Klin u Kapriċċi oħra

Awtur: Adrian Grima 
Pubblikazzjoni:  Klabb Kotba Maltin 

Adrian Grima (Dr Adrian Grima li bħala awtur ser nirreferi għalih mingħajr it-titlu) tana numru sabiħ ta’ kotba.  Bizzejjed insemmu “It-Trumbettier” (1999), “Gżejjer ta’ Diversità Kulturali/Islands of Culutra Identity (flimkien ma’ Kevin MacNeil) (2001), “Dgħajjes Qodma u Maħmuġin – Dun Karm, id-Dielja u l-Barranin” (2004), “The Tragedy of the Elephant” (2005), “Rakkmu” (2006) u “Din Mhix Logħba” (2012).  Barra minn dawn huwa editur ta’ bosta kotba oħra.  Mhux qed insemmi wkoll numru sabiħ ta’ pubblikazzjonijiet illi Grima ħareġ fil-karriera professjonali tiegħu bħala riċerkatur u lettur.  

Imma dan l-awtur tant huwa  attiv fil-qasam letterarju, tant għen studenti, tant qara poeżiji ta’ ħaddieħor fosthom numru ta’ poeżiji barranin,  li bosta minna konna qed ngħidulu “Issa jmiss lilek u rridu naqraw aktar poeżiji tiegħek”.   Nammetti li meta smajt li kien ser joħroġ dan il-ktieb kont qed nistenna li fil-bidu tal-ktieb ser nara numru ta’ studji minn diversi kritiċi letterarji fil-bidu ta’ dan il-ktieb.  Naturalment iltqajt ma’ diversi studji u ħsibijiet dwar dawn il-poeżiji.  Biżżejjed insemmu il-ktejjeb “Riefnu minn ġo fina: it-togħmiet spjetati tal-poeżija fi Klin u Kapriċċi oħra” ta’ Dr Norbert Bugeja.  Norbert Bugeja bħal Grima hu riċerkatur u jien ngħid ukoll esploratur li vjaġġa u esperjezha diversi kulturi.  Bħal Grima sema’ l-poeżija ta’ diversi nazzjonalitajiet u gruppi etniċi.   Ta’ min ngħidu wkoll li jiena nħeġġeġ dejjem biex wieħed jakkwista u jaqra dawn l-istudji għaliex f’din il-paġna qed nagħtu ħarsa ħafifa biss.   Madankollu, fil-ktieb innifsu Grima għażel li jħalli barra xi tip ta’ “daħla” minn xi awtur ieħor.  Ma nafx ir-raġuni għaliex u nistqarr li qatt ma tkellimtha mal-awtur.  Imma ċertament li l-awtur huwa diġà stabbilit u m’għandux bżonn l-imbuttatura ta’ xi ħadd.  Barra minn hekk l-awtur kif narah jien iħobb ċerta spazju, iħobb ikun ħieles.  L-awtur jixtieq iħalli l-qarrej jesperjenza l-poeżija tiegħu, iħoss l-istess mumenti, l-istess emozzjoni.  Ma jippermettix li l-qarrej jiġi influwenzat jew li  jistordi bir-riħa tal-inċens u ma jħallihx jaħseb b’moħħu.  Grima jippreferi li appuntu l-qarrej jaħseb b’mod kritiku anke jekk jitbiegħed min dak li konvenzjonalment kien imdorri jaħseb u joffri diversi sfidi li mhux neċessarjament huma komdi. 

Il-ktieb huwa maqsum f’sitt sezzjonijiet differenti, b’temi differenti imma tgħaqqadhom kelma waħda: “L-Imħabba”.  Bl-imħabba jittama li jirbaħ lil dawk li jiżirgħu il-mibegħda, bejn ir-razez, bejn in-nazzjonijiet.  Fuq kollox l-imħabba lejn il-persuna tant għażiża għalih li hija parti minn ħajtu.   It-tnedija saret fit-30 ta’ Settembru fejn Grima żewweġ  il-ħoss sabiħ tal-mużika tal-Plato Dream Machine u l-melodija u r-ritmu tal-poeżija.  

Attwali 

Grima jagħtina diversi kwadri mill-ħajja ta’ kuljum, u jgħaddi l-qarrej minn vjaġġ għall-ieħor.  Ifakkruni fil-poeżiji ta’ Salv Sammut li huma ispirati bil-bosta mis-safar tiegħu partikularment fir-rwol li kellu ta’ trejdunjonista.  Mill-banda l-oħra bħal Karl Schembri jippreżentalna l-aħbarijiet tal-Palestinjani li mhux normali nisimgħu fuq il-mezzi tax-xandir, u jsemmgħalna l-leħen sieket tal-immigrant fuq qoxra bejn sema u ilma.  

Il-poeta jitwerwer mit-twerwir ta’ numru ta’ Maltin minn nies li għax għandhom ġilda skura, għax ħarbu mill-kamp tal-battalja, jibżgħu li  jistgħu “jinvadewna” u jbiddlu dan il-pajjiż f’terrur (L-Ewwel Frejgatina, p.32).  Jixtieq li jfiehem lill-kotra li dawn in-nies wara kollox ġew hawn biex isibu l-kenn huma mit-terrur.  Jikkundanna għalhekk id-deportazzjoni (p.35) jekk ma nkunux mija fil-mija li l-pajjiżi m’humiex ta’ periklu għal dak il-persuna partikolari imma kif nafu xi wħud jispiċċaw maqtulin u saħansitra ttorturati.  

Ċertament li nies bħal Grima jagħmlu l-poeżija relevanti ħafna, u vuċi għal bosta.  Jitnikket quddiem l-inġustizzji u bħal pittur li fuq tila qed ipinġilna xenarji minn diversi pajjiżi minn kull rokna tad-dinja.  Għal xi wħud ħoloq mafkar ħaj. Isemmi fost oħrajn it-tifla ta’ Ratko Mladić li jingħad li wettqet suwiċidju wara li saret taf bl-atroċitajiet li wettaq missierha fil-Bosnja (“X’se tagħmel meta l-lejl jintemm?”, p.34). Fil-fehma tiegħi din hi waħda mill-aktar poeżiji f’din it-taqsima li fiha dawk l-elementi sbieħ li jsawru poeżija tajba.    Bl-istess mod ifakkar ġrajja li għalkemm setgħet intesiet minn xi wħud, Grima naqqaxha bil-pinna qawwija tiegħu biex ma tintesa qatt; qed nirreferi għal meta attivista Maltija Bianca Zammit, flimkien ma’ Hind Al Akra u Nidal Al Naql sparaw fuqhom waqt protesta paċifika f’Al Meghazi f’Gaża(“L-Inklinazzjoni tal-Balla fl-Unika Demokrazija Dik in-Naħa”, p.42).   Waqt li xi wħud sostnew li dawn kienu f’post fejn ma kellhomx ikunu, Grima jingħaqad fil-ħsieb ma’ dawk li ddeskrivew dan l-inċident bħala xhieda mhux biss tal-okkupazzjoni Israeljana fuq artijiet Palestinjani imma wkoll il-mod brutali kif qed jimxu ma’ dawk li qed jokkupawlhom arthom.  

Jempatizza ma’ dak il-bniedem x’imkien fid-dinja li ma jafx, imma qed ibati.  Fl-istess ħin ukoll jagħraf is-sehem ta’ diversi attivisti li jew mhux kullħadd sema’ bihom jew mhux kullħadd japprezza dak li għamlu.   Isemmi fost oħrajn lil Chris Mizzi tal-grupp Graffiti (p.46)  li qalulu biex ma jaqlax inkwiet fi protesta kontra Israel.   

Xeni mfissra fi kliem

Il-poeżija ta’ Grima hija bħal xeni mfissra fi kliem.  Aħbarijiet li x’aktarx mhux dejjem smajna permezz tal-mezzi tax-xandir.  Jgħaddina minn xena għall-oħra, sitwazzjonijiet differenti.  Il-lenti ma tħarisx lejn dak li nafu, lejn il-politiċi u mexxejja tal-pajjiżi, imma lejn id-dettalji li jaħarbulna u ftit li xejn ikollna ċans naħsbu dwarhom.    Tistħajlek bħal tisma’ l-biki tat-tfal, l-għajjat tad-dimostrazzjonijiet, tara quddiemek l-iġsma bla ħajja ta’ nies fil-Mediterran li nbidel f’ċimiterju, u tħoss l-istess biżgħat, u l-istess emozzjonijiet.  Biżżejjed inħarsu lejn il-poeżija “Il-Ġimgħa tibda bil-fdalijiet” (p.77) fejn “tħoss il-fdal tal-ħġieġ fuq is-swar”, “ttiegħem il-ħadid mat-tarf”, “xxomm mill-ġdid i-xgħir jiżżerżaq ġo griżmejk”, u “tisma’ l-ħġieġ maqbud jinħeles.” 

Is-saħħa fil-ħakma tal-kelma l-aktar li toħroġ qawwija fl-opinjoni tiegħi hija fil-karba u meta quddiem sitwazzjonijiet kiefra, l-poeta b’mod imqanqal jistaqsi “Għaliex?”.  

“X’se tagħmel meta l-lejl jintemm,
għal darb’oħra
u terġa tfiġġ id-dija?” (“X’se tagħmel meta l-lejl jintemm?”, p.34) 

Jħaddem lingwaġġ poetiku tajjeb ukoll sabiex jesprimi l-emozzjonijiet l-aktar dawk tal-imħabba.  Fil-fatt fl-opinjoni umli tiegħi, l-għażla tal-kelma toħroġ ħafna b’saħħtiha fit-taqsima “Kapriċċ”.  Minkejja li bosta poeżiji ta’ dan l-awtur iħarsu lejn id-dinja hemm barra, l-awtur għandu wkoll dak iċ-ċirku madwaru li huwa importanti għalih u dan huwa dak tal-familja tiegħu.  Vrusu jixhdu li fil-persuna li jħobb ruħu tistrieħ:

“Nintelaq f’leħnek
fit-tbissima ħabta u sabta ta’ ħaddejk.” (“Id-Dijaframma tal-Jiem”, p.22)

u 

“qlugħ mimli bit-tbissima tiegħek, 
b’xufftejk,
bil-Majjistral skur jixgħel t’għajnejk” (“Qlugħ fuq it-Tbissima Tiegħek”, p.18).

L-istess naraw fil-poeżija “Għajnejk l-Alġier” (p.20):

“nistenna l-lejl jaħkimni 
It-triq teħodni, ir-riħ
nimtedd ġo fik, 
ninqata’ mill-qiegħ.” 

Waqtiet oħra juża ċerta umoriżmu sabiex jitnellaħ bl-elitiżmu ta’ xi wħud li donnhom jaħsbu li huma maqtugħin mill-kotra:  “Aħna mhux bħal Ġaħan Malti” (p. 31).

Permez ta’ dan it-ton umoristiku u sardoniku jġgħalna niġu konxji kemm hi ridkola li fil-politika partiġjana Maltija ma naħsbux rasna u nilbsu għamad li kull ma jagħmel il-partit tagħna narawh bħala tajjeb.  Mhux biss imma meta l-Partit tagħna jkun fil-Gvern kważi nibżgħu nikkritikaw dan l-istess Gvern għax nagħmlu ħsara lill-Partit.  Lil Claire Bonello li ġiet ikkritikata għax kellha l-kartellun f’idejha “Vote George, Get Lorry” waqt protesta tal-Flimkien għal Ambjent Aħjar, fl-2006 jgħidilha (p.51): 

“Fuq hekk ikkundannajtna Ms Bonello?
U mort tgħajjarna f’nofs dimostrazzjoni?
Għalhekk se mmorru timmarċjaw fit-toroq?
Biex tattiraw ix-xemx tal-attenzjoni?”

Naturalment dan jagħidu b’mod ironiku.  Għax l-artist ma jwarrabx il-prinċipji li jemmen fihom, ma jibżax isemma’ leħnu.   Forsi l-ambjent hija waħda minn dawk it-temi li fid-dinja kollha mhux dejjem tkun prijorita’ għall-politiċi.  Imma dak li ma jagħmilx il-politiku, jagħmlu l-poeta u jressaq dan fuq l-aġenda.   

Naraw ukoll bil-mod kif jiddeskrivi lill-Israel bħala l-“Unika Demokrazija dik in-Naħa” (p.42) waqt li jiddeskrivi l-kefrija fil-konfront tal-Palestinjani.      

Konklużjoni 

Il-punt tat-tluq ta’ dawn il-poeżiji huma l-ġrajja:  jitlaq mill-individwu u jibni madwaru dik il-ġrajja, dik il-persuna u l-prinċipji. Għalih kullħadd huwa importanti …kull refuġjat, kull paċifista li ssogra ħajtu, kull umanista, u fuq kollox martu li kienet l-ispirazzjoni ta’ xi wħud mill-poeżji tiegħu.  Fl-opinjoni tiegħi l-aħjar elementi poetiċi tiegħu joħoru f’dawk il-vrus fejn jesprimi l-ħsus l-aktar interjuri kemm dawk li ferrħuh kif ukoll dawk li nikktuh .  Fl-istess ħin iżda naraw ukoll ir-ritmu li hu karatterizzat mill-espressivita’, il-ħsejjes, u x-xenarji.  Il-poeżija mhijiex ermetika u diffiċli biex tiftiehem.  Grima f’dan il-ktieb jgħaqqad l-esperjenzi tiegħu, fosthom il-qari, l-istudju, l-attiviżmu soċjali, u l-esperjenzi ta’ nies differenti li ltaqa’ magħhom.  Dan il-ktieb għandu jqanqal interess u joħloq diskussjoni.  

Epistoli mid-deżert

Awtur: Mario Azzopardi 
Pubblikazzjoni:  Horizons 

Lil Mario Azzopardi sirt nafu għall-ewwel darba bħala għalliem fil-Liċeo Ġan Franġisk Abela.  Azzopardi kien minn ta’ quddiem jinkoraġġixxi xi studenti jippublikaw xi xogħlijiet fir-rivista Analiżi li kien joħroġ flimkien mal-qatt minsi Ġorġ Mifsud Chircop.  Dak iż-żmien ma bqajtx nara lil Mario Azzopardi bħala l-awtur “tal-eżami” billi naturalment studjajt xi poeżiji tiegħu imma bdejt narah bħala artist ġenwin, poeta ribelluż li ma jiktibx biex jintogħġob mill-kotra imma fejn għandu jikkritika ma jaħsibhiex darbtejn.    Fl-2009 meta kont ser noħroġ il-ġabra ta’ poeżiji tiegħi “24, Triq Ħad-Dwieli” issuġġerewli kif inhi d-drawwa li nkellem lil Mario Azzopardi sabiex jiktiblu kelmtejn – xi ħaġa li dak iż-żmien ma kelli ebda ħsieb li nagħmel.  Għaddieli minn rasi wkoll li ma kienx ser iweġibni għaliex Mario Azzopardi kif nafu jien, ikun jixtieq jara livell għoli fix-xogħlijiet tiegħu u anke dawk tejatrali illi jtella’.  Fl-2013 bħal Charles Briffa li kiteb l-analiżi għal dan il-ktieb ukoll mort inżur lil Mario Azzopardi wara żmien diffiċli illi għadda minnu l-isptar.  Naqbel ma’ Briffa li sibt lil Mario dgħajjef fiżikament imma f’moħħu kellu numru ta’ proġetti illi bdew għaddejjin minn rasu fosthom il-ktieb Verġni Sagri, Demonji, u Boloh għal Alla – Kitbiet dwar it-Teatrikalita’ Reliġjuża.  Inħoss li bħala awtur qatt ma roddejt lura dak li Azzopardi tana bħala awtur, poeta, direttur teatrali u kritiku tal-arti Malti.   Kienet ilha tberren f’moħħ Azzopardi wkoll li joħroġ ġabra ta’ poeżija wara xhur iħarbex xi vrus sabiex iserraħ lilu nnifsu minn dawk il-waqtiet koroh u anke sbieħ li ġarrab.

Hemm żewġ modi kif nista’ naqra ġabra ta’ poeżiji.   Nista’ nagħmel analiżi studjata u dettaljata li tidħol fil-profond tal-ħsieb ta’ Mario b’lenti filosofika u nikteb studju kritika letterarju li jagħti ħarsa lejn il-metafora użata f’dan il-ktieb.  Il-Professur Charles Briffa jagħti ħarsa estensiva lejn dan ix-xogħol fil-bidu ta’ dan il-ktieb u bl-ebda mod u mhux l-għan ta’ dan l-artiklu qasir li jagħmel l-istess taħriġ.  Nista’ wkoll iżda naqra l-poeżiji u nħallihom iwassluli l-ħsus tal-awtur, nempatizza mal-awtur fil-mumenti diffiċli tiegħu, nassoċja ma’ xi prinċipji li jħaddan l-aktar dawk soċjali u nitpaxxa bil-mod tejatrali li bihom jippreżenta dan ix-xogħol.  Wara kollox dan huwa l-għan ewlieni tal-poeżija u permezz ta’ din il-paġna nħeġġeġ li naqraw poeżija anke dik li narawha “diffiċli”, kif komunament jingħad biex infissru l-użu ta’ metafori li jersqu lejn is-simboliżmu li jistgħu joħolqu barrieri estranji bejn l-awtur u l-qarrej.  Jien nippreferi li nitpaxxa bil-mużikalita’ li toffrilna l-poeżija u naffaxxina ruħi bid-deskrizzjonijiet, l-mod kif mod mirqum l-awtur iwassal it-tqanqil, l-emozzjoniiet u t-tnebbih tiegħu. 

“Awtoritratt”

Naqbel mal-Professur Briffa li f’dan il-ktieb Azzopardi ma jagħtiniex awtobijografija (l-endagame ta’ awtoritrattist) imma dak li hu jsejjaħlu “awtoritrattist”.  Fil-fatt Azzopardi għandu ħabta wkoll iħallat l-istħajjil mas-serħan tal-qalb.  Imma l-istess kitba tiegħu tikxef il-karattru tiegħu għaliex il-poeta ma jistax jaħbi.  Żewġ aspetti li joħorġu f’dawn il-poeżiji huma l-impuls ribell tal-awtur distakkat mis-soċjeta’ konformista’ u fl-istess ħin il-ġenwinita’ tal-poeta li jempatizza mal-emarġinat daqs kemm ukoll jgħin lil dak l-istudent li qed isib diffikulta’ fl-istudju tiegħu.   

Azzopardi ma jħobbx jinċensa u wisq aktar ser iħabbel rasu li jfuħ ma ‘xi wħud.  Kif jgħid hu stess:

“Il-poeżija tiegħi ma tinkitibx
għat-turnamenti
tad-dutturi.
Ma titlobx patronċinju …
jew
biex tidlek il-qaddisin.
M’hijiex ruffjana sponsorizzata
l-poeżija tiegħi” (Abbozz għall-poeżija tiegħi, p. 34).

Ta’ min jgħid, għalkemm huwa magħruf fost dawk li xi darba jew oħra studjaw il-letteratura, li Azzopardi kien pijunier fil-Moviment Qawmien Letterarju li tbiegħed mill-iskemar riġidu u anke mir-romantiċiżmu.  Imma jien ngħid anke fi żmien tal-lum, Azzopardi li issa huwa stabbilit u sar punt ta’ referenza letterarja baqa’ dak il-poeta li ma jridx ikun “ornament quddiem l-ikoni u lanqas patrijarka fl-oqsma tal-litterati li jħitu l-ħolm mal-qerq tal-ħrejjef” (Il-poeta fit-tarf tal-pont, p.50).  Mhux biss, imma bħala artist ġenwin lanqas jinteressah miċ-ċerimonji letterarji li jonfħu lil xi wħud, waqtiet nazzarda ngħid b’responsabbilta’ kbira anke jekk il-livell ma jkunx dak mixtieq u ma jispiċċawx għajr tijatrini superfiċjali.  Azzopardi huwa ġenwin u jikteb għax iħoss il-bżonn.  Ma jħares lejn wiċċ ħadd.  Dan jgħidu ċar u tond fil-poeżija Il-poeta fit-tarf tal-pont:

“Ma ridtx nidħol fi skemi passivi, 

u la kelli bżonn l-unuri 

la t-titli 

w lanqas vanitajiet ikkastjati f’medalji” 

Azzopardi jgħarrex għall-verita’.  Huwa kontra d-dommatiżmu, impożizzjoni ideoloġika jew reliġjuża, sa ċerta punt anti-klerikali imma jgħarrex fid-deżert ta’ ruħu u jfittex is-sewwa. Il-poeta bl-għatx tal-ġustizzja u l-verità u  “jimxi lejn id-deżert”(Il-bieb taż-żonqor, p.3).  

Kif għidt f’din l-introduzzjoni, Azzopardi għen lil ħafna nies anke fid-divers karigi li ħaddan.  Fl-1979 waqqaf il-Lyceum Youtħ Tħeatre, formazzjoni ta’ studenti żgħażagħ li ħadmu fuq proġetti estensivi.  Ħadem għal diversi snin fid-Taqsima tad-Drama fi ħdan il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni.  Madankollu din l-għajnuna mhux dejjem tiġi reċiprokata.  Fil-mard tħoss is-solitudini, tħossok imwarrab mill-kotra li inti tant tkun għint.  “Telaq kullħadd” jgħid għal bosta drabi fil-poeżija “Sfajt Hawn f’din l-Għomma” (p.10), bir-repetizzjoni intenzjonata, qawwija u immersiva. Bħal Imgħallem fil-ġnien tal-Ġetsemane jħossu mwarrab. Iġagħlna lkoll nidħlu f’qoxortna, tant li nistqarr li għaddieli bejni u bejn ruħi kemm anke jien kont hemm miegħu fil-mument diffiċli. Isostni:  “Telaqni min daħħalt u raqqadt f’dari” u “Telaqni min ġbartlu ħwejġu mit-triq”.    “Issa kollox inġabar hawn, fl-intern tiegħi”  jgħidilna fil-poeżija  Dak li deher immedjat (p.7).  

Mhuwiex il-każ iżda li Azzopardi huwa poeta pessimista.  Huwa poeta li joħlom f’dinja aħjar u jittama li xi darba għad ikun hawn għal dejjem is-sliem. Anke marid u magħkus fis-sodda tal-isptar, moħħu jewdhen fuq soċjeta’ aħjar ħielsa mill-għanqbut tal-imgħoddi (F’nofs il-ktieb, p.166).   Imma fl-aktar waqtiet diffiċli “trid temmen li s-sala mhux bilfors hi l-ante-kamra tal-mewt fejn jistennik it-tnegħid deżolat tal-endgame ta’ Beckett” (Trid tibqa’ temmen, p.131).  Dan il-kliem iqawwi qalb ħafna dawk li jkunu għaddejjin minn żmien ikrah l-isptar, u “wara li tkun fhimt li laqtek il-kolp li jservi l-istatistika medika”, “trid tibqa’ determinat li l-għasfur jista’ jerġa’ jirxoxta mill-irmied” (Trid tibqa’ temmen, p.131).  

Poeżiji soċjali u ta’ dissidenza

Huwa għajb jekk iċ-ċokon ta’ pajjiżna u l-insularita’ ġġgħalna waqtiet anke lilna l-artisti ningħaqdu fi ċrieki taċ-ċrieki, u nagħlqu ħalqna kontra l-inġustizzji sabiex kif inħokku dahar min jista’ jgħinna għada pit għada nimxu ‘l quddiem.   Fil-poeżija t’Azzopardi, għall-kuntrarju, tinħass sew ir-rivalita’ qalila kontra l-konformiżmu, il-konservatiżmu, u l-moffa mentali.  Fil-poeżija Is-subborg fejn tnisslu niesi , p.64 jikkritika “saċerdoti lebsin dbielet irrakmati”   kif ukoll:  

“politiċi trasvestiti 
lewn il-marċ tal-banda 
mixjin lejn l-arka trijonfali 
mal-kunsillera 
u l-maġistrati” 

Azzopardi għandu kliem iebes kontra l-politiċi li jitqiegħdu fuq pedestall u wara l-elezzjoni bħal donnu jinsewk.  Jikkritika s-sistema politika li bilkemm tista’ tikkritikha, għax ngħiduha kif inhi, jew demokrazija jew le.   Jippretendu li “tgħix fis-skiet”, “tiċċassa w tbaxxi rasek” u skont huwa lilek “kitbuk fir-reġistru tal-irrelevanza” (Il-ballata taċ-ċittadin passiv, p.32).  

Ma jiddejjaq xejn li jagħti tbeżbiża lill-awtoritajiet, għaliex jaf tajjeb li huwa dover morali tal-poeta li jwissi fejn jara n-nuqqas .  Għaliex wara kollox kif nintemmu min din l-art ma nibqgħux magħrufa għax bqajna passivi.   L-awtur għandu ammirazzjoni kbira wkoll lill-ħassieba li b’kitbiethom u ħsibijiethom ħaduha kontra l-arroganza tal-poter u għalqu qalbhom għall-qalba muġugħa tal-imwarrbin.    Dawn il-ħassieba neħħew l-għanbut tal-imgħoddi li żamm l-istatus quo u l-klassi privileġġata.  Isemmi lil Voltaire (p.27), lil Vassalli (p.28) u oħrajn, bħal donnu jrid iwassal il-messaġġ li jixtieq jassoċja magħhom. 

Ma jistax jonqos li jitkellem dwar ir-“Rebbiegħa Għarbija” (p.67), “l-apokalissi ta’ Gaża” (p.53),  dwar u dawk li moħħhom biex “isawtu lis-suwed tad-dgħajjes li jaslu maħrubin” (Jien naf gżira, p.59).   U hawn ukoll nara ħafna relevanza fil-poeżija ta’ Azzopardi, li qatt ma jinqata’ minn dak li jkun għaddej madwaru.  Huwa għajb, ikolli ngħid, li xi drabi diffiċli tara poeżija li tħoss il-polz ta’ popli oppressati saħansitra fejn hemm it-tixrid ta’ demm. 

Konklużjoni 

Mario Azzopardi jisfida l-konformiżmu fi gżira ipokrita u ́desensitizzata u jikteb dawn l-“epistoli” sabiex iwassal dan il-messaġġ.  Diġa għamel dan b’ħafna modi, b’diversi azzjonijiet li ħa, bi kliemu u mġiebtu.  Imma l-poeżija għandha ċerta permanenza u b’dawn l-“epistoli” jixtieq li jwasslilna dan il-ħsieb għal dinja aħjar.  

Nagħlaq billi ngħid li dan il-ktieb nieħdu bħala tbeżbiża għalina lkoll.  Ejja ma ninħlewx fiċ-ċerimonji u nistordu bl-irwejjaħ tal-inċens u nwarrbu dak li huwa dmir tagħna l-kittieba li bil-pinna tagħna nwasslu vuċi lil min m’għandx.  Ejja ma nkunux aħna mehdijin bit-tifħir u nitilgħu fuq pedestall waqt li aħna stess qed niġu nċensati bla ma nkunu aħna stess kritiċi-riflessivi kontra l-abbuż tal-poter ġej min fejn ġej.  

Tajjeb li fil-librerija tagħna jkollna ktieb ta’ Mario Azzopardi.  Dan il-ktieb li ħareġ f’għeluq is-sebgħin sena tiegħu jiġbor ħafna mill-istili u ħsibijiet li dehru f’ġabriet oħra tiegħu.  Il-qarrej, kif għidt fil-bidu, għandu jħalli l-poeżija waħidha ssaħħru bi xbihat waqtiet disturbanti, metafori ispirati minn dawk sagri u misiċi.  

Dan il-ktieb jista’ jinkiseb mill-ħwienet ewlenin jew mis-sit http://www.horizons.com.mt.

Il-kotba ta’ Milly u Molly

Kitba ta’ Gill Pittar / Addattament ta’ Frans A. Attard
Pubblikazzjoni: Uptrend publishing

Is-sensiela ta’ Milly u Molly biegħu ‘l fuq minn 3.5 miljun kopja f’109 pajjiż, b’26 lingwa. F’pajjiżna, verżjoni bilingwali ta’ din is-serje qed tasal għalina permezz tad-dar tal-pubblikazzjoni Uptrend Publishing. Skont L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu dawn il-kotba huma fost l-aktar 10 kotba popolari mat-tfal li ħadu sehem fl-inizjattiva “Aqra fis-Sajf”. Il-kotba Milly, Molly inkitbu biex ixerrdu l-għarfien tad-diversita’ u l-valuri sodi billi jsawwru l-karattru tat-tfal.


Għaldaqstant f’dawn il-kotba insibu diversi valuri li jitwasslu b’mod sottili ħafna waqt li qed jagħtu gost lit-tfal. Ngħidu aħna Milly, Molly u d-Denfil ta’ Sam, it-tema ċentrali hija ir-Responsabbiltà Soċjali. Din it-tema tar-responsabbilità terġa’ tispikka fl-istorja Milly, Molly u ż-Żerriegħa tal-Qar’aħmar. Bi ftit għajnuna mingħand in-Natura, Milly u Molly joħolqu pjan biex itaffu l-ġuħ fl-Afrika. Fil-ktieb Milly, Molly u Tikka, it-tema hija dik tat-Tjubija waqt li fil-ktieb Milly, Molly u l-Fenek tal-Indi Betelgeuse it-tema hija sabiex ngħinu lil ħaddieħor jibni stima tiegħu nnifsu. L-istima lejn il-ġisem tagħhom u tal-oħrajn, tema li qed nagħrfu dejjem aktar li t-tfal jagħru sa minn ċkunithom ukoll toħroġ fil-ktieb Milly, Molly u Meg.


Kif għidt fl-artiklu tiegħi tal-11 t’Ottubru 2015 hemm diversi modi kif wieħed jagħraf letteratura tajba tat-tfal. U m’għandi ebda problema li ngħid li dan il-kotba fihom l-elementi kollha neċessarji. Fost oħrajn insibu l-eroj u l-karattri prinċipali, allura f’dan il-każ Milly u Molly li t-tfal jistgħu jidentifikaw magħhom. Dwar l-oriġini ta’ Milly u Molly insibu fl-aħħar tal-kotba. Il-tagħlima qegħda hemm imma mhux b’mod li ttellef il-gost tal-qari. Għax wara kollox it-tfal ser jaqraw għall-gost u dak huwa importanti ħafna.


Il-verżjoni Maltija ta’ dawn il-kotba tiġi b’żewġ lingwi u dan ikompli jagħti fil-fehma tiegħi aktar valur lil dawn il-kotba. Nafu kemm huwa importanti li uliedna jitgħallmu jħaddmu tajjeb iż-żewġ ilsna, kif anke joħroġ mill-Istrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu. Il-Ministru Evarist Bartolo reġa’ tenna dwar l-importanza tal-bilingwiżmu waqt it-tnedija tad-dokument ta’ konsultazzjoni dwar il-Politika tal-lingwa fl-ewwel snin. Fil-fatt hemm diversi riċerki li juru kif li tħaddem tajjeb lingwa mhux neċessarjament ifixkel it-tagħlim tal-lingwa l-oħra, hekk kif naraw ngħidu aħna f’postijiet bilingwi bħal Kanada. Il-mod kif iż-żewġ ilsna huma minsuġin flimkien f’dawn il-kotba laqtitni ferm. Ta’ min wieħed jgħid iżda li l-kotba jagħtuna parir, hekk kif insibu fil-qoxra, sabiex jinqraw l-ewwel b’lingwa u imbagħad b’lingwa oħra u mhux biż-żewġ lingwi f’salt. Barra min hekk ifakkru li t-traduzzjoni Maltija hija adattament u mhux kelma b’kelma mill-ingliż; nistqarr li naqbel ħafna ma’ dan il-mod.


Nissuġġerixxi wkoll li tidħlu fis-sit http://www.millymolly.net/. Bħal kotba dan is-sit huwa bil-Malti u bl-Ingliż, imma l-verżjoni Maltija sakemm qed nikteb dan l-artiklu għadha qed tiġi żviluppata. Dawn huma kotba li uliedna ser jiggustaw ħafna jaqraw u ser jiġġennu għalihom. Fl-istess ħin jistgħu jintużaw anke f’xi lezzjonijiet fosthom dawk tal-iżvilupp personali u soċjali li llum jinkludu wkoll dwar l-iżvilupp tal-karriera, u b’mod tematiku anke f’suġġetti oħra.

Paġna Letterarja 29 ta’ Novembru 2015

Artisti mill-Qrib

Awtur: Laurence Mizzi
Pubblikazzjoni: Horizons

Ktieb riċerkat li jista’ jintlaħaq mill-maġġoranza tan-nies mhux dejjem komuni. Sabiex tagħmel intervista trid il-ħin u mhux dejjem faċli li xi ħadd jagħtik dan il-ħin. F’dan il-ktieb niltaqgħu ma’ għadd ġmielu ta’ artisti li jinkludu skulturi, pitturi u ċeramisti, fil-biċċa l-kbira tagħhom stabbiliti u magħrufa, uħud minnhom anke barra minn Malta. Horizons qed jagħmlu dan l-isforz evidenti ħafna sabiex kotba ta’ kwalita’ jaslu f’idejn kemm jista’ jkun nies u dan billi l-prezz ikun imnaqqas.
Din il-ħolma bdiet propju fis-snin tmenin meta il-ġurnal il-Ġens kien ixandar regolarment intervisti li Laurence Mizzi l-awtur kien jagħmel għar-rubrika “Mill-Qrib”. Laurence Mizzi m’għandu bżonn ebda introduzzjoni. Ilu aktar minn 50 sena attiv ħafna fil-qasam tax-xandir u kiteb radjudrammi, teledrammi u dokumentarji għar-radju u t-televixin. Fost dawn l-intervisti kien hemm għadd kbir ta’ artisti fil-biċċa l-kbira għamlu ġieh għalihom infushom u għal pajjiżna. Il-ktieb minkejja d-daqs tiegħu ma jonqosx milli juri xi stampi ta’ xi xogħlijiet ta’ dawn l-artisti u b’hekk il-qarrej jista’ jifhem u japprezza ftit aktar it-talent kbir ta’ dawn il-persuni.

Napprezza ħafna f’dan il-ktieb li hemm taħlita tajba ta’ artisti li ħallewna u oħrajn kontemporanji. B’hekk il-qarrej jista’ jkollu stampa komprensiva tal-iżvilupp artistiku f’pajjiżna. Insibu fost oħrajn lil Josef Kalleya li ħalliena fl-1998 fl-eta’ sabiħa ta’ mitt sena. Kalleya kien minn ta’ quddiem biex idaħħal forma ta’ arti espressjonista. Kullħadd xi darba jew oħra ltaqa’ mal-monument ta’ Fra Diegu fil-Ħamrun. Dan il-monument, li ġie inawgurat fis-16 ta’ Ottubru, 1932, huwa xogħol skultur kbir ieħor li nsibu f’dan il-ktieb, Vincent Apap (1909-2003). Min ma semax b’Esprit Barthet imma forsi ftit huma dawk li dan il-pittur kbir esperjenzha l-faqar. Insibu wkoll numru ta’ artisti li għadhom magħna u għadhom jagħtu kontribut kbir enormi. Insemmi fost oħrajn lil Ġanni Pace u Alfred Camilleri Cauchi. Ix-xogħlijiet ta’ Camilleri Cauchi nsibuhom imxerrdin fil-Parroċċi u knejjes tagħna. Imma lil min l-aktar li jammira dan l-iskultur? U x’delizzji għandu?
Tajjeb li ngħidu li meta għandek intervista tista’ toħroġ ħafna aktar mill-qrib il-karattru, ir-raġunijiet għaliex għamlu ċerta xogħlijiet u anke xi episodji differenti minn ħajjithom. Għalhekk il-ktieb mhuwiex sempliċiment kurżita’ dwar l-artisti nfushom imma tagħrif siewi dwar l-istorja ta’ Malta. Din l-informazzjoni ma toħroġx minn katalogu tax-xogħlijiet tal-arti jew minn xi tagħrif qasir dwar l-artisti.
Ix-xogħlijiet tal-arti ma jispiċċaw qatt u forsi ma jbatux it-taħsir daqs il-ġisem tal-bniedem. Madankollu dan il-ktieb jiċċelebra wkoll lill-ħallieqa ta’ bosta xogħlijiet li poġġew lil dan il-pajjiż fuq il-mappa kulturali dinija. Barra minn hekk, kif għidt aktar `il fuq dan il-ktieb fih bosta tagħrif illi joħroġ minn fomm dawn l-artisti li mhux ta’ min wieħed jitlef.
Dan il-ktieb jista’ jinkiseb minn Horizons (http://horizons.com.mt/), u l-ħwienet tal-kotba.

(Paġna Letterarja, 6 ta’ Diċembru 2015)

Bint Sonya

Awtur: Elio Lombardi
Pubblikazzjoni: BDL

Fil-Paġna Letterarja tat-18 t’Ottubru 2015 kont ktibt dwar ir-rumanz ta’ Elio Lombardi Sonya. Is-suċċess ta’ dan ir-rumanz ma narawhx biss fil-fatt li l-awtur ħa ħsieb li jagħmlu wkoll film, imma wkoll għax qed naraw storja oħra imma bl-istess karattri ta’ Sonya u Philip. Lombardi jagħmel dan b’għaqal kbir billi japprofitta ruħu mis-suċċess tal-ewwel ktieb Sonya, u fl-istess ħin joħloq storja differenti mingħajr mal-qarrej ikollu jixtri ż-żewġ kotba.
Irrid għalhekk nagħmilha ċara li dan hu ktieb differenti u m’hemmx għalfejn wieħed jaqra Sonya biex jifhem dan għaliex l-istorja hi differenti. L-istorja titlaq ħmistax –il sena wara ż-żwieġ ta’ Sonya ma’ Philip. Il-karattru prinċipali hija Louise, bint Sonya, tfajla li “kienet tħobbha ferm l-iskola” (p.6). Tfajla iżda wkoll sabiħa “li ma setax ikun li ma jkolliex ruxxmata ġuvintur li kollha bl-imħatra min kellu l-ħila jisirqilha qalbha” (p.8). Sonya ma damitx wisq biex saret tisma’ li bintha bdiet toħroġ ma’ ġuvni, propju ma’ Mark Falzon (p.10). Ix-xitan m’għandux ħalib u dan Mark minkejja l-għożża li trabba fiha, għalkemm ommu kienet tfissdu mhux ħażin, qabad il-vizzju misħut tal-logħob (p.16) u wara kellu jiltaqa’ ma’ Dorothy, tfajla Ingliża (p.21). Jekk kellha l-iċken dubju minbarra li qallha Mark innifsu kellha wkoll il-konferma ta’ Ralph (p.43) li dan Mark kien qed joħroġ mal-Ingliża Dorothy. Missier Mark m’aċċettax dlonk din l-imġieba ta’ ibnu u lanqas il-fatt li telaq lill-Louise biex joħroġ ma’ Dorothy (p.49). Sabiex idderri ftit Louise qatgħetha tmur sal-Ingilterra (p.54) u fuq l-ajruplan kumbinazzjoni kellha tpoġġi ħdejn Dorothy (p.56). L-Ingilterra kellha tiltaqa’ ma’ Alice (p.59). Tagħmel ħbieb ukoll ma’ Jeff (p.69) zagħzugħ Amerikan li kien pilota fil-qawwa tal-ajru Amerikana. Jeff ġie Malta u saħansitra beda t-tagħlim Nisrani biex jitgħammed (p.141). Imma wara li skonta sentenza ħabs reġa’ tfaċċa Mark (p.143) u nkorla għax ippretenda li wara dak li għamel lil Louise kellha terġa’ lura lejh. Naturalment mhux għax kien iħobbha imma għax għaraf x’tilef. It-tmiem imqanqal inħallih f’idejkom qarrejja.
Elio Lombardi jikteb għal poplu u r-rumanz ma tkissirx moħħok sabiex taqrah. Mexxej u fl-istess ħin iżommok għal li ġej. Dan ir-rumanz jitbiegħed mill-idea li kull kitba teħtieġ li jsir studju kritiku dwarha u waqtiet nazzarda ngħid trid tkun qrajt l-analizi sabiex tifhem il-kitba oriġinali. Madankollu xtaqt nagħmel riflessjoni qasira dwar dan ir-rumanz
Ftit punti illi joħorġu:
(a) Il-Malti ta’ Lombardi huwa bħal ilma ġieri li joħroġ mill-blat li anke jekk xi waqtiet jiddardar bil-ħamrija, jibqa’ naturali u jpaxxik kemm bil-ħoss tiegħu kif ukoll bit-tjubija tiegħu. Lombardi jaf iħaddem il-Malti għax jitħaddet bil-Malti, jaħseb bil-Malti, jaqra u kiteb bil-bosta.
(b) Hija kitba li tilħaq l-għan tagħha li sservi bħala qari għall-gost. Għaliex wara kollox il-qari mhuwiex neċessarjament la għal xi eżami u lanqas sabiex xi ċirku letterarju jiktbu l-analiżi dwaru. Ma jimpurtax, kif għidt aktar `il fuq lanqas li jien bħala editur letterarju ma sibtx dawk l-elementi filosofiċi, letterarji jew soċjali li nista’ nibni minnhom kuntest sħiħ ieħor. Il-ktieb kien għalija ta’ kumpanija waqt il-ħin ħieles tiegħi.
(c) Il-qari għal Lombardi mhux għal grupp żgħir ta’ nies imħarrġa u mgħallma imma għal kullħadd. Huwa wkoll għal ħaddiema, nisa tad-dar mingħajr taħriġ akkademiku għoli, u għall-anzjani.
(d) Il-profondita’ toħroġ mis-sempliċita’. Huma kollha realtajiet mill-ħajja ta’ kuljum li tisma’ u li tara madwarek.
L-awtur jgħożż sew il-valuri tal-imħabba u tal-għaqal imsawrin mill-karattru Malti Kattoliku.
Dan huwa ktieb li lil hinn mit-temi li ppruvajt noħroġ f’din il-ħarsa tiegħi, għandu l-għan ewlieni li jagħti pjaċir permezz tal-istorja li tista’ tinqara minn kullħadd. Storja li tkompli tikkonfermali għaliex il-kotba ta’ Elio Lombardi huma daqstant popolari mal-Maltin.
Il-ktieb jistgħu jinkiseb minn BDL San Gwann jew mill-ħwienet ewlenin.

(Paġna Letterarja, 6 ta’ Diċembru 2015)

Iċ-Ċirasa: Praspar u Avventuri

Awtur: Mario Galea
Pubblikazzjoni: Kite Group

Ilna ħafna niddiskutu li wasal iż-żmien li nibdew nidħqu anke bil-politiċi. Kollox juri li dan il-pajjiż issa beda jimmatura politikament. L-Onor Mario Galea (li matul dan l-artiklu billi huwa l-awtur tal-ktieb se nsejjaħlu mingħajr it-titlu ta’ Onorevoli u dan naturalment b’ebda nuqqas ta’ rispett) kien minn ta’ quddiem sabiex idaħħal din is-satira politika. Biżżejjed wieħed jisma’ diversi diskorsi anke informali illi għamel dwar dan fuq il-mezzi tax-xandir.
Imma l-ewwel ktieb li rajna b’dawn l-aneddoti kien dak ta’ Tono Borg. Dan il-ktieb kellu daħla ta’ Lawrence Gonzi, dak iż-żmien Prim Ministru fejn iddeskriva dawn l-esperjenzi bħala “mumenti li jsebbħu l-ħajja politika” (XIII). Il-ħolma kellha ssir realta’ billi tgħaqqad l-aneddoti mal-illustrazzjonijiet ta’ Mark Schembri. Ta’ min jgħid li l-artist Mark Schembri, pittur illum stabbilit kien involut sew fil-karikatura politika anke fil-Karnival, meta wara ħafna snin, propju mill-1936 bdejna nitħarrku ftit u bir-rieda u l-entużjażmu tad-dilettanti immaterjalizzaw xi disinji ta’ Schembri. Wara s-suċċess tal-ktieb Nidħqu bina nfusna ta’ Tono Borg issa kien imiss dan il-ktieb iċ-Ċirasa ta’ Mario Galea. Dan il-ktieb, bħal ta’ qablu jikkonsisti f’numru ta’ artikli (160 b’kollox) li jafu l-bidu tagħhom snin ilu, propju fi żmien fejn il-poplu kien għadu ħafna aktar maqsum bħal żewġ tribujiet, (kif jgħid il-Professur Oliver Friġġieri) propju fl-1983. Ta’ min wieħed jgħid li dan il-ktieb l-awtur iddedikah lil ommu li kif jgħid huwa fid-dedika kienet taqta’ l-artikli ta’ Iċ-Ċirasa, titwihom pulit u terfagħhom f’suppiera li kellha fil-kċina.
Bħal fil-każ tal-ktieb ta’ Borg, dan il-ktieb ukoll għandu illustrazzjonijiet ta’ Mark Schembri u intoduzzjoni mill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi. Il-ktieb għandu wkoll daħla mill-awtur Trevor Zahra, ħabib tal-awtur kif anke nistgħu naraw f’xi artikli (p.44, p.92). Ċert li l-ktieb ser iġibilkom tbissima waqt li qed taqraw dawn l-esperjenzi, xi wħud jixhdu anke l-umanita’ tal-awtur li waqt li huwa politiku jibqa’ wkoll bniedem. F’oħrajn jirrakonta l-praspar li ltaqgħu magħhom sħabu, fosthom membri Parlamentari oħra. Naraw ukoll x’jiġri meta t-tabib Deo Debattista jagħmel pjaċir lill-anzjan żbukkat u jmur jixtrilu s-suppożitorji li iżda ma jgħaddux mill-kaxxa tal-ittri (p.52). U x’jiġri meta l-onoroveli Stephen Spiteri jinsa javża lil tfajla li negozjant kien se jċemplilha li sabet xogħol? U xi tkun ir-reazzjoni tat-tfajla meta dan jgħidilha li ser jiltaqgħu Albert Town il-Marsa (p.175)? Nitbissmu bl-innoċenza tat-tfal, fosthom ibnu li waqt attivita’ politika ma fehemx u allura m’aċċettax li lil missieru (l-awtur) jagħtuh in-number 1; minflok qallhom “lill-papa n-number 10 agħtuh” (p26). Imma imbagħad għandna lil Mario Galea il-politiku, u li tkun politiku ġġib magħha xi konsegwenzi wkoll! Fosthom dik tal-popolarita’ u li jkunu jafuk bosta nies li jkunu jafu n-numru tal-mobajl tiegħek. Naraw fost oħrajn meta jirċievi messaġġ “Ġina tinsiex titfi l-ikel” (p.157) naturalment bi żball. Jew meta jirċievi messaġġ suppost indirizzat lill-Eċċellenza Tiegħu Mario Grech Isqof t’Għawdex imma li bi żball bagħtuh lilu (p.156). Ma xtaqtx niżvela aktar minn dawn l-istejjer, imma waqt li l-ktieb magħmul biex tista’ taqra liema esperjenza trid, ninsab ċert li ħafna qarrejja darba jibdew jaqraw l-ewwel praspura ma jitilqux il-ktieb minn idejhom.
Sfida oħra għal dawn il-politiċi, minbarra dik li noħorġu mill-qafas tal-imgħoddi li żamm lill-politiċi f’bozza tal-ħġieġ fejn tidħol satira politika, huwa r-riskju politiku personali illi ħadu meta joħorġu fil-beraħ dawn l-istejjer. U anke hawn jien nara l-maturita’ politika, u l-kuraġġ ta’ dawn il-politiċi li ma jibżgħux li xi ħadd jista’ jinqeda bi storja jew oħra biex jitfa l-politiku bl-integrita’ tiegħu f’dawl ikrah. Anzi hawn naraw ukoll is-saħħa li toħroġ mit-tbissima li fiha nfisha hija għanja u tibni ħafna mal-profil politiku tal-persuna.
Jien ngħid ukoll li bħala rappreżentanti tagħna, meta l-mexxejja politiċi jidħku bihom infushom ikunu qed iwasslulna messaġġ b’saħħtu anke bħala soċjeta’.
It-tnedija ta’ dan il-ktieb saret propju fil-bini tal-Parlament u kienet indirizzata mill-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia. Preżenti wkoll il-President Emeritus Eddie Fenech Adami u l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi flimkien ma’ deputati miż-żewg naħat tal-Kamra.

(Paġna Letterarja 29 ta’ Novembru 2015)

Jacob: My Titanium Man

Sarah Cachia flimkien ma’ Kristina Chetcuti 

Pubblikazzjoni:  Merlin 

Waqtiet il-ħajja bħal baħar kalm bħaż-żejt imma f’salt il-ħalel jitqawwew u jaqilgħu saħansitra l-blat u r-ramel minn max-xtajtiet. Filli bħal donnok waqt kunċert ta’ mużika ħelwa meta ħoss qawwi kbir jaħsdek.  Imma imbagħad jgħaddi ftit taż-żmien u l-baħar jerġa’ jikkalma u terġa’ tisma’ l-mużika ħelwa li kont tisma’ qabel. Forsi mhux eżatt, għax wara l-maltempata x-xtajta tisbieħ.

L-esperjenza tal-ħajja wkoll tkabbrek, timmaturak, u l-ħajja tibda tagħtiha ħafna aktar valur.  Tagħraf kemm bosta drabi ninħelew fuq frugħat li ma jfissru xejn.  Waqt li ma nimpressjonax ruħi b’min jaħseb fil-ħajja li qiegħed fuq xi pedestal, ħdejn nies bħal Jacob u ommu Sarah niċċekken u nħoss li ħaqqhom l-akbar rispett. 

Dan il-ktieb, Jacob, huwa testomonjanza qawwija:  Esperjenza tal-ħajja rakkontati mill-omm, Sarah, l-awtriċi ta’ dan il-ktieb.  Jacob, tifel ferrieħi, ftit kolt u qed jistudja għall-eżamijiet fil-livell ordinarju.  Jum kiesaħ f’Jannar 2013:  Dan kien il-jum li biddel il-ħajja ta’ familja.  Kollox bla mistenni.  Dak li kien jidher fil-bidu li se jkun riħ komuni kien fil-fatt meningoencephalitis, infezzjoni rari ħafna li tattakka l-moħħ b’mod kiefer.  ITU, MRI (p.35), CT scan (p.36, 42), operazzjoni (p.37), koma sabiex ma ssirx aktar ħsara fil-moħħ (p.48), kollox beda jseħħ b’mod mill-aktar mgħaġġel (p.37).  Jacob bata u bata ħafna.  Beda jiżen mhux aktar minn 44 kilo (p.79).  Id-deċiżjoni iebsa li jekk ma toperax jista’ jmut u jekk toperah ukoll jista’ jmut (p.57).  “Mulej, agħmel li jgħix” (p.63) kienet it-talba spontanja li dejjem kienet toħroġ bil-qalb minn fomm Sarah.  Diversi mument qawwija u iebesa li jqabbżulek demgħa minn għajnejk bħal meta Jacob jgħid lil ommu sabiex tikteb l-istorja ta’ ħajtu (p.74).  Dan il-kliem ħasadha mhux ftit għax wisq tibża’ li qed iħoss li mhux ser jgħix.   Jacob kien jeħtieġ Titanium plate (p.82) sabiex billi parti mill-iskutella tar-ras kelha titneħħa sabiex issalvalu ħajtu.  Familja bħal ta’ Jacob tieħu l-ħajja bi tbissima anke f’waqtiet mill-aktar diffiċli u naraw ukoll li bdew isejħulu Titanium Man propju kif iġib is-sottotitolu ta’ dan il-ktieb.  Wieħed ma jistax ma jammirax ukoll il-kuraġġ kbir ta’ Jacob li saħansitra fl-aktar waqtiet iebsa kien jiċċajta (p.75). Li jintlaqat il-moħħ mhux ċajta u l-konsegwenzi jistgħu dejjem ikunu gravi. 

Il-qalb tal-Maltin hija kbira wisq u dan narawh bl-appoġġ li sab mill-iskola fejn kien jattendi, il-Kulleġġ Santa Margerita tas-Subien ta’ Bormla (p.87).  Survivors Malta (p.98).  Fuq kollox l-istaff kollu tal-isptar kemm Mater Dei kif ukoll Karen Grech li ta’ min ifaħħarhom għall-professjonalita’ u dedikazzjoni tagħhom. Mill-banda l-oħra wara trawma issib ruħek waħdek.  M’hemm l-ebda tagħrif fil-kotba kif iġġib ruħek f’sitwazzjonijiet partikolari li tista’ tgħid ħadd ma jkun għadda minnhom.   Imma b’ħafna kuraġġ, għajnuna u pożittivita’ Jacob spiċċa minn ta’ quddiem sabiex saħansitra jgħin lill-oħrajn fil-ġbir għall-Istrina (p.105). 

Ikolli nammetti li f’xi partijiet speċjalment kapitu 3 sa 5 kienu ibsin.  F’xi waqtiet kważi jħallik bla nifs għaliex bħal donnu l-ktieb idaħħlek fil-ġrajja u tgħix ukoll dak il-mumenti.  Madankollu l-ktieb huwa wieħed pożittiv.  U l-pożittivita’ mhux biss fl-aħħar kapitli imma sa mill-bidu nett għaliex dan kien il-mod kif Jacob u l-familja tiegħu kienu jħarsu lejn il-ħajja u jgħixu u jegħlbu l-aktar mumenti diffiċli.  

F’isem it-Torċa tkellimt ma’ Sarah Cachia, omm Jacob u l-awtriċi ta’ dan il-ktieb.  Qaltilna hekk:  “Aħna minn dejjem għidna l-istorja tagħna lill-media sabiex ngħinu lil ħaddieħor.  Pprovajna nilħqu familji oħra bħal tagħna li salvaw minn trawma kienet x’kienet u saħansitra qed jgħixuha u għalhekk aħna nsibu s-saħħa f’xulxin permezz ta’ kliem ta’ serħan u li nifhmu lil xulxin.  Jacob sar xempju ta’ tama għall-morda u jispira ħafna bil-viżjoni pożittiva tiegħu tal-ħajja li jwassal messaġġ li qatt m’għandek taqta’ qalbek!  JACOB – MY TITANIUM MAN tirrakonta l-istorja ta’ familja u kif salvajna mit-trawma biex inqawwu qalb dawk kollu li jfittxu li jiġu ispirati!” 

Manwel Pace: Tliet Gawhriet

Poeżiji miġbura minn Joseph Pace

Ix-xogħlijiet ta’ Manwel Pace (1898-1975), l-awtur tal-Innu tal-Partit tal-Ħaddiema (p.136) issa jinsabu miġbura fi ktieb bi preżentazzjoni mill-aqwa, li tinkludi bosta ritratti li jgħinnu il-qarrej jifhem aktar l-awtur kif ukoll ritratti tal-kitba oriġinali ta’ Pace. Din il-ġabra sabiħa setgħet tiġi f’idejna bis-saħħa ta’ ibnu stess Joseph Pace li għoġbu jiġbor dawn ix-xogħlijiet ta’ missieru. Poeta jibqa’ magħruf ħafna meta jkun l-awtur ta’ xi innu bħalma huwa f’dan il-każ, li nifhem li bosta qarrejja ikunu jixtiequ u bir-raġun isiru jafu aktar min hu l-awtur tal-innu tal-Partit Laburista u x-xogħlijiet tiegħu. Imma żgur li mhux se jiddiżappuntaw ruħhom. Il-poeżija ta’ Pace, b’versi tradizzjonali, sa ċerta punt bħal ħafna awturi ta’ żmienu maħkum mir-romantiċiżmu li kien dominant fil-letteratura imma fl-istess ħin jinbtu bosta elementi li jixhdu dawl fuq il-fqir, il-ħaddiema u dak il-moviment li kien qed jaħdem għal bosta riformi soċjali. Il-Professur Oliver Friġġieri fl-introduzzjoni ta’ dan il-ktieb jgħid hekk “Din il-ġabra ta’ versi ta’ Manwel Pace, tiftiehem bħala rifless tal-epoka u bħala kuntrast magħha. Is-skiet tiegħu ma hux ta’ xi ħadd li ma hux qiegħed jisma’. Il-ħidma politika hi parti mill-esperjenza tiegħu wkoll.” Dedika lejn dawk li bdew jaħdmu għal dawn ir-riformi soċjali nsibuha fil-poeżija “Lil ħuti l-ħaddiema” (p.32). Ninnutaw kif b’mod kontinwu u konsistenti Pace jassoċja ma’ dan il-moviment ġdid ta’ żgħażagħ bi ħsieb Dimechjan li riedu l-bidla, li riedu kundizzjonijiet aħjar għalihom u għall-ġejjieni ta’ da nil-pajjiż. Liż-żgħażagħ ħaddiema jiddedikalhom ukoll l-Innu (p.58) fejn fost oħrajn jgħid:
“Ningħaqdu bħal aħwa, ja żgħażagħ,
Id f’id, u qalb waħda henjin,
Ħa jonfoħ ir-riħ minn kull naħa
U jsibna f’kull naħa msaħħin.”

Raġuni oħra kif il-poeżija ta’ Pace tiddistingwi ruħha huwa għaliex bħal Dun Karm għażel li jikteb b’ilsien pajjiżu. Poeżija li turi kemm il-Malti kien għall-qalb Manwel Pace hija “Din l-Art Ħelwa” (p.28) li hija iddedikata lil Mons PP Sadon, ħabib tal-ilsien Malti. Waqt li jfaħħar lil din l-art li jixtieq jara ħielsa jgħid li “tatna l-Ġenna l-ogħla lsien”. Kif jgħid fl-introduzzjoni l-Professur Friġġieri dwar din il-kwistjoni tal-lingwa: “Jista’ jkun hemm raġunijiet politiċi, minħabba li għal żmien twil il-kitba bil-Malti jew bit-Taljan jew bl-Ingliz kienet minnha nnifisha deċiżjoni poliika. Dun Karm innifsu, f’ittra lil Laurent Ropa, stqarr li hu ma kienx Mizzjan meta kiteb bit-Taljan, bħalma ma kienx Stricklandjan meta kiteb bil-Malti. Iżda aktarx li din ma hix ir-raġuni għala Manwel Pace ried li r-relazzjoni tiegħu mal-poeżija tiegħu tibqa’ bħallikieku privata, jew għallinqas mistura.” Ta’ min wieħed jgħid ukoll li anke Manwel Dimech kiteb xi xogħolijiet bil-Malti u ċertament li Pace kien konxju wkoll tal-bosta segwaċi ta’ Dimech li issa bdew jaraw il-waqt li setgħu iwettqu il-ħolma li kellu dan il-bniedem kbir li kellu jħallas prezz għoli għal twemminu.
Fuq kollox il-poeżija ta’ Pace hija patrijottika u nsibu wkoll numru ta’ poeżiji reliġjużi. It-tema tal-assedju u r-rebħa ta’ Malta Kattolika hija komuni ħafna f’bosta poeżiji tiegħu (eżempji Lil Malta, p.42, Malta Rebbieħa, p.98, Id-dehra tal-Miġfna Torka, p.100, Ir-rebħa, p.108 eċċ). Il-valuri umani u nsara tiegħu, b’sens qawwi ta’ dekor u moralita’ nsibuhom fit-Twissijiet (p.47-57).


Poeta ġdid mill-imgħoddi


F’isem it-Torċa tkellimt ukoll mal-Professur Oliver Friggieri, li għamel id-daħla ta’ dan il-ktieb, ferm meqjusa u li magħha m’għandi xejn xi nżid. Tlabtu għalhekk jagħtini l-fehma tiegħu dwar dan il-ktieb. Il-Professur Friggieri qal hekk:
Tliet Ġawhriet hu ktieb ġdid li fih il-poeżiji miġbura ta’ Manwel Pace, poeta Bormliż li għex bejn l-1898 u l-1975, u li kien jippubblika l-poeżiji tiegħu b’għadd ta’ psewdonimi, fosthom Hannibal M., minħabba li ma riedx ixandar ismu. Joseph Pace, iben il-poeta, ġabar ix-xogħlijiet ta’ missieru f’edizzjoni sabiħa li issa tiggarantixxi għall-ewwel darba li dan l-awtur, wara erbgħin sena minn mewtu, jidħol fil-post li jixraqlu fl-istorja tal-Poeżija Maltija.
Manwel Pace u Carmelo Mifsud Bonnici (Il-Gross) kienu miżżewġin lil żewġ aħwa, Giovanna Ross u Mary Ross minn Bormla. Manwel Pace, fost l-oħrajn, hu l-awtur tal-versi tal-Innu tal-Partit Laburista (1929), waqt li Carmelo Mifsud Bonnici, missier il-President Emeritu Ugo Mifsud Bonnici, huwa l-awtur tal-versi tal-Innu tal-Partit Nazzjonalista. Iż-żewġ innijiet taż-żewġ partiti ħarġu minn Bormla u mill-istess familja.

Konklużjoni


Minbarra d-daħla tal-Professur Friggieri dan il-ktieb għandu wkoll kelmtejn minn Dr Paul E. Heywood, u silta minn Vatum Consortium ta’ Karmenu Vassallo propju fejn titkellem dwar Manwel Pace. Dan huwa ktieb li fil-fehma tiegħu għandu jkun fil-librerija ta’ dawk kollha li għandhom għall-qalbhom il-letteratura b’mod ġenerali u dak kollu li hu Malti. Ċertament li r-rabta ta’ Manwel Pace mhijiex biss mal-Innu tal-Partit tal-Ħaddiema li forsi għalih jibqa’ l-aktar magħruf. Imma Pace tana ħafna aktar minn hekk. Bħal Dun Karm u poeti oħra ħolqu minn dan l-ilsien lingwa letterarja minn dik popolari u għollew il-livell tal-ilsien Malti daqs dak barrani. Mill-kwistjoni ta’ poplu dipendenti mill-Ingliżi, u fl-istess ħin kellek dawk li bir-raġun ukoll, biex ngħidu kollox, m’aċċettawx li jiġu umiljati mill-Ingliżi għax ħassew li kienu kulturati daqshom u bħalhom fil-kultura Taljana, joħorġu kittieba bħal Dun Karm u Manwel Pace li b’ilsien pajjiżna jfaħħru lil din l-art li tatna isimha.

(Paġna Letterarja It-Torċa, 8 ta’ Novembru 2015)

Nature Guide Series Wild Flowers of the Maltese Islands

Awturi: Edwin Lanfranco – Guido Bonett
Pubblikazzjoni: BDL Publishing

Għal ħafna minna l-ilsien u l-letteratura huma importanti mmens f’dak li jagħmilna Maltin. Imma ta’ min ngħidu li sa ma qabel il-bniedem il-flora kienu hemm u mal-iżvilupp tad-dinja saru identifikati mal-pajjiż partikolari. Il-flora Maltija hija unika għalina l-Maltin u parti importanti minn dan il-pajjiż.
Il-pjanti jadattaw għall-post u għall-klima fejn jgħixu. Jiena wkoll membru tal-Għaqda Maltija tal-Kaktus u Sukkulenti oħra u l-maġġoranza tax-xtieli tad-delizzju tagħna jikbru fi klima aktarx xotta u ssibhom bil-bosta f’pajjiżi bħal Messiku, l-Amerka t’isfel, l-Amerka u f’xi pajjiżi Għarab. Qed nagħmilha ċara li nippreferi xtieli oħra aktar milli l-fjuri, imma kull min bħali għandu ftit delizzju tal-pjanti ser japprezza ħafna dan il-ktieb.
Il-fjuri mfittxija bil-bosta, naturalment għax ħafna jammiraw il-ġmiel tan-natura fil-fjura. Anke jekk fl-introduzzjoni ta’ dan il-ktieb, hemm iddikjarat ċar li l-għan ta’ dan il-ktieb mhux li jipprovdi b’mod komprensiv il-fjuri kollha li hawn f’pajjiżna, ċertament li l-lista hija diġa vasta biżżejjed. Jien bqajt imbellaħ min-numru ta’ fjuri li hawn f’pajjiżna, ħafna minnhom ma kontx konxju li jeżistu. Ngħiduha kif inhi, l-iżvilupp tal-bniedem u l-bini li ħa ħafna mill-art naturali huwa dejjem ta’ theddida għal dawn il-fjuri. L-art naturali hija skarsa immens f’pajjiżna u għaldaqstant naħseb ukoll li dan il-ktieb qed jiġbor teżor naturali Malti.
Ktieb ta’ 208 paġni, li jiġbor 300 fjura li jikbru fl-ambjent naturali b’ritratti bil-kulur u informazzjoni dwarhom. Se nsilbu fjuri li jikbru fl-art imqallba bħal-fjuri tal-Madonna (Silybum marianum, p. 140), fil-widien, bħalma huma l-qasab (Arundo donax, p.172), u oħrajn li nsibuhom f’xatt il-baħar bħax-Xorbett (Inula crithmoides, p. 95) fost oħrajn. Interessanti ngħid kif inhu mqassam il-ktieb. Il-Ktieb li huwa wieħed riċerkat u maħsub għal skop ta’ riċerka fih ġenerali bijoloġiċi bħala introduzzjoni għall-qarrejja li mhux midħla tal-fjuri. Wara nsibu tagħrif fuq 300 fjura differenti. Tajjeb ngħidu li dawn il-qarrej jista’ jfittixhom skont il-kulur tal-fjura. . Importanti wkoll l-indiċi, fejn il-qarrej jista’ jagħżel jekk ifittixx bl-isem xjentifiku, bl-isem kif nafuh aħna l-Maltin jew bl-isem komuni.
Dan mhux tip ta’ ktieb li soltu jsib postu f’din il-paġna imma minħabba l-informazzjoni dwar wirt naturali Malti kif inhi mfissra b’mod xjentifiku minn Edwin Lanfranco, botanista u mhurija bir-ritratti ta’ Guido Bonett li huwa espert fir-ritratti tan-natura.

(Paġna Letterarja It-Torċa, 8 ta’ Novembru 2015)

Jutta Heim

Awtur: Immanuel Mifsud
Pubblikazzjoni Klabb Kotba Maltin

Jutta Heim. Erik Xerri li qatt ħajtu jiġri warajha, jfittixha, jaqsam il-Germanja tal-Lvant, propju fejn ftit kienu jmorru. Jibgħatilha l-ittri u ma tweġbux. Għeja. Terraq. Imma meta naraw kif issegwi l-istorja tagħna (p.141) naraw li Erik Xerri miet fl-1 ta’ Settembru 2013 fil-preżenza ta’ Monique u bintu Mildred. Imma Jutta Heim mhux imniżżla mal-karattri prinċipali. Għax kif insibu fil-kopertina, din “mhijiex l-istorja ta’ Jutta Heim”.


Żewġ ħsibjiet prinċipali għaddew minn rasi kif qrajt u waqt li bdejt naqra dan il-ktieb. L-imħabba hi tant għażiża li mhux dejjem naprezzawha. Hija bħal teżor li tkun lest tgħarrex f’kull rokna tad-dinja sabiex tilħqu imma ġaladarba jkun għandek bħal tinsieh. Twarrbu. Hekk ukoll il-liberta’ u d-demokrazija rridu naħdmu qatigħ, nifhmu minn fejn tlaqna u kemm tbatija ġarrbu ta’ qabilna. Jutta mhux bħat-tfajliet l-oħra li Erik iltqa’ magħhom. Jutta ma tagħtux wiċċ. Lest li jitħabat sabiex ifittixha. U forsi hemmhekk verament japprezzha. Erik huwa dak il-persuna li mhux dejjem jagħti valur dak kollu li hu sabiħ. Lisa tagħtu ħafna. Mardet (p,41, p.84). Ma jagħtix każ lanqas ta’ ommu u tal-familja tiegħu (p.43). Meta titlef it-teżor li jkollok f’idejk, tibqa’ tiġri warajha anki jekk “kerha, b’sinjal li xi darba kienet sabiħa” (p.17).


Paralleliżmu ma-xena lokali f’Malta
X’kien hemm ikrah fil-lvant? “Wara l-ħajt hemm dinja oħra?” (p.12) fejn “ma jisparaw lil ħadd għax ħadd ma jrid jiġi ‘l hawn” (p.12) [Eric]. Il-kruha, imfissra bosta drabi permezz tal-“griż” tal-bini (p.8), tal-pjazza (p.17), tas-sema (p.9), għajnejn il-mara (p.136) u bosta tixbihat mehuda mid-dettalji tal-ħajja ta’ kuljum bħar-“riħa sħuna ta’ elettriku maħruq” (p.14) ngħidu aħna. Insibu wkoll bosta botti sottili bħal meta jistaqsi t-tifla jekk lit-teddy bear isemmihx Honecher u din tgħidlu “Jaqq” (p.16) . Sentenza waħda minn fomm Jutta tiddeskrivi din il-kruha: “Hawnhekk ħadd ma jerġa’ jiġi” (p.13). Sentenza iebsa, li lili tfakkarni fil-vers “The Dream is Over” (John Lennon, God) li kienet tfisser it-tmiem tal-era tal-Beatles. Mill-qtigħ il-qalb, l-awtur joħloq it-tama, l-istennija, u magħha bosta tensjoni. Is-sitwazzjoni ta’ tensjoni fil-Ġermanja ta’ wara l-ħajt (p.22) tittama għal ħajja aħjar kienet fl-istess żmien ta’ vjolenza f’Malta u tama għal aktar liberta’. Fis-snin tmenin wieħed jiftakar ukoll il-qtugħ tal-provista tad-dawl (p.17), tfittxija fil-bagalji (p.7). Nagħmilha ċara li dan mhux ktieb politiku imma l-awtur b’maturita’ kbira ħafna u livell għoli ta’ profondita’ jdaħħal il-qarrej fis-sitwazzjoni biex mill-istess sitwazzjoni jibni l-ġrajja.
Il-ktieb ta’ min ngħidu li jirreferi għal tliet epoki importanti fl-istorja ta’ pajjiżna: (a) is-snin sittin karatterizzati mid-dnub il-mejjet (p.32), is-snin tmenin li diġa tkellimna dwarhom u ż-żmien tal-lum fejn jalludi għalkemm mhux b’mod dirett għar-rebħa laburista tal-2013 (p.113) fejn Erik intalab jagħti daqqa t’id f’dan il-moviment li ma kienx eżatt bħal dak li kien jimmilita fih missieru (p.114) . Imma Eric issa marid u aktar moħħu dwar dak li kien għaddej minnu … u dwar Jutta.
“Wara l-ħajt hemm dinja oħra?” (p.12)


Paralleliżmu mal-imħabba tiegħu u l-ħajja personali tiegħu

Mill-ambjent lokali, donnu l-awtur joħloq xebh mal-ħajja personali tal-karattri illi jippreżenta. Il-qtugħ tal-provista tad-dawl, li kien komuni fis-snin sebgħin u tmenin (p.17) ukoll jista’ mqabbel ma’ dak li kien qed jesperjenza Erik f’ħajtu b’mod personali (p.34). “Alexanderplatz griża u kbira. U fqira. U sabiħa għax miskina” (p34) kwotazzjoni mill-ktieb li laqtitni ferm għax tabilħaqq li fid-dgħjufija tagħraf il-kobor u s-sabiħ. “Kerha, b’sinjal li xi darba kienet sabiħa. Ġeneralment griża. Kwieta Mhux kwieta, muta” (p.17). Hekk jiddeskrivi Eric lil Berlin. Propju bħal ħajtu u r-relazzjoni tiegħu ma’ Alexandra. Hemm xebh kbir bejn il-“vojt” u “t-toroq griżi” ta’ Alexanderplatz (p.17) mar-relazzjoni tiegħu ma’ Alexandra, martu. Hawnhekk l-awtur jinqeda mhux biss bil-griż imma anke bl-iswed (“L-iswed ta’ madwarhom”, “jibqa’ jħares lejn l-iswed” p.17). Dak l-iswed insibuh ukoll fil-fetħa tal-metro’ fejn ra lil Jutta għall-aħħar darba (p.24). Waqt li fuq it-televixin Eric qed jara lin-nies jiggranfaw mal-ħajt (p.21, p.41) bla ma jagħti każ martu, bla ma jagħti każ ommu ninnutaw l-istess tama.
Jidhirli li b’dawn it-tliet epoki mill-istorja ta’ Malta u anki l-istorja barra minn xtutna, Mifsud isaħħaħ kemm l-universalita’ kif ukoll l-oġġettivita’ tal-bniedem u dawk il-valuri li m’humiex marbutin la maż-żmien u lanqas mal-lokal. Għaldaqstant qed joffri ħarsa kemm b’mod orizzontali u kemm b’mod vertikali lejn ir-raġel forsi ftit egoist li mhux dejjem japprezza dak li għandu u lil ħaddieħor.

“Alexanderplatz griża u kbira. U fqira. U sabiħa għax miskina” (p.34).

Teatrali u interattiv

Kollox donnu staġun teatrali: il-palk jintrama u jerġa’ jiżżarma għall-ispettaklu li jmiss; jinfetaħ siparju u jingħalaq ieħor, jingħalaq u jerġa’ jiftaħ b’xenarju ġdid” (p.13) Hekk hi l-ħajja bħa teatru. Hekk hi l-imħabba, għallinqas għal Eric.
Imma ħadt spunt mill-metafora tat-teatru u lil hinn minn kull tixbiha jew allegorija mal-ħajja, meta taqra dan il-ktieb tistħajlek qiegħed quddiem il-palk. Il-Ktieb jgħaddina minn xena għall-oħra, daqs li kieku qed tara xi dramm fuq il-palk. Jiddeskrivi bir-reqqa u ċerta dettalji bħal-bini, espressjonijiet, il-loqom tas-sigarretti li faċli ġġib quddiem għajnejk u tistħajjel dak li għandu f’moħħu l-awtur. Mifsud ma jaqbżulux lanqas il-movimenti u l-espressjonijiet tal-wiċċ.

Poetiku
Permezz tal-griż jiddeskrivi dak li hu medjokri, dak li jkun jixtieq jinbidel. Naraw ir-“raġel tal-libsa griża” (p. 8), it-“tmien sular tal-blokka griża” (p.8), “is-sema griż” (p.9) u “għajnejn il-mara” (p.136).
Dawn bħal donnu huma f’kuntrast ma’ Jutta Heim, “xagħrha isfar, twil u lixx” (p.9). Fl-interpretazzjoni tiegħi I-“ħajt” (eżempju p.38) huwa wkoll bħal metafora mill-ħajja ta’ kuljum. Jibqa’ fil-kuntest għaliex qed jitkellem dwar il-Ġermanja tal-Lvant. Il-ħajt imma huwa wkoll il-qasma, il-firda, l-għatx għal xi ħaġa li ma tistax tilħaq.
Il-ktieb mhuwiex ngħid jien poetiku fl-għażla tal-kelma imma anke fl-istil. Ngħidu aħna sabiex l-awtur juri li Jutta ma weġbitux minkejja l-wegħda li kellha tagħmel dan s’Ottubru, jikteb ix-xhur wara xulxin u jqabbeż barra Ottubru.

Konklużjonijiet
Ikolli ngħid li għalija dan il-ktieb kien ta’ sfida sabiex nikkummenta dwaru. Mifsud iħallik tissaħħar fl-istorja, forsi ma tkunx taf jekk hux qed tifhem mal-ewwel, imma imbagħad fil-kapitlu li jmiss tiskopri xi ħaġa ġdida. Forsi tiskopri li dak kollu li ħsibt mhux minnu Jogħġbuni dawn it-tip ta’ kotba u films. Interessanti mmens.

Paġna Letterarja It-Torċa, 8 ta’ Novembru 2015