Manwel Pace: Tliet Gawhriet

Poeżiji miġbura minn Joseph Pace

Ix-xogħlijiet ta’ Manwel Pace (1898-1975), l-awtur tal-Innu tal-Partit tal-Ħaddiema (p.136) issa jinsabu miġbura fi ktieb bi preżentazzjoni mill-aqwa, li tinkludi bosta ritratti li jgħinnu il-qarrej jifhem aktar l-awtur kif ukoll ritratti tal-kitba oriġinali ta’ Pace. Din il-ġabra sabiħa setgħet tiġi f’idejna bis-saħħa ta’ ibnu stess Joseph Pace li għoġbu jiġbor dawn ix-xogħlijiet ta’ missieru. Poeta jibqa’ magħruf ħafna meta jkun l-awtur ta’ xi innu bħalma huwa f’dan il-każ, li nifhem li bosta qarrejja ikunu jixtiequ u bir-raġun isiru jafu aktar min hu l-awtur tal-innu tal-Partit Laburista u x-xogħlijiet tiegħu. Imma żgur li mhux se jiddiżappuntaw ruħhom. Il-poeżija ta’ Pace, b’versi tradizzjonali, sa ċerta punt bħal ħafna awturi ta’ żmienu maħkum mir-romantiċiżmu li kien dominant fil-letteratura imma fl-istess ħin jinbtu bosta elementi li jixhdu dawl fuq il-fqir, il-ħaddiema u dak il-moviment li kien qed jaħdem għal bosta riformi soċjali. Il-Professur Oliver Friġġieri fl-introduzzjoni ta’ dan il-ktieb jgħid hekk “Din il-ġabra ta’ versi ta’ Manwel Pace, tiftiehem bħala rifless tal-epoka u bħala kuntrast magħha. Is-skiet tiegħu ma hux ta’ xi ħadd li ma hux qiegħed jisma’. Il-ħidma politika hi parti mill-esperjenza tiegħu wkoll.” Dedika lejn dawk li bdew jaħdmu għal dawn ir-riformi soċjali nsibuha fil-poeżija “Lil ħuti l-ħaddiema” (p.32). Ninnutaw kif b’mod kontinwu u konsistenti Pace jassoċja ma’ dan il-moviment ġdid ta’ żgħażagħ bi ħsieb Dimechjan li riedu l-bidla, li riedu kundizzjonijiet aħjar għalihom u għall-ġejjieni ta’ da nil-pajjiż. Liż-żgħażagħ ħaddiema jiddedikalhom ukoll l-Innu (p.58) fejn fost oħrajn jgħid:
“Ningħaqdu bħal aħwa, ja żgħażagħ,
Id f’id, u qalb waħda henjin,
Ħa jonfoħ ir-riħ minn kull naħa
U jsibna f’kull naħa msaħħin.”

Raġuni oħra kif il-poeżija ta’ Pace tiddistingwi ruħha huwa għaliex bħal Dun Karm għażel li jikteb b’ilsien pajjiżu. Poeżija li turi kemm il-Malti kien għall-qalb Manwel Pace hija “Din l-Art Ħelwa” (p.28) li hija iddedikata lil Mons PP Sadon, ħabib tal-ilsien Malti. Waqt li jfaħħar lil din l-art li jixtieq jara ħielsa jgħid li “tatna l-Ġenna l-ogħla lsien”. Kif jgħid fl-introduzzjoni l-Professur Friġġieri dwar din il-kwistjoni tal-lingwa: “Jista’ jkun hemm raġunijiet politiċi, minħabba li għal żmien twil il-kitba bil-Malti jew bit-Taljan jew bl-Ingliz kienet minnha nnifisha deċiżjoni poliika. Dun Karm innifsu, f’ittra lil Laurent Ropa, stqarr li hu ma kienx Mizzjan meta kiteb bit-Taljan, bħalma ma kienx Stricklandjan meta kiteb bil-Malti. Iżda aktarx li din ma hix ir-raġuni għala Manwel Pace ried li r-relazzjoni tiegħu mal-poeżija tiegħu tibqa’ bħallikieku privata, jew għallinqas mistura.” Ta’ min wieħed jgħid ukoll li anke Manwel Dimech kiteb xi xogħolijiet bil-Malti u ċertament li Pace kien konxju wkoll tal-bosta segwaċi ta’ Dimech li issa bdew jaraw il-waqt li setgħu iwettqu il-ħolma li kellu dan il-bniedem kbir li kellu jħallas prezz għoli għal twemminu.
Fuq kollox il-poeżija ta’ Pace hija patrijottika u nsibu wkoll numru ta’ poeżiji reliġjużi. It-tema tal-assedju u r-rebħa ta’ Malta Kattolika hija komuni ħafna f’bosta poeżiji tiegħu (eżempji Lil Malta, p.42, Malta Rebbieħa, p.98, Id-dehra tal-Miġfna Torka, p.100, Ir-rebħa, p.108 eċċ). Il-valuri umani u nsara tiegħu, b’sens qawwi ta’ dekor u moralita’ nsibuhom fit-Twissijiet (p.47-57).


Poeta ġdid mill-imgħoddi


F’isem it-Torċa tkellimt ukoll mal-Professur Oliver Friggieri, li għamel id-daħla ta’ dan il-ktieb, ferm meqjusa u li magħha m’għandi xejn xi nżid. Tlabtu għalhekk jagħtini l-fehma tiegħu dwar dan il-ktieb. Il-Professur Friggieri qal hekk:
Tliet Ġawhriet hu ktieb ġdid li fih il-poeżiji miġbura ta’ Manwel Pace, poeta Bormliż li għex bejn l-1898 u l-1975, u li kien jippubblika l-poeżiji tiegħu b’għadd ta’ psewdonimi, fosthom Hannibal M., minħabba li ma riedx ixandar ismu. Joseph Pace, iben il-poeta, ġabar ix-xogħlijiet ta’ missieru f’edizzjoni sabiħa li issa tiggarantixxi għall-ewwel darba li dan l-awtur, wara erbgħin sena minn mewtu, jidħol fil-post li jixraqlu fl-istorja tal-Poeżija Maltija.
Manwel Pace u Carmelo Mifsud Bonnici (Il-Gross) kienu miżżewġin lil żewġ aħwa, Giovanna Ross u Mary Ross minn Bormla. Manwel Pace, fost l-oħrajn, hu l-awtur tal-versi tal-Innu tal-Partit Laburista (1929), waqt li Carmelo Mifsud Bonnici, missier il-President Emeritu Ugo Mifsud Bonnici, huwa l-awtur tal-versi tal-Innu tal-Partit Nazzjonalista. Iż-żewġ innijiet taż-żewġ partiti ħarġu minn Bormla u mill-istess familja.

Konklużjoni


Minbarra d-daħla tal-Professur Friggieri dan il-ktieb għandu wkoll kelmtejn minn Dr Paul E. Heywood, u silta minn Vatum Consortium ta’ Karmenu Vassallo propju fejn titkellem dwar Manwel Pace. Dan huwa ktieb li fil-fehma tiegħu għandu jkun fil-librerija ta’ dawk kollha li għandhom għall-qalbhom il-letteratura b’mod ġenerali u dak kollu li hu Malti. Ċertament li r-rabta ta’ Manwel Pace mhijiex biss mal-Innu tal-Partit tal-Ħaddiema li forsi għalih jibqa’ l-aktar magħruf. Imma Pace tana ħafna aktar minn hekk. Bħal Dun Karm u poeti oħra ħolqu minn dan l-ilsien lingwa letterarja minn dik popolari u għollew il-livell tal-ilsien Malti daqs dak barrani. Mill-kwistjoni ta’ poplu dipendenti mill-Ingliżi, u fl-istess ħin kellek dawk li bir-raġun ukoll, biex ngħidu kollox, m’aċċettawx li jiġu umiljati mill-Ingliżi għax ħassew li kienu kulturati daqshom u bħalhom fil-kultura Taljana, joħorġu kittieba bħal Dun Karm u Manwel Pace li b’ilsien pajjiżna jfaħħru lil din l-art li tatna isimha.

(Paġna Letterarja It-Torċa, 8 ta’ Novembru 2015)

Leave a Comment