Merlin Publishers tawna numru sabiħ ta’ kotba li għamlu suċċess barra minn xtutna u issa qegħdin f’idejn uliedna b’ilsien pajjiżna. Dan narah kontribut doppju fil-letteratura Maltija. L-ewwel nett qed jagħtuna ktieb li diġa għamel suċċess bil-lingwa tagħna. Qed nitgħallmu mill-esperjenza ta’ kotba barranin, x’format jużaw, l-illustrazzjonijiet tagħhom. Għalhekk fiha nfisha hija wkoll esperjenza ta’ tagħlim kemm għall-awturi u anke għall-pubblikaturi.
Meta traduzzjoni tkun tajba kif inhu f’dan il-każ ta’ dan il-ktieb, miktub oriġinarjament mill-awtriċi Abril Calero li ġie addattat għall-Malti minn Loranne Vella, tkun teħtieġ biċċa xogħol ġmielha. Fil-Paġna Letterarja tat-Torċa tas-6 ta’ Settembru 2015, l-awtur popolari Trevor Zahra li tana numru sabiħ ta’ kotba tat-tfal stqarr li “anke meta jkollok xogħol ta’ tradizzjoni tista’ tara kif meta x-xogħol jgħaddi minn lingwa għall-oħra jieħu sfurmaturi ġodda. L-idea ġenerali hi li meta se tittraduċi inti se titlef xi ħaġa mill-oriġinali. Ġieli jkun il-każ, imma jista’ jkun il-każ ukoll illi inti ħa tiggwadanja xi ħaġa ġdida, ħa tirbaħ xi ħaġa ġdida. Ħa tirbaħ per eżempju metafori ġodda, ħa tirbaħ frażijiet ġodda u x-xogħol se jieħu dimensjonijiet usa.” Biex nagħti eżempju konkret l-addattament ta’ Rita Saliba fiż-żewġ kotba Il-Misteri ta’ Thea jiġifieri Il-Misteru tal-labrint u l-Misteru tad-Dniefel tal-Ġebel, huwa ta’ min jammirah u partikolarment fejn jidħlu l-bosta logħob bil-kliem u kien hemm bżonn ta’ ħsieb ġdid u ħafna kreattivita’. Fil-verżjoni Taljana wieħed isib ħafna kliem imqassar u li jifhmuh it-tfal taljani biss. Għaldaqstant Saliba ħtiġilha toħloq frażijiet ħelwin fl-istess spirtu anke jekk huma differenti li jiftiehmu minn tfal Maltin. Fil-ktieb Vjoletta, Loranne Vella jirnexxilha tittrasmetti l-ġmiel u l-poeżija kollha tal-istorja oriġinali, u twassal din l-istorja lil udjenza Maltija bil-lingwa nazzjonali tagħna.
Vjoletta, oriġinarjament storja minn Spanja, huwa dwar tifla li kull lejl tipprova ma tagħmilx taħtha waqt li tkun rieqda, imma kull filgħodu tqum u ssib is-sodda mxarrba. Vjoletta issa bdiet tikber ftit, allura tħossha tistħi meta ta’ kull filgħodu l-mamà tonxor il-lożor fil-ġnien biex jinxfu wara l-ħasla, għax tħoss li kulħadd qed ikun jaf x’għamlet Vjoletta. Tipprova minn kollox, iżda billejl tant tkun rieqda fil-fond u tant tkun qed toħlom ħolm sabiħ, illi ma jirnexxilhiex tqum! Sakemm, jum wieħed, tasal in-nanna b’rigal speċjali li forsi jaf isolvi s-sitwazzjoni.
Dan il-ktieb huwa ideali għal tfal bejn 7 u 9 snin, għalkemm jista’ wkoll faċilment jinqara mill-ġenituri jew qraba lil tfal iżgħar minn hekk fl-età. Huwa ktieb ideali għal kull ġenitur li jixtieq juża l-qari tal-istejjer biex it-tfal jitħajru jagħmlu dak l-aħħar sforz biex ma jibqgħux ixarrbu s-sodda billejl.
Paġna Letterarja, It-Torċa, 11 t’Otubru 2015