Josef Borg u Carlston Grima
Bħalma jiġri fix-xena mużikali, anke fil-letteratura diffiċli biex titkellem dwar poeti stabbiliti. Huwa minnu li għandek poeti li terrqu forsi għal għexieren ta’ snin fit-triq tal-poeżija u taw kontribut enormi lil-letteratura Maltija. Imma mbagħad qed naraw ukoll uċuh relattivament “ġodda” b’pinna tad-deheb. Dawn mhux biss bħal ta’ qabilhom qed jagħmlu unur kbir għalihom infushom u għal pajjiżna imma wkoll qed joħolqu xejriet u stili ġodda ta’ letteratura. Josef Borg u Carlston Grima żgur li huma fost dawn l-awturi li qed jispikkaw sew fiċ-ċrieki letterarji. Minn pinna żagħżugħa tissawwar dil-ġabra poetika friska imma matura u riflessiva.fl-istess ħin.
Kull mument huwa imporanti anke dak li bosta minnha lanqas biss nintebhu bih. Kemm Borg u kemm Grima josservawh. Mhux ta’ b’xejn it-tnejn li huma jiktbu l-ħajku (p.38-39; 73-75). Għax il-ħajku mhux sempliċiment poeżija qasira b’metrika partikolari (5-7-5), imma huwa wkoll mod kif l-awtur jesprimi mument x’aktarx singulari f’ħin partikolari. Imma anke jekk mhux fil-ħajku l-awturi tagħna bħal jieqfu u jħarsu lejn xi waqiet partikolari mill-ħajja anke jekk huma astratti u joħduna minn vjaġġ għall-ieħor u bħal ikabbru permezz ta’ lenti dawk l-aspetti li jixtiquna nirriflettu dwarhom.
Lenti fuq emozzjonijiet differenti
L-aktar li laqatni f’din il-ġabra, tista’ tgħid fiż-żewġ awturi imma partikularment f’ta’ Borg hija l-mod kif jagħtu libsa kunċetti astratti. Fost dawn insibu l-ħsieb (p.11), il-pożittivita’ (p.15), in-nostalġija (p.17), l-apatija (p.20) u oħrajn. L-eżistenzjaliżmu tal-imgħoddi jispikka fost oħrajn fil-poeżija “Bikkej” u “f’kull att” iż-żmien “iqanqal tifkira mgħoddija, imsewsa” (p.7)
Imma waqt li jitkellmu fuq il-ħsibijiet u emozzjonijiet interjuri il-poeżija ta’ Borg u Grima m’hijiex insulari; tant li toħroġ sew il-kuxjenza soċjali ħafna drabi altruwista. Fil-poeżija “Hawn hi Ommok” (p.10) ngħidu aħna Borġ jitkellem dwar tipi differenti ta’ ommijiet. Hemm dawk li jibku fis-skiet minħabba uliedhom li qabdu l-vizzju tad-droga. Hemm l-ommijiet li jżuru lil uliedhom fil-ħabs b’mod regolari “bla ġudizzju” minkejja li xi drabi kellmuha b’mod xejn xieraq. Fuq kollox meta nitkellmu dwar l-omm ma nistgħux ma nħarsux lejn Ommna tas-sema li tiġbor fiha bosta mill-waqtiet ta’ ferħ u anke ta’ tbatija tal-ommijiet. Fil-poeżija ta’ Grima imbagħad donnu hemm element qawwi ta’ patrijottiżmu (p.51,58,60). It-tnejn li huma jridu jwasslu messaġġ, f’dik ta’ Borg kultant ir-rabja toħroġ aktar qawwija. Jirrabja bl-ikrah għall-ipokrezija tal-Maltin partikularment fil-Ġimgħa l-kbira (p.36):
“Sriebet twal ta’ nies
ma jaqtgħu qatt,
kajman il-pass mexxej
mal-kartapesti tal-kristijiet
mgħarrqin f’demm in-nixfa
ta’ fidwet l-iben feġġej”
Jikkritika wkoll l-inġustizzja (p.23). Waqt li Borg jesprimi b’mod qawwi r-rabja, huwa sorprendenti mhux ftit li mbagħad jikteb poeżija ta’ mħabba bħalma hi “L-ewwel imħabba” (p.14) b’metafori li jpaxxuk, li juru s-sentimenti lejn il-maħbuba tiegħu. Laqtitni ħafna il-poeżija “Rebbiegħa” (p. 18) fejn Borg juri wkoll li jaf iħaddem sew ukoll il-vers tradizzjonali u anke “Int kont hemm” (p.25). L-għanja ħelwa f’kuntrast mar-rabja mfissra b’metafori qawwija f’poeżija oħra nxebbaha ma’ siltiet mużikali romantiċi li joħorġu minn xi artisti mużikali li jdoqqu mużika tqila. Dan il-kuntrast huwa interessanti u jogħġobni ħafna.
Żgħazagħ b’maturita’ kbira
Aspett li jinħass sew f’dawn il-poeżiji hija l-maturita’ kbira li toħroġ u dan il-fatt donnu l-istess poeti huma konxji tiegħu. Jidhirli li fil-poeżija ta’ Grima aktar jinħass dan is-sentiment, forsi minħabba li huwa aktar żagħżugħ u għadu maqbud bejn il-ħtieġa li jesperimenta u jduq ftit aktar l-esperjenzi tal-ħajja u fl-istess ħin magħġun sew bil-għerf, bil-qari u b’riflessjonijiet profondi.
“Ħakmet il-moħħ” jintebah li jrid ikompli u għal darb’oħra jħares lejn il-ġejjieni. Forsi l-aktar li jolqot mal-ewwel, u dan b’differenza għal Borg, fil-poeżija’ ta’ Grima hija l-esperiment bil-vrus u anke f’xi drabi anke l-vers projettiv. Bħala awtur jien personali ta’ din it-tip ta’ poeżija ma stajtx ma ninnutax mal-ewwel il-poeżija “L-Imsallab u l-poplu” (p.64) li għandha l-forma ta’ salib u “It-Taraġ ta’ ħajti” (p.56) li għandha l-forma ta’ taraġ. Imma l-esprimenti nsibuhom ukoll fil-mod kif juża l-ispazji u l-punteġġjatura. Fi “Stilla Feġġija” (p.55) huwa qawwi mmens il-vers “M’għandiex post għalik!” imma (u fil-poeżija hemm enfasi fuq l-‘Imma”),
“Passejn l-istilla
dderiġew
Lejn fejn hemm tarbija
Li huma nsew”
Interessanti kif iż-żewġ poeti jagħrfu ‘t-tifel’ ta’ ġo fihom li minkejja l-maturita’ jibqa’ hemm. Grima jilmenta sa ċerta punt “se nibqa’ nġorr f’batalja l-emozzjonijiet konfużi bla eżattezza” (p.57) Mill-banda l-oħra Borg, fil-poeżija “Baħħar qalbieni” (p.27) ifisser kif xorta jibqa’ jfittex l-irdoss tal-omm.
Fil-fehma tiegħi fil-poeżiji ta’ Grima jinħass ħafna l-entużjażmu, frott iż-żogħżija, u wkoll xi drabi biża’ mill-ġejjieni li tant jixtieq jasal malajr. Hawnhekk il-poeta narah qed jikteb f’isem ħafna u ħafna żgħazagħ.
Konklużjoni
Li jolqtoni f’dawn it-tip ta’ ġabriet ta’ poeżiji bejn żewġ awturi jew aktar huwa kif minkejja d-differenzi fl-esperjenzi tal-awturi, xogħolijiet differenti u kuntesti differenti li jkunu ġejjin minnu, xorta jidher li jkun hemm xebh kbir.
Ta’ min wieħed jinnota wkoll l-isforz konxju tal-poeti fil-preżentazzjoni ta’ dan il-ktieb, l-aktar bil-pitturi ta’ Salvatore Azzopardi Arts.
Inħeġġeġ biex dawk li għadhom ma ltaqgħux mal-kitba ta’ dawn iż-żewġ poeti, jew forsi għadhom qatt ma semgħu bihom, jakkwistaw kopja ta’ dan il-ktieb għax huwa eżempju tajjeb tal-poeżija kontemporanja.
(Paġna Letterarja It-Torċa 21 ta’ Ġunju 2015)See Translation— with Josef Borg and Carlston Grima.