Epistoli mid-deżert

Awtur: Mario Azzopardi 
Pubblikazzjoni:  Horizons 

Lil Mario Azzopardi sirt nafu għall-ewwel darba bħala għalliem fil-Liċeo Ġan Franġisk Abela.  Azzopardi kien minn ta’ quddiem jinkoraġġixxi xi studenti jippublikaw xi xogħlijiet fir-rivista Analiżi li kien joħroġ flimkien mal-qatt minsi Ġorġ Mifsud Chircop.  Dak iż-żmien ma bqajtx nara lil Mario Azzopardi bħala l-awtur “tal-eżami” billi naturalment studjajt xi poeżiji tiegħu imma bdejt narah bħala artist ġenwin, poeta ribelluż li ma jiktibx biex jintogħġob mill-kotra imma fejn għandu jikkritika ma jaħsibhiex darbtejn.    Fl-2009 meta kont ser noħroġ il-ġabra ta’ poeżiji tiegħi “24, Triq Ħad-Dwieli” issuġġerewli kif inhi d-drawwa li nkellem lil Mario Azzopardi sabiex jiktiblu kelmtejn – xi ħaġa li dak iż-żmien ma kelli ebda ħsieb li nagħmel.  Għaddieli minn rasi wkoll li ma kienx ser iweġibni għaliex Mario Azzopardi kif nafu jien, ikun jixtieq jara livell għoli fix-xogħlijiet tiegħu u anke dawk tejatrali illi jtella’.  Fl-2013 bħal Charles Briffa li kiteb l-analiżi għal dan il-ktieb ukoll mort inżur lil Mario Azzopardi wara żmien diffiċli illi għadda minnu l-isptar.  Naqbel ma’ Briffa li sibt lil Mario dgħajjef fiżikament imma f’moħħu kellu numru ta’ proġetti illi bdew għaddejjin minn rasu fosthom il-ktieb Verġni Sagri, Demonji, u Boloh għal Alla – Kitbiet dwar it-Teatrikalita’ Reliġjuża.  Inħoss li bħala awtur qatt ma roddejt lura dak li Azzopardi tana bħala awtur, poeta, direttur teatrali u kritiku tal-arti Malti.   Kienet ilha tberren f’moħħ Azzopardi wkoll li joħroġ ġabra ta’ poeżija wara xhur iħarbex xi vrus sabiex iserraħ lilu nnifsu minn dawk il-waqtiet koroh u anke sbieħ li ġarrab.

Hemm żewġ modi kif nista’ naqra ġabra ta’ poeżiji.   Nista’ nagħmel analiżi studjata u dettaljata li tidħol fil-profond tal-ħsieb ta’ Mario b’lenti filosofika u nikteb studju kritika letterarju li jagħti ħarsa lejn il-metafora użata f’dan il-ktieb.  Il-Professur Charles Briffa jagħti ħarsa estensiva lejn dan ix-xogħol fil-bidu ta’ dan il-ktieb u bl-ebda mod u mhux l-għan ta’ dan l-artiklu qasir li jagħmel l-istess taħriġ.  Nista’ wkoll iżda naqra l-poeżiji u nħallihom iwassluli l-ħsus tal-awtur, nempatizza mal-awtur fil-mumenti diffiċli tiegħu, nassoċja ma’ xi prinċipji li jħaddan l-aktar dawk soċjali u nitpaxxa bil-mod tejatrali li bihom jippreżenta dan ix-xogħol.  Wara kollox dan huwa l-għan ewlieni tal-poeżija u permezz ta’ din il-paġna nħeġġeġ li naqraw poeżija anke dik li narawha “diffiċli”, kif komunament jingħad biex infissru l-użu ta’ metafori li jersqu lejn is-simboliżmu li jistgħu joħolqu barrieri estranji bejn l-awtur u l-qarrej.  Jien nippreferi li nitpaxxa bil-mużikalita’ li toffrilna l-poeżija u naffaxxina ruħi bid-deskrizzjonijiet, l-mod kif mod mirqum l-awtur iwassal it-tqanqil, l-emozzjoniiet u t-tnebbih tiegħu. 

“Awtoritratt”

Naqbel mal-Professur Briffa li f’dan il-ktieb Azzopardi ma jagħtiniex awtobijografija (l-endagame ta’ awtoritrattist) imma dak li hu jsejjaħlu “awtoritrattist”.  Fil-fatt Azzopardi għandu ħabta wkoll iħallat l-istħajjil mas-serħan tal-qalb.  Imma l-istess kitba tiegħu tikxef il-karattru tiegħu għaliex il-poeta ma jistax jaħbi.  Żewġ aspetti li joħorġu f’dawn il-poeżiji huma l-impuls ribell tal-awtur distakkat mis-soċjeta’ konformista’ u fl-istess ħin il-ġenwinita’ tal-poeta li jempatizza mal-emarġinat daqs kemm ukoll jgħin lil dak l-istudent li qed isib diffikulta’ fl-istudju tiegħu.   

Azzopardi ma jħobbx jinċensa u wisq aktar ser iħabbel rasu li jfuħ ma ‘xi wħud.  Kif jgħid hu stess:

“Il-poeżija tiegħi ma tinkitibx
għat-turnamenti
tad-dutturi.
Ma titlobx patronċinju …
jew
biex tidlek il-qaddisin.
M’hijiex ruffjana sponsorizzata
l-poeżija tiegħi” (Abbozz għall-poeżija tiegħi, p. 34).

Ta’ min jgħid, għalkemm huwa magħruf fost dawk li xi darba jew oħra studjaw il-letteratura, li Azzopardi kien pijunier fil-Moviment Qawmien Letterarju li tbiegħed mill-iskemar riġidu u anke mir-romantiċiżmu.  Imma jien ngħid anke fi żmien tal-lum, Azzopardi li issa huwa stabbilit u sar punt ta’ referenza letterarja baqa’ dak il-poeta li ma jridx ikun “ornament quddiem l-ikoni u lanqas patrijarka fl-oqsma tal-litterati li jħitu l-ħolm mal-qerq tal-ħrejjef” (Il-poeta fit-tarf tal-pont, p.50).  Mhux biss, imma bħala artist ġenwin lanqas jinteressah miċ-ċerimonji letterarji li jonfħu lil xi wħud, waqtiet nazzarda ngħid b’responsabbilta’ kbira anke jekk il-livell ma jkunx dak mixtieq u ma jispiċċawx għajr tijatrini superfiċjali.  Azzopardi huwa ġenwin u jikteb għax iħoss il-bżonn.  Ma jħares lejn wiċċ ħadd.  Dan jgħidu ċar u tond fil-poeżija Il-poeta fit-tarf tal-pont:

“Ma ridtx nidħol fi skemi passivi, 

u la kelli bżonn l-unuri 

la t-titli 

w lanqas vanitajiet ikkastjati f’medalji” 

Azzopardi jgħarrex għall-verita’.  Huwa kontra d-dommatiżmu, impożizzjoni ideoloġika jew reliġjuża, sa ċerta punt anti-klerikali imma jgħarrex fid-deżert ta’ ruħu u jfittex is-sewwa. Il-poeta bl-għatx tal-ġustizzja u l-verità u  “jimxi lejn id-deżert”(Il-bieb taż-żonqor, p.3).  

Kif għidt f’din l-introduzzjoni, Azzopardi għen lil ħafna nies anke fid-divers karigi li ħaddan.  Fl-1979 waqqaf il-Lyceum Youtħ Tħeatre, formazzjoni ta’ studenti żgħażagħ li ħadmu fuq proġetti estensivi.  Ħadem għal diversi snin fid-Taqsima tad-Drama fi ħdan il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni.  Madankollu din l-għajnuna mhux dejjem tiġi reċiprokata.  Fil-mard tħoss is-solitudini, tħossok imwarrab mill-kotra li inti tant tkun għint.  “Telaq kullħadd” jgħid għal bosta drabi fil-poeżija “Sfajt Hawn f’din l-Għomma” (p.10), bir-repetizzjoni intenzjonata, qawwija u immersiva. Bħal Imgħallem fil-ġnien tal-Ġetsemane jħossu mwarrab. Iġagħlna lkoll nidħlu f’qoxortna, tant li nistqarr li għaddieli bejni u bejn ruħi kemm anke jien kont hemm miegħu fil-mument diffiċli. Isostni:  “Telaqni min daħħalt u raqqadt f’dari” u “Telaqni min ġbartlu ħwejġu mit-triq”.    “Issa kollox inġabar hawn, fl-intern tiegħi”  jgħidilna fil-poeżija  Dak li deher immedjat (p.7).  

Mhuwiex il-każ iżda li Azzopardi huwa poeta pessimista.  Huwa poeta li joħlom f’dinja aħjar u jittama li xi darba għad ikun hawn għal dejjem is-sliem. Anke marid u magħkus fis-sodda tal-isptar, moħħu jewdhen fuq soċjeta’ aħjar ħielsa mill-għanqbut tal-imgħoddi (F’nofs il-ktieb, p.166).   Imma fl-aktar waqtiet diffiċli “trid temmen li s-sala mhux bilfors hi l-ante-kamra tal-mewt fejn jistennik it-tnegħid deżolat tal-endgame ta’ Beckett” (Trid tibqa’ temmen, p.131).  Dan il-kliem iqawwi qalb ħafna dawk li jkunu għaddejjin minn żmien ikrah l-isptar, u “wara li tkun fhimt li laqtek il-kolp li jservi l-istatistika medika”, “trid tibqa’ determinat li l-għasfur jista’ jerġa’ jirxoxta mill-irmied” (Trid tibqa’ temmen, p.131).  

Poeżiji soċjali u ta’ dissidenza

Huwa għajb jekk iċ-ċokon ta’ pajjiżna u l-insularita’ ġġgħalna waqtiet anke lilna l-artisti ningħaqdu fi ċrieki taċ-ċrieki, u nagħlqu ħalqna kontra l-inġustizzji sabiex kif inħokku dahar min jista’ jgħinna għada pit għada nimxu ‘l quddiem.   Fil-poeżija t’Azzopardi, għall-kuntrarju, tinħass sew ir-rivalita’ qalila kontra l-konformiżmu, il-konservatiżmu, u l-moffa mentali.  Fil-poeżija Is-subborg fejn tnisslu niesi , p.64 jikkritika “saċerdoti lebsin dbielet irrakmati”   kif ukoll:  

“politiċi trasvestiti 
lewn il-marċ tal-banda 
mixjin lejn l-arka trijonfali 
mal-kunsillera 
u l-maġistrati” 

Azzopardi għandu kliem iebes kontra l-politiċi li jitqiegħdu fuq pedestall u wara l-elezzjoni bħal donnu jinsewk.  Jikkritika s-sistema politika li bilkemm tista’ tikkritikha, għax ngħiduha kif inhi, jew demokrazija jew le.   Jippretendu li “tgħix fis-skiet”, “tiċċassa w tbaxxi rasek” u skont huwa lilek “kitbuk fir-reġistru tal-irrelevanza” (Il-ballata taċ-ċittadin passiv, p.32).  

Ma jiddejjaq xejn li jagħti tbeżbiża lill-awtoritajiet, għaliex jaf tajjeb li huwa dover morali tal-poeta li jwissi fejn jara n-nuqqas .  Għaliex wara kollox kif nintemmu min din l-art ma nibqgħux magħrufa għax bqajna passivi.   L-awtur għandu ammirazzjoni kbira wkoll lill-ħassieba li b’kitbiethom u ħsibijiethom ħaduha kontra l-arroganza tal-poter u għalqu qalbhom għall-qalba muġugħa tal-imwarrbin.    Dawn il-ħassieba neħħew l-għanbut tal-imgħoddi li żamm l-istatus quo u l-klassi privileġġata.  Isemmi lil Voltaire (p.27), lil Vassalli (p.28) u oħrajn, bħal donnu jrid iwassal il-messaġġ li jixtieq jassoċja magħhom. 

Ma jistax jonqos li jitkellem dwar ir-“Rebbiegħa Għarbija” (p.67), “l-apokalissi ta’ Gaża” (p.53),  dwar u dawk li moħħhom biex “isawtu lis-suwed tad-dgħajjes li jaslu maħrubin” (Jien naf gżira, p.59).   U hawn ukoll nara ħafna relevanza fil-poeżija ta’ Azzopardi, li qatt ma jinqata’ minn dak li jkun għaddej madwaru.  Huwa għajb, ikolli ngħid, li xi drabi diffiċli tara poeżija li tħoss il-polz ta’ popli oppressati saħansitra fejn hemm it-tixrid ta’ demm. 

Konklużjoni 

Mario Azzopardi jisfida l-konformiżmu fi gżira ipokrita u ́desensitizzata u jikteb dawn l-“epistoli” sabiex iwassal dan il-messaġġ.  Diġa għamel dan b’ħafna modi, b’diversi azzjonijiet li ħa, bi kliemu u mġiebtu.  Imma l-poeżija għandha ċerta permanenza u b’dawn l-“epistoli” jixtieq li jwasslilna dan il-ħsieb għal dinja aħjar.  

Nagħlaq billi ngħid li dan il-ktieb nieħdu bħala tbeżbiża għalina lkoll.  Ejja ma ninħlewx fiċ-ċerimonji u nistordu bl-irwejjaħ tal-inċens u nwarrbu dak li huwa dmir tagħna l-kittieba li bil-pinna tagħna nwasslu vuċi lil min m’għandx.  Ejja ma nkunux aħna mehdijin bit-tifħir u nitilgħu fuq pedestall waqt li aħna stess qed niġu nċensati bla ma nkunu aħna stess kritiċi-riflessivi kontra l-abbuż tal-poter ġej min fejn ġej.  

Tajjeb li fil-librerija tagħna jkollna ktieb ta’ Mario Azzopardi.  Dan il-ktieb li ħareġ f’għeluq is-sebgħin sena tiegħu jiġbor ħafna mill-istili u ħsibijiet li dehru f’ġabriet oħra tiegħu.  Il-qarrej, kif għidt fil-bidu, għandu jħalli l-poeżija waħidha ssaħħru bi xbihat waqtiet disturbanti, metafori ispirati minn dawk sagri u misiċi.  

Dan il-ktieb jista’ jinkiseb mill-ħwienet ewlenin jew mis-sit http://www.horizons.com.mt.

Leave a Comment