Awtoskatti Versi u linji

Andrew Sciberras u Tarcisio Zarb
Dan l-aħħar għadhom kif ħarġu żewġ kotba interessanti ta’ Andrew Sciberraw u Tarcisio Zarb. Għadu kif ġie pubblikat l-ewwel volum ta’ kritika letterarja Kritika Prattika: Nebħ kritiku dwar il-poeżija ta’ żmienna. Imma donnu li Sciberras u Zarb qabel ħarġu l-ewwel volum ta’ din il-kritika letterarja, riedu juru huma stess il-ħiliet artistiċi tagħhom fil-poeżija. U tabilħaqq kien xieraq li ngawdu il-poeżija ta’ dawn iż-żewġ awturi.
Diffiċli għalija li niddefenixxi x’hemm komuni bejn iż-żewġ awturi. Fil-fatt anke l-Professur Oliver Friġġieri fid-daħla tiegħu għal dan il-ktieb jiddeskrivihom bħala “Żewġ kittieba differenti”. L-istil taż-żewġ poeti huwa kompletament differenti anke jekk f’din il-ġabra t-tnejn li huma jħaddmu l-vers ħieles u mhux marbutin ma’ tip wieħed jew temi jew stili. Il-poeżija ta’ Sciberras narha tixbah ħafna lil dik ta’ Achille Mizzi, fis-sens li wieħed jistenna li se jsib kliem Malti Semitiku u arkajku, ma’ dak Romanz u modern minsuġin b’sengħa u ħila kbira, għalkemm wieħed jista’ wkoll jinnota bosta differenzi. Il-poeżija ta’ Tarcisio Zarb ftit li xejn nista’ inxebbaha ma’ oħrajn għallinqas fix-xena lokali. Versi qosra, ġieli b’kelma waħda jew tnejn jikkaraterizzaw dawn il-poeżiji, li bil-kontra ta’ Sciberras x’aktarx huma aktar diretti . Fil-poeżiji ta’ Zarb wieħed jinnota wkoll bosta termini użati fit-taħdit anke jekk dawn huma mislufin mil-lingwa Ingliża “Ifphotoshoppjati”, p.40, selfie, p.46 eċċ). Naturalment wieħed japprezza li l-awturi jużaw il-liċenzja poetika sabiex b’ħila artistika kbira jwasslulna stampa u aktarx messaġġ dwar xi tema soċjali partikolari. Għaldaqstant jekk ikolli nsib żewġ temi komuni f’dawn il-poeżiji, jkolli ngħid li t-tnejn li huma jiktbu poeżija li se niddeskriviha bħala tisfidak, tqanqal diskussjoni. Mhijiex sempliċiment bħal kumment fil-mezzi soċjali li l-ħbieb jagħmlulu like imma provokazzjoni għall-ħsieb passiv. Tema oħra li xtaqt noħroġ hi li dwar kif iż-żewġ poeti donnhom jimirħu fl-ispazji ġewwieni, fil-“jien” u fl-istess ħin wara riflessjonijiet profondi joħorġu b’bosta ħsibijiet soċjali.
Poeżija li tisfidak
Sciberras jitkellem dwar l-Omm Sirjana u l-Mara ta’ Miżurata. Fiż-żewġ poeżiji naraw kif il-poeta jemanċipa man-nies li qed ibatu imma wkoll jilmenta dwar il-bniedem “l-uniku annimal brutali” u jistaqsi x’sehem għandhom bosta pajjiżi fosthom l-Għarabja Sawdita f’dan kollu. Jistaqsi wkoll x’sehem għandha l-Ewropa fil-kwistjoni tal-Libja (p.6). Sciberras jinkwieta għall-ammont ta’ “asbestos tossiku” (p.6), “armi kimiċi”(p.16), li jintużaw fil-gwerer.
Zarb jemmen bi sħiħ li l-poeta għandu jitkellem u jsemma’ leħnu fejn jidħlu oqsma soċjali. Dan huwa dak li jagħmel il-poeżija relevanti.
“L-Unjoni Ewropea,
Id-defeċit strutturali.
U l-Korpi Kostitwiti.
Skużani. Ta. Imma.
Dawk mhumiex suġġetti.
Ta’ poeżija.
Qed tifhem.
Qaltli. Dawk mhumiex suġġetti ta’ poeżija.
Qaltli.” (p.45)

Jilmenta ngħidu aħna dwar l-użu eċċessiv tal-insettiċidi u kif il-kontroll tal-bniedem daħal wisq f’dak li hu naturali. Donnu anke f’dak li hu estetika sirna naraw wisq sabiħ fejn hemm l-intervent tal-bniedem (p.59).
Poeżija bħala vjaġġ ġewwieni b’riflessjonijiet soċjali
Huwa minnu li l-poeżija ta’ Sciberras u Zarb huma għajta ta’ protesta kontra l-inġustizzja, l-manipolazzjoni fid-dinja tal-bniedem, u l-kapitaliżmu sfrenat. Imma l-poeżija toħroġ wara riflessjoni profonda interjuri. U wara kollox il-poeżija tiktibha biex isserraħ lilek innifsek. Mhux ta’ b’xejn kritiku letterarju mill-poeżija kapaċi jpinġi l-karattru tal-awtur.
Zarb jikteb (p.46):
“Jien ma niktibx għalik,
imma għalija.
Jien is-selfie antik
tal-poeżija.”

L-interess ta’ Sciberras jinteressah fix-xjenza, il-metafiżika u l-filosofija u għandu ħabta li jħallathom flimkien għax wara kollox it-tliet dixxiplini jfissru l-univers li fih qed ngħixu u min fejn ġejjin. Hekk naraw f’poeżiji bħal Paradoss (p.2). Imnebbah mill-filosofija tal-paċi partikolament dik Buddista (p.21-23) jixxennaq għal dinja aħjar, u fejn l-imħabba ssir eternita’.
Kontra dak li nagħmel is-soltu mhux se nagħmel konklużjoni dwar dan il-ktieb imma se nġib għall-attenzjoni tagħkom il-ħsibijiet ta’ Mario Azzopardi; drammatur, awtur u poeta.

Ħsibijiet ta’ Mario Azzopardi dwar Awtoskatti
Wasalli ktieb interessanti, intelliġenti u eklettiku, bil-firma ta’ Andrew Sciberras u Tarċisju Zarb. Mhux ktieb tas-soltu u l-aħħar ktieb li daqq din in-nota espansiva kien Linji Ġodda (1973), kummentarju kritiku inventiv li kien ħareġ Peter Serracino Inglott. Dan il-volum ta’ Sciberras u Zarb jirrappreżenta kollaborazzjoni ta’ elementi individwali minn varjetà ta’ sorsi, sistemi jew stili.
Marsusin ma’ xulxin hemm metodi, twemmin u ideat li jikkombinaw dak kollu li jinħass ta’ ħtieġa. Ta’ molla li twassal għal effetti minn bosta sorsi.
Sciberras hu l-aktar politiku (u xellugi), bil-mira espliċitament tiegħu ta’ spiss tkun il-manipulazzjoni f’idejn il-potenzi tal-Punent. Min-naħa l-oħra, Zarb jorbot ir-riflessjonijiet tiegħu b’mod aktar introspettiv, b’elementi “qodma” etniċi bħala punt tat-tluq. Il-poeta jaf jazzarda u lanqas ma jeħles lilu nnifsu mill-kritika.
Li jagħmel dan il-ktieb Awtoskatti: Versi u Linji, tassew insolitu hu l-postscriptum li l-awturi jintroduċu wara kull poeżija. Awtoskatti jagħmel dekostruzzjoni interessanti ibda minn dik tal-lingwa u tal-ġeneri sa dawk para-reliġjuzi, etniċi u politiċi, dejjem b’tiftix (ħafna drabi frenetiku) għal spazju determinat, għas-“sens” eżistenzjali-empiriku, anki teknoloġiku. Il-ktieb hu miżgħud b’referenzi għal ħassieba globali, minn sorsi dwar “ix-xjenza tal-arti sal-ispiritwalità tal-Orjent”; mit-tradiment tal-popli bla poter sal-oxxenitajiet tal-Knisja oppressiva u qattiela (Tomâs de Torquemada).
Hawn niltaqgħu ma’ omaġġi lil ġenji bħal Schubert, kwotazzjonijiet tal-Budda, Platun, Nietzsche, San Ambroġju u erwieħ importanti oħra li mmarkaw il-mixja mqallba tal-umanità. Dak li għall-bidu jidher bħala “dissonanza” ma jdumx ma jibda jagħmel sens organizzat fejn żewġ poeti jinterzjaw ħsibijiet f’qafas ta’ postmoderniżmu letterarju li f’Malta ftit li xejn għad hawn min daħal biex jesplorah u jinterpretah.
Fid-‘djalogu’ ta’ bejniethom, Sciberras u Zarb jistadu għall-għerf. Ktieb indispensabbli għal fuq l-ixkaffa tal-qarrejja esiġenti li lesti jilqgħu l-isfida tad-dixxerniment.
……………………………………………………………………………………….

(Paġna Letterarja, It-Torċa, 12 ta’ Lulju 2015)

Leave a Comment