Karmenu Baldacchino
L-istorja ta’ Jack the Ripper tibqa’ mhux biss tiba’ tkexkex imma wkoll tibqa’ tagħti lok għal bosta spekulazzjonijiet ta’ min huwa dan is-serial killer famuż. Biżżejjed ngħidu li kif insibu f’dan l-istess ktieb “hemm madwar ħmistax –il kandidat serju għat-titlu mistmerr ta’ Jack the Ripper” (p.53). Baldacchino fil-fatt ma jaqbadx u jasal għall-konklużjoni waħda ta’ min seta’ kien, imma jagħti sfond fil-qosor tas-suspettati (p.53-59).
Wieħed minn dawn kien James Maybrick, negozjant tal-qoton (p.17). Din it-tijorija hija misluta mid-djarju li kiteb dwaru ċerta Michael Barrett, negozjant żgħir tal-ħadid skartat minn Liverpool (p.62). Dan allega li ngħata lilu minn ħabib ċertu Tony Devereux, waqt li dawn kienu ġo pub. Għalkemm l-awtur tad-djarju ma jidentifikax ruħu b’mod ċar, huwa ovvju li minn bosta referenzi jidher li kien tan-negozjant tal-qoton James Maybrick. Maybrick miet f’Mejju tas-sena 1889 u ftit wara l-mewt tiegħu, il-mara tiegħu Florence kienet arrestata u akkużata bil-mewt ta’ żewġha billi vvelenatu (p.32). Imma għaliex Maybrick beda joqtol, dejjem skont dan id-djarju? Iż-żwieġ ta’ Florence ma’ James ma’ kien xejn feliċi (ħlief li għal għajn in-nies kien wieħed hieni). Filfatt f’dan id-djarju jiddeskriviha bħala “qaħba” (p.77). Kienet ir-relazzjoni ta’ martu ma’ Brieley li mmotivatu sabiex joqtol il-prostituti (p.78).
Id-djarju jiddeskrivi b’mod dettaljat ħafna l-qtil tiegħu. Ta’ min wieħed jgħid li qabel deher dan id-djarju qatt ma ssemma li James Maybrick seta kien Jack the Ripper. L-ewwel reazzjoni tal-esperti li eżaminaw id-djarju kienet li kien ġenwin. Ċertament li ż-żmien li jissemma huwa wieħed korret. Madankollu kien meħtieġ aktar analiżi forensika li kellha tistabbilixxi jekk id-djarju kienx wieħed ġenwin.
Aktar tard iżda Michael Barret stqarr ma’ The Liverpool Post li kien hu li ffalsifika d-djarju. Il-gazzetta ġabet fil-fatt li “Ir-raġel li qal li għandu d-djarju ta’ Jack the Ripper ilbieraħ ammetta li l-affari ma kienet xejn ħlief ħlieqa” (p.133).
Dan huwa ktieb fil-fehma tiegħi interessanti mmens għax ma jitrattax l-istorja ta’ Jack the Ripper b’mod kif ġieli rajnieha billi jsemmi s-suspettati imma jippreżentalna din l-istorja ta’ imħabba li qatt ma eżistiet bejn tnejn min-nies, jiġifieri James u Florence, li spiċċat b’mod traġiku. U intom taħsbu li James seta’ kien Jack the Ripper?
Paġna Letterarja, It-Torċa, 12 ta’ Lulju 2015