Awtur: Immanuel Mifsud
Pubblikazzjoni Klabb Kotba Maltin
Jutta Heim. Erik Xerri li qatt ħajtu jiġri warajha, jfittixha, jaqsam il-Germanja tal-Lvant, propju fejn ftit kienu jmorru. Jibgħatilha l-ittri u ma tweġbux. Għeja. Terraq. Imma meta naraw kif issegwi l-istorja tagħna (p.141) naraw li Erik Xerri miet fl-1 ta’ Settembru 2013 fil-preżenza ta’ Monique u bintu Mildred. Imma Jutta Heim mhux imniżżla mal-karattri prinċipali. Għax kif insibu fil-kopertina, din “mhijiex l-istorja ta’ Jutta Heim”.
Żewġ ħsibjiet prinċipali għaddew minn rasi kif qrajt u waqt li bdejt naqra dan il-ktieb. L-imħabba hi tant għażiża li mhux dejjem naprezzawha. Hija bħal teżor li tkun lest tgħarrex f’kull rokna tad-dinja sabiex tilħqu imma ġaladarba jkun għandek bħal tinsieh. Twarrbu. Hekk ukoll il-liberta’ u d-demokrazija rridu naħdmu qatigħ, nifhmu minn fejn tlaqna u kemm tbatija ġarrbu ta’ qabilna. Jutta mhux bħat-tfajliet l-oħra li Erik iltqa’ magħhom. Jutta ma tagħtux wiċċ. Lest li jitħabat sabiex ifittixha. U forsi hemmhekk verament japprezzha. Erik huwa dak il-persuna li mhux dejjem jagħti valur dak kollu li hu sabiħ. Lisa tagħtu ħafna. Mardet (p,41, p.84). Ma jagħtix każ lanqas ta’ ommu u tal-familja tiegħu (p.43). Meta titlef it-teżor li jkollok f’idejk, tibqa’ tiġri warajha anki jekk “kerha, b’sinjal li xi darba kienet sabiħa” (p.17).
Paralleliżmu ma-xena lokali f’Malta
X’kien hemm ikrah fil-lvant? “Wara l-ħajt hemm dinja oħra?” (p.12) fejn “ma jisparaw lil ħadd għax ħadd ma jrid jiġi ‘l hawn” (p.12) [Eric]. Il-kruha, imfissra bosta drabi permezz tal-“griż” tal-bini (p.8), tal-pjazza (p.17), tas-sema (p.9), għajnejn il-mara (p.136) u bosta tixbihat mehuda mid-dettalji tal-ħajja ta’ kuljum bħar-“riħa sħuna ta’ elettriku maħruq” (p.14) ngħidu aħna. Insibu wkoll bosta botti sottili bħal meta jistaqsi t-tifla jekk lit-teddy bear isemmihx Honecher u din tgħidlu “Jaqq” (p.16) . Sentenza waħda minn fomm Jutta tiddeskrivi din il-kruha: “Hawnhekk ħadd ma jerġa’ jiġi” (p.13). Sentenza iebsa, li lili tfakkarni fil-vers “The Dream is Over” (John Lennon, God) li kienet tfisser it-tmiem tal-era tal-Beatles. Mill-qtigħ il-qalb, l-awtur joħloq it-tama, l-istennija, u magħha bosta tensjoni. Is-sitwazzjoni ta’ tensjoni fil-Ġermanja ta’ wara l-ħajt (p.22) tittama għal ħajja aħjar kienet fl-istess żmien ta’ vjolenza f’Malta u tama għal aktar liberta’. Fis-snin tmenin wieħed jiftakar ukoll il-qtugħ tal-provista tad-dawl (p.17), tfittxija fil-bagalji (p.7). Nagħmilha ċara li dan mhux ktieb politiku imma l-awtur b’maturita’ kbira ħafna u livell għoli ta’ profondita’ jdaħħal il-qarrej fis-sitwazzjoni biex mill-istess sitwazzjoni jibni l-ġrajja.
Il-ktieb ta’ min ngħidu li jirreferi għal tliet epoki importanti fl-istorja ta’ pajjiżna: (a) is-snin sittin karatterizzati mid-dnub il-mejjet (p.32), is-snin tmenin li diġa tkellimna dwarhom u ż-żmien tal-lum fejn jalludi għalkemm mhux b’mod dirett għar-rebħa laburista tal-2013 (p.113) fejn Erik intalab jagħti daqqa t’id f’dan il-moviment li ma kienx eżatt bħal dak li kien jimmilita fih missieru (p.114) . Imma Eric issa marid u aktar moħħu dwar dak li kien għaddej minnu … u dwar Jutta.
“Wara l-ħajt hemm dinja oħra?” (p.12)
Paralleliżmu mal-imħabba tiegħu u l-ħajja personali tiegħu
Mill-ambjent lokali, donnu l-awtur joħloq xebh mal-ħajja personali tal-karattri illi jippreżenta. Il-qtugħ tal-provista tad-dawl, li kien komuni fis-snin sebgħin u tmenin (p.17) ukoll jista’ mqabbel ma’ dak li kien qed jesperjenza Erik f’ħajtu b’mod personali (p.34). “Alexanderplatz griża u kbira. U fqira. U sabiħa għax miskina” (p34) kwotazzjoni mill-ktieb li laqtitni ferm għax tabilħaqq li fid-dgħjufija tagħraf il-kobor u s-sabiħ. “Kerha, b’sinjal li xi darba kienet sabiħa. Ġeneralment griża. Kwieta Mhux kwieta, muta” (p.17). Hekk jiddeskrivi Eric lil Berlin. Propju bħal ħajtu u r-relazzjoni tiegħu ma’ Alexandra. Hemm xebh kbir bejn il-“vojt” u “t-toroq griżi” ta’ Alexanderplatz (p.17) mar-relazzjoni tiegħu ma’ Alexandra, martu. Hawnhekk l-awtur jinqeda mhux biss bil-griż imma anke bl-iswed (“L-iswed ta’ madwarhom”, “jibqa’ jħares lejn l-iswed” p.17). Dak l-iswed insibuh ukoll fil-fetħa tal-metro’ fejn ra lil Jutta għall-aħħar darba (p.24). Waqt li fuq it-televixin Eric qed jara lin-nies jiggranfaw mal-ħajt (p.21, p.41) bla ma jagħti każ martu, bla ma jagħti każ ommu ninnutaw l-istess tama.
Jidhirli li b’dawn it-tliet epoki mill-istorja ta’ Malta u anki l-istorja barra minn xtutna, Mifsud isaħħaħ kemm l-universalita’ kif ukoll l-oġġettivita’ tal-bniedem u dawk il-valuri li m’humiex marbutin la maż-żmien u lanqas mal-lokal. Għaldaqstant qed joffri ħarsa kemm b’mod orizzontali u kemm b’mod vertikali lejn ir-raġel forsi ftit egoist li mhux dejjem japprezza dak li għandu u lil ħaddieħor.
“Alexanderplatz griża u kbira. U fqira. U sabiħa għax miskina” (p.34).
Teatrali u interattiv
Kollox donnu staġun teatrali: il-palk jintrama u jerġa’ jiżżarma għall-ispettaklu li jmiss; jinfetaħ siparju u jingħalaq ieħor, jingħalaq u jerġa’ jiftaħ b’xenarju ġdid” (p.13) Hekk hi l-ħajja bħa teatru. Hekk hi l-imħabba, għallinqas għal Eric.
Imma ħadt spunt mill-metafora tat-teatru u lil hinn minn kull tixbiha jew allegorija mal-ħajja, meta taqra dan il-ktieb tistħajlek qiegħed quddiem il-palk. Il-Ktieb jgħaddina minn xena għall-oħra, daqs li kieku qed tara xi dramm fuq il-palk. Jiddeskrivi bir-reqqa u ċerta dettalji bħal-bini, espressjonijiet, il-loqom tas-sigarretti li faċli ġġib quddiem għajnejk u tistħajjel dak li għandu f’moħħu l-awtur. Mifsud ma jaqbżulux lanqas il-movimenti u l-espressjonijiet tal-wiċċ.
Poetiku
Permezz tal-griż jiddeskrivi dak li hu medjokri, dak li jkun jixtieq jinbidel. Naraw ir-“raġel tal-libsa griża” (p. 8), it-“tmien sular tal-blokka griża” (p.8), “is-sema griż” (p.9) u “għajnejn il-mara” (p.136).
Dawn bħal donnu huma f’kuntrast ma’ Jutta Heim, “xagħrha isfar, twil u lixx” (p.9). Fl-interpretazzjoni tiegħi I-“ħajt” (eżempju p.38) huwa wkoll bħal metafora mill-ħajja ta’ kuljum. Jibqa’ fil-kuntest għaliex qed jitkellem dwar il-Ġermanja tal-Lvant. Il-ħajt imma huwa wkoll il-qasma, il-firda, l-għatx għal xi ħaġa li ma tistax tilħaq.
Il-ktieb mhuwiex ngħid jien poetiku fl-għażla tal-kelma imma anke fl-istil. Ngħidu aħna sabiex l-awtur juri li Jutta ma weġbitux minkejja l-wegħda li kellha tagħmel dan s’Ottubru, jikteb ix-xhur wara xulxin u jqabbeż barra Ottubru.
Konklużjonijiet
Ikolli ngħid li għalija dan il-ktieb kien ta’ sfida sabiex nikkummenta dwaru. Mifsud iħallik tissaħħar fl-istorja, forsi ma tkunx taf jekk hux qed tifhem mal-ewwel, imma imbagħad fil-kapitlu li jmiss tiskopri xi ħaġa ġdida. Forsi tiskopri li dak kollu li ħsibt mhux minnu Jogħġbuni dawn it-tip ta’ kotba u films. Interessanti mmens.
Paġna Letterarja It-Torċa, 8 ta’ Novembru 2015