Il-Malti – l-ewwel passi

Terence Portelli
Terence Portelli għandu l-ħila jikkombina b’mod tajjeb ħafna il-ħiliet tiegħu akkademiċi kif ukoll dawk poetiċi. Dan għaliex Portelli huwa magħruf ukoll għall-poeżija tiegħu, partikularment il-Ħajku. Fil-fatt, fost oħrajn Portelli ppublika…..
Ammirazzjoni oħra li għandi għal Portelli huwa għal fatt li bħala akkademiku joħroġ ‘il barra mill-kuriduri tal-universita’ u tar-riċerka u jattwalizza r-riċerka għall-prattika. Għaldaqstant huwa involut sew f’dak li għandu x’jaqsam mal-pedagoġija, mhux biss fil-livell tejoretiku imma anke fil-prattika. Dawn il-kotba huma xhieda ta’ dan.
L-edukazzjoni elementari hija importanti mmens u huwa fatt riċerkat li sa miċ-ċokon importanti li uliedna jitħarrġu u jitgħallmu. F’dak iż-żmien isir ħafna u ħafna tagħlim. It-tfal jibdew billi josservaw dak li hemm madwarhom u “Kliem minn kullimkien” jindirizza propju dan. Nistgħu inqisuh bħala miklem żgħir għat-tfal. Jibda min-nies, u allura “tifla”, “tifel” eċċ., imbagħad insibu “il-partijiet tal-ġisem”, “frott”, “ħaxix”, “annimali” u sezzjonijiet oħra. Il-ktieb jikkonsisti fi stampi sbieħ u l-kliem bil-Malti. Din hija inizjattiva ta’ min ifaħħarha, għaliex dejjem huwa ta’ kontribut għal-ilsien pajjiżna. “L-ewwel ktieb tal-kuluri” jista’ jintuża kemm biex jilħaq l-objettiv prinċipali dik li jgħallem il-kuluri imma Portelli ħaseb ukoll li l-istampi iddeskriva x’inhuma. Għaldaqstant it-tfal żgħar jistgħu jagħrfu l-oġġetti u jassoċjawhom mal-kulur li għandhom billi l-istampi huma kollha b’dak il-kuluri, ngħidu aħna oranġjo huma kollha oranġjo. Portelli ma naqasx milli jdaħħal oġġetti li għandhom dak il-kulur partikolari, ngħidu aħna mal-kulur aħmar insibu frawla, ġobna mal-kulur isfar, għeneb mal-kulur aħdar, larinġ mal-kulur oranġjo eċċ. It-tfal, bl-għajnuna tal-ġenituri u l-għalliema jistgħu jiġu mistoqsija, X’qed taraw? Fejn issibu dan l-oġġett? Ġieli taraw l-istess oġġett b’kulur ieħor? Tistgħu ssemmu oġġett ieħor bl-istess kulur? Mill-banda l-oħra anke tfal akbar (l-ewwel sena primarja) jistgħu jitgħallmu l-kliem, u anke kif jinkitbu. Il-ktieb jispiċċa b’numru ta’ stampi b’ħafna kuluri bħal bloks, fjuri, raddiena eċċ. “L-ewwel ktieb tan-numri” iħarreġ lit-tfal fil-ħila li jgħoddu affarijiet differenti, u fl-istess ħin li jaqraw in-numru bil-Malti u jagħrfu kif jinkiteb in-numru taħt forom differenti. Fl-ewwel parti għandek in-numri sal-għaxra, għaliex dawn huma importanti għall-ewwel żminijiet. Imbagħad il-ktieb jgħaddi billi jerġa’ jfakkar in-numri u l-possibilta’ li t-tfal jgħoddu affarijiet differenti u l-ħila li jgħoddu fuq idejhom. Imbagħad insibu n-numru f’inqas dettal imma bil-possibilta’ li t-tfal jgħoddu minn ħdax sa dsatax u għal tfal aktar avvanzati kif jinkitbu n-numru bil-Malti, għoxrin, tletin, erbgħin, ħamsin, sittin, sebgħin, tmenin, disgħin u mija.
Jakkumpanjaw lil dawn il-kotba, għalkemm jistgħu jiġu użati individwalment huma l-kotba tat-taħriġ li huma ta’ gwida għall-kitba tal-ittri kollha tal-alfabett u n-numri bejn il-linji. Kull ittra tal-alfabett miktuba żgħira u kbira.Kull ittra tal-alfabett hi marbuta ma’ ritratt ikkulurit ta’ oġġett, u taħtu kelma b’daqs kbir miktuba bejn il-linji. B’hekk it-tfal għandhom jitgħallmu jiktbu l-ittri tal-alfabett u n-numri bejn il-linji b’mod ħafif u malajr. Kull paġna qegħda fuq sfond safrani biex jgħin lil tfal bid-dislessija.
Insibu wkoll flexkards, li għal darb’oħra jistgħu kemm jinxtraw u kemm jintużaw separatament, li jgħinu lit-tfal jitgħallmu b’mod ħafif u b’gost, ħafna drabi f’kuntest ta’ logħba, l-ittri kollha tal-alfabett u n-numri bil-Malti. Dawn huma għodda importanti mmens kemm għall-ġenituri u kemm għall-għalliema.
Dawn il-kotba kif ukoll għodod edukattivi oħra li qed joffrielna Terence Portelli huma siewja ferm li jgħinu lit-tfal fl-aktar snin bikrin.

(Paġna Letterarja It-Torċa, 31 ta’ Mejju 2015)See Translation— with Terence Portelli.

Leave a Comment