Awtur: Laurence Mizzi
Pubblikazzjoni: Horizons
Ktieb riċerkat li jista’ jintlaħaq mill-maġġoranza tan-nies mhux dejjem komuni. Sabiex tagħmel intervista trid il-ħin u mhux dejjem faċli li xi ħadd jagħtik dan il-ħin. F’dan il-ktieb niltaqgħu ma’ għadd ġmielu ta’ artisti li jinkludu skulturi, pitturi u ċeramisti, fil-biċċa l-kbira tagħhom stabbiliti u magħrufa, uħud minnhom anke barra minn Malta. Horizons qed jagħmlu dan l-isforz evidenti ħafna sabiex kotba ta’ kwalita’ jaslu f’idejn kemm jista’ jkun nies u dan billi l-prezz ikun imnaqqas.
Din il-ħolma bdiet propju fis-snin tmenin meta il-ġurnal il-Ġens kien ixandar regolarment intervisti li Laurence Mizzi l-awtur kien jagħmel għar-rubrika “Mill-Qrib”. Laurence Mizzi m’għandu bżonn ebda introduzzjoni. Ilu aktar minn 50 sena attiv ħafna fil-qasam tax-xandir u kiteb radjudrammi, teledrammi u dokumentarji għar-radju u t-televixin. Fost dawn l-intervisti kien hemm għadd kbir ta’ artisti fil-biċċa l-kbira għamlu ġieh għalihom infushom u għal pajjiżna. Il-ktieb minkejja d-daqs tiegħu ma jonqosx milli juri xi stampi ta’ xi xogħlijiet ta’ dawn l-artisti u b’hekk il-qarrej jista’ jifhem u japprezza ftit aktar it-talent kbir ta’ dawn il-persuni.
Napprezza ħafna f’dan il-ktieb li hemm taħlita tajba ta’ artisti li ħallewna u oħrajn kontemporanji. B’hekk il-qarrej jista’ jkollu stampa komprensiva tal-iżvilupp artistiku f’pajjiżna. Insibu fost oħrajn lil Josef Kalleya li ħalliena fl-1998 fl-eta’ sabiħa ta’ mitt sena. Kalleya kien minn ta’ quddiem biex idaħħal forma ta’ arti espressjonista. Kullħadd xi darba jew oħra ltaqa’ mal-monument ta’ Fra Diegu fil-Ħamrun. Dan il-monument, li ġie inawgurat fis-16 ta’ Ottubru, 1932, huwa xogħol skultur kbir ieħor li nsibu f’dan il-ktieb, Vincent Apap (1909-2003). Min ma semax b’Esprit Barthet imma forsi ftit huma dawk li dan il-pittur kbir esperjenzha l-faqar. Insibu wkoll numru ta’ artisti li għadhom magħna u għadhom jagħtu kontribut kbir enormi. Insemmi fost oħrajn lil Ġanni Pace u Alfred Camilleri Cauchi. Ix-xogħlijiet ta’ Camilleri Cauchi nsibuhom imxerrdin fil-Parroċċi u knejjes tagħna. Imma lil min l-aktar li jammira dan l-iskultur? U x’delizzji għandu?
Tajjeb li ngħidu li meta għandek intervista tista’ toħroġ ħafna aktar mill-qrib il-karattru, ir-raġunijiet għaliex għamlu ċerta xogħlijiet u anke xi episodji differenti minn ħajjithom. Għalhekk il-ktieb mhuwiex sempliċiment kurżita’ dwar l-artisti nfushom imma tagħrif siewi dwar l-istorja ta’ Malta. Din l-informazzjoni ma toħroġx minn katalogu tax-xogħlijiet tal-arti jew minn xi tagħrif qasir dwar l-artisti.
Ix-xogħlijiet tal-arti ma jispiċċaw qatt u forsi ma jbatux it-taħsir daqs il-ġisem tal-bniedem. Madankollu dan il-ktieb jiċċelebra wkoll lill-ħallieqa ta’ bosta xogħlijiet li poġġew lil dan il-pajjiż fuq il-mappa kulturali dinija. Barra minn hekk, kif għidt aktar `il fuq dan il-ktieb fih bosta tagħrif illi joħroġ minn fomm dawn l-artisti li mhux ta’ min wieħed jitlef.
Dan il-ktieb jista’ jinkiseb minn Horizons (http://horizons.com.mt/), u l-ħwienet tal-kotba.
(Paġna Letterarja, 6 ta’ Diċembru 2015)