Sonya

Awtur: Elio Lombardi
Pubblikazzjoni: BDL

Il-kotba ta’ Elio Lombardi huma bil-wisq imfittxija mal-qarrejja tagħna kif ukoll mal-biċċa l-kbira tan-nies. Fil-fatt illum qed nippreżentawlkom dan ir-rumanz, Sonya, li kellu 3 edizzjonijiet differenti, l-aħħar waħda fit-2014. Tant kien suċċess dan il-ktieb li Lombardi kiteb ukoll it-tieni ktieb Bint Sonya li ċertament ser inkun qed nikteb dwaru fil-jiem li ġejjin. Mhux l-ewwel darba li xi qarrej ta’ din il-paġna jistaqsini partikolarment għal xi rumanz ta’ Elio lombardi: “Meta ser iġġib xi rumanz? Xi wieħed tajjeb ta’ Elio Lombardi?” Għaldaqstant ser inkun qed naqta’ wkoll ix-xewqa tal-qarrejja u naġġornakom b’xi xogħlijiet ta’ dan l-awtur, attur kif ukoll produttur ta’ bosta films popolari u segwiti ferm. Fil-fatt minkejja l-isfidi l-aktar żviluppi fit-teknoloġija u riżorsi ferm akbar minn tiegħu, Lombardi baqa’ joħroġ numru ta’ films u jien natribwixxi s-suċċess l-aktar għall-pinna tiegħu.
Storja ta’ Elio Lombardi żżommok imwaħħal magħha u ma titlaqiex minn idejk sakemm tlestiha. Bosta drabi l-kitba tiegħu tkun imħawra b’bosta elementi fosthom l-imħabba, xi inċident u pulizija. Fl-istess ħin imbagħad il-kitba tiegħu, hekk kif tidher anke f’dan il-ktieb hija waħda mexxejja, diretta u mingħajr ma tħawwad il-qarrejja. Madanakollu hemm ħafna pożittiv fl-istil ta’ Lombardi u li nistgħu ngħidu wkoll li huwa ta’ eżempju tajjeb fil-letteratura. Elio Lombardi, (u issa anke ibnu Ġino), għandu l-ħila li jħaddem l-ilsien Malti sew, b’mod naturali, u mill-kitbe tiegħu wieħed jista’ jduq il-benna hekk kif toħroġ minn fomm il-Maltin. Irrid ngħid li l-fatt li l-għażla tal-kelma mhijiex sfurzata, jinħass sew. Id-diskussjoni dwar jekk il-kelma użata bil-lingwa Ingliża hijiex fil-virgoletti jew miktuba fil-korsiv (kif aktarx jagħżel Lombardi) jew jekk saħansitra ma jsegwu l-ebda forma li hemm xi forma ta’ qbil dwarha, kważi nazzarda ngħid li huwa irrelevanti għax dawn il-kotba tant huma miktubin b’Malti mħaddem sew li l-attenzjoni żgur mhux se taqa’ fuq dik il-kelma b’lingwa barranija. Għaliex ta’ min jgħid ukoll li Lombardi lanqas għandu xi preġudizzju lingwistiku bħal dak tal-Malti safi imma speċjalment it-taħdit huwa dak li wieħed jisma’ fil-ħajja ta’ kuljum. Għaldaqstant il-qarrejja jħossuhom kważi qed jaraw xi film. Mhux ta’ b’xejn li dan l-awtur bosta drabi jikteb hu stess il-kitba għall-films tiegħu.


Il-ktieb huwa maqsum f’żewġ partijiet, waħda tkompli fuq l-oħra. Imma fit-tnejn li huma jinħassu żewġ elementi li nidentifika bħala importanti f’dan ir-rumanz. Fir-rumanz naraw li (a) mis-sema l-isfel kullħadd l-istess, irrispettivament mill-klassi soċjali (b) L-imħabba tirbaħ fuq kollox.

Mis-sema l-isfel …
Mis-sema l-isfel kullħadd ħadd mhu ħieles mill-għawġ. Fil-bidu tar-rumanz naraw l-isfortuna tal-imsejkna Sonya wara li missierha tilef kollox u spċċat kellha tiżżewweġ lil persuna li ma kinetx tħobb (p.8). Fit-tieni parti imbagħad naraw kif Philip, il-persuna li laqatha bil-karozza, liema inċident kellu jlaqqagħhom flimkien, kellu jispċċa arrestat fil-Libja (p.183). Ninnutaw ukoll kif id-dinja rota u dak li jidher li jkun miexi kollox ward u zahar jaf jinbidel f’ħakka t’għajn.
Fil-fatt huwa minnu li fir-rumanz hemm ċerta elementi letterarji komuni ħafna, ngħidu aħna li xi ħadd sinjur jispiċċa jiftaqar (Ġorġ, missier Sonya, p.8) . Hemm l-element ukoll tat-tajjeb u l-ħażin. Victor ngħidu aħna “bniedem ta’ intern ħażin u ma kienx minn dawk li jinsa malajr” (p.57). F’Malta, pajjiż kattoliku wieħed ma jistax ma jżidx ukoll il-preżenza tas-saċerdot (Dun Peter) li baqa’ ma’ Ġorġ sal-aħħar mumenti (p.7) u naturalment kien huwa li żewweġ lil Sonya ma’ Philip fl-aħħar tal-ktieb (p.252).

L-imħabba tirbaħ fuq kollox

Fil-ktieb insibu diversi intriċċi. Victor jibqa’ jsegwi l-passi ta’ Sonya. Il-ġenituri ta’ Philip ma jaċċettawx fis lil Sonya, naturalment minħabba li ma jitħalltux ma’ sefturi. Imma l-imħabba tirbaħ fuq kollox. L-imħabba m’għandix fruntieri, m’għandiex razez, m’għandiex klassijiet soċjali u kif jgħid San Pawl fejn hemm l-imħabba “Igħibu l-profeziji, jisktu l-ilsna, igħib il-għerf” (1 Corinthians 13:8) Ir-raġel li laqat lil Sonya bil-karozza kellu jkun is-Sur Philip Debono li kien tat-tajjeb. Għaliex xi ħaġa oħra li qisu naraw f’dan il-ktieb huwa kif Alla jipproponi u l-bniedem jiddisponi. Il-pjan tal-missier Ġorġ, kien, kif fehem huwa b’qalbu u mhux b’moħħu mhux wieħed fattibli. Sonya, miexja b’ħafna ħsibijiet imma kellha tiltaqa’ ma’ dan Philip propju f’inċident. Naturalment kellha tkun Sonya wkoll li kellha imbagħad tmur il-Libja sabiex tiltaqa’ u ġġib lura lil Philip. U l-laqgħa tagħha ma’ Ester (p.211) kellu jkun il-bidu sabiex tibda’ t-tiftixa u fl-aħħar Philip jinġieb lura.


Konklużjonijiet
Il-ktieb huwa ambjentat fi żminijiet ferm differenti mil-lum. Dettalji tal-Libja qabel il-gwerra kiefra ta’ dan l-aħħar li ma ħallietx warajha ħlief ħerba u dmija narawhom fil-bidu tat-tieni parti ta’ dan il-ktieb (p.153). L-elementi ta’ suspens ma jonqsux. Min qatel lil Nadia Black? U għaliex weħel Philip? Rumanz illi kif għidt fil-bidu mhux se jiddiżappunta. Il-popolarita’ ta’ dawn ir-rumanzi, li joffrulna l-BDL, huma xhieda fiha nfisha għal dan.

Paġna Letterarja, It-Torċa, 18 t’Ottubru 2015

Leave a Comment