Awtur: Josef Grech
Pubblikazzjoni: Dom Communications Ltd
Dis-sena jaħbat l-erbgħin anniversarju mill-Konferenza ta’ Helsinki. Sabiex ifakkru dan il-jum storiku ġew organizzati konferenza u anke wirja fil-bini tal-Parlament fost oħrajn. Dom Communications Ltd. li tawna ħafna u ħafna pubblikazzjonijiet dwar il-Perit Mintoff, tant li din id-dar ta’ pubblikazzjoni hija wkoll imsemmi għal dan l-ex-Prim Ministru u statista kbir, u kienet waħda mill-ewwel monumenti ħajjin tiegħu. Ma setax jonqos allura li Dom Communications joħorġu ktieb ukoll għal din l-okkażjoni.
Dik li baqgħet magħrufa bħala d-dikjarazzjoni ta’ Helsinki kellha l-bidu tagħha fl-1973 u kienet important mmens għaliex fl-eqqel ta’ Gwerra Bierda il-35 stat li pparteċipaw iffirmaw sabiex jitjiebu r-relazzjonijiet bejn il-Pajjiżi tal-Lvant u dawk tal-Punent. Fost il-pajjiżi li ffirmaw din id-dikjarazzjoni kien hemm Malta, irrapreżentata mill-Prim Ministru Dom Mintoff. Il-Konferenza ntemmet sentejn wara, bl-iffirmar tal-Helsinki Accords.
Il-ktieb jagħti ħarsa komprensiva tal-ħsieb ta’ Mintoff u għalhekk imur lura fl-1971 propju meta l-Partit Laburista ħa f’idejh it-tmum tal-pajjiż. Il-Partit Laburista ma kienx kuntent bil-ftehim tal-Indipendenza u għalhekk ħaseb minnufih li jerġa’ jinnegozja dan il-ftehim. Fost l-inizjattivi li ħa kien li talab formalment għal reviżjoni tat-trattati ta’ difiża u finanzjarja bejn iż-żewġ pajjiżi. Jien dejjem fhimt li n-newtralita’ ma kinetx għażla politika faċli. Din il-mistoqsija u x’konsegwenzi kellha fuq Malta ddiskutejtha wkoll fil-ħsieb tiegħi dwar il-ktieb “Ħelsien” ta’ Mark Camilleri li kif għidt wieġeb bosta mill-mistoqsijiet tiegħi. Għaliex kif insibu f’il-ktieb ta’ Grech (p.26), l-indipendenza tal-1964 ġabet magħha wkoll il-konsegwenza li “n-NATO beda jopera f’territorju barra mill-ġurisidizzjoni ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu” u “Malta bdiet titlef madwar £40,000 fis-sena.” Grech jispjega li kemm –il darba sar attentat mill-Partit Nazzjonalista sabiex Malta jkollha rabtiet aktar mill-qrib man-NATO, fosthom wara l-gwerra tal-1967 bejn l-Għarab u Israel imma din it-talba dejjem ġiet miċħuda (p.29). Malta qamet fuq saqajha għaliex kif kien qal fid-diskors storiku tal-1958: “‘Is-Siegħa tal-Prova waslet. Il-poplu Malti li tant iġġieled fl-imgħoddi battalji ta’ ħaddieħor issa wasal biex juri lid-dinja jekk veru kibirx u sar nazzjon.” Din id-darba dan immaterjalizzah billi għamel bosta ftehim mhux biss mal-Gvern Ingliż imma nazzjonijiet oħra fosthom il-Libja u ċ-Ċina. Fl-1973 Malta ssieħbet fil-Moviment non-allineat, li ta’ min ngħidu li dak iż-żmien kien jinkludu wkoll bosta pajjiżi fosthom Ċipru u l-Yugoslavja. Il-qagħda strateġika ta’ Malta f’nofs il-Mediterran, li għal diversi snin serviet bħala bażi militari, Mintoff fehem li jista’ jieħu l-vantaġġi minnha jekk minflokk vapuri tal-gwerra jidħlu vapuri tal-paċi.
Huwa f’dan il-kuntest li rridu nifhmu d-dikjarazzjoni ta’ Helsinki. U naħseb dan kien l-iskop ta’ Josef Grech. Mintoff sostna li ma jistax ikun hemm paċi fid-dinja jekk ma jkunx hemm paċi fil-Mediterran. U Malta setgħet isservi ta’ pont sabiex dan isseħħ.
Id-dikjarazzjoni ta’ Helsinki ma kinetx ġrajja storika biss imma hija relevanti ħafna anke fiz-zmien tallum. Ta’ min wieħed jgħid li l-Perit Mintoff anke fid-disgħinijiet baqa’ jsostni dan il-prinċipju tiegħu favur il-paċi u s-sehem ta’ pajjiżna, kif ukoll l-attiviżmu tiegħu baqa’ qawwi ħafna l-aktar fiż-żmien tal-gwerra kontra l-Iraq. Illum għadna qed naraw fit-Tramuntana l-kunflitt tal-Ukrajna, fil-Lvant il-gwerra dejjiema fil-Palestina, u ftit il-bogħod minna l-kriżi fl-Afrika.
Interessanti ħafna l-istampi li juri l-fehmiet tal-ġurnali matul iż-żminijiet b’diversi artikli marbutin direttament jew indirettament mal-ħidma tal-Perit Mintoff.
Dan il-ktieb għandu d-daħla ta’ Ivan Grech Mintoff in-neputi ta’ Duminku Mintoff.
Dan il-ktieb tista’ tixtrih billi ċċempel fuq 9906 1916 jew tibgħat e-mail fuq: jew mill-ħwienet ewlenin f’Malta u Għawdex.
Paġna Letterarja It-Torċa, 16 t’Awwissu 2015