South of the Kasbah

Awtur: Norbert Bugeja
Pubblikazzjoni: Midsea Books

Nistqarr li ftit li xejn naf dwar il-ħidma akkademika ta’ Dr Norbert Bugeja, imma dan il-ktieb ta’ poeżiji huwa ċertament eżerċizzju etnografiku fejn il-poeta bħal riċerkatur jinżel fil-qalba tal-irħula, jgħix l-esperjenza tal-poplu u lilna jagħtina rakkont hawnhekk fil-forma poetika ta’ dak li għix.  U tabilħaqq dan il-ktieb iwasslilna kwadru wara kwadru mill-isbaħ, b’xenarji differenti minn lokalitajiet differenti.  Forsi “kwadru” mhijiex l-aħjar kelma li stajt nuża għax il-poeżija ta’ Bugeja tappella għas-sensi kollha fejn ixomm ir-riħa tal-kafe’ (p.11) u tisma’ s-sejħa għat-talb mill-minaret tal-Moskea (p.8).   Ta’ min napprezzaw iżda li vjaġġ poetiku li qed joħodna Bugeja mhuwiex wieħed imsawwar biss ma’ esperjenzi limitati tal-ħajja għalkemm dawn ukoll għandhom il-valur tagħhom.  Imma hawnhekk għandna xenarji minn pajjiżi differenti, fosthom it-Tuneżija, t-Turkija, l-Marokk, Spanja u Malta u l-esperjenzi tal-popli.  Dak li jagħmel lil Bugeja differenti minn xi awturi oħrajn li qrajt, huwa s-saħħa fl-osservazzjoni u l-preżentazzjoni tad-dettal.  Nifhem li għalkemm dan jista’ jkun don u talent naturali tal-awtur, it-taħriġ tiegħu fir-riċerka għenu mhux ftit sabiex isaħħaħ din il-ħila.   Mil-lat kważi empiriku il-pilastru metodoloġiku li jadotta huwa li l-karattri jsawwru l-istess poeżija u mhux biss jitkellem dwarhom, saħansitra l-istess ħitan u bini bla ħajja jingħata “vuċi”.  Li sibt interessanti allura huwa li  l-poeżija ta’ Bugeja m’hijiex sempliċiment interpretazzjoni fuq oġġett statiku, mhijiex bħal riflessjoni fuq tila, imma l-istess karattri jagħtu sinifikat lill-istess poeżija; tifsira ġdida li qed tinbena u mhux biss tiġi interpretata.  Mill-banda l-oħra mil-lat poetiku ninnutaw li mill-istess postijiet l-awtur jislef ukoll il-metafora.  Għaldaqstant anke l-metafora użata mhijiex neċessarjament dik użata f’diversi poeżiji bħal ngħidu aħna tar-riħ u tal-baħar li tant influwenzaw poeti.  Bugeja iżda jimxi fit-toroq u jislet metafora minn dak li josserva.  

Mill-qrib 

M’hemmx dubju li l-qawwa ta’ dawn il-poeżiji qegħda fil-fatt ukoll li l-awtur vjaġġa u pinġa kwadru ta’ numru ta’ postijiet illi żar fosthom Alexandria, Istanbul, Valletta, Tangier, Marrakesh, Andalusia, Birgu, Beirut, Rome, Sanlucar de Barrameda, Montpellier, Catalunya.  Dawn l-esperejnzi bnewh bil-kbir u r-riżultat qiegħed f’dawn il-poeżiji.   Iżda kif għidt fl-introduzzjoni, Bugeja mhuwiex (għallinqas kif narah jien) vjaġġatur biss imma osservatur.  U l-ħarsa tiegħu ma toħdux lejn l-attrazzjonijiet prinċipali tal-lokal imma lejn xi triq fil-ġenb jew fil-periferija tal-belt jew raħal li qajla nagħtu każ.  

F’ “Ballad for a red headed poet” (p.3), ambjentata fi Franza fejn insibu numru ta’ Alġerin fost oħrajn li ġew transferiti lejn diversi rħula fosthom Lodève li x’aktarx għaliha tagħmel allużjoni din il-poeżija, it-tifla żgħira tistaqsi lil ommha “Why this wind, Maman? Why the darkeness?”  Il-poeta jissaħħar bil-ġmiel imma jitnikket b’dak kollu li jeqred l-umanita’.  Jibki ma’ persuni li warajhom hemm ġrajjiet li jmorru lura sekli twal.  Josserva l-ħitan madwaru u bħal donnu minnhom jara d-dmugħ.

F’ “Cafe’ Jubilee’” (p.17) tistħajlek qed tara u tisma’ t-tifla bit-toppi taqbeż fil-bitħa tat-tfulija.  Għaliex id-dettalji li jibni huma xi ħaġa impressjonanti f’dan il-ktieb u waqtiet kważi tistħajjilhom quddiemek.  Anke hawn naraw kif jibni l-metafora minn dak li jara quddiemu, eżempju “tearful glass” u “woman draped in a Black waltz”.  

Iżda waqt li jħares madwaru donnu jifhem anke lilu nnifsu u jirrifletti fuq l-identita’.  Fil-poeżija “The last mile or two of love Okonedo” (p.32) juża frażijiet bħal “stateless” u “somewhere on the nails of the Atlantic”.  Aktar tard “in search for each other”.  Anke f’ “Requiem for the Remains” (p.46) ser nerġgħu naraw l-istess “stateless citizens”, “unfinished cities”.    

Dawn il-poeżiji għalhekk mhumiex dwar pajjiżi u lanqas villaġġi.  Huma dwar persuni bl-idenita’ kollha li ssawwarna.  Kontra forsi dak li għandi tendenza naħseb jien, l-identita’ tagħmel il-persuna u l-ġrajja ma tistax titħassar.  Fil-proċess ta’ integrazzjoni ma’ poplu, dan naħseb, għallinqas hekk irriflettejt, għandu jkun kruċjali, għaliex kif insibu f’dawn il-poeżiji l-memorja hija importanti hekk kif insibu “the ghosts within us” (p.41) li ma jħalluniex bi kwietna.  Lill-bniedem ma tistax tifirdu mill-kultura tiegħu li sawritu għax bħal opera bla teatru, “an opera missing a theatre” (p.49)hekk il-bniedem fil-belt jew raħal li fih huwa biss barrani.  

Ħarsa oġġettiva

Personalment nemmen li kull persuna anke f’eżerċizzju xjentifiku huwa suġġettiv, wisq iktar fl-arti.  Madankollu rrid ngħid li Bugeja bil-mod kif iħalli l-karattri u l-bini, kif spjegajt diġa, jsawru l-ideat tiegħu, jidher ċar li għalkemm finalment kollox qed jgħaddi mill-perspettiva tal-awtur imma għandna stampa li tista’ tmur fl-istess post tal-awtur u terġa’ tarha.  

F’kull post li jmur ma jimponix l-ideat tiegħu, imma dawn l-ideat jinbnew skont it-triq li jkun fiha, skont il-kuluri tal-bini li jara, skont il-misraħ li fih jistrieħ u jirrifletti.  U dan huwa element ieħor interessanti li nara f’dawn il-poeżiji, fejn il-ħsieb qed jinbena ‘il ħin kollu, l-ideat qed jiġu ġġenerati mis-sitwazzjoni, aktar milli juża s-sitwazzjoni kif insibu f’poeti oħrajn.  Minn ħarsa epistomoloġika Bugeja ma jħalli ebda influwenza fuq il-karattri, l-binjiet, l-ambjenti differenti li jiltaqa’ magħhom. 

F’dak li jikteb imma m’hemmx imħuħ dojoq jew għajnejn b’xi għamad politiku jew reliġjuż. L-awtur ma jiddejjaq xejn li joħroġ is-senswalita’, għaliex wara kollox kif tista’ tkun oġġettiv u telimina parti mill-istess natura li hija importanti u relevanti.  Jgħidilna ngħidu aħna: 

“twenty-seven oranges, arms raised, 

Look into our eyes, drunk with desire: 

Two sinners sharing a last beer,

Two dark bulls embracing on the sand …” (Sunset on the Guadalquivir, p.2). 

L-istess naraw fil-poeżija “La Virgen del Mayor Dolor” fejn f’kuntrast mal-ambjent Kattoliku, naraw iż-żina, u s-senswalita’.  F’ “Mythodea” (p.9)  jissaħħar quddiem il-qedem u jħossu bħal tifel ċkejken. 

Konklużjoni 

Il-kant-awtur Roger Waters fil-kanzunetta tiegħu “Home” jgħid:

“It could be clay and it could be sand
Could be desert
Could be a tract of arable land
Could be a house, could be a corner shop
Could be a cabin by a bend in the river
Could be something your old man handed down
Could be something you built on your own
Everybody got something he calls home” 

Norbert Bugeja hawnhekk qed joħodna fi nħawi li xi wħud minna forsi qatt ma morna u  jekk immorru forsi qajla nħarsu bl-istess pronfondita’ tal-awtur. Iżda bħal Roger Waters, il-lokalita’ jħares lejha bħala sfond tal-bniedem.  Il-bniedem għandu rabta, għandu storja, għandu kultura u din hija d-dar tiegħu.   Il-qawwa kbira u s-saħħa fl-osservazzjoni jidhirli li hija l-aktar element b’saħħtu f’dan il-ktieb.  Il-qarrej se jiltaqa’ ma’ frażijiet mislutin minn ilsna differenti, ser jaqra dwar postijiet, bini u fuq kollox bnedmin li huma lkoll uniċi.  

Poeżiji interessanti mmens.  

Thinking to create Value

Edward DeBono
Pubblikazzjoni: Kite

Edward de Bono huwa ħassieb Malti magħruf internazzjonalment għat-tijoriji tiegħu fil-qasam tal- ħsieb kreattiv. Magħruf għal diversi għodda li ħoloq fosthom il-famuzi Thinking Hats. Dawn il-“kpiepel” huma għodda li jgħinu biex wieħed imur  Mela jekk, per eżempju, wieħed għandu t-tendenza li dejjem jopponi ideat ġdida, il-kpiepel jgħinuh biex jara wkoll l-element pożittiv ukreattiv ta’ din l-istess idea. Nies emozzjonali huma obbligati jkunu aktar “razzjonali” u viċi-versa.  It-tijoriji ta’ De Bono għalhekk huma adottati minn diversi kumpaniji, gvernijiet u anke organizzazzjonijiet oħra minħabba li ‘il bogħod minn stili ta’ ħsieb tassoltu, u jesplora possibiltajiet oħra.  X’hemm ġdid f’dan il-ktieb? Dan il-ktieb joffrielna għodda ġodda biex il-ħsieb isir aħjar u kif idea tista’ tiġi żviluppata biex tkun aħjar u twassal għal soluzzjonijiet u riżultati aħjar.  Dan il-ktieb jitkellem fuq valuri għaliex bosta mid-deċiżjonijiet tagħna huma marbutin ma’ valuri.   Għaldaqstant jibni fuq il-ħiliet li joffrielna De Bono fosthom dawk tal-ħsieb kreattivi u l-ħsieb laterali.   De Bono ħtieġlu joħloq terminu ġdid “bonting” (p.19) li ġej mill-kliem bil-Latin, bonus (tajjeb, onest, nobbli, bżonnjuż, validu) jew bonum (ta’ siwi, utili, li joffri opportunita’).  Irrid nagħmilha ċara li minkejja l-għerf ta’ De Bono, f’dan il-ktieb il-qarrej mhux se jsib diffikulta’ biex jifhem.  L-awtur qed joffri għodda, sett ta’ ħiliet u għandu mod uniku u sistematiku ħafna kif jippreżenta l-ideat.  Hemm xi ideat li jidhirli setgħu kienu mfissra f’aktar dettal, aktar milli msemmija 

Kull ktieb li joħroġ ta’ Prof Edward De Bono jagħmlilna kburin bħala Maltin.  Prof De Bono huwa persuna msemmi mad-dinja għat-tijoriji tal-ħsieb tiegħu.  Wisq iktar inħossuna kburin li dan il-ktieb ġie pubblikat f’pajjiżna u minn dar tal-pubblikazzjoni Maltija, Kite.  Fil-fatt it-tnedija ta’ dan il-ktieb saret fl-Uffiċju tal-Prim Ministru nhar il-Ġimgħa 15 t’April 2016.

Ħsieb differenti minn dak konvenzjonali

Il-bniedem huwa “annimal” li jaħseb u jitgħallem kif jaħseb.  Dan il-ktieb jgħinna wkoll nitgħallmu niżviluppaw dan il-ħiliet kif naħsbu billi nżidu l-valur ta’ dak li nkunu qed nagħmlu.   Fil-ħajja mhux kollox iswed u abjad, u l-bniedem jagħżel mhux dak li huwa tajjeb imma dak li huwa aktar tajjeb.  F’każ bħal dan is-soluzzjoni mhux daqshekk faċli u jkollna allura nagħtu valur differenti.  Nifhmu għalhekk li s-suġġett li qed jittratta De Bono m’huwiex wieħed faċli.  Ovjament kienu bosta li tkellmu fuq valuri,  imma De Bono hawn qed joffrielna għodda prattika u għodda li nistgħu nużaw.  U sabiex nifhmu dan jagħmel użu minn diversi eżempji, kważi ripetittivi kif jgħid huwa stess, b’mod intenzjonat. 

Mhux bonting biss hija l-kelma li ħoloq imma sabiex nifhmu l-valur differenti li nagħtu, ħoloq il-kelma ebne.  Din il-kelma toħroġ mill-idea ta’ xi ħaġa eċċellenti imma mhux biżżejjed.  Jista’ jkollna ideat tajbin, imma għalkemm tajbin ma jkunux biżżejjed.   

Il-ħsieb konvenzjoniali jgħinna naħsbu u nargumentaw anke b’mod kritika u fuq kollox naslu biex noffru xi tip ta’ idea tajba.  Ġaladarba ġiet preżentata idea m’hemmx għalfejn wieħed ifittex alternattivi.  Għall-kuntrarju, f’dan il-ktieb naraw li huwa essenzjali li wieħed jgħarrex l-alternattivi.  Idea mhux bilfors taqla’ idea oħra għaliex waħda tista’ tinbena fuq l-oħra. 

Huwa biss bil-qawwa tal-immaniġazzjoni tagħna li nistgħu nagħtu valur.  Naturalment waqt li qed nagħmlu dan dejjem irrid u niftakru li m’hemmx triq waħda.  Dawn it-toroq alternattivi dejjem irridu nikkonsidrawhom sabiex nagħżlu l-aħjar waħda. 

Nistgħu nagħtu valuri billi ntejbu dak li nkunu qed nagħmlu, inneħħu difetti, nsolvu problemi, nissimplifikaw, nippjanaw aħjar eċċ.  Bonting huwa dwar dan imma wkoll li toħloq valuri ġodda.  Valur nistgħu naraw kemm huwa relevanti wkoll skont is-saħħa tiegħu, il-preċiżjoni, ir-reazzjonijiet negattivi, u kemm iżomm postu f’ċirkostanzi differenti fost oħrajn.

Valuri differenti

Il-ktieb jiddefinixxi l-valuri differenti u dan għaliex il-valuri jiddependu skont iċ-ċirkostanzi u n-nies (p.87).    Hemm tliet tipi ta’ valuri li kollha jiġu distinti permezz ta’ kuluri differenti.

Valuri bojod (White values), li jimplikaw it-tneħħija tan-negattitiva’; valuri sofor (yellow values) li jimplikaw il-valuri tant mistennija; u l-valuri lewn id-deheb (gold values) li jimplikaw valuri għola, aktar minn dawk mistennija. 

Naturalment il-ħila kbira hija li tagħti valur pożittiv fejn m’hemmx.  U l-ħtieġa ta’ din il-metodoloġija ġdida tinħoloq huwa minħabba dawn il-valuri ġodda u hemm vera se nsibu din l-għodda siewja.   Jgħinna nibnu l-metodu pass pass fost oħrajn permezz ta’ kunċetti, nistħarrġu l-idea, nfittxu alternattivi, naraw kif nistgħu inbidlu u l-pratikalita’.  Fuq kollox imbgħad niżviluppaw il-ħsieb.  Bħala persuna li studjajt ix-xjenza, dawn fakkruni fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-iżvilupp ta’ sistemi u proġetti, imma bid-differenza waħda kbira li l-moħħ tal-bniedem huwa kreattiv.  U niftakru li dawn l-ideat kollha huma mibnija fuq il-ħsieb laterali u l-ħsieb kreattiv, xi ħaġa li l-intelliġenza artifiċjali ma tilħaqx. 

Konklużjonijiet u ħsibijiet 

Ċertament li jekk sa minn ċkunithom it-tfal jitgħallmu jaħsbu u jkunu kreattivi, iħalli riżultati pożittivi ferm mhux biss fl-iskola imma anke wara fuq il-postijiet tax-xogħol.  Dan il-ktieb kif rajtu jien,  jibni fuq ta’ qablu imma jżid dan l-element tal-valuri. 

Waqt li ppruvajt nagħti ħarsa lejn dan il-ktieb, irrid nistqarr magħkom li jiena wkoll qed nitgħallem, nifhem u nipprova napplika dawn il-ħsibijiet.  Bl-ebda mod ma nħoss li jiena mgħarraf biżżejjed fit-tijoriji ta’ Edward De Bono. 

F’isem it-Torċa għalhekk tkellimt ma’ Dr. Leonie Baldacchino, Ph.D.(Warw.) li hija d-Direttriċi tal-Isititut ta’ Edward De Bono fi ħdan l-Universita’ ta’ Malta. 

Nagħlaq għalhekk b’dan il-ħsieb ta’ Dr. Leonie Baldacchino:

Il-Professur Edward de Bono huwa magħruf madwar id-dinja kollha bħala espert tal-kreattivita’, grazzi għall-bosta kontribuzzjonijiet li għamel f’dan il-qasam, fosthom il-ħsieb laterali, is-‘Six Thinking Hats’ u d-‘Direct Attention Thinking Tools’.  F’dan l-aħħar ktieb tiegħu, de Bono jispjega li wieħed għandu juża l-ħsieb sabiex joħloq titjib u jżid il-valur f’oqsma differenti tal-ħajja. Għal dan it-tip ta’ ħsieb, de Bono ħoloq il-kelma ġdida ‘Bonting’. Din ġejja mill-kelma bil-Latin ‘bonum’ li tfisser ‘tajjeb’ (jew ‘tajba’).

Jien nemmen li dan it-tip ta’ ħsieb huwa ferm importanti, kemm fil-ħajja personali, kif ukoll fil-ħajja tan-negozju jew tax-xogħol. Ħafna nies għandhom tendenza li jħaddmu moħħhom b’mod kreattiv meta jiltaqgħu ma xi problema biss, fejn juzaw l-immaġinazzjoni u l-kreattivita’ biex ifittxu soluzzjoni. Iżda jekk wieħed ma juzax il-ħsieb għajr għal dan l-iskop, ikun qiegħed jaħli potenzjal intellettwali kbir. Nemmen li dejjem għandna naħsbu kif nistgħu ntejbu d-dinja ta’ madwarna, anki jekk kollox jidher li miexi ħarir, għaliex b’hekk inkunu nistgħu nisfruttaw opportunitajiet li jwasslu għal valur miżjud u kwalita’ ta’ ħajja aħjar. 

Il-Professur de Bono jgħallem li l-kapaċita’ tal-ħsieb tista’ tiġi mħarrġa billi wieħed jitgħallem juża għodda sempliċi li jwasslu għal livell ogħla ta’ kreattivita’.  Fl-1992 twaqqaf l-Istitut Edward de Bono ġewwa l-Universita’ ta’ Malta, fejn illum noffru diversi korsijiet ta’ taħriġ f’dan il-qasam, fosthom Diploma fil-Kreattivita’, Innovazzjoni u Intraprenditorija, Master fil-Kreattivita’ u Innovazzjoni, kif ukoll studju f’livell ta’ Dottorat.  L-Universita’ tilqa’ applikazzjonijiet għad-Diploma u għall-Master sal-aħħar ta’ Settembru fuq is-sit www.um.edu.mt/apply.  Kull min jixtieq iżjed informazzjoni dwar dawn il-korsijiet huwa mistieden iżur is-sit elettroniku tal-Istitut Edward de Bono www.um.edu.mt/create, jibgħat email fuq , jew iċempel fuq in-numru 2340 2434. 

L-Avukat Herbert Ganado

Sensiela Bejn Storja u Miti

Editor: Sergio Grech Pubblikazzjoni: Horizons

Din huwa it-tielet ktieb mis-sensiela “Bejn Storja u Miti”, l-ewwel wieħed dwar il-Perit Mintoff, imbagħad dwar Mons Victor Grech u issa għandna dan, dwar l-avukat Herbert Ganado.  Kien donnu mistenni li fost il-personaġġi li għamlu ġih lil dan il-poplu jkun hemm l-avukat Ganado, persuna interessanti mmens.  L-ispazju huwa limitat sabiex nesprimi l-ħsibijiet tiegħi, apparti l-fatt li kien xieraq li dan l-ispazju ngħaddih lir-riċerkaturi ta’ dan il-ktieb sabiex il-qarrejja jkollkom togħma ta’ xi nsibu f’dan il-ktieb.  Biss fil-fehma tiegħi Maltin bħal Ganado qatt ma beżgħu li jqumu għal interessi tagħhom u ta’ pajjiżna fi żmien fejn konna taħt il-kolonjalisti.  Waqt li nistgħu naqblu jew ma naqblux mal-fehmiet ta’ Ganado, napprezzaw il-fatt li dawn il-Maltin ta’ kultura (li ma kinetx inferjuri għal dik tal-Ingliżi) ma baxxewx rashom quddiem il-barrani, anke jekk dan swielhom biex batew personalment. Naturalment m’hemmx għalfejn ngħid li wieħed irid jara l-kuntest sew u ċertament li dan il-ktieb f’dan il-lat ma jonqosx għax ir-riċerkaturi għarfu sew li l-argumenti tagħhom huma msaħħan b’sorsi oħrajn jew bl-esperjenza personali tagħhom.  

Iżda ċertament l-aktar li l-Maltin nafu b’Herbert Ganado huwa għax-xogħol tiegħu “Rajt Malta tinbidel”.  Interessanti mmens li waqt li Ganado kiteb dwar kif ra Malta tinbidel issa hawn għandna dan ix-xogħol, jew aħjar ġabra ta’ xogħlijiet li kitbu dwaru.   Il-ħsieb wara dan il-ktieb nibet meta konferenza organizzata minn PoezijaPlus fl-2005 li fiha pparteċipaw numru ta’ kittieba fost oħrajn il-Professur Henry Frendo li ppresieda din is-serata, Carmelo Abela, Carmel Cassar, Maria Grech Ganado, Paul Saliba, Pio Spiteri u l-istess Sergio Grech (p.7).  Meta l-ktieb ġie materjalizzat, grazzi għall-viżjoni tal-pubblikaturi Horizons, kompla jespadi fuq temi bħal interdett permezz tal-kontribuzzjoni tal-istoriku Max Farrugia.   

Il-ktieb jagħti ħarsa ħolistika lejn l-avukat Ganado, permezz tal-kontribuzzjoni ta’ 12 il awtur li kitbu dwar aspetti differenti ta’ Ganado fosthom il-ħajja politika, letterarja, imma wkoll l-importanza tal-mużika u tal-qari fil-ħajja tiegħu.  Qed naraw allura għall-ewwel darba memorja kollettiva dwar dan il-patrijott Malti li jidhol fix-xena tal-pajjiz permezz tal-Knisja  billi kien ġej minn familja Kattolika.  Naraw kif fi żmien li kien editur tiegħu il-ġurnal “Leħen is-sewwa” qatt ma qala’ libell u dwar il-famuż editorjali “Dħalna f’Madrid” li kien ġie kkritikat li kein qed jieħu pożizzjoni favur Franco.  Naturalment naraw dwar l-episodju iebes tal-internament u kif jirritorna lura u jibda jimmilita fil-Partit Nazzjonalista.  Madankollu lanqas hawn ma jħossux komdu fil-Partit Nazzjonalista u ssiru anke kritika li ried itajjar lil Borg Olivier.  Fl-istess ħin kien ħadha qattha bla ħabel kontra l-integration u kien jibża’ wkoll li jekk jitla’ mMintoff idaħħal il-Komunista’.  Ta’ min jgħid li meta waqqaf il-Partit Demokratiku Nazzjonalista.  tella’ 4 siggijiet u tela’ minn 2 distretti. 

Dan huwa ktieb li żgur sab postu jew se jsib postu fl-ixkafef ta’ min iħobb jagħrbel l-istorja ta’ pajjiżna, li żgur huma ħafna.   F’isem it-Tora tkellimt ma’ numru ta’ kontributuri li ġentilment offrew li jaqsmu magħkom qarrejja ta’ din il-paġna ftit ħsibijiet u nissuġġerixxi li dawn il-kummenti esklussivi għal dan il-ġurnal mhux biss taqrawhom, imma din il-paġna żżommuha biswit il-ktieb ta’ Sergio Grech. 

L-Imħallef Giovanni Bonello 

Jekk f’ħajti iltqajt ma persuna straordinarja, din żgur kienet Herbert Ganado. Persuna li rnexxilha tkun konservattiva u rivoluzzjonarja fl-istess ħin, ta’ serjeta bla xquq, imma divertenti għall-aħħar, ta’ integrità kwazi opprimenti, imma tagħder id-dgħjufija tal-proxxmu – dak kien Herbert Ganado. 

Jien kelli l-fortuna li kont nafu sew u ħdimt ħafna miegħu fil-kamp politiku, għalkemm kien akbar minni tletin sena. Kien ħabib kbir ta’ missieri, u, billi kienu jħaddnu l-istess resistenza għad-dittatura kolonjali, spiccaw ikkalzrati u eżiljati fl-imkien. It-tbatija, l-ideali u l-persekuzzjoni inġusta aktar saħħu l-ħbiberija ta’ bejniethom. 

Ganado kien viżjonarju rivoluzjonarju u konservativ akkanit. Kien forsi l-ewwel wieħed f’Malta li ra d-destin tagħha fl-għaqda politika u ekonomika mal-Ewropa. Ried iħaddem id-dottrina soċjali l-aktar avvanzata tal-knisja, ta’ solidarjeta’ ma min kien fil-bżonn, dik li illum nidentifikaw ma’ Papa Frangisku. Kien kontra l-komuniżmu u s-socjaliżmu bla Alla, imma kien l-aktar qrib ta’ soċjalist nisrani li stajt tiltaqa’ miegħu. U fuq kollox kien jistmerr d-dittaturi, tax-xellug u tal-lemin. Dawk, fosthom, li ma kinux ikasbru l-valuri insara, kien jiddedikalhom inqas stmerrija.

Huwa kien oppona bil-kbir lill-Perit Mintoff meta dan ħareg bil-programm politiku li Malta ma tibqax nazzjon għal rasha, imma ssir biċċa waħda mal Gran Brittanja. Mintoff iġġieled b’entużjażmu kbir għal ħafna snin biex l-integration isseħħ, u sab l-akbar oppożizzjoni minn Ganado, sakemm l-integration sfaxxat. 

Meta Borg Olivier ħareg bl-għajta tal-indipendenza, Ganado oppona ukoll, u ħareg partit għal rasu. Mhux għax Ganado ried li Malta tibqa’ kolonja Ingliża – l-Ingliżi kienu firduh mill-familja, eżiljawh u qafluh f’kamp ta’ konċentrament f’nofs l-Afrika għal ħames snin sħaħ. Id-differenza ma’ Borg Olivier kienet waħda ta’ strateġija. Borg Olivier emmen li l-ewwel Malta tieħu l-indipendenza, u bl-indipendenza isaħħah l-ekonomija. Ganado kien jemmen li l-ewwel insaħħu l-ekonomija, u b’ekonomija b’saħħitha, nieħdu l-indipendenza. L-istorja tat tort lil Ganado u raġun lil Borg Olivier. Malli Malta ħadet l-indipendenza r-riżultat kien splużjoni ekonomika li Malta qatt ma kienet rat bħalha qabel. 

L-integrità ta’ Ganado kienet leġġendarja. Qatt ma għamel għall-flus anzi, l-politika faqqritu. Dejjem, ngħid dejjem, mexa skont ma qaltlu l-kuxjenza, qatt għax hekk kien jaqbel, qatt għax hekk kien popolari. Anke meta żbalja politikament, żbalja b’kuxjenza retta.

Il-battalji politiċi tiegħu jintesew, imma l-kitba tiegħu, le. Hu kien jitkellem bl-Ingliż, bit-Taljan u bil-Malti, it-tlieta perfetti, u naħseb li xi ftit bil-latin kien jinqala’ wkoll. Imma meta ddeċieda li jikteb il-memorji tiegħu, għażel li jiktibhom bil-Malti. U, bla esaġerazzjoni, għalija ħadd ma ħaddem il-lingwa Maltija bis-sengħa, bil-faċilità, u bin-naturalezza kif ħaddimha hu, qiesu missha bil-maġija. Hu ma kitibx opra letterarja, imma l-bijografija tiegħu hija quċċata tal-letteratura Maltija.

Max Farrugia

Meta bdejt  nikteb dwar Herbert Ganado fl-internament  kont nafu ftit fil-qasam reliġjuż u politiku u allura ridt nagħmel ħafna riċerka  mhux lokali biss imma anki barra minn Malta. Huwa ġie internat minħabba r-rabta li kellu fis-settur ġurnalistiku  mal-Leħen is-Sewwa. Dan  mhux u biss jgħidu imma hemm dokumenti li jixhdu dan. Tant kellu rabta qawwija ma’ dan il-ġurnal tal-Azzonji Kattolika, li saħanistra anki l-Papa kien talab u staqsa dwar l-internament tiegħu, u l-kundizzjonijiet li kien jinsab fihom. Huwa kien fost tal-ewwel li ġie internat u  tpoġġa bħal sħabu fil-Fortizza tas-Salvatur fil-Kalkara li wara li ġiet milquta mill-għadu ġie trasferit għal Ħabs ta’ Kordin, bi ksur tal-Konvenzjoni dwar l-internament u l-eżilju. Kien hawn li għin mhux lil sħabu biss biex jinstab post aħjar  imma anki lil xi internati barranin biex jinħelsu minn hemm ukoll. 

Meta ġie trasferit  għal Kunvent  ta’ Sant Agata  r-Rabat, kien wieħed minn dawk li ntefa’ għax-xogħol manwali sabiex jitħaffer xelter taħt il-katakombi  għas-sigura ta’ kulħadd. Wara xi xhur f’dan il-post  numru ta’ internati ġew illegalment eżiljati lejn l-Uganda u huwa kien wieħed minnhom.  F’dan il-post  invażat bil-mard u l-ġuħ huwa kompla jgħin mhux lil sħabu biss imma anki  oħrajn barranin li kienu internati ukoll. Dwar il-ħajja tiegħu u ta’ sħabu fl-Uganda  sirt nafha permess ta’ numru ta’ ittri li huwa kien jibgħat lil familjari u lil xi ħbieb tiegħu f’Malta, li għalkemm  ma jagħtux stampa ċara tal-ħajja vera minħabba li kienu jiġu ċensurati  għinu mhux ftit flimkien ma’ dokumenti oħra biex ninseġ dak li ġara. Fl-Uganada Ganado kien ta għajnuna kbira għax sħabu internati oħra  billi kien jikteb għan-nom tagħhom lill-familji dak li jgħidulu peress li xi wħud kienu illiterati, jgħin lil barranin permezz ta’ ittri  lil ufficjali tal-kamp, u jaħdem bħal ħaddiehor fil-ħajja ta’ kuljum. Imma nista’ ngħid li il-qofol tiegħu f’dan il-pajjiż daqshekk il-bogħod kien li jżomm kemm jista’ jkun lil sħabu fi spirtu reliġjuż billi  kien jorganizza attivitajiet reliġjużi ta’ spiss, u irranġa sabiex ikollhom saċerdot jieħu ħsiebhom. Għalkemm moħħu dejjem f’dak li kien qed jiġri Malta u l-Malta tiegħu huwa qatt ma qata’ qalbu li jerga’ lura f’pajjiżu wara l-gwerra kif fil-fatt ġara wara ħafna tbatijiet li ġġib magħha mhux il-gwerra biss imma anki l-firda tal-familja li huwa tant kien marbut magħha sal-aħħar ħinijiet ta’ ħajtu.  

Professur Henry Frendo 

Jien lil Herbet niftakru sew bħala personalita’ Furjaniża u nazzjonali, għalkemm kont għadni zgħir. Kien ukoll jiktibli rubrika settimanali fil-Ħajja, meta kont editur fil-bidu tas-snin sebgħin. Ġieli ħallasli xi erba’ pastizzi għand ta’ Londra wkoll (Il-London Confectionary ta’ Falzon kien fejn illum hemm l-APS, bieb ma’ bieb bieb ma’ fejn konna noqghodu, l-aqwa u l-ikbar kafe’ fil-Furjana). Kien jogħxa jirrakkonta u jien tant ieħor nisimgħu u nitgħallem minn għandu. Kien bniedem onest u struwit li jinteressah il-ġid komuni u l-ħajja pubblika, xempju tal-irġulija taqbel jew ma taqbilx miegħu. Herbert kellu wkoll l-ambizzjonijiet u r-riservi tiegħu (kemm dwar l-indipendenza  bikrija u t-tmexxija tal-PN kif ukoll dwar it-tendenzi politiċi-ideoloġiċi perikolużi ta’ Mintoff), kif urejt fil-bijografija tiegħi ta’ Borg Olivier (2005). Kien ‘well read’ dwar l-ekonomija politika, u ovvjament Kattioliku ferventi viċin il-Kurja u l-Arcisqof Gonzi. Il-Malti tiegħu kien wieħed popolari, mirqum u mexxej, mingħajr ħafna puriżmi, tant hu hekk li l-kitbiet tiegħu għandhom jinqraw sal-lum.  

Professur Oliver Friggieri

B’kotba ta’ tifkiriet bħal dan dwar Hebert Ganado, bniedem u politiku, Sergio Grech qiegħed jindika t-triq tan-nofs bejn l-istorja bħala dokument u l-Istorja bħala esperjenza. Il-volum dwar Ganado hu taħlita ta’ tifkiriet ta’ persuni li jafuh bħala persunaġġ daqs kemm bħala xi ħadd li huma rawh jieħu postu fl-arena politika. Personalitajiet ta’ għomor u mpenn differenti huma mlaqqgħin tajjeb ħafna minn Sergio Grech biex, bejn il-mit u l-ġrajja, kif jindika hu nnifsu, jiftaħ mogħdija li minnha jista’ jterraq kulħadd, l-aktar kull min jixtieq jara l-kitba tal-Istorja tieħu wiċċ aktar ‘uman’, kif ilu jingħad għal oqsma fejn is-seklu tagħna ħaseb li kulma hu akkademiku, xjentifiku, għandu jkun ukoll distakkat, kważi mingħajr ebda grad ta’ qrubija lejn il-kittieb u l-qarrej.


     Mertu ewlieni ta’ dan il-ġeneru li Sergo Grech qiegħed jiżviluppah tajjeb ħafna hu li jgħin fl-għarfien tal-persunaġġ pubbliku bħala persuna medja wkoll fiċ-ċirku personali, privat tiegħu. Min kien jaf lil Herbert Ganado bħalma stajt inkun nafu jien fl-ambjent tal-Furjana jista’ jgħix mill-ġdid is-sens ta’ dik l-era, mimlija kuntrasti, konfronti, u fuq kollox ċertezzi. B’xogħlijiet bħal dan u oħrajn bħalu Sergio Grech mhux biss qiegħed jgħin biex il-lingwa Maltija tissokta toħroġ mill-għeluq tal-Letteratura u timrah f’oqsma aktar ‘popolari’, iżda qiegħed ukoll jgħin biex l-Istorjografija Maltija tkompli miexja fid-direzzjoni ta’ Storja tal-Maltin, u mhux biss fid-direzzjoni ta’ Storja ta’ Malta. Minn dan il-ktieb toħroġ il-figura ħajja ta’ Kattoliku impenjat, ta’ Malti deċiz, u ta’ kelliem u kittieb li rnexxielu jbiddel il-qawwa tal-konvinzjonijiet tiegħu fi stil ta’ kitba elaborat, popolari u naturali. 

Maria Grech Ganado

Il-ktieb li fih Sergio Grech ġabar il-fehmiet diversi dwar iz-ziju qrajtu b’interess u pjacir kbir.  Tgħallimt ħafna affarjiet dwaru u l-ħidma tiegħu li ma kontx naf. Billi kont nafu minn eta’ żgħira, u konna noqogħdu kważi bieb ma bieb, hu naturali li n-nuċċali tiegħi kien differenti minn ta’ ħaddieħor, u dan nispjegah fil-kontribut tiegħi. Nafu raġel dħuli, bla ebda suppervja, ħassieb li bata waqt li kien internat, iżda ma jafx jobgħod, iħobb ħafna lil Malta u l-kultura li xtaq jaqsamha ma’ kulħadd. Dan jidher ċar fil-kontribuzzjonijiet li dehru fil-ktieb, speċjalment dawk li nkitbu minn min kien jaf liz-ziju mill-qrib.  

Kien hemm kitba waħda li ħsibtha kienet aktar interessata tarah bħala xempju ta’ elitiżmu snobbista mingħajr ma tikkonċentra fuq il-personaġġ tiegħu.  Veru li z-ziju kien reliġjuż kważi fanatiku u li, skont jien, dal-fatt ġegħlu jiżbalja fl-għażliet politiċi tiegħu, imma żgura wkoll li ma fehemx il-ħruxija, ħażen u krudelta’ tal-faxxiżmu kattoliku barra minn Malta. L-artiklu fil-ġabra li semmejt, jidher li bbażat fuq xi preġudizzju, kif kollha għadna forsi, jkun li jkun, u li  nipproġettawh fuq kull min m’hux  bħalna. Madankollu, dil-kitba negattiva sabet postha wkoll fil-ġabra, għax ftit kittieba biss ma kinux daħlu taz-ziju, u b’hekk jafu l-karattru tiegħu. Min ma kienx jafu seta’ jkun aktar oġġettiv, forsi, iżda mhux meta maħkum minn preġudizzju. Il-qarrej jista’ jiddeċiedi x’jaħseb hu stess, x’ħin jinduna bil-kuntrast bejn fehma u oħra billi jaqra l-ktieb.

Dr Simon Mercieca 

Herbert Ganado hu l-aktar kittieb kattoliku importanti tas-seklu għoxrin. Bil-kelma importanti, nifhem kittieb li ġej mid-dinja kattolika. Hemm oħrajn importanti daqsu u forsi aktar minnu, iżda żgur ma’ jaqgħux taħt din in-nomenklatura. Hu importanti għax-xogħol li għamel permezz ta’ Rajt Malta tinbidel, b’mod partikolari l-ewwel volum fejn tana snapshots sbieħ ħafna ta’ Malta, b’mod partikolari tal-Belt u l-Furjana fl-ewwel żewġ deċenni tas-seklu għoxrin. F’dak li hu ħsieb politiku, hu mexxa l-aġenda kattolika. Kien l-aħħar politiku kattoliku verament ta’ stoffa. Biss ġie ttradut. L-ewwel tradiment sar mill-istrutturi massoniċi f’pajjiżna, peress li hu kien ġej minn familja b’għeruq fondi f’dawn l-istrutturi. Minħabba li hu kien kattoliku konvint u ġenwin,  jirrinunzja għal dawn l-istrutturi u ma hemmx dubju li din kienet il-vera kawża tal-internament tiegħu. Warajh kien hemm dawn il-poteri moħbija. L-anqas l-Arċisqof Mauro Caruana, li kien Ingliż aktar mill-Ingliżi, ma seta’ jagħmel xejn quddiem din is-sitwazzjoni. Din hija parti mill-istudju tiegħi dwaru f’ dan il-ktieb. Imbagħad kien hemm l-izball li sar mill-Knisja fis-sittinijiet, li warrbet lil Ganado biex tmur wara l-Partit ta’ Pellegrini. Dan kien żball li gawdew minnu kemm il-Partit Laburista mmexxi minn Duminku Mintoff u dak Nazzjonalista ta’ Ġorg Borg Olivier. Bit-tmiem ta’ Ganado prattikament imut it-tielet partit politiku f’Malta u s-sistema tagħna issir bi-partitika għall-aħħar kif prattikament għada sal-lum. Fuq kollox, dan l-internament inġust jispjega għala Mabel Strickland u Herbert Ganado saru l-ikbar ħbieb wara l-gwerra. Strickland irrealizzat l-iżball li kien sar mill-familja tagħha u ppruvat tirkuprah. Saret l-ikbar ħabiba ta’ Ganado. Biss minn din il-ħbiberija ma gawdix Ganado, iżda politici, jew aħjar politiku partikolari, li wara li għall-ewwel fittex li jmur fil-Partit Laburista, mar fil-Partit ta’ Ganado u wara f’dak Nazzjonalista. Hawn qed nirreferi għall-politiku Guido Demarco. Biss din hija storja li tmur lil hinn minn dan l-istudju. 

Kilometri

Jonathan Balzan

Kilometri huwa t-tieni ktieb tal-atleta, attur u poeta Jonathan Balzan. L-isem naturalment huwa ispirat mill-atletika, billi l-awtur rebaħ bosta midalji f’din id-dixxiplina. Iżda metaforikament dawn huma l-“kilometri” li l-poeta mexa tul il-ħajja, li minkejja li huwa żagħżugħ huwa matur fil-ħsieb. Għaldaqstant terraq fil- “Vjal tal-Kalvarju” (p.50), u “għam għajjien” (p.40). L-awtur stess fid-daħla tiegħu jgħid li “għalkemm il-ħajja hi qasira, l-esperjenzi li niltaqgħu magħhom f’ħajjitna ma jieqfu qatt”. Imma lil hinn mill-metafora, jien ngħid ukoll li dan il-ktieb fih littiralment kilometri ta’ vjaġġi. L-awtur joħodna minn Marsaxlokk (p.3), g]al Amsterdam (p.2), Napli (p.8) u bosta postijiet oħrajn. Fejn ikun josserva u jaħseb. Jekk fiżikament ma jkunx fil-post l-awtur isegwi permezz tal-media, l-istess media li huwa wkoll jikkritika bħala riżultat tal-kummerċjaliżmu.

Waqtiet fakkarni fil-ktieb Amusing Ourselves to Death: Public Discourse in the Age of Show Business (1985) tal-edukatur u umanista Neil Postman, liema ktieb kien ta’ ispirazzjoni għall-album ta’ Roger Waters, Amused to Death. Balzan, bħal Postman jara l-umanita’ qabel it-teknoloġija u l-iżviluppi moderni. L-iżvilupp għandu jkun hemm għall-ġid tal-bniedem. Fil-biċċa l-kbira, dawn il-poeżiji jwasslu messaġġ soċjali. L-awtur jinqeda bil-pinna tiegħu sabiex jikkundanna l-materjaliżmu sfrenat li jwassal għal skjavitu’, faqar soċjali u mentali u konsumeriżmu eseġerat. Għall-kuntrarju, Balzan jiġri kilometri imma jsib ħin jieqaf, f’dinja mgħaġġla fejn ħadd m’għandu ħin għal ħadd, u jifli bir-reqqa kemm is-sabiħ u kemm l-ikrah madwaru.

Messaġġ soċjali.

Mhux li kien li d-dinja kienet titmexxa mill-poeti! Il-poeta huwa l-politiku ideali, u l-bidliet soċjali li bosta drabi għamel kienu dawk siekta imma li bidlu l-ħsieb tal-bniedem. Xi wħud kienu xrara li waslu għal rivoluzzjonijiet. Oħrajn huma rivoluzzjonijiet siekta u fit-tul, bħal dawk ta’ Balzan li l-għan ma jilħquhx billi jbiddlu xi dittatorjat jew xi gvern imma billi jippruvaw ibiddlu l-imħuħ. Jippruvaw ibiddlu l-egoiżmu f’altruwiżmu, u l-mibegħda f’imħabba għall-umanita’ u għall-ambjent ta’ madwaru. “F’Marsaxlokk” (p.3), waqt li jirrifletti fuq il-monumet li jfakkar it-tmiem tal-Gwerra Bierda, josserva li dan ma wassalx sabiex fid-dinja jkun hawn is-sliem li tant mixtieq. Mhux hekk biss imma flok il-firdiet bejn il-Lvant u l-Punent għandna firdiet bejn individwi, kummerċjaliżmu rappreżentat fil-poeżija minn żewġ entitajiet kummerċjali kbar li ġew ikkritikati minn bosta, u l-poeta jinqeda wkoll b’botta sottili għall-qerda ambjentali permezz tal-heavy fuel oil fil-powerstation ta’ Delimara. Jinnota wkoll l-individwaliżmu jkompli jikber permezz tat-teknoloġija li żżid l-iżolazzjoni billi saħansitra tnejn fuq mejda iħarsu lejn skrin flok jikkomunikaw bejniethom. Lanqas jista jifhem il-poeta, kif il-bniedem, bl-intelliġenza kollha tiegħu, jintilef fil-qerq u l-materjaliżmu fosthom is-sess bla imħabba għall-iskop ta’ qligħ tal-flus bħalma huwa il-prostituzzjoni (F’Amsterdam, p.2).

Il-poeżija “Logħba” (p.6) hija aktar qawwija u tinbena fuq il-prinċipju li s-soċjeta’ suppost liberali u ħielsa hija dominata u ħajjitna determinata mill-Kapitalisti l-kbar.
Jattaka l-“kapitalisti finazjarji
li bħal qarnita għandhom it-tentakli
iffiltrati f’kull rokna privata tal-eżistenza mondana tagħna.”

Tant ikiddu dan il-materjaliżmu lill-awtur li ma jiqafx biss fuq il-livell ta’ kritika. Iħares mhux biss madwaru imma lejh innifsu b’mod kważi skrupluż. Fil-poeżija “Jien m’iniex” (p.24) jgħid:
“Elf darba ttentajt
Nissielet mal-kurrenti materjalisti”.

Bħala missier saħansitra ma jixtieqx li bintu tara quddiemu din il-qerda ta’ din id-dinja. Hemm diżastri naturali imma mbagħad hemm ukoll il-qerda li qed inġibu aħna b’idejna. Fil-poeżija “Devastazzjoni” (p.9) jgħidilha:
“Ilbes in-nuċċali tax-xemx binti
U tarax id-diqa fuq wiċċ il-bniedem.”

Balzan iħoss ukoll li għandu jagħti ġih lil dawk il-bnedmin kbar li taw kontribut kbir sabiex fid-dinja jkun hawn is-sewwa u l-ġustizzja soċjali. Fosthom hemm Papa Franġisku (“Jorge Mario Bergoglio”, p.42) u l-poeta Palestinjan Mahmoud Darwix, magħruf bħala l-poeta tar-reżistenza (p.56).

Eżistenzjaliżmu

Il-profondita’ tal-pinna ta’ Balzan tidher ċar fil-mod kif iħares lejn l-istess eżistenza tagħna. Naturalment diġa rajna kif il-poeta mhux biss iwassal messaġġ minn barra imma jħares fid-dettal lejn il-qofol tal-problemi u kif jolqtu l-individwu. Imma minbarra dawk soċjali, u maħluqa mill-bniedem, din l-istess ħajja wkoll hija fija nfisha misterjuża. Il-mewt naturalment tibqa’ mistoqsija, u għaliex dan il-bniedem jitwieled sabiex imut. Diversi soluzzjonijiet jipprova jagħti sabiex iwieġeb għal din il-mistoqsija kbira tal-ħajja. Fin-niket, u fl-istess persuna li tħallina għal ħajja aħjar, il-poeta jifhem “traġitt ieħor” (“L-omm li tlift minn ħajtek”, p.28). Il-fidi tal-poeta, f’termini Nsara toħroġ aktar qawwi fil-poeżija “Lil nannti” (p.26), “u erħejtek ruħek solenni għand Dak”.

Lil bintu jagħtiha parir (“Lullaby lil binti”, p.44) sabiex tibqa’ ġenwna, sinċiera u tħobb l-imħabba vera. Fuq kollox ma tidħolx fin-nasba tal-egoiżmu u l-qerq sabiex wieħed jaħtaf kemm jista’ b’modi anki nġusti, l-istess egoiżmu u egoċentriżmu li kienu l-kawża tal-ewwel dnub li ispira lil-poeta. Jgħidilha:
“la ttebax ruħek moħmija bl-essenza t’Alla
Bil-gidma tal-ewwel tuffieħa qarrieqa.”

Konklużjonijiet

Fil-bidu tal-ktieb insibu żewġ analiżi letterarji ta’ Andrew Sciberras u Tarcisio Zarb li nissuġġerixxi li wieħed jaqrahom sew ukoll. Laqatni ħafna l-istil ta’ Balzan. Jissellef il-metafora mill-ħajja ta’ kuljum. Għaldaqstant hawn il-metafora ma tibqax biss dik tradizzjonali ngħidu aħna id-deżert, il-baħar, ir-riħ, imma jaf tkun it-te’ li jinqaleb “fuq il-qmis illamptata” (p.5) jew il-“pupi tas-suldati” (p.46). Jien ċert li Jonathan Balzan wara dawn il-“kilometri” se jkompli jterraq aktar “kilometri” jiġġieled kontra l-inġustizzji, kontra l-materjaliżmu sfrenat u favur l-umaniżmu u d-dinijita’ għaliex kif jgħid hu stess “Dan hu demmi jbaqbaq fil-vini” (p.61).

It-tnedija ta’ dan il-ktieb, se ssir b’koordinazzjoni mal-Għaqda Poeti Maltin nhar l-Erbgħa, 27 ta’ Lulju 2016, fis-7:30 ta’ filgħaxija fir-Razzett tal-Markiż, il-Mosta.

(Pagna Letterarja, It-Torċa, 24 ta’ Lulju 2016) — with Jonathan Balzan.

Xalata ta’ kotba għat-tfal

Inħossu dmir tiegħi li ftit qabel il-btajjel tas-sajf inħeġġeġ il-qari għall-gost fost it-tfal. Qabel xejn jien edukatur u l-kuxjenza ma tħallinix bi kwieti jekk ma niħux din l-inizjattiva. Aktar minn hekk huwa dmir ta’ paġna bħal din li qatt ma tinsa l-qarrejja ċkejkna tagħna. X’futur jibqa’ fil-kotba, fil-letteratura, jekk ma nrawmux din in-namra tal-qari sa miċ-ċokon? Għalhekk jien ċert li saħansitra awturi li jixtiequ (u forsi ilhom jinsistu miegħi) li l-ktieb tagħhom jidher fuq din il-paġna lesti jistennew ġimgħa oħra sabiex nagħtu dan l-ispazju mistħoqq lill-kotba tat-tfal. U dan għaliex jafu tajjeb li l-qarreja tal-lum huma l-qarrejja t’għada. Inżid li l-qarrejja tallum jistgħu ikunu l-kittieba t’għada.
Minkejja t-teknoloġija, l-ktieb jibqa’ popolari u importanti mmens. Tolqotni ħafna r-riċerka ta’ Joan Ganz Cooney Center dwar kif il-qari diġitali fejn jidħlu t-tfal. Iċ-ċentru Cooney kien minn ta’ quddiem fil-qasam tal-litteriżmu diġitali u interessanti ferm ir-riżultati tar-riċerka tagħhom dwar il-materjal stampat u l-materjal diġitali (http://www.joanganzcooneycenter.org/wp-content/uploads/2012/07/ jgcc_ebooks_quickreport.pdf).

Fost ir-riżultati tal-istħarriġ tagħhom insibu li:
a) Il-qari stampat wera li kien ħafna aktar effettiv f’dak li għandu x’jaqsam ma’ qari kollaborattiv, minħabba li aktar wassal għal diskussjoni
b) It-tfal (u anke l-ġenituri tagħhom) aktar ftakru l-istorja minn mezzi diġitali imma dan aktar x’aktarx minħabba l-materjal viżiv tagħhom iktar milli minħabba l-kontenut.
c) Il-maġġoranza assoluta ta’ dawk li ħadu sehem f’qari kollaborattiv aktar irrelataw mal-ktieb stampat. Għalkemm ta’ min jgħid li l-qari diġitali offra spazju imbagħad għal iktar interazzjoni mal-viżiv.
Dan ma jfissirx li dan dan l-istudju huwa assolut u mhux ikkontestat. Fil-fatt hemm riċerki li jieħdu xejriet differenti u ta’ min nagħtu każhom ukoll għaliex huma indikattivi għall-qari tal-futur. Insibu xi riċerkaturi (Korat, Shamir, & Heibal, 2013, Expanding the boundaries of shared book reading: E-books and printed books in parent– child reading as support for children’s language, First Language 33(5) 504 –523 ) illi jargumentaw ili l-qari b’mod diġitali meta mqabbel ma’ dak stampat, wera diversi vantaġġi. It-tfal urew aktar progress fil-ftehim tal-kliem (M = 24.50 imqabbel ma’ M = 22.90 fil-każ ta’ materjal stampat) fost oħrajn. Naturalment dan qed insemmih għaliex dan huwa l-kuntest li qed jgħixu fih it-tfal li joffri kemm sfidi imma milli qed nara dan is-sajf anke opportunitajiet ġodda lill-pubblikaturi.

M’għandix dubbju li l-pubblikaturi lokali huma seqer mhux biss fuq ix-xeħta letterarja barra minn xtutna imma wkoll dawn l-isfidi ġodda minħabba t-teknoloġija. U ppreparati wkoll biex jilqgħu għal dawn l-isfidi. Il-kotba li għażilt għal dan l-artiklu huma xhieda ta’ dan. Sabiex nagħmilha faċli għall-qarrejja li jagħżlu xi ktieb, minflok qed noħloq sezzjonijiet bit-temi ċentrali nippreferi li l-importaza nagħtiha l-kotba nfushom u niddiskuti l-elementi tagħhom li jagħmilhom kotba ideali għat-tfal. M’inix se nħares biss lejn l-istorja imma lejn il-qoxra, l-aspetti interattivi, il-kliem, u d-disinji.
Busy
Razzett mimli tħabrik
Ilmapark mimli tħabrik
Tħabrik f’għassa tal-Pumpieri

Waħda mill-mistoqsijiet li bosta ġenituri jsaqsu hija x’tip ta’ ktieb għandu jkollhom tfal li għadhom fl-ewwel snin tagħhom u fl-ewwel snin tal-iskola formali? Il-kotba jrid ikollhom bla dubju ta’ xejn temi li jolqtu t-tfal f’dak iż-żminijiet, fosthom il-logħob, l-annimali, il-ħsejjes tat-trakkijiet tat-tifi tan-nar fost oħrajn. Dawn huma t-temi li nsibu fil-kotba magħrufa ta’ Busy li grazzi għal Faraxa Publishers issa jinsabu wkoll b’ilsien pajjiżna. L-għalliema jgħiduli kemm huwa diffiċli li ssib materjal għat-tfal bil-Malti, anke fuq l-internet u apps fuq it-tablets. Kotba bħal dawn żgur li jinżlu għasel kemm mal-ġenituri kif ukoll mal-għalliema, imma fuq kollox mat-tfal li jogħxew kif jarawhom!
Mhux biss it-tema li ser tolqot it-tfal imma wkoll il-fatt li dawn il-kotba huma interattivi u t-tfal jistgħu iċaqalqu l-karattri u l-oġġetti. Għaldaqstant ngħidu aħna fil-ktieb “Tħabrik fGħassa tal-Pumpieri” it-tfal jistgħu jgħollu s-sellum, fil-paġna fejn hemm miktub “Jittella s-sellum u dritt aħna nitilgħu!”. L-ilma li jitfgħu l-pumpieri jistgħu idawruh, u b’dan il-moviment jidher tabilħaqq qisu l-ilma nieżel. Fil-ktieb “Ilmapark mimli tħabrik”, it-tfal jistgħu fost oħrajn iċaqalqu l-istampi li juru t-tfal jgħumu fil-paġna “Ejja nagħmlu tellieqa ħa naraw minn jitbaħ!”. Ċertament li anke tfal ikbar, biex ma ngħidx anke l-kbar, se jogħxew jiġbdu, jżerżqu u jdawru biex jaraw min qed jistaħba fil-matmura fil-ktieb “Razzett mimli tħabrik”. Minbarra dan iċ-ċaqliq interattiv, nsibu diversi rapreżentazzjonjiet miktuba tal-ħoss bħal “Psitt” għall-flieles u “ququququ” għas-serduk.
Dawn il-movimenti mhumiex sempliċiment biex jagħmlu dawn il-kotba interessanti għat-tfal. Mhumiex biss maħsuba biex it-tfal jieħdu gost. Jgħinu mhux ftit lit-tfal ma jibqgħux qarrejja passivi imma attivi u allura hemm ċans iktar li jgħinuhom jifhmu l-kontenut, jistħajlu u jiftakru. Għaldaqstant il-vantaġġ ta’ kotba bħal dawn mhux biss li jħajjar lit-tfal jaqraw imma saħansitra li jgħin lit-tfal jitgħallmu l-istess vokabolarju li qed jaqraw u jissaħħu fil-kreattivita’. Il-ktieb se jsir il-ġugarell tagħhom u mhux l-għodda tal-iskola maqtugħa mill-ħajja tagħhom. Kif insibu fuq wara tal-ktieb, isibu affarijiet x’jiskopru u jitkellmu dwarhom.
Ktieb li huwa tajjeb għal tfal minn sena `l fuq.

Lupettin iħobb biss l-għaġin
Hemm x’hemm fil-ġnien Lupettin?
Kitba Orianne Lallemand
Addattament bil-Malti Clare Azzopardi
Illustrazzjonijiet Eléonore Thuillier
Pubblikazzjoni : Horizons

Il-karattri huma għal qalb it-tfal daqs kemm huma għal kbar. Il-karattru prinċipali fil-kotba tat-tfal mhux bilfors ikun l-eroj li ma jista’ għalih ħadd. It-tfal jaċċettaw u jiggustaw li dan il-karattru jista’ wkoll jagħmel l-iżbalji, mhuwiex perfett imma jipprova jagħmel it-tajjeb. It-tfal jassoċjaw ma’ karattru u miegħu u permezz tiegħu jikbru. Merlin Publishers ilhom li għarfu dan u offrewlna numru kbir ta’ karattri li saru parti mill-ħajja tat-tfal tagħna, kemm dawk maħluqa lokalment, kemm karattri barranin imlibbsa libsa Maltija u kemm oħrajn li baqgħu bil-libsa barranija. Karattru ħelu li ntlaqa’ sew hawn Malta huwa Lupu Lupettu. Konna rajnieh meta darba waħda ma tantx qam burdata tajba, ħares fil-mera u ma ħax gost b’li ra: ried jipprova jkun kulur differenti. Imma ntebah li ma kienx faċli daqs kemm ħaseb. Rajnieh ukoll meta xeba’ mill-mixi u xtaq li jkollu xi mezz ta’ trasport biex jivvjaġġa: xi rota jew mutur jew karozza. Imma malajr jinduna li mhux daqshekk faċli ssib it-trasport ideali.

Wara s-suċċess dejjem jikber ta’ din sensiela Merlin Publishers għadhom kemm ippubblikaw żewġ kotba ġodda bil-karattru issa ta’ Lupettin, addattati għall-Malti minn Clare Azzopardi. Dawn huma Lupettin iħobb biss l-għaġin, u Hemm x’hemm fil-ġnien Lupettin? li hu l-ktieb ideali għat-tfal li qed jitgħallmu jużaw il-potty. Nifhmu li ġalaraba qed nerġgħu naraw dan il-karattru, għaliex Lupu Lupettu niżel tajjeb ferm mat-tfal. Imma din il-kontinwita’ hija pożittiva wkoll mat-tfal, għaliex kif għidna qabel it-tfal jassoċjaw ħafna mal-karattru favorit tagħhom.

Aspett ieħor importanti fil-kotba tat-tfal u jolqotni ħafna f’dawn il-kotba huwa it-tagħlima li tasal b’mod sottili ħafna. Le, mhux ir-retorika li toħnoq il-gost tal-qari u tnaffar lit-tfal. Huwa l-eżempju permezz ta’ Lupettin li kif jagħmlu bosta tfal jirrifjuta li jiekol il-laħam, il-ħut u l-ħaxix. Għalxejn il-mama’ ta’ Lupettin tipprova tagħmel torta tal-laħam u l-faqqiegħ, tadam mimli u ross, piżelli … għax Lupettin iżomm ħalqu magħluq. U għalxejn il-papa’ jipprova jdaħħqu ftit u jagħmilha tal-buffu u anke tal-ajruplan. Lupettin irid jiekol biss l-għaġin. Sakemm, darba waħda, il-papà ta’ Lupettin tiġih idea. Lażanja! U fl-aħħar daqshekk kummiedji madwar il-mejda tal-ikel, għax Lupettin kuntent!

Lupettin mhu ħadd ħlief il-maħbub Lupu Lupettu meta kien għadu iżgħar. Lupu Lupettu huwa fost l-iżjed karattri popolari mat-tfal iżda wkoll mal-ġenituri għax f’kull storja l-Lupu jirnexxielu b’xi mod jagħti tagħlima, bl-iżjed mod simpatiku immaġinabbli.

Mill-banda l-oħra fil-ktieb Hemm x’hemm fil-ġnien Lupettin, il-ġenituri ta’ Lupettin iħallulu potty fil-ġnien u jħalluh jifhem waħdu x’inhu. Wara ħafna tentattivi immaġinattivi u żbaljati ta’ x’jista’ jkun, Lupettin jifhem! U jpoġġi fuqu!

Iż-żewġ kotba għandhom paġni pplastiċizzati biex ikunu wipe-clean u għalhekk tajbin għal idejn ċkejknin li jafu jkollhom xi “inċident” mal-kotba waqt l-ikel jew fuq il-potty. Il-kotba huma b’qoxra iebsa u padded, u għandhom anki ġnub ittundjati biex ikunu dejjem iżjed siguri f’idejn it-tfal. Dawn il-kotba jiġu bis-siġill ta’ ċertifikazzjoni ta’ sigurtà Ewropea CE, li hu t-tip ta’ attenzjoni għad-dettall li t-tfal u l-ġenituri saru jistennew mill-kotba Merlin.

Dawn il-kotba huma xogħol l-awtriċi Franċiża Orianne Lallemand, b’illustrazzjonijiet umoristiċi ta’ Eleonore Thuillier, l-istess ta’ Lupettin għandhom ikollhom l-istess suċċess ta’ Lupu Lupettu. Inħoss li għandna xorti li dawn it-tip ta’ kotba qed jaslu bi lsien pajjiżna

Lupettin iħobb biss l-għaġin u Hemm x’hemm fil-ġnien Lupettin? jinsabu għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba kollha jew online direttament minn www.merlinpublishers.com

In-Naffar li Xtaq itir/
The Scarecrow who wanted to fly
Kitba ta’ Rita Saliba
Illustrazzjonijiet ta’ Naomi Gatt
Pubblikazzjoni: Horizons

Għandna tfal li l-ewwel lingwa li jibdew iħaddmu tkun l-Ingliż. Hemm ċirkostanzi fejn din ma tkunx biss għażla b’kapriċċ imma anke bżonn. Mill-banda l-oħra għandna forsi l-maġġoranza tat-tfal li jibdew iħaddmu l-aktar il-lingwa Maltija, kif jisimgħuha minn fomm il-ġenituri tagħhom. Horizons qed jaħsbu li joqltu ż-żewġ kategorji u la t-tfal li jaqraw bl-Ingliż u lanqas dawk li jippreferi bil-Malti ma jiġu mċaħħda minnha. Jien wieħed minn dawk li jemmnu li sakemm ma jkunx hemm diffikultajiet oħra, it-tfal huma mħeġġa jitgħallmu ż-żewġ lingwi u l-bilingwaliżmu huwa proċess naturali u jiġi naturali fit-tfal u għandu l-benefiċċji tiegħu. F’pajjiżi kbar bħal Istati Uniti huwa normali li t-tfal jitgħallmu l-lingwa tal-ġenituri li jista’ jkun tkun l-Ispanjol u anke l-Ingliż. Imma ma mmorrux `il bogħod għax fl-Ewropa nsibu ħafna minn dan it-taħlit f’pajjiżi bħal Belġju fost oħrajn. Biex ma nsemmux id-djaletti li t-tfal jitgħallmu wkoll flimkien mal-lingwa standard.

In-Naffar huwa karattru li jaffaxxina t-tfal kemm barranin u mhux inqas dak Maltin. Niftakar li fi ċkuniti wieħed mill-ewwel kotba li qrajt kien “Ir-raġel tat-tiben” ta’ Trevor Zahra. Hawnhekk Rita Saliba tirrakontalna din il-ġrajja qasira u ħelwa ta’ naffar li kellu żewġt iħbieb – Mina l-ġurdiena u Pizu l-għasfur tal-bejt. Darba minnhom jgħidilhom li xtaq itir biex ikun jista’ jara d-dinja u tawh parir li jkellem liż-żiffa. Iż-żiffa min-naħa tagħha tgħidlu li aħjar ikellem lill-buffura. Inħalli l-qarrejja jaraw x’jiġrilu n-Naffar meta wara l-buffura jistenna r-riefnu.

Rita Saliba diġà rajna xogħlijiet oħra tagħha, kemm għall-kbar u kemm għat-tfal u l-mod tagħha kif twassal storja lill-qarrejja ċkejknin intlaqat tajjeb mal-ewwel. Dan huwa ktieb sofistikat b’qoxra iebsa, editjat minn Victor Fenech, u bi tpinġijiet mill-isbaħ ta’ Naomi Gatt. Dettal li jidher żgħir imma naf li l-għalliema jagħtu każu ħafna hija t-tipa użata, partikularment l-ittra “a” fejn f’dan il-ktieb narawha mitkuba bil-mod kif jiktbulha t-tfal fil-pitazzi tagħhom u mhux kif insibuha fil-kotba tal-kbar u fil-gazzetti. Fil-paġni tan-nofs insibu wkoll taqsima ta’ attività fejn il-qarrejja jistgħu jidħlu aktar fl-ispirtu tal-istorja: logħob bil-kliem u paġni għat-tpinġija!

Ktieb li nħeġġeġ li jinqara minn tfal bejn il-5 u 8 snin.

L-annimali tar-Razzett
Natalie Portelli
Pubblikazzjoni: Wise Owl

Dan il-ktieb huwa parti minn sensiela ta’ kotba għat-tfal miktubin minn Natalie Portelli li jinkludu fost oħrajn: Il-Bibbja, il-Ħajja ta’ Ġesu’, u Stejjer tal-Prinċipessi. F’dawn l-erba’ kotba tolqtok mal-ewwel il-qoxra, tleqq u t-titlu u l-istampa kemm kemm imqabbża `l barra tali li tati lok li t-tfal iħossu, forsi l-ewwel attentat li l-ktieb jagħmluh ir-rigal favorit tagħhom. Nitkellem mill-esperjenza tat-tfal tiegħi l-ewwel espressjoni minn fommhom kif rawha “Kemm hi sabiħa!”. F’din il-paġna diġa’ dehru xi wħud minn dawn il-kotba.
It-tfal ta’ kull pajjiż u ta’ kull żmien iħobbu wisq l-annimali. Dan il-kteib ilaqqgħana ma’ Tobi l-kelb li jħobb l-għadam, ma’ Trott iż-żiemel li sar qisu żebra, ma’ Miki l-ħaruf li qed ifittex lill-ħabib tiegħu Sam il-fenek. ma’ Ġiġa t-tiġieġa li ħarġet mir-razzett, ma’ Didi l-qattus li sab kobba suf, ma’ Nora n-nagħġa, Boċċa l-baqra u Oliver il-fellus. Nista’ nħallikom timmaġinaw kemm it-tfal ser jimirħu fl-immaġinazzoni tagħhom u dawn il-ħlejjaq jistħajluhom qed joħorġu mill-paġni!
Natalie Portelli m’għandha bżonn ebda introduzzjoni u matul dawn is-snin għandha bosta esperjenza kif tferraħ lit-tfal. L-istampi sbieħ ta’ dan il-ktieb huma ta’ Claudio Cernuschi.
Dan huwa ktieb li meta kont żgħir min jaf kemm kont nixtieq li kelli. Forsi l-pubblikazzjoni dak iż-żmien ma’ kinetx laħqet il-professjonalita’ tal-lum li mhux biss tirrispondi għall-ħtiġijiet tas-suq imma mal-isfidi ta’ kotba barranin u kif ġieli għidt anke mat-teknoloġija. Ir-riżultat huwa naturalment ktieb mill-isbaħ bħal ma’ huwa dan. Ċertament li m’għandix l-ispazju li nidħol fid-dettalji tal-preżentazzjoni mill-aqwa ta’ dan il-ktieb, fosthom l-użu tat-tipa, l-istampi, u l-karta.

(Paġna Letterarja, It-Torċa, 3 ta’ Lulju 2016) — with Clare AzzopardiJoanne MicallefRita Saliba and Faraxa Publishing.

Eternita’

Poeżija Paul P. Borg
Viżwal Gabriel Caruana
Pubblikazzjoni Horizons

Huwa minnu li f’din il-paġna spiss nagħtu spazju għall-poeti u hekk ġara matul dawn l-aħħar xhur. Madankollu li jkollok ktieb f’idejk ta’ poeżija hija xi ħaġa sabiħa u ktieb tal-poeżija se jsib postu żgur f’din il-paġna. Biex inkun onest abbużajt ftit mill-ħbiberija ma’ Paul P. Borg u anke għall-fatt li huwa wkoll kontributur f’dan il-ġurnal, għaliex kif ġie f’idejja dan il-ktieb bqajt imsaħħar bil-ġmiel tiegħu u l-livell poetiku għoli. Fl-opinjoni tiegħi u ta’ ħafna Horizons qed jagħmlu biċċa xogħol tajba ħafna li jippublikaw regolarment il-poeżija. U dan mhux qed ngħidu minħabba l-isfidi tal-poeżija fis-suq kummerċjali. Għaliex naf ukoll li din id-dar tal-pubblikazzjoni qed tiggwadanja minn livell għoli ta’ kitba, awturi mill-aqwa li qed jgħollu l-livell mhux ftit tal-kollezzjoni tagħhom.

Il-ktieb “Eternita’” jgħaqqad ferm tajjeb ix-xogħlijiet ta’ żewġ artisti kbar li laħqu ċerta maturita’ fl-arti tagħhom. Paul P Borg huwa awtur magħruf ferm għal bosta rumanzi fosthom “Dallejl ġie Alla”, “Rajt ‘l Alla Jibki”, u “Bejn mara u Qassis”. Ħareġ ukoll ġabriet ta’ Novelli bħal “Beżgħat” u “Demgħat”. Il-kitba ta’ Borg, x’aktarx pessimista toħroġ mis-sensittivita’ kbira tiegħu għal dak li qed jiġri madwaru, kif naraw fil-ktieb “Eternita’”. Tant hu hekk li Borg jibqa’ magħruf ukoll għal żewġ kotba li fil-fehma tiegħi daħal f’ċerta dettal tal-istorja ta’ persuna minflok ra biss minbarra. Qed nirreferi għal ktieb “Ċikku Fenech – il-Qtil, il-Ħarba, il-Bidwi” u għall-għarfien tal-poeta kbir iżda li bata ħafna Carmel Attard permezz tal-ktieb “…maqful fil-ħabs ta’ ġbini…”. Gabriel Caruana (http://www.gabrielcaruana.com/) huwa magħruf sew għax-xogħlijiet tiegħu fiċ-ċeramika. Ikolli nammetti l-limitazzjonijiet tiegħi biex nanalizza dawn ix-xogħlijiet li nsibu fil-ktieb. Madankollu il-Professur Richard England, fid-daħla tiegħu ta’ dan il-ktieb ta ħarsa lejn dawn ix-xogħlijiet. Hekk għamel ukoll il-Professur Peter Serracino Inglott. Mill-banda l-oħra l-Professur Charles Briffa jħares jagħmel analiżi tajba ferm tal-poeżija ta’ Borg. Dawn it-tliet persuni ġa jindikawlna li dan huwa ktieb ta’ livell għoli ferm. M’għandi ebda problema biex irressaq dawn il-poeżiji bħala eżempju ta’ kitba tajba li dawk kollha li qed iterrqu fit-triq tal-espressjoni tal-ħsus f’versi jistgħu jħarsu lejn dawn ix-xogħlijiet bħala mudell. Dan għaliex waqt li xejn ma jżomm biex il-poeta jwassal il-messaġġ tiegħu, dan jagħmlu waqt li jżomm ċerta mużikalita’ fil-poeżija, metafora tajba, oriġinalita’ b’ideat li jqanqluk, u ħakma tajba tal-ilsien Malti.

Fil-fehma tiegħi l-ktieb jieħu wkoll forma tematika, bl-eternita’ tidwi bosta drabi f’dan il-ktieb. Il-bidu tkun il-“Kelma” (p.1) li fiha jgħidilna kemm il-poeżija hija eterna, bħalma huwa l-ferħ (p.3) li jirbaħ fuq l’hemm (p.3). Dan huwa l-poeta li jixxennaq għas-sempliċita’, għas-sbuħija tan-natura li tinqered bl-egoiżmu tal-bniedem. Il-pożizzjoni tiegħu jagħmilha ċara fil-bidu tal-ktieb fil-poeżij “Jien min jien?” (p.4), fejn:
“qalb ħbula mtarrġin
b’ħitantas-sejjieħ
u tafal mistrieħ
mal-firxa tal-wied
imtektek b’tuffieħ
iħammar fis-skiet
u jarda’ mill-iqegħ,
u ruħi tistrieħ”

Dan ifakkru fil-“ħsieb hekk sabiħ” li n-natura hija mera tal-Ħallieq u għalhekk għandna ngħożżuha. Hija t-tama tal-poeta li dan għad jirbaħ fuq l-egoiżmu u l-ħażen tal-bniedem li jiddeskrivih b’metafori aktar qawwija kif insibu fil-poeżija “Xewqat” (p.5) bħal “mostru kiefer”, “id qerrieda”, “nies bla wiċċ”, “dawl qarrieq”, “lewn giddieb” u oħrajn. Il-ktieb jagħlaq bil-poeżija “Għeluq” (p.84) fejn tista’ tgħid jilmenta mal-Ħallieq li kieku jerġa’ jitwieled ma jridx jara d-dinja kif inhi u kif qed neqirduha.
Dan iwassalna biex nifhmu l-ħsieb tal-poeta fil-poeżiji li minkejja ż-żmien differenti li nkitbu fihom, dan il-ħsieb baqa’ konsistenti. Jispikkaw sew allura il-poeżiji favur l-ambjent u dan irridu narawh fil-mod ta’ ħsieb kif għadni kif spjegajt. Fost il-poeżiji fejn il-poeta jgħanni bil-ferħ lin-natura waqt li jweġġa’ bil-qerda ambjentali nsibu “Taħt il-Ballut (p.20), “Il-Mitħna tax-Xarolla” (p. 36), “l-Għasfur li ma tarx” (p.37), “L-għanja taċ-Ċinju” (p.38) u “Idfnuni f’Wied il-Mistra” (p.50).
Il-qofol ta’ dawn il-kitbiet, u forsi dik il-poeżija li fiha ried jesprimi ruħu b’mod aktar qawwi l-qafas tal-ħsieb tiegħu hija propju “Eternita’” (p.61-82), il-poeżija li ġġib l-istess isem tal-ktieb. Il-poeżija li tibda bid-“dmugħ” tintemm bil-poeta jitlob lil Alla li qatt ma jneħħilu din is-sensittivita’ u l-kuxjenza ambjentali li naħseb mingħajrhom ma kienx ikollna dawn ix-xogħlijiet. Il-poeta saħansitra jilmenta m’Alla f’din il-poeżija u jridu jkun iebes bħalma kien fit-Testment il-Qadim.
Metafora mill-aqwa, ħsibijiet li ċertament jistgħu anke jqanqlu bosta diskussjonijiet, tpinġija ta’ Caruana li jien niddeskrivha wkoll bħala poeżija bi preżentazzjoni tal-ogħla livell. Il-ktieb, bil-qoxra iebsa u karti sbieħ jista’ jżejjen il-libreriji tagħna. U għal dawk li jaqtgħu qalbhom jaqraw il-poeżija, wkoll nissuġġerilhom dan il-ktieb għax l-istil ta’ Borg huwa wieħed li juża kliem sempliċi u diretti, għalkemm imżejna bil-metafora u għażla wiesa’ ta’ kliem li jħaddan il-poeta. Ktieb li bħalma sab l-appoġġ ta’ tliet professuri mill-aqwa f’pajjiżna li kitbu d-daħla, u tal-pubblikaturi li daħlu għal dan ix-xogħol, se jsib ukoll l-interess tagħna.
Aktar informazzjoni dwar dan il-ktieb, mis-sit elettroniku ta’ Horizons (http://horizons.com.mt/) .

(Paġna Letterarja It-Torċa, 22 ta’ Mejju 2016)See Translation

Strange tales ta’ Charles Coyne

Pubblikazzjoni: Faraxa publishing

Stejjer tal-misteri u l-waħx huma popolari mmens u mhux inqas f’pajjiżna. Dan l-aħħar ġie f’idejja dan il-ktieb bl-isem “Strange Tales” u għalkemm normalment f’din il-paġna nġib kotba li ma jkunx ilhom li ħarġu iktar minn sena, waqtiet ikun hemm xi kotba li jolqtuni u rressaqhom għall-attenzjoni tal-qarrejja. Dan il-ktieb li bdejt naqra waqt li kont imsiefer ngħid li mhux biss laqatni imma anke impressjonani. Biex inkun ċar, f’dawn l-istejjer ma fihomx il-makabru eseġerat li jgerrex lil xi wħud fosthom lili. Coyne jħaddan stil psikoloġiku, li jġiegħel il-qarrej jistħajjel, xi kultant ma jasalx mall-ewwel għall-qofol sabiex iħalli stennija. Matul din l-istennija tara l-baħħ tat-toroq, tisma’ t-tħaxwix tal-weraq u s-siġar, tara l-kuluri differenti tan-natura. Minħabba n-numru kbir ta’ elementi differenti li jsawru l-kitba ta’ dawn l-istejjer, fosthom aġġettivi li juża l-awtur, deskrizzjonijiet surreali, postijiet fosthom dawk lokali, nies u ħrejjef nagħżel li f’dan l-artiku ma nsemmix il-paġni kif bosta drabi nagħmel. Il-ktieb kollu bi stejjer qosra, jgħaddik minn triq għall-oħra, minn post għll-ieħor, minn għajdut tan-nies għal dak li saħansitra tkun xettiku jġgħalek titħasseb. Ma jonqsux il-leġġendi u l-għajdut b’karattri misterjużi u paranormali li joffru sfond għal xi wħud minn dawn l-istejjer fosthom tal-osysseus, il-werewolf, u naturament il-ħares, il-leġġendi dwar it-triangolu tal-Bermuda u t-torri l-aħmar. Fl-ewwel storja, ngħidu aħna niltaqgħu ma’ Max il-pupa li tkun il-qattiela. Ma’ dawn insibu wkoll biżgħat inspjegabbli minn annimali u nsetti bħal kelb il-baħar, l-insetti u d-dlam. L-istejjer li fihom insibu xi delitt jew f’xi każi sensiela ta’ qtil ma jonqsux fosthom dik tal-Ispettur Azzopardi li hija ambjentata lokalment. Wara li jiġi mgħarraf mis-surġent Cauchi dwar qtil makabru ta’ tfajla, jkollu jħabbat wiċċu ma’ sensiela ta’ qtil li jkun hem xebh bejniethom li saħansitra jiġu mitlub spjegazzjoni mill-Prim Ministru. Min kellu jgħid li qattiel kellu jkun xi ħadd mill-korp stess, propju dak li għarraf lil Azzopardi b’telefonata fil-bidu tal-istorja. It-tmiem fil-fatt f’bosta minn dawn l-istejjer ma jkunx dak mistenni, anke jekk il-kuntest tal-istorja jkun wieħed familjari jew popolari. Għaldaqstant inħoss li Coyne, permezz ta’ dawn l-istejjer jagħti kontribut lill-leġġendi popolari billi jagħtihom libsa ġdida minn dik li forsi nkunu smajna minn missirijietna.
Ċertament li bosta qarrejja ser jieħdu gost ukoll li numru ta’ stejjer f’dan il-ktieb għandhom sfond lokali. X’jagħmel imma dan il-ktieb differenti minn kotba oħra tal-istess ġeneru li huma Maltin? Ovjament dan huwa ktieb Malti għax għandu pubblikazzjoni Maltija. Imma l-awtur mhuwiex. U allura pajjiżna jħares lejh minn lenti differenti, minn barra, u dan ngħid li aħna napprezzawh ukoll. Ifisser li l-awtur laqtuh numru ta’ postijiet f’Malta li saħansitra niżżilhom f’dan il-ktieb, li ltaqa’ magħhom waqt il-bostja vjaġġi li l-awtur għamel waqt li kien jaħdem mal-Forzi Navali Ingliżi. Isemmi fost oħrajn l-għar ta’ Calypso, ir-Rabat Għawdex, l-Għarb, il-Belt Valletta, u t-Torri l-Aħmar fil-Melleħa. Nista’ nintebah ukoll li fl-istejjer bi sfond Malti, m’hemmx dik l-espressjoni Maltija li toħroġ minn ġewwa u huma nieqsa mit-tradizzjonijiet li x’aktarx ebda awtur Malti mhu ħieles minnhom bħalma huma dawk reliġjużi. Aħna, u naħseb xi ħaġa naturali, nieħdu gost inkunu nafu kif ħaddieħor iħares lejna, u din għoġbitni mhux ftit f’dan il-ktieb.
Nazzarda ngħid li dan jagħti kontribut turistiku wkoll għaliex persuna barranija li takkwista dan il-ktieb ser issir taf b’pajjiża u jitqanqal fiha ċerta kurżita. Nemmen li dan huwa wkoll il-mod ġdid ta’ reklamar turistiku, li fi żmien tal-internet u s-safar ta’ spiss, irridu ninqatgħu mill-medjokrita’ bħalma ngħidu aħna npinġu lil pajjiżna biss bħala destinazzjoni ta’ xemx u baħar. Iva hemm niċċa turistika għal dawk fost oħrajn li jfittxu li jżuru xi lokalita’ marbuta mal-oskur.
Dawn l-istejjer jappellaw ukoll għal dawk il-qarrejja li jfittxu li ma jaqrawx fit-tul. Fil-fatt hawnhekk insibu 29 storja qasira, fil-biċċa l-kbira kif diġa għidt ambjentati lokalment. Minkejja li l-istejjer huma qosra, l-awtur jirnexxieli joħloq sfond tajjeb permezz tad-djalogu. Joħloq numru ta’ karattri differenti, sitwazzjonijiet differenti u ambjent tajjeb għal kull storja. Fil-letteratura ma nistax m nħarisx lejn l-użu tal-lingwa, mhux biss dak Ingliż li jiġi naturali għall-awtur imma wkoll użu ta’ aċċenti differenti bħal ma naraw fit-tieni storja “The Consul”. Jislet ukoll xi kliem minn ilsna oħra bħal ngħidu aħna “dgħajsa” b’ilsien pajjiżna u dan sabiex joħroġ il-karattru differenti tad-dgħajsa Maltija.
It-tweġiba tiegħi għal min jissuġġerili xi ktieb dejjem tkun li jien jinteressani biss ktieb tajjeb. Ma tinteressanix kitba sfurzata la ta’ daħk u lanqas tal-waħx. Nippreferi li dawn joħorġu b’mod naturali fil-kuntest tal-istorja. Jidhirli li Charles Coyne jilħaq dan il-għan tajjeb ħafna. Forsi l-maturita’ tiegħu u l-interess f’dan il-ġeneru ta’ kitba sa minn meta kellu 17-il sena għen mhux ftit fil-kwalita’ ta’ dan il-ktieb.

(Paġna Letterarja It-Torċa, 22 ta’ Mejju 2016)

I Giovanniti la storia dei cavalieri di Malta

Frans Sammut
Pubblikazzjoni: Bonfirraro Editore

Naħseb li wasal il-waqt li l-istorja tibda tkun interpretata b’mod aktar realista mingħajr ħafna sentimentaliżmu u patrijottiżmu. Il-ktieb ta’ Sammut donnu jimla dan il-vojt u jidher biċ-ċar li Sammut kien qed iħares `il quddiem u jħares lejn l-istorja minn lenti differenti minn dik li forsi aktarx imdorrijin biha. Għal diversi snin kien forsi meħtieġ li nigglorifikaw il-Kavallieri bħala l-ħakkiema u b’dan il-mod ngħollu anke lil pajjiżna. Sammut, hawn iħoss li għandu jieħu l-perspettiva tal-Maltin.

Il-ktieb ħareġ fi żmien tajjeb għaliex is-sena li għaddiet iċċelebrajna l-450 sena mill-Assedju l-kbir u naturalment din il-ġrajja storika. Dan l-espisodju Sammut ukoll jagħtih l-importanza tiegħu. Bħal f’xi kotba oħra tiegħu (m’ilux wisq għadni kif qrajt u ġibna f’din il-paġna, l-ktieb l-Edukazzjoni f’Malta li wkoll inħareġ mill-familja tiegħu) ninnotaw bir-razzjonaliżmu qawwi ta’ Frans Sammut li għazel dal-mod realistiku kif iħares lejn l-istorja. Wieħed japprezza l-fatt ukoll li dan is-sens realistiku joħroġ minkejja l-ħila unika ta’ Sammut bħala rumanzier li kif nafu tana bosta u bosta rumanzi, u anke hawn ninnotaw il-mod mexxej ħafna kif inhu miktub dan il-ktieb.

Sadattant, ta’ min ngħidu li l-Imħallef Paolo Grossi, li għamel id-daħla għall-ktieb, inħatar President tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Italja wara Alessandro Criscuolo li kien ilu jservi f’din il-kariga sa mill-2014. Din hija l-ħames l-ogħla kariga fl-istat Taljan u naħseb li dan biss jurina xi preġju ta’ ktieb għandna f’idejna.

Il-ġrajja tibda mit-twaqqif tal-Kavallieri fl-Art Imqaddsa, kważi elf sena ilu, u tibqa’ sejra nistgħu ngħidu hekk sa żminijietna, fejn il-Kavallieri għadhom jagħmlu ħafna ġid fost dawk l-aktar fil-bżonnn. Naraw fost oħrajn kil-Kavallieri tilfu ’l Malta, meta ħaduhielhom il-Franċiżi, u kif wara li tilfu ’l Malta għamlu snin twal mingħajr dar, sakemm fl-aħħar daħlu f’Palazzo Malta, Ruma, fejn għadhom sal-lum.

Il-ktieb, mogħni bi stampi l-ġmiel tagħhom, ġie mniedi nhar is-Sibt 7 ta’ Novembru f’nofsinhar matul il-Festival tal-Ktieb f’Dar il-Mediterran, bil-parteċipazzjoni, fost l-oħrajn, tal-Imħallef Giovanni Bonello u l-Professur Henry Frendo. Waqt li nħossni privileġġjat li għidt kelma żgħira dwar dan il-ktieb għażilt li bl-umilta’ kollha ngħaddi l-kelma propju lill-Imħallef Bonello u l-Professur Frendo.

Nitkellmu mal-Imħallef Giovanni Bonello

a) F’dal-ktieb jerġa’ joħrog ir-razzjonaliżmu qawwi ta’ Frans Sammut, li waqt li jikteb bi stil qisu ta’ rumanz dwar suġġett daqshekk għal qalb il-Maltin, xorta jżomm `il bogħod milli jpinġi lill-kavallieri bħallikieku xi korp bla tebgħa. Kemm taħseb li dal-approċċ imur kontra l-istorjografija kif ipprattikata f’Malta? Kemm taħseb li dal-ktieb hu differenti minn kotba oħrajn dwar il-kavallieri

T) Kulll kittieb tal-istorja, jrid jew ma jridx, jkun qed jikteb dwar l-istorja, imma dejjem kif iffiltrata mill-esperjenza personali u suġġettiva tiegħu innifsu, mill-kultura tiegħu, anke mill-preġudizzji tiegħu. Frans Sammut mhux eċċezzjoni. Kien bniedem passjonali, aktar mogħti għall-abjad u l-iswed, milli għall-griz. Dan il-karattru ta’ ftit kompromessi jidher fil-ħajja tiegħu u fil-letteratura tiegħu, meta s-suġġett huwa rumanz, u meta s-suġġet huwa l-kronaka storika.

b) Mill-kitbiet tiegħu jidher li Sammut huwa mnebbah mill-illuminiżmu aktar milli mir-Romantiċiżu li forsi ddomina r-rakkont tagħna tal-Assedju u l-Kavallieri. Kemm taħseb li dan ħalla l-marka tiegħu dwar il-ktieb?

T) L-Illuminizmu, fil-ħsieb u fl-azzjoni, kien l-ixprun ta’ Frans Sammut. L-Illuminiżmu u r-Romantiċizmu mhux bil-fors jeskludu lil xulxin, u f’Sammut nara wieħed inebbah lill-ieħor. Illum l-kitba tal-istorja timxi fuq kriterji analitiċi u oġġettivi, u fil-ktieb ta’ Sammut dwar l-Ordni ta’ San Ġwann, hemm sforz qawwi biex in-narrativa tkun oġġettiva. Dan ma jfissirx kitba impersonali jew mbegħeda mill-ego tal-kittieb.

c) Frans Sammut donnu jagħti l-importanza kemm lill-Insara u kemm lill-Misilmin. Fil- fatt ma jiddejjaq xejn lanqas li jsemmi n-nuqqasijiet tal-Kavallieri. Għaliex taħseb li għamel dan? X’taħseb li kienet it-teżi ta’ Sammut f’dal-ktieb?

T) Ktieb ta’ narrativa storika miktuba biex tipprova prekonċett tal-kittieb, jirrendi dak il-ktieb suspett u tnaqqas il-valur tiegħu. Kien ikun ħażin kieku Sammut ipprova jaħbi n-nuqqasijiet tal-Ordni ta’ San Ġwann jew tal-Kavallieri tiegħu. Kienu hemm u kienu bosta. Fi żmienijiet oħra, l-funzjoni tal-istorja kienet biex tigglorifika min għandu l-poter u tikkonsolida l-eserċizzju tal-poter – għalhekk kienet storja wisq aktar ċensurata milli hija illum. Sammut qatt ma kien dilettant taċ-ċensura, wisq inqas f’ kitba storika.

d) Sammut jagħti ħafna tagħrif dwar Malta u l-Maltin f’dal-ktieb: Donnu jrid li l-Maltin ikunu protagonisti daqs il-Kavallieri. Taqbel miegħu dal-metodu? Kemm taħseb li hu differenti minn ta’ awturi oħrajn li jirromantiċizzaw lill-Kavallieri u donnu jwarrbu lill-Maltin?

T) Anke din hija karatteristika tal-istorjografija moderna. Sa xi zmien ilu, l-istorja kienet iddur dwar rejiet, generali, papiet u politici ewlenija, waqt li illum il-protagonist huwa il-poplu. L-istorja tal-Ordni ta’ San Gwann, ghall 250 sena saret haga wahda mad-destin ta’ Malta u tal-Maltin, u ghalhekk Sammut ma setghax iwarrab dan il-fatt minghajr ma jiffalzifika l-istorja. Fl-istejjer antiki tal-Ordni tiehu l-impressjoni l-Kavallieri kienu jghixu fi gzira dezerta. Sammut ried jaghti xhiedha tal-fatt li, mill-1530 ‘l-quddiem, l-istorja tal-Ordni kienet dik li kienet, imhabba l-interazzjoni qawwija tal-kavallieri mal-poplu Malti.

e) Frans Sammut donnu jieħu żewġ pożizzjonijiet: waħda ta’ antipatija lejn l-ordni fl-aħħar żmien tiegħu imma waħda ta’ simpatija kbira lejn l-ordni tal-lum (li jgħin lill-morda, u allura mar lura lejn l-għeruq tiegħu, l-oriġini tiegħu). Għaliex taħseb li Frans Sammut ħa dil-pożizzjoni?

T) Għal bniedem magħġun bħal Frans Sammut, din kienet pożizzjoni inevitabbli. Ebda simpatija għal organizzazjoni despotika, fewdali, privileġġjata u anti demokratika. Simpatija lejn għaqda filantropika għas-servizz ta’ min hu fqir u batut. Hija ħaġa naturali fejn ixaqleb Frans Sammut.

f) Kemm taħseb li kienet idea tajba li Sammut kiteb bit-taljan? Kif tqabbel l-istil ta’ Frans Sammut bit-taljan kif tqabblu mal-istil ta’ Frans Sammut bil-Malti?

T) X’giegħal lill-Sammut jikteb bit-Taljan, ma nafx. Aktarx il-fatt li stejjer moderni tal-Ordni ta’ San Ġwann bl-Ingliż hemm diversi, imma bit-taljan huma skarsi sew. Dwar l-istil, jien naf lil Sammut l-aktar bħala kittieb ta’ ’fiction’ bil-malti, u għalhekk huwa diffiċli tagħmel paragun. It-Taljan tiegħu juri li kien jiġieh naturali, u ma hu imqanżah xejn.

g) Kemm taħseb li l-mod kif iħares lejn l-istorja Sammut għandu jidħol fis-sistemi edukattivi tagħna?

T) Jien ma nikkunsidrax ruħi espert fis-sistemi edukattivi, u għahekk ma nixtieqx nagħti ġudizzju. Imma, li jiżdied it-tagħlim tal-istorja fuq il-binarji adottati minn Sammut f’dan il-ktieb, jidhirli li jkun vantaġġ ovvju. Hemm tliet tagħlimiet f’dan l-ktieb: id-dixxiplina illuministika, l-oġġettivita’ storika u d-demokratizzazjoni tan-narrativa. Ma naħsibx li jista’ ikollok programm isbaħ.

Nitkellmu mal-Professur Henry Frendo

Il-ktieb “I Giovanniti – la Storia dei Cavalieri di Malta” (Bonifirraro Editore, Enna,2015) varajnih u ddiskutejnih waqt il-Fiera tal-Ktieb fl-Infermerija. Enna hi belt medjevali pittoreska f’nofs Sqallija fejn jien għamilt sentejn ngħallem l-istorja u l-politika tal-Mediterran fl-Universita’. Hu prestiġjuz li xogħol bħal dan minn awtur Malti ewlieni jiġi ppublikat hemmhekk minn dar editrici Taljana. Dan kuntatt rikk ma’ l-Italja li kien ħafna iżjed komuni fil-passat pero’ li bil-kolonjalizmu Ngliż prattikamemt intilef. Ħafna ‘professuri’ Maltin m’għadx għandhom kmand tat-Taljan, għalhekk iduru għal kliem misluf mill-Ingliż u mill-Amerikan kemm jistgħu, filwaqt li għal kliem Maltin assimilajti u nternalizzati mit-Taljan ikollhom bżonn dizzjunarji ħoxnin.

Is-sostituzzjoni furzata tat-Taljan mill-Ingliż ħolqot rottura fl-istorja letterarja u kulturali Maltija, liema tqaċċit Frans kien ferm konxju tiegħu. Għall-istess raġuni huwa oppona bis-sħiħ bidliet bla bżonn fil-grammatika u l-ortografija tal-Malti li kien hawn min ried jimponi. Tqaċċita oħra. Li ktieb ta’ storja Maltija jinkiteb bit-Taljan minn awtur Malti fl-2015 hu fatt storiku fih innifsu u jikkostitwixxi tberfila ta’ kontinwita’ letterarja u storika. It-Taljan li jikteb bih Frans m’hu xejn inqas mirqum mill-Malti u l-Ingliż tiegħu. Jagħmel gieħ lil studjużi kbar tal-Malti, kompris Vassalli, li huwa kiteb dwarhom wkoll. Sammut hu awtur versatili u dan rajnieh sa mis-snin sittin fi żmien il-Moviment Qawmien Letterarju meta hu ħareġ “Il-Gaġġa”, li wara nħadem f’film minn Mario Philip Azzopardi.

Il-ħruġ mill-gaġġa jinħass ukoll fl-istorjografija adottata f’I Giovanniti. Sammut iħares lejn żmien l-Ordni minn perspettiva Maltija mingħajr eloġji għall-Kavallieri, li kienu jirrappreżentaw Ordni Ewropew għani li f’ċertus ċens għamel lil Malta; imma li essenzjalment kien istituzzjoni fewdali, aristokratika, gwerriera, reliġjuża u u diskrimintorja fir-rigward tal-Maltin. Milordi u vassalli li kultant refgħu rashom.

Sammut hu nfluwenzat iżjed mill-illuminiżmu speċjalment dak Franċiż milli mir-Romantiċiżmu għalkemm l-istil tiegħu jaf ikun x’aktarx romantiku u mhux awstier. F’dan m’hemm l-ebda kontradizzjoni. Daqstant ieħor hu jinkorpora fl-istorja lill-iskjavi u Musulmani li minmnhom kien hawn eluf. Malta kellha wieħed mill-akbar swieq ta’ l-ilsiera fl-Ewropa, wara Livorno.

Huwa ma jiktibx dwar il-Kavallieri qishom il-Maltin ma kinux jeżistu. Anzi jinvolvihom kemm jista’.

L-istorja tiegħu lanqas tieqaf fit-tkeċċija ta’ l-0rdni minn Bonaparti imma tkopri t-trasformazzjoni ta’ dan l-Ordni minn wieħed gwerrier għal wieħed umanitarju fid-dinja. Fil-vjaġġi tiegħi jiena ltaqjt mas-salib ta’ Malta fejn l-inqas tobsor – f’Ghana u fiż-Żimbabwe, fl-iSvizzera u fil-Ġermanja. Għalhekk dan il-ktieb għandu validita’ universali: m’huwiex wieħed ristrett jew iżolat f’xi sens parrokkjali.

Illum mijiet ta’ eluf ta’ Taljani u ta’ kelliema tat-Taljan iżuru lil pajjiznajew jiġu f’kuntatt miegħu imma sikwiet dwar ġrajjietna fi lsienhom ma jsibu xejn ħlief xi kitba turistika superfiċjali għall-aħħar.

Permezz ta’ “I Giovanniti” jintlaħaq dan is-suq u jitkattar il-għarfien iżjed approfondit ta’ ġrajjietna u ta’ niesna tul iż-zmien.

Klin u Kapriċċi oħra

Awtur: Adrian Grima 
Pubblikazzjoni:  Klabb Kotba Maltin 

Adrian Grima (Dr Adrian Grima li bħala awtur ser nirreferi għalih mingħajr it-titlu) tana numru sabiħ ta’ kotba.  Bizzejjed insemmu “It-Trumbettier” (1999), “Gżejjer ta’ Diversità Kulturali/Islands of Culutra Identity (flimkien ma’ Kevin MacNeil) (2001), “Dgħajjes Qodma u Maħmuġin – Dun Karm, id-Dielja u l-Barranin” (2004), “The Tragedy of the Elephant” (2005), “Rakkmu” (2006) u “Din Mhix Logħba” (2012).  Barra minn dawn huwa editur ta’ bosta kotba oħra.  Mhux qed insemmi wkoll numru sabiħ ta’ pubblikazzjonijiet illi Grima ħareġ fil-karriera professjonali tiegħu bħala riċerkatur u lettur.  

Imma dan l-awtur tant huwa  attiv fil-qasam letterarju, tant għen studenti, tant qara poeżiji ta’ ħaddieħor fosthom numru ta’ poeżiji barranin,  li bosta minna konna qed ngħidulu “Issa jmiss lilek u rridu naqraw aktar poeżiji tiegħek”.   Nammetti li meta smajt li kien ser joħroġ dan il-ktieb kont qed nistenna li fil-bidu tal-ktieb ser nara numru ta’ studji minn diversi kritiċi letterarji fil-bidu ta’ dan il-ktieb.  Naturalment iltqajt ma’ diversi studji u ħsibijiet dwar dawn il-poeżiji.  Biżżejjed insemmu il-ktejjeb “Riefnu minn ġo fina: it-togħmiet spjetati tal-poeżija fi Klin u Kapriċċi oħra” ta’ Dr Norbert Bugeja.  Norbert Bugeja bħal Grima hu riċerkatur u jien ngħid ukoll esploratur li vjaġġa u esperjezha diversi kulturi.  Bħal Grima sema’ l-poeżija ta’ diversi nazzjonalitajiet u gruppi etniċi.   Ta’ min ngħidu wkoll li jiena nħeġġeġ dejjem biex wieħed jakkwista u jaqra dawn l-istudji għaliex f’din il-paġna qed nagħtu ħarsa ħafifa biss.   Madankollu, fil-ktieb innifsu Grima għażel li jħalli barra xi tip ta’ “daħla” minn xi awtur ieħor.  Ma nafx ir-raġuni għaliex u nistqarr li qatt ma tkellimtha mal-awtur.  Imma ċertament li l-awtur huwa diġà stabbilit u m’għandux bżonn l-imbuttatura ta’ xi ħadd.  Barra minn hekk l-awtur kif narah jien iħobb ċerta spazju, iħobb ikun ħieles.  L-awtur jixtieq iħalli l-qarrej jesperjenza l-poeżija tiegħu, iħoss l-istess mumenti, l-istess emozzjoni.  Ma jippermettix li l-qarrej jiġi influwenzat jew li  jistordi bir-riħa tal-inċens u ma jħallihx jaħseb b’moħħu.  Grima jippreferi li appuntu l-qarrej jaħseb b’mod kritiku anke jekk jitbiegħed min dak li konvenzjonalment kien imdorri jaħseb u joffri diversi sfidi li mhux neċessarjament huma komdi. 

Il-ktieb huwa maqsum f’sitt sezzjonijiet differenti, b’temi differenti imma tgħaqqadhom kelma waħda: “L-Imħabba”.  Bl-imħabba jittama li jirbaħ lil dawk li jiżirgħu il-mibegħda, bejn ir-razez, bejn in-nazzjonijiet.  Fuq kollox l-imħabba lejn il-persuna tant għażiża għalih li hija parti minn ħajtu.   It-tnedija saret fit-30 ta’ Settembru fejn Grima żewweġ  il-ħoss sabiħ tal-mużika tal-Plato Dream Machine u l-melodija u r-ritmu tal-poeżija.  

Attwali 

Grima jagħtina diversi kwadri mill-ħajja ta’ kuljum, u jgħaddi l-qarrej minn vjaġġ għall-ieħor.  Ifakkruni fil-poeżiji ta’ Salv Sammut li huma ispirati bil-bosta mis-safar tiegħu partikularment fir-rwol li kellu ta’ trejdunjonista.  Mill-banda l-oħra bħal Karl Schembri jippreżentalna l-aħbarijiet tal-Palestinjani li mhux normali nisimgħu fuq il-mezzi tax-xandir, u jsemmgħalna l-leħen sieket tal-immigrant fuq qoxra bejn sema u ilma.  

Il-poeta jitwerwer mit-twerwir ta’ numru ta’ Maltin minn nies li għax għandhom ġilda skura, għax ħarbu mill-kamp tal-battalja, jibżgħu li  jistgħu “jinvadewna” u jbiddlu dan il-pajjiż f’terrur (L-Ewwel Frejgatina, p.32).  Jixtieq li jfiehem lill-kotra li dawn in-nies wara kollox ġew hawn biex isibu l-kenn huma mit-terrur.  Jikkundanna għalhekk id-deportazzjoni (p.35) jekk ma nkunux mija fil-mija li l-pajjiżi m’humiex ta’ periklu għal dak il-persuna partikolari imma kif nafu xi wħud jispiċċaw maqtulin u saħansitra ttorturati.  

Ċertament li nies bħal Grima jagħmlu l-poeżija relevanti ħafna, u vuċi għal bosta.  Jitnikket quddiem l-inġustizzji u bħal pittur li fuq tila qed ipinġilna xenarji minn diversi pajjiżi minn kull rokna tad-dinja.  Għal xi wħud ħoloq mafkar ħaj. Isemmi fost oħrajn it-tifla ta’ Ratko Mladić li jingħad li wettqet suwiċidju wara li saret taf bl-atroċitajiet li wettaq missierha fil-Bosnja (“X’se tagħmel meta l-lejl jintemm?”, p.34). Fil-fehma tiegħi din hi waħda mill-aktar poeżiji f’din it-taqsima li fiha dawk l-elementi sbieħ li jsawru poeżija tajba.    Bl-istess mod ifakkar ġrajja li għalkemm setgħet intesiet minn xi wħud, Grima naqqaxha bil-pinna qawwija tiegħu biex ma tintesa qatt; qed nirreferi għal meta attivista Maltija Bianca Zammit, flimkien ma’ Hind Al Akra u Nidal Al Naql sparaw fuqhom waqt protesta paċifika f’Al Meghazi f’Gaża(“L-Inklinazzjoni tal-Balla fl-Unika Demokrazija Dik in-Naħa”, p.42).   Waqt li xi wħud sostnew li dawn kienu f’post fejn ma kellhomx ikunu, Grima jingħaqad fil-ħsieb ma’ dawk li ddeskrivew dan l-inċident bħala xhieda mhux biss tal-okkupazzjoni Israeljana fuq artijiet Palestinjani imma wkoll il-mod brutali kif qed jimxu ma’ dawk li qed jokkupawlhom arthom.  

Jempatizza ma’ dak il-bniedem x’imkien fid-dinja li ma jafx, imma qed ibati.  Fl-istess ħin ukoll jagħraf is-sehem ta’ diversi attivisti li jew mhux kullħadd sema’ bihom jew mhux kullħadd japprezza dak li għamlu.   Isemmi fost oħrajn lil Chris Mizzi tal-grupp Graffiti (p.46)  li qalulu biex ma jaqlax inkwiet fi protesta kontra Israel.   

Xeni mfissra fi kliem

Il-poeżija ta’ Grima hija bħal xeni mfissra fi kliem.  Aħbarijiet li x’aktarx mhux dejjem smajna permezz tal-mezzi tax-xandir.  Jgħaddina minn xena għall-oħra, sitwazzjonijiet differenti.  Il-lenti ma tħarisx lejn dak li nafu, lejn il-politiċi u mexxejja tal-pajjiżi, imma lejn id-dettalji li jaħarbulna u ftit li xejn ikollna ċans naħsbu dwarhom.    Tistħajlek bħal tisma’ l-biki tat-tfal, l-għajjat tad-dimostrazzjonijiet, tara quddiemek l-iġsma bla ħajja ta’ nies fil-Mediterran li nbidel f’ċimiterju, u tħoss l-istess biżgħat, u l-istess emozzjonijiet.  Biżżejjed inħarsu lejn il-poeżija “Il-Ġimgħa tibda bil-fdalijiet” (p.77) fejn “tħoss il-fdal tal-ħġieġ fuq is-swar”, “ttiegħem il-ħadid mat-tarf”, “xxomm mill-ġdid i-xgħir jiżżerżaq ġo griżmejk”, u “tisma’ l-ħġieġ maqbud jinħeles.” 

Is-saħħa fil-ħakma tal-kelma l-aktar li toħroġ qawwija fl-opinjoni tiegħi hija fil-karba u meta quddiem sitwazzjonijiet kiefra, l-poeta b’mod imqanqal jistaqsi “Għaliex?”.  

“X’se tagħmel meta l-lejl jintemm,
għal darb’oħra
u terġa tfiġġ id-dija?” (“X’se tagħmel meta l-lejl jintemm?”, p.34) 

Jħaddem lingwaġġ poetiku tajjeb ukoll sabiex jesprimi l-emozzjonijiet l-aktar dawk tal-imħabba.  Fil-fatt fl-opinjoni umli tiegħi, l-għażla tal-kelma toħroġ ħafna b’saħħtiha fit-taqsima “Kapriċċ”.  Minkejja li bosta poeżiji ta’ dan l-awtur iħarsu lejn id-dinja hemm barra, l-awtur għandu wkoll dak iċ-ċirku madwaru li huwa importanti għalih u dan huwa dak tal-familja tiegħu.  Vrusu jixhdu li fil-persuna li jħobb ruħu tistrieħ:

“Nintelaq f’leħnek
fit-tbissima ħabta u sabta ta’ ħaddejk.” (“Id-Dijaframma tal-Jiem”, p.22)

“qlugħ mimli bit-tbissima tiegħek, 
b’xufftejk,
bil-Majjistral skur jixgħel t’għajnejk” (“Qlugħ fuq it-Tbissima Tiegħek”, p.18).

L-istess naraw fil-poeżija “Għajnejk l-Alġier” (p.20):

“nistenna l-lejl jaħkimni 
It-triq teħodni, ir-riħ
nimtedd ġo fik, 
ninqata’ mill-qiegħ.” 

Waqtiet oħra juża ċerta umoriżmu sabiex jitnellaħ bl-elitiżmu ta’ xi wħud li donnhom jaħsbu li huma maqtugħin mill-kotra:  “Aħna mhux bħal Ġaħan Malti” (p. 31).

Permez ta’ dan it-ton umoristiku u sardoniku jġgħalna niġu konxji kemm hi ridkola li fil-politika partiġjana Maltija ma naħsbux rasna u nilbsu għamad li kull ma jagħmel il-partit tagħna narawh bħala tajjeb.  Mhux biss imma meta l-Partit tagħna jkun fil-Gvern kważi nibżgħu nikkritikaw dan l-istess Gvern għax nagħmlu ħsara lill-Partit.  Lil Claire Bonello li ġiet ikkritikata għax kellha l-kartellun f’idejha “Vote George, Get Lorry” waqt protesta tal-Flimkien għal Ambjent Aħjar, fl-2006 jgħidilha (p.51): 

“Fuq hekk ikkundannajtna Ms Bonello?
U mort tgħajjarna f’nofs dimostrazzjoni?
Għalhekk se mmorru timmarċjaw fit-toroq?
Biex tattiraw ix-xemx tal-attenzjoni?”

Naturalment dan jagħidu b’mod ironiku.  Għax l-artist ma jwarrabx il-prinċipji li jemmen fihom, ma jibżax isemma’ leħnu.   Forsi l-ambjent hija waħda minn dawk it-temi li fid-dinja kollha mhux dejjem tkun prijorita’ għall-politiċi.  Imma dak li ma jagħmilx il-politiku, jagħmlu l-poeta u jressaq dan fuq l-aġenda.   

Naraw ukoll bil-mod kif jiddeskrivi lill-Israel bħala l-“Unika Demokrazija dik in-Naħa” (p.42) waqt li jiddeskrivi l-kefrija fil-konfront tal-Palestinjani.      

Konklużjoni 

Il-punt tat-tluq ta’ dawn il-poeżiji huma l-ġrajja:  jitlaq mill-individwu u jibni madwaru dik il-ġrajja, dik il-persuna u l-prinċipji. Għalih kullħadd huwa importanti …kull refuġjat, kull paċifista li ssogra ħajtu, kull umanista, u fuq kollox martu li kienet l-ispirazzjoni ta’ xi wħud mill-poeżji tiegħu.  Fl-opinjoni tiegħi l-aħjar elementi poetiċi tiegħu joħoru f’dawk il-vrus fejn jesprimi l-ħsus l-aktar interjuri kemm dawk li ferrħuh kif ukoll dawk li nikktuh .  Fl-istess ħin iżda naraw ukoll ir-ritmu li hu karatterizzat mill-espressivita’, il-ħsejjes, u x-xenarji.  Il-poeżija mhijiex ermetika u diffiċli biex tiftiehem.  Grima f’dan il-ktieb jgħaqqad l-esperjenzi tiegħu, fosthom il-qari, l-istudju, l-attiviżmu soċjali, u l-esperjenzi ta’ nies differenti li ltaqa’ magħhom.  Dan il-ktieb għandu jqanqal interess u joħloq diskussjoni.