oriġinarjament miktub bit-Taljan minn Georgia Manzi
addattat għall-Malti mill-awtur magħruf Simon Bartolo
Pubblikazzjoni: Merlin Publishers
Merlin Publishers qed jagħmlu diversi sforzi sabiex jolqtu l-gosti taż-żgħażagħ u adoloxxenti. L-adoloxxenti mhumiex tfal. Hija l-eta’ fejn jibdew ifittxu l-individwalita’ tagħhom u hekk għandu jkun. Għalkemm huwa diffiċli għal ġenituri sabiex jaċċettaw u jifhmu, dawn jibdew ifittxu aktar il-gosti u l-interessi tagħhom u mhux dawk tal-ġenituri, inkluż l-għażla tal-ħbieb u dan iwassal biex bosta drabi jkun hemm bosta konfronti bejnhom u l-ġenituri. Terġa’ u tgħid huwa żmien ukoll ta’ ribelljoni u dan bosta drabi jwassalhom sabiex ikun hemm kwistjonijiet bejnhom u bejn l-adulti, illi jarawhom bħala awtorita’. Ktieb għall-adoloxxenti għandu jirrifletti dan il-kuntest. Irid ikun marbut mal-ħajja li jgħixu l-adoloxxenti, allura waqt li f’dan il-ktieb naraw l-ambjent tal-iskola, x-xogħol tal-iskola u l-ġenituri, l-awtriċi żżomm f’moħħha li Lilli m’għadhiex tifla u r-ribelljoni toħroġ ukoll ċara f’dan il-ktieb, flimkien mal-ħolm u l-fantażiji.
Il-qofol tal-ktieb narah fir-relazzjoni bejn Lili (tfajla Taljana) u s-Sinjura Tamara, il-mara Rumena li kienet tieħu ħsieb id-dar. Fil-ktieb ngħaddu minn inċertezza għall-oħra; nibdew minn dik personali ta’ Lilli li jħallu l-Italja lejn Ateni fil-Greċja, minħabba li missierha jingħatha xogħol hemmhekk. Lilli ma tistax timmaġina kif il-ħajja tagħha ser tinbidel fi żmien qasir. Fil-Greċja kellha tibda ħajja ġdida. Iżda naraw kif ommha Clelia, tikkritika kollox u lil kullħadd. Missierha mill-banda l-oħra l-importanti li jġib il-flus id-dar u daqshekk. L-integrazzjoni fl-iskola ma kienx biżżejjed. Imbagħad għandna l-kriżi ekonomika li laqtet lill-Greċja. Imma fil-ktieb naraw kif f’nofs dawn l-inċertezzi Lilli tagħmel ħbieb ma’ ġuvni u tibda tinbet relazzjoni bejniethom. Lilli tiskopri wkoll il-bajjiet sbieħ tal-Greċja u dawn kienu wkoll mumenti pożittivi. F’mumenti diffiċli, ta’ taħwid u inċertezza Celia timrad b’dak li lkoll kemm aħna nistkerrhu ma nixtiqux. F’dawn il-mumenti imn’Alla kienet Tamara.
Fil-ktieb nara bosta punti ta’ riflessjoni interessanti. Dawn naturalment qegħdin b’mod sottili ħafna għaliex illum qed ninqatgħu mill-idea li kull ktieb qiegħed biex jgħallem u jrid jispiċċa b’numru ta’ valuri. Ktieb qiegħed hemm wara kollox biex iż-żgħażagħ, adoloxxenti u t-tfal jieħdu gost bih, bħalma nieħdu gost bih aħna. Wara kollox illum anke t-tagħlim formali qed jieħu forom differenti fosthom ta’ logħob, gost, u ħolqien ta’ ideat. Mhux neċessarjament għandu jkun ifformalizzat. Imma fost il-punti interessanti li laqtuni fil-ktieb insibu r-relazzjonijiet taħt diversi forom fosthom mal-ġenituri, għalliema, ħbieb, mal-maħbub eċċ. L-aktar ma’ Tamara. Interessanti wkoll kif iż-żgħażagħ u l-adoloxxenti jgħixu bħalna, u ngħid aktar minna t-tbatijiet tal-ħajja u bosta drabi jinġarru magħhom u jaffetwawhom mhux ftit. Dan għaliex ikunu għaddejjin diġà minn bidliet radikali u żviluppi mhux biss fiżiċi imma wkoll emozzjonali. Mhux ta’ b’xejn ir-reazzjoni ta’ Lilli lejn Tamara kienet li kienet. Xi kultant iva anke min jurihom li jħobbhom. Naturalment imbagħad fl-iskola kienet hemm ukoll drabi fejn ma sabitx dak l-ambjent li stħajlet u xtaqet. Fuq kollox insibu kif hemm il-pożittivita’ li toħroġ bħal ward qalb ix-xewk. Kif insibu fil-bidu ta’ dan il-ktieb, “Il-kriżijiet u d-diffikultajiet spiss isiru opportunita’ ta’ żviluppi interjuri” (p.8).
Ta’ min wieħed isemmi wkoll li l-qoxra tal-ktieb tal-verżjoni Maltija ma tagħmilx għajb lil dik oriġinali. Naraw id bil-loom bands (li huma popolari ħafna f’ċerta etajiet) fil-but ta’ jeans. Jispikka r-roża fit-titlu u anke l-mod informali kif inhu miktub. Kollox juri informalita’, tbegħid mir-riġidita’ u l-uniformita’.
Georgia Manzi hija awtriċi żagħżugħa taljana, imma tgħix f’Ateni. Hija għalliema tat-taljan b’esperjenzi maż-żgħażagħ u wkoll ġurnalista. Manzi hija wkoll omm ta’ żewġt itfal. It-truduzzjoni ġiet fdata f’idejn Simon Bartolo, awtur popolari ta’ bosta kotba għaż-żgħażagħ u l-adoloxxenti fosthom it-triloġija tal-Fiddien. Napprezza l-fatt li ktieb bħal dan mhux biss qed jagħtina l-opportunita’ li naqrawh bi lsien pajjiżna imma ta’ min ngħidu wkoll li jagħmel isem lil pajjiżna billi se jidher fuq bosta siti elettroniċi barranin u mezzi oħra tal-media soċjali.See Translation— with Chris Gruppetta.