuri li ħa sabiex din il-problema tiġi ndirizzata b’mod ħolistiku (p.271 – 278). Sfida oħra kienet dik tar-refuġjati u immigranti irregolari li l-Knisja ma setgħetx ma tilqax b’imħabba waqt li tagħraf id-diffikultajiet nazzjonali. Fl-istess ħin kellek bosta mumenti oħra li ċertament kienu sbieħ għal Mons Arċisqof fosthom il-ftehim bejn il-Gvern Malti u l-Knisja fejn fost oħrajn ġie ggrarantit it-tagħlim tar-Reliġjon Kattolika fl-Iskejjel tal-Istat (p.225). Ta’ min insemmu wkoll il-ftuħ tar-radju RTK li ta’ vuċi lill-Knisja permezz ta’ mezz li seta’ jintlaħaq min-nies.

Il-ktieb jispiċċa fl-opinjoni tiegħi b’żewġ kapitli sbieħ, li ċertament huma fost l-isbaħ mumenti tal-Arċisqof Emeritu: L-ewwel beati Maltin, u s-sinodu djoċesan .

Konklużjonijiet

Huwa xieraq li l-konklużjoniet nislithom mill-ktieb innifsu u minn ħsibijiet Mons Mercieca. Qabel xejn il-maħfra, li tant hija importanti u relevanti għal kull żmien, li permezz tagħha biss persuna tista tfiq u timxi ‘l quddiem. Dan il-poplu mexa ‘l quddiem għax ħafer. Għal qalb l-Arċisqof Emeritu tibqa’ dejjem il-familja. Minkejja l-isfidi ġodda, wieħed irid jara kif il-familja tibqa’ istituzzjoni importanti ħafna għas-soċjeta’. Tema oħra importanti li nara f’dan il-ktieb hija l-mod kif wieħed jaħdem ma’ ħaddieħor. Hekk kif jgħid fil-bidu, valur imporanti li ħa fit-trobbija tiegħu huwa li “trid taħdem, u trid taħdem ma’ ħaddieħor, mhux waħdek” (p.5). Huwa dan il-valur, fl-opinjoni tiegħi, li wassal biex Mons Mercieca jilqa’ l-isfidi ġodda li kellu.

Bla dubju dan huwa ktieb li nirrakomandah. Huwa ktieb fuq ta’ u dwar l-Arċisqof Emeritu Ġużeppi Mercieca. Imma huwa wkoll ktieb tagħna lkoll bħala pajjiż.
(Paġna Letterarja, 19 t’Ottubru 2014)

X’Seta’ Ġralu lil Kevin Cacciattolo?

Ċertament li wieħed mill-aktar kotba li konna qed nistennew kien X’Seta’ Ġralu lil Kevin Cacciattolo?, l-ewwel rumanz ta’ Mark Vella (pubblikazzjoni: Merlin Publishers). Fil-fatt konna qed nistennew b’ħerqa it-tnedija ta’ dan il-ktieb li saret fid-29 t’Awwissu 2014 peress li r-rumanz ta’ Vella rebaħ il-kompetizzjoni letterarja #abbozz li tellgħet il-Merlin waqt il-Festival tal-Ktieb is-sena l-oħra. X’seta’ ġralu lil Kevin Cacciattolo? Din hija l-mistoqsija ta’ dan il-ktieb li wieħed jibda jindaga fuqha, permezz ta’ Mark il-ġurnalista, mit-tieni nofs ta’ dan il-ktieb, wara l-għibien ta’ Kevin. Wieħed iżda ma jistenniex soluzzjoni faċli, u l-ktieb iħallik b’bosta mistoqsijiet. Lanqas huwa l-għan tal-ktieb li jasal għal din it-tip ta’ soluzzjoni, għaliex dan mhuwiex ktieb polizjesk u lanqas ta’ xi misteru li jrid jiġi solvut. Fil-fehma tiegħi, Vella jinqeda bil-ġrajja ta’ Kevin biex iqanqal diskussjoni. Fil-fatt l-aktar element li forsi jiena nammira f’dan ix-xogħol ta’ Mark Vella huwa li ma jimita lil ħadd – huwa ktieb uniku, għallinqas mhux faċli li tiddefenixxih u lanqas li tqabblu ma’ awturi oħra. Mhuwiex ktieb investigattiv bħal ta’ Mark Camilleri ngħidu aħna, lanqas jitratta t-tmeninijiet bħal Alex Vella Gera, jew l-esperjenza tal-iskola bħal Ġuże Stagno. Il-binja tal-ktieb huwa it-tejp tal-ġurnalista, imqassam prinċiparjament fl-istorja ta’ Kevin fl-ewwel parti karatterizzata mir-RWND u PLAY u dak li jseħħ wara, naturalment wara l-FFWD. L-aktar aspetti li laqtuni jiena huma: Id-dinja mill-għajnejn ta’ tifel, is-snin tmenin, u l-istil ta’ kitba. 

Id-dinja mill-għajnejn ta’ tifel 

Nistqarr li dan mhux l-ewwel ktieb li ġie f’idejja li jitħaddet dwar l-esperjenzi tal-iskola, pero f’dan il-każ huwa aktar għall-isfond milli għall-għan ewlieni. L-iskola hija d-dinja ta-tfal. Huwa l-ambjent fejn iqattgħu l-aktar ħin. Kevin isofri minn ibbuljar minn sħabu. Dawn huwa deskritt b’ħafna dettal, li bla ma trid faċilment tistħajjel ix-xenarju bħallikieku qed tara l-istampa quddiemek. Franesco “jxejjer idu kważi għal wiċċ Kevin”, ieħor “jgħajjat irrabbjat miegħu u jgħolli idu biex ikeċċih ‘l hemm” (p.38), u wara “jissikkawh mal-bieb u jibdew itux h bil-ponn” imbagħad jibda miexi “jistampah ballun ma koxxtu” u “borża tal-plastik mgħaffġa ballun tolqtu fuq rasu”. (p.39)

Bħala tifel, Kevin ma jifhimx ħafna affarijiet. U ngħid li kellu raġun biex ibigħ. Fi żmien l-ambjent tal-ktieb tagħna, u se nitkellmu dwaru aktar fid-dettal, it-tfal ftit li xejn kienu mismugħa. Imma donnu, għallinqas kif rajtha jien, lanqas il-ġurnalista ma seta’ jifhem kollox f’din id-dinja, u qisu hemm dan it-tip ta’ paralelliżmu, billi l-ġurnalista donnu kien nieqes mill-kuraġġ. U ngħiduha kif inhi: Mhux li kien kif qal wara kollox Ġesu’ ta’ Nazaret inkunu bħat-tfal! 

Is-snin tmenin 

STOP RECORD PLAY RWND PLAY. Naturalment, il-każett. Min hu ta’ mpari lkoll niftakru kemm konna nirrekordjaw lilna nfusna jew minn fuq ir-radju. L-isfond ta’ dan il-ktieb huwa s-snin t-tmenin, li jien ngħid, li waqt li aħna nerġgħu inġeddu bosta memorji, dawk li huma iżgħar minnha għandhom isibu dan il-ktieb ferm interessanti, jekk xejn għall-fatt li jaraw il-ħajja, qabel daħlu l-internet u l-mobajl. Mhijiex it-teknoloġija biss li naraw differenza imma fl-istil tal-ħajja b’mod ġenerali. 

Mhuwiex l-iskop ta’ Vella li jirrakonta dawn is-snin b’ħafna nostalġija u romantiċiżmu imma aktar qed jagħti stampa – kif diġa għidna mill-għajnejn ta’ tifel ta’ dawn iż-żminijiet. Ftit li xejn kien hawn opportunitajiet għal dawk it-tfal li jibqgħu ftit aktar lura fl-istudji akkademiċi tagħhom u fil-ħiliet sportivi. It-triq għal Kevin ma kinetx waħda faċli. “Kevin ma jirbaħx tlielaq. Kevin m’għandux midalji. U lanqas premijiet. Juan dejjem jiġi l-ewwel fl-Ingliż u Francesco għandu ħafna midalji tal-futbol. Kevin ma jiġi l-ewwel f’xejn” (p. 79). Fl-isports day, ommu ma tkunx trid tiġi “Tgħidlu li mhuwiex tajjeb u mhux se jirbaħ.” (p.80) għalkemm dan ma tgħidulux biex tweġġgħu. It-trobbija llum ukoll inbidlet, kif inbidlet il-pedagoġija, u xi wħud isostnu li minn estrem morna għall-ieħor u t-tfal qed ikollhom wisq drittijiet u huma mfissdin bl-opportunitajiet. Fi żmien ir-rakkont tagħna, l-għalliem kien juża r-riga(p.41), prattika li għall-grazzja t’Alla inqatgħet u kellha bżonn tinqata’ fl-inħawi kollha tad-dinja. 

Hawn Malta, is-snin 80 ma kinux żminijiet faċli, l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam ma’ klima politika. Hu x’inhu t-twemmin politiku tagħna, llum ilkoll inħarsu lejn dawn iż-żminijiet bħala parti mill-istorja, li għaddiet biex qatt aktar ma jerġgħu jiġu. Pajjiżna evolva politikament, u bosta minna lanqas noħolmu biex ma ngħidx niskantaw kif f’pajjiżna kien hemm elementi vjolenti li naffru s-sliem. Familja sħiħa taqla’ xebgħa minħabba t-twemmin politiku tagħha (p.249). U hawn joħroġ id-dibattitu li kien ewlieni f’dawk iż-żminijiet. Wara kull att kundannabbli bla riżervi ġej minn fejn ġej, dak iż-żmien kienet tqum il-mistoqsija: Min kien wara din il-vjolenza? Xi wħud kienu jsostnu li l-istess partit kien iqabbad xi nies minn tiegħu biex jeħel il-partit l-ieħor (p.250). Imma din l-ipoteżi naturalment ma kinetx aċċettata minn xi wħud. 

L-istil 

L-aktar punt li jispikka f’dan il-ktieb huwa l-istil kif inhu miktub. Jinqata’ mill-mod tradizzjonali ta’ storja li ssegwi pass wara pass. Ir-rakkont “nisimgħuh” mill-każett. U għalhekk RWD u PLAY u niltaqgħu mal-ġrajja ta’ Kevin. Imbagħad FFWD u naraw dak li ġara wara. Il-ħsejjes bħal donnu tismagħhom għaliex Vella bil-kitba tiegħu jolqot is-sensi, tant li tistħajjel li qed tara, tisma’ u tħoss waqt li tkun qed taqra. 

L-awtur jagħmel sforzi varji biex ivarja il-kitba tradizzjonali. U f’xi bnadi jpoġġielna quddiemna wkoll it-taħdit, u anke l-kitba fosthom il-komponiment (kapitlu 4). 

Jekk nirriflettu ftit fuq dan, ta’ min ngħidu li dak li l-Litteriżmu ġdid fil-fatt mhu ġdid xejn, għaliex fi żmienna dak li ma konniex nagħmlu bil-media soċjali u l-blogs konna nagħmluh billi fost oħrajn nibagħtu xi karta minn bank tal-iskola għal ta’ warajna. Naf li bosta qarrejja ta’ din il-paġna, li tant għandhom għal qalbhom il-Malti, forsi bir-raġun, jitħassbu ftit dwar kif il-lingwa ħafna drabi tiġi miktuba ħażin permezz tal-mezzi tat-teknoloġija moderna, u saħansitra xi għalliema juru tħassib li bil-mezzi tat-teknoloġija, il-lingwa qegħda tiġi mkasbra. Waqt li wieħed dejjem għandu jipprova jikteb sew, irridu niftakru li l-lingwa qegħda wkoll biex ninqdew u l-pjattaforma diġitali bosta drabi hija estensjoni tal-grawnd tal-iskola u l-pjazza tar-raħal. Barra min hekk bosta m’għandhomx il-ħiliet bażiċi fil-kitba u forsi lanqas fil-komunikazzjoni. Dan kien minn dejjem. Fir-rumanz tagħna, Kevin tħabat mhux ftit biex jikteb sew il-komponiment (p.45), u dam mhux ftit jirranġa l-ortrografija u jaqta’ xi sentenza `l hemm u `l hawn. 

Konklużjonijiet 

Kif diġa tennejt fil-bidu, il-ktieb huwa mexxej b’deskrizzjoniiiet mill-aqwa, u joħodna minn xena għall-oħra. Vella ma jaħrablu xejn, u fit-tajjeb u l-ħażin ħadd u xejn ma jeħlisha! La Mintoff li kien Prim Ministru fit-tmeninijiet u lanqas stabbilimenti popolari f’Paceville fid-disgħinijiet. Anke l-ġurnal l-orizzont jissemma! 

U fuq kollox: x’seta’ ġralu lil Kevin Cacciattolo? Side B PLAY u nieħdu ftit ħjiel, għalkemm ngħid għalija xorta waħda bqajt b’ħafna mistoqsijiet. Fuq kollox ir-rumanz iġagħlek tirrifletti u taħseb. Nistqarr li waqtiet nistħajjel li Cacciattollo huwa f’kull wieħed minna li nosservaw, bosta drabi bla ma nifhmu, u ngħixu ċ-ċirkostanzi li mhux dejjem ikollna kontroll fuqhom. 

Ir-rumanz jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba kollha u direttament online minnwww.merlinpublishers.com
(Paġna Letterarja, It-Torċa, 5 t’Ottubru 2014) — withMark Vella.

Aċċu`

Il-Kotba tat-tfal ħelwin wisq! Niggustawhom aħna l-kbar, aħseb u ara t-tfal. U kemm huwa sew li t-tfal jaqraw, mhux għax bilfors, imma għax tassew isiru ħbieb tal-ktieb. U ktieb bħal m’għandna f’idejna ċertament illi jilħaq dan il-għan, għaliex it-tfal ser jogħġobhom, jaqrawh u jiggustawh. Jekk sa miċ-ċokon it-tfal jitrawmu bil-ktieb f’idejhom, it-tfal se jibqgħu jaqraw u aktar ma jaqraw aktar jimtlew bil-għerf u l-kreattivita’. Merlin Publishers minn dejjem għamlu sforz sabiex iwasslu kotba barranin b’ilsien pajjiżna, sabiex uliedna jkollhom f’idejhom l-istess kotba li nsibu b’ilsna barranin. Dan l-impenn baqa’ u l-ktieb li għandna f’idejna huwa adattat mit-Taljan mill-awtur li m’għandu bżonn ta’ ebda introduzzjoni, Trevor Zahra.

Il-ktieb għandu preżentazzjoni mill-aqwa. Karta sabiħa u stampi sbieħ. L-istampi huma integrali fil-ktieb u fl-istorja. Mhumiex miżjudin biex ‘iżejnu’ jew janimaw. Dan jagħmel il-ktieb wieħed interattiv. Aspett ieħor huwa li t-tipa mhijiex waħda uniformi, imma waqtiet narawha fil-korsiv u f’xi bnadi ikbar. Kemm l-istil tal-kitba, u kemm l-aspett li semmejt tal-istampi, huma importanti ħafna għaliex bl-iżvilupp tal-qari u divertiment teknoloġiku, t-tfal illum, forsi kontra dak li kien isir ftit taż-żmien ilu m’għadhomx jaqraw biss linja wara linja. Għalkemm mhux mixtieq, konsegwenza t’hekk hija li sakemm idakkru fihom id-delizzju tal-qari u l-imħabba tal-ktieb, it-tfal żgħar se jaraw distinzjoni bejn il-preżentazzjoni diġitali u l-ktieb. Ktieb bħal dan li għandna f’idejna, Aċċù!, jilqa’ din l-isfida u jippreżenta l-istorja lit-tfal iż-żgħar, b’mod interattiv ħafna. U iva, huwa tajjeb, u sabiħ li uliedna jkollhom ktieb f’idejhom.

Dan il-ktieb mhux kumbinazzjoni li qed inġibu mal-ewwel fl-ewwel ftit ġimgħat ta’ sena skolastika ġdida. Għaliex għan ieħor ta’ dan il-ktieb huwa li jtaffi ftit il-biża fl-ewwel jiem tal-iskola. Ngħiduha kif inhi, mhuwiex daqshekk faċli għat-tfal kollha li jaċċettaw li ser jinqatgħu għall-ħafna siegħat mill-ġenituri/dawk li jieħdu ħsiebhom u mill-għożża li trawmu fiha. Il-ktieb għandu l-għan li joħloq tbissima fit-tfal, jew aktarx li jdaħħakhom. Aċċù! Teo jagħtas u jinbidel “f’qattus bil-pil twil u artab” u mbagħad kelb, u mbagħad rakun, flamingo, kamaleonte. X’ser jagħmel imma issa li ser tibda l-iskola? Inħallikom bil-kurżita’! Aċċù!
(Paġna Letterarja, 5 t’Ottubru 2014)