Il-Prostituzzjoni f’Malta

Edward Attard
Pubblikazzjoni: BDL

Żgur li Eddie Attard m’għandu bżonn ebda introduzzjoni f’dawk li għandu x’jaqsam ma’ kotba marbuta ma’ kriminalita’. Dan il-ktieb diġa deher avviż meta ħareġ, imma numru ta’ qarrejja talbuni li nagħti ftit aktar tagħrif u għaldaqstant mhux neskludi li ‘l quddiem nagħmel intervista ma’ dan l-awtur. Attard għandu esperjenza kbira fil-korp tal-pulizija u huwa wkoll riċerkatur tajjeb u jikkombina l-istudji tiegħu mal-esperjenza li għandu b’mod tajjeb ħafna.
Dan il-ktieb “Il-prostituzzjoni f’Malta” mela vojt fil-qasam letterarju imma ngħid jien jista’ jkun ta’ siwi wkoll għal diversi dixxiplini oħra kemm akkademiċi kif ukoll prattiċi. Għaliex din l-eqdem professjoni kultant forsi nippreferu li tkun ftit mistura, daqs li kieku qatt ma eżistiet, ħlief meta xi kultant nisimgħu xi każ ta’ prostituti li jittellgħu il-qorti. Illum forsi wieħed jistaqsi jekk dawk li nafuhom bħala gentlemen’s clubs għandhomx jiġu regolarizzati. U f’dan il-kuntest tajjeb li jkollna sfond storiku ta’ dan is-suġġett kontroversjali.
Il-ktieb fih seba’ kapitli u ħames appendiċijiet,u taħt it-titlu ta’ kull kapitlu hemm kwotazzjoni fuq is-suġġett. L-awtur jikkwota lil Victor Hugo, il-Papa Ġwanni Pawlu II, Charles Dickens, Barbara Meil Hobson, it-Tabib Philip Carabott u lil Lorraine Spiteri. Fl-introduzzjoni jiddeskrivi l-Prostituzzjoni bħala l-eqdem professjoni fejn saħansitra tissemma fil-Kotba Mqaddsa, u “fil-Kodiċi ta’ Ħammurabi tas-sena 1772 qabel Kristu, fil-parti fejn jissemma d-dritt tal-propjeta’ tan-nisa, il-liġi kienet tgħid li d-dritt kien japplika wkoll għall-prostituti” (p.13). Wara l-introduzzjoni qasira u informattiva, fil-ktieb insibu seba’ kapitli:
1. Il-Prosituzzjoni f’Malta fi żmien l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann
2. Il-mard venerju
3. It-tagħlim nisrani u l-awtoritajiet tal-Knisja fir-rigward tal-prostituzzjoni
4. Il-liġijiet dwar il-prostituzzjoni minn żmien l-Ingliżi f’Malta,
5. Il-Prostituzzjoni fil-bidu tas-seklu għoxrin u s-snin ta’ wara,
6. Omiċidji u reati oħra relatati mal-Prostituzzjoni,
7. Kundanni dwar reati ta’ Prostituzzjoni.
Wara dawn il-kapitli nsibu appendiċi interessanti mmens. L-Appendiċi huma s-sorsi primarji u għaldaqstant mhux biss juru kemm dan il-ktieb huwa wieħed riċerkat imma wkoll dawn is-sorsi huma ta’ interess kbir.

Professjoni qadima imma kundannata

F’pajjiżna wkoll jidher li l-prostituzzjoni kellha għeruq fondi. Biżżejjed insemmu xi qwiel Maltin, li mhux biss juru dan imma juru wkoll li “taqħib” jew “qaħba” kienu użati flok prostituzzjoni jew prostituta (p.7). Il-ktieb jibda billi jsemmi li kien hemm gran mastri li kellhom x’jaqsmu ma’ prostituta u li la l-prostituzzjoni u lanqas ir-rabta tagħhom mal-Ordni ma kienu xi ħaġa li bdew f’Malta. Tant li ħafna snin qabel ġew Malta, l-Ordni diġà tat id-dritt li wieħed jista’ jitlob li jitkeċċew prostituti viċin tiegħu (p.23). Attard isemmi wkoll li fit-22 ta’ Lulju 1566, “il-Papa Piju V kien ħareġ l-editt biex jitkeċċew il-prostituti minn Ruma” (p.28). Imbagħad aktar tard naraw ukoll kif fil-Kodiċi Kriminali ta’ żmien il-Gran Mastru Vilhena jissemma li raġel miżżewweġ ma setax imur ma’ prostituta u kien hemm pieni ħorox jekk jagħmel dan (p.38).
M’għandniex xi ngħidu l-Knisja Kattolika minn dejjem kienet ħarxa ħafna kontra l-prostituzzjoni (p.65), ispirata mill-Kotba Mqaddsa (p.66). Fis-sekli ħmistax u sittax imbagħad naraw it-twaqqif ta’ djar magħrufa bħala Convertite della Maddalena li kellhom l-għan propju li jilqgħu lil dawk in-nies sabiex jikkonvertu. F’Malta twaqqaf il-Monasteru li ġie msejjaħ Santa Maria Madalena delle Repenite (p.73). Attard jirreferi għal ktieb ta’ riċerka ieħor bl-isem ta’ Magdalene Nuns and Penitent Prostitutes Valletta ta’ Christine Pace. Dan ukoll huwa ktieb li nirrakommandah. Ta’ min wieħed jgħid ukoll li l-Knisja ta’ Marija Madalena fil-Belt Valletta l-unika fdal li fadal minn dan il-monasteru, qed tiġi restawrata u diġà wieħed jista’ jammira x-xogħol sabiħ illi sar fiha.

Madankollu mhux biss il-ħabs jew kastigi oħra li kienu kontra l-prostituzzjoni. Kellek ukoll il-mard venerju, li nafu li mhux biss nies ordinarji mardu bih imma wkoll patrijiet, saċerdoti, kavallieri u saħansitra granmastri (p.43). Anke fi żmien l-Ingliżi kellek l-Isptar ta’ Bighi fil-Kalkara li fih ġew ikkurati bosta baħrin bil-mard venerju (p.97).

Minkejja dan kollu naraw kemm bosta persuni spiċċaw messu mal-prostituzzjoni. Minkejja l-vot tal-kastita’, meta l-Kavallieri sabu posthom fil-Birgu kienu aktar qrib it-tentazzjoni (p.24). Bosta nies oħra anke ta’ prominenza jissemmew fi żmien l-Ingliżi fosthom il-Kummissarju Frank Stivala li ġie akkużat fost oħrajn li assoċja ruħu ma’ nisa b’karattru dubbjuż (p.124).

Konklużjoni

Huwa diffiċli li f’riċensjoni qasira nħares fid-dettal lejn ktieb bħal dan. Dan il-ktieb fih saħansitra l-Indiċi. Madankollu bħal kotba oħra ta’ Edward Attard huwa mexxej ħafna u faċilment jiftiehem minn persuni bħali li mhux midħla la tal-liġi u lanqas ma’ dak kollu marbut mal-kriminalita’. Attard jikteb b’mod dirett ħafna. Terġa’ l-istampi jgħinu mhux ftit sabiex wieħed jifhem sew il-kuntest anke jekk dan il-ktieb huwa wkoll wieħed storiku. Għaldaqstant waqt li jien inqis dan il-ktieb bħala wieħed ta’ referenza, ċert li darba tibda taqrah ma titilqux minn idejk.

Il-ktieb jinsab għal bejgħ mingħand il-Book Distributors Ltd ta’ San Ġwann u mill-ħwienet li jbiegħu l-kotba.

(Paġna Letterarja, It-Torċa, 12 ta’ Lulju 2015)See Translation

Leave a Comment