Awtriċi: Therese Pace
Pubblikazzjoni Faraxa
Nhar il-Ġimgħa 21 t’Awwissu 2015 fir-Razzett tal-Markiż Mallia Tabone, il-Mosta kien hemm it-tnedija tal-kotba “In Her Element” ta’ Therese Pace u “Bejn tnejn” ta’ Josef Borg u Carlston Grima. Dwar dan tal-aħħar diġa konna ktibna fil-Paġna Letterarja tal-Ħadd 21 ta’ Ġunju. Illum qed nippreżentawlkom il-ktieb “In Her Element” ta’ Therese Pace.
Nistqarr mingħajr ebda problema li Therese Pace hija waħda mill-aktar poetessi li jien nammira. Minbarra li għandha ħakma tajba tal-kelma, Pace kapaċi ssib bilanċ bejn il-bżonn li sserraħ lilha nfisha u tfisser il-ġewwieni tagħha u x-xewqa li tikkomunika. Hija poeżija soċjali daqs kemm hija personali u intima. Fl-opinjoni tiegħi “In My element” (p.18) hija l-poeżija li tiddeskrivi eżatt dak li tixtieq twassal. Permezz ta’ ħafna immaġini li jikkaretterizzaw il-poeżija tagħha fosthom tal-iljun sever li jimxi fil-ġungla, leħinha jidwi fid-deżert. Il-kitba hija l-pjazza li fiha timraħ, l-ispazju fejn taħkem għalkemm ukoll issib l-għedewwa. Il-poeżija ta’ Pace mhijiex waħda faċli. Għalkemm kapaċi tilħaq lill-kotra il-kitba tagħha hija sfida, mhux biss sabiex wieħed jixtarr sew dak li qed tgħid imma wkoll sfida fil-ħsieb tagħna. Xi waqtiet jaf tiskomodana daqs kemm f’oħrajn tpaxxina bil-vrus ħelwin u xenarji mill-isbaħ li tikteb daqs li kieku qed tpitter. Mhux ta’ b’xejn li Pace hija rebbieħa ta’ bosta konkorsi prestiġjużi kemm lokali kif ukoll internazzjonali, kif wieħed jista’ jara fis-sit tagħha http://www.freewebs.com/theresepace.
Huwa diffiċli għalija li nippreżenta dan il-ktieb fi spazju limitat imma mal-ewwel ħarsa tiegħi it-temi prinċipali nasal biex niġborhom fi tlieta: Il-Mara li tipprotesta, Il-Mara li tħobb u l-Mara bħala omm u pedament sod fil-familja. Dan il-ktieb għandu daħla tal-Professur Oliver Friggieri u analiżi kritika tal-awtur u kritiku Patrick Sammut.
Il-Mara li tipprotesta
Mill-ġabriet ta’ poeżiji tagħha “Appareġġi” u “Meta tkellimni hi” u anke f’din il-ġabra, ma nistgħux nikkonkludi li Pace hija femminista pero hija l-mara ħielsa li tipprotesta, tgħid dak li tħoss anke fil-kuntest ta’ relazzjoni bejn raġel u mara. Din ir-ribelljoni mhijiex riżultat ta’ ġlied jew firda imma hija l-bażi tal-ugwaljanza bejn is-sessi, għaliex il-mara għandna leħen u dak ta’ Pace bħala awtriċi tagħti leħen ukoll lil dawk in-nisa li m’għandhomx.
Minkejja l-progress, għad baqa’ ħafna nħawi fid-dinja fejn in-nisa għadhom ma jitħallewx jitgħallmu minħabba raġunijiet politiċi, soċjali u kulturali. “Barriers” (p.71) hija propju dwar hekk. “Casualty” (p.48) hija dedikata lil Iman al-Obeidi il-mara Libjana u studenta tal-Liġi li ngħatat attenzjoni kbira mill-media wara l-kuraġġ tagħha meta fis-26 ta’ Marzu 2011 irrapurtat kif kienet ġiet stuprata mill-forzi Libjani.
Madankollu anke fil-punent, il-mara dejjem trid taqta’ bi snienha sabiex tirnexxi fil-ħajja u waqtiet l-isfidi tagħha huma akbar minn dawk tar-raġel. Dan Pace tesprimieh fil-poeżija “Growing Tall” (p.24) fejn l-awtriċi tgħidilna wkoll li dan is-suċċess mhux dejjem jinżel tajjeb mas-sess maskili. Sfida oħra, li wkoll insibuha ħafna fil-punent fejn il-kummerċjaliżmu jiddomina hija dwar id-dehra fejn anke tfajliet żgħar jispiċċaw ilsiera tal-istess kummerċjaliżmu u d-dehra tagħhom. Dan narawh fil-poeżija “For Odyl and Pizzazz” (p.63).
Fil-poeżija tagħha “Oshibana”, (p.58), li tfisser l-arti sabiħa Ġappuniża permezz ta’ fjuri nixfin naraw il-poetessa li tħares lejn l-orizzont bi stagħġib u tħoss dan il-bżonn li toħroġ lil hinn minnha u titwaħħad mal-umanita’. Hu propju minn dan il-kwadru naħseb li joħorġu l-ħsus prinċipali ta’ Pace li nista’ niddeskrivihom bħala ħsus ta’ mara u li fihom toħroġ il-femminita’ daqs kemm toħroġ l-umanita’ tagħha. F’din il-poeżija li kienet imsemmija b’ġieh fil-konkors Nosside, Pace titratta t-tema tal-immigranti llegali li qed jittamaw għal ħajja aħjar u ma jafux li se jaslu. It-tema soċjali u l-altruwiżmu toħroġ ukoll fil-poeżija “Logic” (p.38).
Il-mara li tħobb
Wara l-mara li tidher fis-soċjeta’, wara l-mara li taħdem u forsi għandha karriera hemm mara li tħobb. U dan il-bżonn naturali ma jistax ikun miċħud kif naraw fil-poeżija “Behind closed doors” (p.33). Din l-imħabba ma tissarrafx bi kliem imma bis-silenzju (Telepathic, p. 37). Din hija l-komunikazzjoni li m’għandhiex bżonn storbju għax l-imħabba hi biżżejjed. Fil-poeżija ta’ Pace hemm xenqa kbira għas-sempliċita’ għaliex fis-sempliċita’ nsibu l-valur vera tal-imħabba (The Park, p.59). L-imħabba għal Pace imma mhijiex xi pakketta maġika imma trid taħdem għaliha kontinwament. Fil-poeżija “Trimming The Vines” (p.20) tgħidilna li bħal ma bniedem jiżbor siġra, hekk ukoll ir-relazzjoni bejn koppja tmut jekk din ma niżbruhiex. Il-mużew “Garden dwarf” (p. 17) ġewwa Zagreb fil-Kroazja wassal biex tirrifletti fuq it-tmiem ta’ relazzjonijiet.
Kif għidt aktar ‘il fuq il-poeżija ta’ Pace hija bħal kwadru, tippreżentalna xenarji mill-isbaħ, xi wħud minn inħawi differenti tad-dinja u realtajiet li forsi bilkemm noħolmuhom. “Wavelengths” (p.66) ngħidu aħna titratta d-differenza fl-istatus fis-soċjeta’ u l-isfidi meta wieħed li ġej minn soċjeta’ għolja iħobb xi ħadd li ġej minn klassi soċjali aktar baxxa.
Is-silenzju jidher f’bosta poeżiji imma l-aktar li huwa mfisser bil-qawwa huwa fil-poeżija “The Silence That Charms Me” (p.21). Is-silenzju huwa l-enerġija tal-poetessa u l-ispirazzjoni tagħha. Il-poeżija hija dik li timlilha qalbha, hekk kif naraw b’mod ċar fil-poeżija A Poet’s Song (p.65).
Mal-imħabba għall-poeżija, wieħed irid iżid ukoll l-Imħabba għal ilsien pajjiżna li jagħmilha kburija (Language talk, p.52)
Rwol tal-mara bħala omm u pedament sod fil-familja
Element ieħor li noħroġ mill-poeżija ta’ Pace huwa r-rwol bħala omm u r-rwol tal-mara bħala pedament sod fil-familja. Fil-poeżija “Bond” (p.31) naraw li dik ir-rabta tal-omm mal-ulied ma tintemmx anke jekk kif ngħidu bil-Malti dawn bħal għasafar u jtiru. Minkejja li l-istess omm tikber fiż-żmien din ir-rabta mal-ulied tibqa’ hemm. F’” Neophyte” (p.34) naraw l-esperjenza tal-omm li tgħin lil uliedha sabiex dawn jikbru, tgħallimhom anke jekk waqtiet il-frott ma jkunx dejjem kif tixtieq.
It-trobbija hija sfida u sabiħa u daqstant hija kerha n-nuqqas tal-ħajja. Żewġ poeżiji ngħid jien kuntrasti imma t-tnejn jitkellmu fuq ħajja li tintilef. Huma kuntrasi għaliex f’waħda din it-telfa tal-ulied m’hijiex mixtieqa (Radicle, p.42). L-Omm qatt u qatt ma tista’ tinsa l-iben jew lil bintha (f’dan il-każ lil binha). Mill-banda l-oħra f’”Matriarch” (p.25) naraw ir-realta’ kerha tal-abort u d-dritt tat-tifel/tifla għall-ħajja.
Konklużjoni
Fil-poeżija “In my element”, Therese Pace tgħidilna li ma tafx ħaddieħor kif ser jilqa’ l-vrus tagħha. Dan narah jien bħal parabbola taż-żerriegħa (għalkemm din it-tixbiha ma nsibuhiex fil-poeżija ta’ Pace) li ma tafx iż-żerriegħa fejn taqa’. Aħna żgur napprezzaw il-poeżija ta’ Pace u ktieb bħal dan żgur li jinżel għasel ma’ dawk li għandhom għal qalbhom il-poeżija. Huwa bħal kwadri differenti fejn l-artista użat il-kelma flok iż-żebgħa. Mid-dettal toħroġ tema li tista’ toħloq diskussjoni.
Ma tantx inħobb noħroġ tema awtobijografika mill-poeżija minħabba li l-artist kapaċi joħloq bosta xogħlijiet sabiex jesprimi ruħu u anke jagħti gost. Imma nazzarda noħroġ l-elementi li jsawru l-karattru ta’ Therese Pace mhux biss bħala poetessa imma bħala mara. Mara li għandha rieda soda, taf fejn trid tasal, intelliġenti, imma tgħożż il-valuri tradizzjonali li għall-ebda raġuni ma jċedu quddiem il-progress li jista’ jeqred il-ħajja, jwassal sabiex inkunu skjavi tal-moda jew tal-istess progress.
Paġna Letterarja, It-Torċa, 22 t’Awwissu 2015
Therese-Cover