Tarċisju Zarb u Andrew Sciberras
Naħseb bosta minnkom qarrejja smajtu b’awturi kbar, xi wħud minnhom ilhom li ħallewna imma l-kontribut li taw lil-letteratura Maltija huwa kbir. Dawn l-awturi jistħoqqilhom li nibqgħu nagħtuhom ġieh. Imma imbagħad għandna wkoll numru ta’ awturi kontemporanji li qed jagħmlu bosta unur kemm lilhom infushom kif ukoll lil pajjiżna. Xi wħud saħansitra rrapreżentaw lil Malta, f’diversi konkorsi internazzjonali. Oħrajn ħadmu fuq traduzzjonijiet u kkollaboraw m’awturi oħra. Huwa tajjeb u f’waqtu li nsiru nafu lil dawn l-awturi minn xogħlijiethom. Naħseb dan kien l-għan ta’ dan il-ktieb, “Kritika Prattika: Nebh kritiku dwar il-poeżija Maltija ta’ żmienna”. Terġa’ u tgħid il-poeżija, għalkemm tgawdi stima kbira, mhijiex wisq popolari fost il-poplu. Evidenza ta’ dan huwa n-numru ta’ kotba li jinbiegħu u anke li jiġu mislufa meta mqabbla ma’ forom letterarji oħra. Imma l-poeżija tibqa’ sadanittant il-balzmu li jpaxxina, l-ilma safi li jisqina, l-għana li jserraħna u waqtiet il-vrus li jħassbuna. U b’vuċi feroċi wkoll il-poeta mhux l-ewwel darba wkoll li semma’ leħnu favur l-imnikket, il-fqir u l-batut. Għal dan il-għan ukoll huwa tajjeb li nsiru nafu min huma il-poeti kontemporanji u xi wħud mix-xogħlijiet tagħhom. Tarcisio Zarb u Andrew Sciberras għamlu pass ieħor u f’din il-ġabra inkludew mhux biss poeti li nafuhom u xi wħud illum huma stabbiliti imma wkoll oħrajn illi ftit li xejn nafu bihom. Dan mhux dejjem huwa minħabba l-maturita’ tal-poeta, u lanqas minħabba s-suċċessi li jkunu għamlu. Imma għandna poeti wkoll li għal diversi raġunijiet forsi nafuhom inqas minn oħrajn, forsi ftit li xejn jimbuttaw lilhom infushom. Hemm ħafna talent moħbi f’bosta kittieba u bosta poeżiji fil-kxiexen bħal teżor moħbi xi xi darba għad jara d-dawl. Għallinqas dawk li raw id-dawl, permezz ta’ xi forma ta’ pubblikazzjoni qed insiru nafuhom iktar permezz ta’ dan il-ktieb.
Mhux l-iskop ta’ dan l-artiklu li nagħmel studju kritiku. Dan għamluh l-awturi Tarcisio Zarb u Andrew Sciberras meta flew bir-reqqa il-kotba li kellhom quddiemhom. Il-ktieb għandu wkoll daħla minn Walid Nabhan, kittieb rispettat immens fiċ-ċrieki letterarji u ħsieb fil-qoxra ta’ Patrick Sammut li wkoll huwa magħruf mhux biss għall-ħila tiegħu f’dak li għandu x’jaqsam ma’ analiżi letterarja imma wkoll għall-impenn tiegħu partikolarment bir-rivista diġitali il-Pont.
Il-ktieb fih 231 paġna u jinkludi 21 awtur differenti. Kif diġa għidt dawn ivarjaw kemm dawk stabbiliti bħal Oliver Friġġieri u awturi żgħażagħ li qed jippromettu sew bħal Josef Borg u Carlston Grima. Insibu wkoll poeti femminili bħal Marlene Saliba u Therese Pace.
Dwar dan il-ktieb imma bgħatli ħsieb żgħir kittieb ieħor li personalment jien ukoll nammirah, Alfred Massa, u nixtieq li naqsmu magħkom.
Ktieb ta’ kritika dwar il-Poeżija Maltija kontemporanja: Kitba ta’ Alfred Massa
L-ewwel darba li ltqajt ma’ ktieb ta’ din ix-xorta kien meta ġie f’idejja l-ktieb tal-kritiku Ingliż Matthew Arnold (1822-1888) The Study of Poetry. Fih Arnold jifli b’mod ħolistiku x-xogħlijiet ta’ diversi kittieba bħal Chaucer, Milton, Gray, Keats, Wordsworth u oħrajn. Iżda l-awtur ma jinkludix xogħlijiet sħaħ tal-poeti li jikteb dwarhom.
F’Malta kellna u għad għandna kittieba li wettqu xogħol siewi fil-qasam tal-kritika letterarja; fosthom il-Professur Oliver Friggieri. Insemmi lil Friggieri għax fil-fehma tiegħi hu l-aktar kritiku, li mhux biss minn żmien għal żmien huwa mfittex minn poeti biex jiktbilhom studji dwar il-pubblikazzjonijiet tagħhom, imma għax dan l-istudjuż bravu tagħna saħansitra kiteb kotba sħaħ dwar poeti Maltin, l-aktar dawk tal-era Romantika.
Propju hawn tinsab l-importanza ta’ dan il-ktieb Kritika Prattika. L-awturi Tarċisju Zarb u Andrew Sciberras iduru dawra ma’ numru ta’ poeti lokali kontemporanji. Bla ma nsemmi ismijiet, wieħed ma jridx wisq biex jinduna li wħud minn dawn il-poeti huma stabbiliti sew, oħrajn jidhru li ġa qabdu t-triq it-tajba, filwaqt li oħrajn għadhom fil-bidu tagħha; b’danakollu, qegħdin juru li għad jippromettu.
Hawn nixtieq nagħmel parentesi ċkejkna. Diżgrazzjatament, f’pajjiżna xi drabi nasal biex insostni dak li darba ktibt dwaru f’ġurnal lokali; jiġifieri, li kittieb jintagħmel, mhux jitwieled jew isir. B’hekk, għandna numru ta’ kittieba li għax twarrbu għażlu li jħallu xogħlijiethom maqfulin fid-dlam tal-kxaxen u allura baqgħu għal kollox misturin. F’dan il-kuntest, irrid nifraħ lil Zarb u Sciberras li f’dan il-ktieb bdew ikissru din l-attitudni tant li inkludew poeti li kważi kważi ftit li xejn nafu dwarhom.
Tajjeb li nżommu quddiem għajnejna li dan il-volum huwa biss il-bidu tal-istampa sħiħa li ż-żewġ awturi jixtiequ jagħtu ta’ kif qiegħda tinkiteb il-poeżija lokali fi żminijietna. Allura, bir-raġun kollu wieħed jistenna ħerqan il-volumi li jmissu. Hawn għandna 20 poeta u kull wieħed minnhom għandu l-partikolaritajiet tiegħu kemm fejn tidħol it-tema u wkoll fejn jidħol l-istil. Kuntrarju għal xi wħud, jiena nemmen li kull poeżija għandha s-siwi tagħha.
Barra minn kritika serja u bilanċjata, biex isaħħu kitbiethom, l-awturi – anke jekk wieħed jifhem li kull kritika hija dejjem suġġettiva – mhux biss jirreferu, imma saħansitra jippubblikaw poeżiji sħaħ. B’hekk, il-qarrej għandu ċ-ċans jifforma l-opinjoni personali tiegħu. Iżda Zarb u Sciberras anqas jieqfu hawn; huma jikkwotaw saħansitra sorsi ta’ kittieba oħra; kittieba ta’ ċerta stoffa, bħal Ġużè Chetcuti, Oliver Friggieri, Karmenu Mallia, Patrick Sammut u oħrajn.
Personalment f’dawn l-istudji u kummenti laqatni l-fatt li kemm Zarb kif ukoll Sciberras urew sens kbir ta’ maturità meta għażlu li jwarrbu kull kelma negattiva li setgħu għamlu użu minnha liberament. Jisgħobbija nistqarr li ċerti “ktitiċi” lokali donnhom biex juru kemm huma bravi, erħilhom jikkaċċjaw għan-nuqqasijiet fix-xogħlijiet li jkollhom f’idejhom aktar milli jagħżlu li jkunu pożittivi. Forsi din hi xi ħaġa li ma tantx hi komuni barra minn xtutna. B’danakollu, kien hemm min saħansitra wasal biex sejjaħ lil dawn it-tipi ta’ “kritiċi” awturi falluti u qal li ħaqqhom xebgħa sawt. Jien ma naqbilx ma’ dan għax nemmen fil-libertà tal-espressjoni, nippreferi nħalli lill-qarrej jagħżel hu l-qamħ mis-sikrana.
Għoġbitni ferm id-Daħla Kritika tal-kittieb Palestinjan, Walid Nabhan fejn esprima l-opinjoni tiegħu dwar il-vera kritika. Interessanti wkoll il-fehma tiegħu dwar ir-rabta li teżisti bejn il-kritika u l-kreattività.
Fl-aħħarnett, naqbel ukoll ma’ Nabhan li dan il-ktieb irriċerkat u mirqum jista’ jservi ta’ diskussjoni serja dwar il-preżent u l-futur tal-Letteratura Maltija.
Paġna Letterarja, 13 ta’ Settembru 2015