Iċ-Ċirasa: Praspar u Avventuri

Awtur: Mario Galea
Pubblikazzjoni: Kite Group

Ilna ħafna niddiskutu li wasal iż-żmien li nibdew nidħqu anke bil-politiċi. Kollox juri li dan il-pajjiż issa beda jimmatura politikament. L-Onor Mario Galea (li matul dan l-artiklu billi huwa l-awtur tal-ktieb se nsejjaħlu mingħajr it-titlu ta’ Onorevoli u dan naturalment b’ebda nuqqas ta’ rispett) kien minn ta’ quddiem sabiex idaħħal din is-satira politika. Biżżejjed wieħed jisma’ diversi diskorsi anke informali illi għamel dwar dan fuq il-mezzi tax-xandir.
Imma l-ewwel ktieb li rajna b’dawn l-aneddoti kien dak ta’ Tono Borg. Dan il-ktieb kellu daħla ta’ Lawrence Gonzi, dak iż-żmien Prim Ministru fejn iddeskriva dawn l-esperjenzi bħala “mumenti li jsebbħu l-ħajja politika” (XIII). Il-ħolma kellha ssir realta’ billi tgħaqqad l-aneddoti mal-illustrazzjonijiet ta’ Mark Schembri. Ta’ min jgħid li l-artist Mark Schembri, pittur illum stabbilit kien involut sew fil-karikatura politika anke fil-Karnival, meta wara ħafna snin, propju mill-1936 bdejna nitħarrku ftit u bir-rieda u l-entużjażmu tad-dilettanti immaterjalizzaw xi disinji ta’ Schembri. Wara s-suċċess tal-ktieb Nidħqu bina nfusna ta’ Tono Borg issa kien imiss dan il-ktieb iċ-Ċirasa ta’ Mario Galea. Dan il-ktieb, bħal ta’ qablu jikkonsisti f’numru ta’ artikli (160 b’kollox) li jafu l-bidu tagħhom snin ilu, propju fi żmien fejn il-poplu kien għadu ħafna aktar maqsum bħal żewġ tribujiet, (kif jgħid il-Professur Oliver Friġġieri) propju fl-1983. Ta’ min wieħed jgħid li dan il-ktieb l-awtur iddedikah lil ommu li kif jgħid huwa fid-dedika kienet taqta’ l-artikli ta’ Iċ-Ċirasa, titwihom pulit u terfagħhom f’suppiera li kellha fil-kċina.
Bħal fil-każ tal-ktieb ta’ Borg, dan il-ktieb ukoll għandu illustrazzjonijiet ta’ Mark Schembri u intoduzzjoni mill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi. Il-ktieb għandu wkoll daħla mill-awtur Trevor Zahra, ħabib tal-awtur kif anke nistgħu naraw f’xi artikli (p.44, p.92). Ċert li l-ktieb ser iġibilkom tbissima waqt li qed taqraw dawn l-esperjenzi, xi wħud jixhdu anke l-umanita’ tal-awtur li waqt li huwa politiku jibqa’ wkoll bniedem. F’oħrajn jirrakonta l-praspar li ltaqgħu magħhom sħabu, fosthom membri Parlamentari oħra. Naraw ukoll x’jiġri meta t-tabib Deo Debattista jagħmel pjaċir lill-anzjan żbukkat u jmur jixtrilu s-suppożitorji li iżda ma jgħaddux mill-kaxxa tal-ittri (p.52). U x’jiġri meta l-onoroveli Stephen Spiteri jinsa javża lil tfajla li negozjant kien se jċemplilha li sabet xogħol? U xi tkun ir-reazzjoni tat-tfajla meta dan jgħidilha li ser jiltaqgħu Albert Town il-Marsa (p.175)? Nitbissmu bl-innoċenza tat-tfal, fosthom ibnu li waqt attivita’ politika ma fehemx u allura m’aċċettax li lil missieru (l-awtur) jagħtuh in-number 1; minflok qallhom “lill-papa n-number 10 agħtuh” (p26). Imma imbagħad għandna lil Mario Galea il-politiku, u li tkun politiku ġġib magħha xi konsegwenzi wkoll! Fosthom dik tal-popolarita’ u li jkunu jafuk bosta nies li jkunu jafu n-numru tal-mobajl tiegħek. Naraw fost oħrajn meta jirċievi messaġġ “Ġina tinsiex titfi l-ikel” (p.157) naturalment bi żball. Jew meta jirċievi messaġġ suppost indirizzat lill-Eċċellenza Tiegħu Mario Grech Isqof t’Għawdex imma li bi żball bagħtuh lilu (p.156). Ma xtaqtx niżvela aktar minn dawn l-istejjer, imma waqt li l-ktieb magħmul biex tista’ taqra liema esperjenza trid, ninsab ċert li ħafna qarrejja darba jibdew jaqraw l-ewwel praspura ma jitilqux il-ktieb minn idejhom.
Sfida oħra għal dawn il-politiċi, minbarra dik li noħorġu mill-qafas tal-imgħoddi li żamm lill-politiċi f’bozza tal-ħġieġ fejn tidħol satira politika, huwa r-riskju politiku personali illi ħadu meta joħorġu fil-beraħ dawn l-istejjer. U anke hawn jien nara l-maturita’ politika, u l-kuraġġ ta’ dawn il-politiċi li ma jibżgħux li xi ħadd jista’ jinqeda bi storja jew oħra biex jitfa l-politiku bl-integrita’ tiegħu f’dawl ikrah. Anzi hawn naraw ukoll is-saħħa li toħroġ mit-tbissima li fiha nfisha hija għanja u tibni ħafna mal-profil politiku tal-persuna.
Jien ngħid ukoll li bħala rappreżentanti tagħna, meta l-mexxejja politiċi jidħku bihom infushom ikunu qed iwasslulna messaġġ b’saħħtu anke bħala soċjeta’.
It-tnedija ta’ dan il-ktieb saret propju fil-bini tal-Parlament u kienet indirizzata mill-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia. Preżenti wkoll il-President Emeritus Eddie Fenech Adami u l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi flimkien ma’ deputati miż-żewg naħat tal-Kamra.

(Paġna Letterarja 29 ta’ Novembru 2015)

Leave a Comment