Sarah Cachia flimkien ma’ Kristina Chetcuti
Pubblikazzjoni: Merlin
Waqtiet il-ħajja bħal baħar kalm bħaż-żejt imma f’salt il-ħalel jitqawwew u jaqilgħu saħansitra l-blat u r-ramel minn max-xtajtiet. Filli bħal donnok waqt kunċert ta’ mużika ħelwa meta ħoss qawwi kbir jaħsdek. Imma imbagħad jgħaddi ftit taż-żmien u l-baħar jerġa’ jikkalma u terġa’ tisma’ l-mużika ħelwa li kont tisma’ qabel. Forsi mhux eżatt, għax wara l-maltempata x-xtajta tisbieħ.
L-esperjenza tal-ħajja wkoll tkabbrek, timmaturak, u l-ħajja tibda tagħtiha ħafna aktar valur. Tagħraf kemm bosta drabi ninħelew fuq frugħat li ma jfissru xejn. Waqt li ma nimpressjonax ruħi b’min jaħseb fil-ħajja li qiegħed fuq xi pedestal, ħdejn nies bħal Jacob u ommu Sarah niċċekken u nħoss li ħaqqhom l-akbar rispett.
Dan il-ktieb, Jacob, huwa testomonjanza qawwija: Esperjenza tal-ħajja rakkontati mill-omm, Sarah, l-awtriċi ta’ dan il-ktieb. Jacob, tifel ferrieħi, ftit kolt u qed jistudja għall-eżamijiet fil-livell ordinarju. Jum kiesaħ f’Jannar 2013: Dan kien il-jum li biddel il-ħajja ta’ familja. Kollox bla mistenni. Dak li kien jidher fil-bidu li se jkun riħ komuni kien fil-fatt meningoencephalitis, infezzjoni rari ħafna li tattakka l-moħħ b’mod kiefer. ITU, MRI (p.35), CT scan (p.36, 42), operazzjoni (p.37), koma sabiex ma ssirx aktar ħsara fil-moħħ (p.48), kollox beda jseħħ b’mod mill-aktar mgħaġġel (p.37). Jacob bata u bata ħafna. Beda jiżen mhux aktar minn 44 kilo (p.79). Id-deċiżjoni iebsa li jekk ma toperax jista’ jmut u jekk toperah ukoll jista’ jmut (p.57). “Mulej, agħmel li jgħix” (p.63) kienet it-talba spontanja li dejjem kienet toħroġ bil-qalb minn fomm Sarah. Diversi mument qawwija u iebesa li jqabbżulek demgħa minn għajnejk bħal meta Jacob jgħid lil ommu sabiex tikteb l-istorja ta’ ħajtu (p.74). Dan il-kliem ħasadha mhux ftit għax wisq tibża’ li qed iħoss li mhux ser jgħix. Jacob kien jeħtieġ Titanium plate (p.82) sabiex billi parti mill-iskutella tar-ras kelha titneħħa sabiex issalvalu ħajtu. Familja bħal ta’ Jacob tieħu l-ħajja bi tbissima anke f’waqtiet mill-aktar diffiċli u naraw ukoll li bdew isejħulu Titanium Man propju kif iġib is-sottotitolu ta’ dan il-ktieb. Wieħed ma jistax ma jammirax ukoll il-kuraġġ kbir ta’ Jacob li saħansitra fl-aktar waqtiet iebsa kien jiċċajta (p.75). Li jintlaqat il-moħħ mhux ċajta u l-konsegwenzi jistgħu dejjem ikunu gravi.
Il-qalb tal-Maltin hija kbira wisq u dan narawh bl-appoġġ li sab mill-iskola fejn kien jattendi, il-Kulleġġ Santa Margerita tas-Subien ta’ Bormla (p.87). Survivors Malta (p.98). Fuq kollox l-istaff kollu tal-isptar kemm Mater Dei kif ukoll Karen Grech li ta’ min ifaħħarhom għall-professjonalita’ u dedikazzjoni tagħhom. Mill-banda l-oħra wara trawma issib ruħek waħdek. M’hemm l-ebda tagħrif fil-kotba kif iġġib ruħek f’sitwazzjonijiet partikolari li tista’ tgħid ħadd ma jkun għadda minnhom. Imma b’ħafna kuraġġ, għajnuna u pożittivita’ Jacob spiċċa minn ta’ quddiem sabiex saħansitra jgħin lill-oħrajn fil-ġbir għall-Istrina (p.105).
Ikolli nammetti li f’xi partijiet speċjalment kapitu 3 sa 5 kienu ibsin. F’xi waqtiet kważi jħallik bla nifs għaliex bħal donnu l-ktieb idaħħlek fil-ġrajja u tgħix ukoll dak il-mumenti. Madankollu l-ktieb huwa wieħed pożittiv. U l-pożittivita’ mhux biss fl-aħħar kapitli imma sa mill-bidu nett għaliex dan kien il-mod kif Jacob u l-familja tiegħu kienu jħarsu lejn il-ħajja u jgħixu u jegħlbu l-aktar mumenti diffiċli.
F’isem it-Torċa tkellimt ma’ Sarah Cachia, omm Jacob u l-awtriċi ta’ dan il-ktieb. Qaltilna hekk: “Aħna minn dejjem għidna l-istorja tagħna lill-media sabiex ngħinu lil ħaddieħor. Pprovajna nilħqu familji oħra bħal tagħna li salvaw minn trawma kienet x’kienet u saħansitra qed jgħixuha u għalhekk aħna nsibu s-saħħa f’xulxin permezz ta’ kliem ta’ serħan u li nifhmu lil xulxin. Jacob sar xempju ta’ tama għall-morda u jispira ħafna bil-viżjoni pożittiva tiegħu tal-ħajja li jwassal messaġġ li qatt m’għandek taqta’ qalbek! JACOB – MY TITANIUM MAN tirrakonta l-istorja ta’ familja u kif salvajna mit-trawma biex inqawwu qalb dawk kollu li jfittxu li jiġu ispirati!”
SKM_C300i211021180400-rotated-1 SKM_C300i211021180500-rotated-1