Nhar it-22 ta’ Novembru, fil-Knisja Parrokjali ta’ Bormla ingħatat l-aħħar tislima lil awtur Sunny Aquilina. Il-folla ta’ nies li attendiet bi ħġarha tixhed il-kobor ta’ Sunny Aquilina, li fi kliem l-Arċipriet ma toħroġx biss mill-opri sbieħ illi ħalla imma fl-umilta’ u l-valuri illi kien iħaddan. Inħoss li din il-paġna wkoll għandi tagħti tislima xierqa lil dan l-awtur li għamel ġieh kbir anke lil dan il-pajjiż. Sfortunatament qatt ma ppublikajt xi xogħlijiet tiegħu fuq din il-paġna hu huwa sew għalhekk li nagħtu spazju xieraq u fl-istess ħin inwasslu messaġġ li l-komunita’ letterarja issellem lil awtur kif jixraq.
Min hu Sunny Aquilina?
Sunny Aquilina bin Elizabeth u Emmanuel Aquilina twieled Bormla nhar l-1 t’April, 1946. Huwa l-kbir fost disa’ ulied. Ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-Iskola Primarja ta’ Bormla, fil-Liċeo l-Ħamrun, fil-Kulleġġ tal-Għalliema u l-MCAST minn fejn beda l-professjoni ta’ għalliem. Sunny fil-fatt baqa’ magħruf ma’ bosta bħala għalliem tal-arti, li kien jagħmel dan b’dedikazzjoni kbira. Huwa baqa’ jgħix ġewwa belt twelidu Bormla, u huwa missier ta’ ħamest itfal; Marcon, Noel, Christine, Lorraine u Karen.
Konkorsi letterarji u dawk mużikali
Sunny Aquilina kien fost ir-rebbieħa f’diversi konkorsi letterarji. Bla dubju ta’ xejn iżda l-aktar li jibqa’ magħruf huwa għal-lirika ta’ kanzunetti li rebħu f’konkorsi f’Malta u barra. Fost l-akbar suċċessi kienu fil-Eurovision, fosthom permezz ta’ The one that I love, interpretata minn Chiara li ġiet it-tieni fil-Eurovision song contest u My Dream li ġiet interpretata mill-kantanta Thea Garrett. Suċċessi oħra kienu “You’re my dream” u “Whenever”, kantati minn Kevin Borg u permezz tagħhom għamel suċċess kbir meta rebaħ il-“Pop Idol” tal-Isvezja.
Forsi l-bidu tas-suċċessi kbar tiegħu f’dan il-qasam kien meta ngħaqad mal-kompożitur Jason Cassar, li jiġi r-raġel ta’ bintu. Flimkien ma’ Cassar kiteb il-kanzunetta “Għanjet il-Poplu” li għadha sallum is-sigla tal-Festival popolari “L-Għanja tal-Poplu”. Kanzunetti oħra magħrufa ta’ Aquilina u Cassar kienu “Ismagħni Ftit Ħabib” (1995), “Ngħożżu l-wirt” (1996), ‘It-Tlett Ibliet’ (1997) u “Għanja Maltija” (1997). “Ismagħni Ftit Ħabib” hija kanzunetta dwar il-pjaga tad-droga u permezz tagħha Aquilina kien nominat għall-ahjar lirika bil-Malti fil-Malta Music Awards 1995 waqt li ‘It-Tlett Ibliet’ li kisbet it-tielet post. Suċċessi oħra għal Aquilina u Cassar kienu “L-isbaħ Żmien”, kantata minn Debbie Scerri li kisbet ir-raba’ post fil-Festival Internazzjonali tal-Kunzunetta Maltija u “Għal Xulxin” li fl-1998 Renato u Adelina Attard ġew fit-tieni post. Ta’ min wieħed jgħid li din il-kanzunetta maqluba għall-Ingliż “So Much” u kantata minn Adelina Attard rebħet l-ewwel post fil-Festival ‘Discovery 2000’ fil-Bulgarija.
Sunny u Jason kellhom success ukoll fil-festival “Konkors Kanzunetti Indipendenza” bil-kanzunetti “Tgħid x’kien?” u “Dawl u Tama” kantati minn Adelina Attard. Fl-2013 waqt il-festival L-Għanja tal-Poplu ingħata il-ġiħ għall-kontribut kontinwu li ta fil-qasam tal-kanzunetta Maltija.
Xogħlijiet oħra
Minbarra l-letteratura f’qalb Sunny minn dejjem kien hemm l-istess imħabba għall-Mużika. Fil-fatt taħt is-Surmast Pawlu Gauci ta’ 9 snin ħareġ idoqq mal-Banda San Ġorġ ta’ Bormla fejn għamel 40 sena sħaħ bandist u ħafna snin fil-kumitat fejn kellu wkoll karigi uffiċjali bħal Direttur, Segretarju u Viċi President.
Kiteb ukoll innijiet, poeżiji. essays, dokumentarji, novelli, artikli, xogħlijiet għat-TV u r-radju, Oratorio u Kantati. Għal qalbu żgur jibda Oratorju “Tota Pulchra” li ttella’ nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Novembru fl-okkażjoni tal-50 Sena mit-Twaqqif tiegħu. Insemmu wkoll il- Cantata “Ave Maria Regina et Mater” li ġie ppreżentat mill-Banda San Ġorġ ta’ Bormla fiċ-Ċentinarju mill-Inkurunazzjoni tal-Madonna tal-Kor. Ċertament iżda li ġewwa Bormla jibqa’ ferm magħruf għall-kliem tal-innijiet ferm maħbuba “l-Innu taċ-Ċentinarju” u “Omm Beltna” li anke dawk mhux dilettanti tal-festa jafu sew.
Aquilina huwa editur tal-kotba ‘Minn Qalbna Marija’ (poeżiji Marjani) u ‘Il-Pijunieri tal-Football Malti’. Naturalment lil Sunny, minbarra bħala Bormliż jien nafu wkoll bħala membru tal-Għaqda Poeti Maltin u tal-Akkademja tal-Malti. Fl-1993 ingħata l-Premju Citta’ di Valletta għall-kontribuzzjoni letterarja. Fl-2010, l-Kunsill Lokali ta’ Bormla, fl-2010 onora lil Sunny Aquilina b’Ġih Bormla.
Kummenti dwar Sunny Aquilina
F’isem il-Paġna Letterarja tat-Torċa tkellimt ukoll ma’ diversi persuni li ħadmu fil-qrib ta’ Sunny Aquilina. Dawn il-kummenti huma xhieda mhux biss tax-xogħol kbir ta’ Aquilina imma għad-dedikazzjoni kbira li kellu u s-sens ta’ altruwiżmu.
Sa Alison Zerafa Civelli
Sindku ta’ Bormla
Bormla tilfet wieħed minn uliedha… wild li ħadem bis-sħiħ biex jgħolli isem beltna `l fuq. Ħabb lil Bormla u lil Immakulata Kuncizzjoni b’qalbu kollha. U dan urieh tul ħajtu għaliex dak li għamel għal Bormla u għall-Immakulata huwa fatt li jista jinqara fil-kitbiet tiegħu, fil-poeżiji u fl-innijiet tant sbieħ li ħallilna. Sunny Aquilina huwa wieħed mill-Bormliżi li Bormla u uliedha ma jistgħu jinsewh qatt!
Jason Cassar
Kompożitur u Qarib
Qabel ma ltqajt ma’ Sunny kien magħruf għan-novelli u poeżiji li kien jikteb, kif ukoll għall-kitbiet letterarji. Infatti rebaħ diversi konkorsi letterarji u l-kitbiet tiegħu jinsabu f’diversi kotba.
Jien kont iffortunat biżżejjed li lil Sunny sirt nafu l-ewwel bħala Missier (għax jiġi missier il-mara) qabel ma bdejt naħdem miegħu fix-xena mużikali. Kien missieri wkoll għax stmani daqs uliedu! Fil-verita’, l-ewwel esperjenza tiegħi miegħu b’mod umoristiku nghid li “ma tantx kienet sabiħa għax offrili kafe u flok spiccajt xrobtu, hu laqat it-tazza u waqqgħu fuqi” u tgħidx kemm kien staħa miskin! Immaġina, din ġrat l-ewwel darba li dħalt għandu d-dar.
Kien bniedem eżemplari ħafna u kien iġibli s-soduzzjoni. Ma stajtx ‘niżgarra naqra’ għax kien jiġbidli l-attenzjoni mill-ewwel. Kien bniedem li tista’ titkellem miegħu fuq kollox u dejjem lest li jagħti pariri tajba, mħaddna fuq valuri sodi u reliġjużi. Ħaġa oħra li kienet tolqotni kienet li fejn tidħol il-lingwa Maltija erħilu jispjegalek minn fejn hi ġejja l-kelma u għalfejn fil-kuntest tal-lirika, kien jagħżel dik il-kelma u mhux oħra. Kien jaħseb ħafna meta ngħidulu biex ibiddel xi kelma għax min naħa tieghu, kien ikun diġa’ għażel l-aħjar waħda qabel ma jkun tani l-kanzunetta, imma jien kont ġieli nistaqsieh ibiddel xi ħaġa, jew iżid/inaqqas, minħabba li kont ġieli nibdel xi noti jew inżid xi noti oħra speċjalment waqt il-proċess tal-arranġament tal-kanzunetti.
Insemmi wkoll is-safar li għamilna flimkien mhux biss fl-okkażjonijiet tal-Eurovision fl-1998 u l-2010 bid-diski ‘The One That I Love’ u ‘My Dream’ rispettivament, imma s-safar familjari fejn nista’ ngħid li għandi ħafna esperjenzi sbieħ miegħu. Moħħu ‘kien arkivju’ għax ma kienx ikun hemm xi mużew, knisja, pittura jew skultura li ma kienx jgħidlek xi ħaġa dwarhom. L-arti kien japprezzha mmens.
Kien bniedem li jirrisspetta lil kulħadd u n-nies kienu jieħdu pjaċir jaħdmu miegħu. Aħna ħdimna ma diversi kantanti bħal Chiara, Thea Garrett, Adelina Attard, Kevin Borġ, Alex Schembri, Debbie Scerri, Pamela Bezzina u Rosman Pace fost oħrajn. Kellna diversi suċċessi flimkien, speċjalment fil-Eurovision, li ser nibqa’ ngħożż tul ħajti kollha u ninsab ċert li mhu ħa ninsa qatt il-memorji sbieħ li kellna flimkien. Issa Sunny qed jistrieħ fis-sliem u j’Alla l-messaġġi li kien jgħaddi permezz tal-lirika tiegħu ikomplu jaslu għand in-nies bl-istess ħeġġa u intenzjoni li kien jiktibhom Sunny.
Mro Ray Sciberras F.L.C.M
Kompożitur
Fuq nota personali nħossni grat u obbligat ferm lejn Sunny. Sa mill-bidu tal-karriera tiegħi niftakru jħeggiggni biex nikteb u jippreżentali poeżija wara l-oħra biex nimmużikahom. B’sempliċiment telefonata jew laqgħa ta’ ftit minuti konna nifhmu lil xulxin. Hekk twieldu u ssawwru t-23 bicca xogħol li ktibna flimkien.
Chiara Siracusa
Irrapreżentat lil Malta tliet darbiet fil-Eurovision song contest fl-1998, 2005, u 2009
Nista ngħid b’unur li għalija kien hu il-bidu ta’ “Chiara il-Kantanta”hekk kif jafni l-poplu. Min jaf kemm il-darba għamilli kuraġġ biex nitla’ fuq il palk għax ta’ tfajla zgħira kont mistħija immens meta fil-bidu ltqajt miegħu. Hu u Jason Cassar kienu l-ewwel żewġ persuni fl- industrija tal-mużika f’malta li emmnu fija b’qalbhom kollha. Fdawni bil-kanzunetti tagħhom u tawni dak kollu li għandi llum. Kien hemm żmien f’ħajti, meta bdejt fil-kant, fejn Sunny kien qisu missier għalija u t tfal tiegħu kbirt magħhom qishom ħuti. B’diqa kbira tajtu l-aħħar tislima l-bieraħ meta kantajt għalih il-kanzunetta “The one that I love”,kanzunetta li naf li kienet għal qalbu bħal kull kitba oħra li kien għamel. Għalija Malta tilfet Malti ta’ qalb kbira u wisq aktar ta’ principji sodi, raġel ta veru kif jgħidu u jien tlift mentor u ħabib.
Josephine Ebejer Grech
Kantanta u Kompożitriċi u ħadmet fl-Għanja tal-Poplu għal diversi snin
Sunny Aquilina kien bniedem b’talent kbir u persuna umli. Ta diversi kanzunetti sbieħ lil kull min għandu għal qalbu l-kanzunetta Maltija u żgur li se nibqgħu ngħożżu l-memorja għażiża tiegħu f’kull kanzunetta li nisimgħu li ħarġet mill-pinna tiegħu.
Carmelo Schembri
Chairperson l-Għanja tal-Poplu
Il-Kanzunetti ta’ Sunny huma profondi, ħerġin mill-qalb, u mqanqla mill-imħabba tiegħu lejn l-oħajn. Il-mewt ta’ student minn tiegħu bid-droga, qanqlitu biex jikteb il-kanzunetta Ismagħni Ftit Ħabib, l-imħabba tiegħu lejn il-Kottonera jesprimiha fil-kanzunetta ‘It-Tlett Ibliet’, u l-imħabba li kellu lejn l-għanja u l-kultura Maltija toħroġ fil-kanzunetta tiegħu ‘Għanjet il-Poplu’. Fl-2013 lil Sunny onorajnih bil-ġieħ L-Għanja li Tibqa’. Sunny ħalliena imma jibqa’ magħna permezz tal-għanjiet tiegħu li daħlu f’qalb il-poplu tagħna.
Matthew Tonna Gillford
Ċentru 19 ta’ Novembru 1944
Kull min hu Bormliż, żgur li jaf lil Sunny bħala raġel ġentlom, pilastru għal-lokal u artist mill-aqwa. Ili nafu minn meta kont skola Primarja, meta xi drabi kien jiġi jagħtina l-lezzjonijiet tal-arti. Għadha stampata f’moħħi, meta waqt waħda minn dawn il-lezzjonijiet kien penġielna l-Port il-Kbir waqt it-tiġrijiet tar-Regatta. Billi ovjament dawk fil-klassi l-maġġoranza tagħna konna Bormlizi, kien pinġa d-dgħajsa ta’ Bormla fuq quddiem, u kienet din id-dgħajsa li għall-gimgħat sħaħ baqgħet fuq il-‘whiteboard’ tal-klassi waħedha. Waqt dawn il-lezzjonijiet kien iqabbad lilna biex inpinġu filwaqt li kien idur magħna biex fil-waqt li jfaħħar dak li konna qed nagħmlu jagħtina parir fejn nistgħu nirranġaw.
Ħdimt miegħu snin wara meta bdejt nokkupa l-kariga ta’ Segretarju tal-Kumitat tal-Festa ta’ Bormla. Kont nagħmel kuntatt miegħu fir-rigward tal-qari tal-provi tal-Pubblikazzjoni tal-Festa maħruġa miċ-Ċentru 19 ta’ Novembru 1944. Sentejn ilu ħdimt b’mod dirett miegħu, meta jien ħriġt bl-idea li nagħmlu CD b’diski li jirrigwardjaw lil Marija Immakulata, lil Bormla u lill-Festa. Kollha qbilna li l-lirika tagħha għandha tkun fdata f’idejn Sunny. Kont għamilt kuntatt miegħu bit-telefon u ftehmna li niltaqghu fl-ewwel jiem ta’ Ġunju. Qalli “ilħaq ikteb xi ftit noti ta’ x’għandek f’moħħok ħalli nkun nista’ nagħtik xogħol skont qalbek”. Meta iltqajna tajtu l-informazzjoni kollha u infurmajtu li jrid jikteb tmien diski, xi ħaġa li għalih żgur ma kinitx ser tkun problema, imma bl-umilta’ tiegħu kien qalli, ‘trid tagħtini ftit cans, għax il-kliem ma ġġibux kif ġieb u laħaq’. Konna ftehmna li jagħtini kollox sal-aħħar ta’ Ġunju. L-għada bqajt immeraviljat meta fl-email sibt tmien poeżiji. Meta ċempiltlu u faħħartlu x-xogħol qalli ‘ppruvajt nagħmel mill-aħjar’. Meta rrimarkajtlu li kont naf x’jien ngħid meta għidtlu li għalih mhux problema, għax fil-fatt lestihom malajr, kien weġibni “ilbieraħ bqajt nhewden u naħseb. Bil-lejl ma stajtx norqod bil-ħsieb. Fl-erbgħa ta’ filgħodu qomt, u bdejt nikteb u lestejthom”.
Kiteb diversi innijiet, pero jibqa’ magħruf l-iktar għal “Omm Beltna”, innu li fih il-qalb Bormliża tiegħu tinħass tħabbat għall-Immakulata. Innu li meta nisimgħu bħala Bormliż iqabbadni l-bard, għax nemmen li meta kien qed jiktbu kien ispirat biex ipoġġi kelma flok oħra, biex ir-riżultat ikun perfett.
Ħafna drabi dan il-kliem kien ikun it-tmiem tal-paniġierku tal-Festa jew tan-Novena. Darba kont staqsejtu kif iħossu meta jisma’ l-versi tiegħu ħerġin minn fomm il-predikatur. B’umilta kien wieġeb, “inħossni normali, imma nkun ferħan minn ġewwa”.
Nagħlaq billi ndur lejk Sunny, u minn qalbi, għan-nom ta’ sħabi taċ-Ċentru 19 ta’ Novembru 1944, ngħidlek GRAZZI ta’ dak kollu li għamilt magħna. Int kont raġel li difficli li jinstab is-sostitut tiegħek. Ħabbejt lil Bormla u dak kollu li hu Bormliż bla limitu. Nieħu l-okkażjoni billi nbiddel ftit kliem mill-versi tiegħek u ndawru għalik stess.
Aħna ħbiebek insellmulek,
Ngħidu fuqek l-isbaħ kliem,
Inti Sunny, f’qalbna tibqa’,
Il-Bormlizi ta’ kull żmien!
Poeżiji ta’ Sunny Aquilina
Kemm isbaħ
F’jum xitwi ivenven
Rajt dgħajsa bil-qlugħ
Titbandal, tissielet
B’nifisha maqugħ!
Rajt par ġwienaħ bojod
Itiru fis-sliem
U l-qalb hekk għamluli
Għax rajt, flok telfien,
Kemm isbaħ il-ħajja
Maż-żiffa tar-rebħa
Bħall-gawwi insir
`Il fuq naf intir!
Nittama
Ħajti xemgħa tixgħel
Ġo nofsha moħlija
U għemili duħħan
Jidher għal ftit u jintemm fix-xejn?
Nittama
Li dawl inemnem
Ta’ siwi, ta’ mħabba, ta’ tama
Wara dil-ħajja
Iħalli jixgħel
Warajja!
Omm Beltna
Int Marija l-isbaħ ġawhra,
Int Omm ta’ din il-Belt,
Sa mill-ewwel waqt dehet tlellix,
Għax int safja bl-ebda għelt!
(R) Int Omm dil-belt Cospicua
Safa tfuħ aktar mill-ġiżi
Aħna wliedek Insellmulek
Inti l-għaxqa tal-Bormliżi.
Kemm ħabbejtha ‘l dil-Belt tiegħek!
Hi ħabbitek daret lejk
Għax ulied din il-Parroċċa
Dejjem xteħtu hawn f’riġlejk.
(R)
Int ix-xemx li jumna ddawwal
Lilna tħeġġeġ nhar u lej’
Int tressaqna għand Ibnek Sidna,
Int twassalna għand il-Mulej.
(R)
Aħna wliedek Insellmulek,
Indommulek l-isbaħ kliem,
Inti Ommna, f’qalbna tibqa’,
Il-Bormliżi ta’ kull żmien!
(R)
Fil-Kuruna Dehbiena fuq Rasek
L-Innu ta’ l-Inkurunazzjoni
O Marija bla ħtija nsellmulek
Int Sultana tas-sema u ta’ l-art
Sa mill-waqt tat-tnissil kont bla tebgħa,
Omm Ġesu’ kollok grazzja tħabbart!
(R) Int Sultana, l-għażiża omm tagħna
Li minn dejjem qimniek, dorna lejk,
Fil-kuruna dehbiena fuq rasek
Imħabbitna, iżborna lkoll ħdejk.
Int Marija l-faraġ u s-sliem
F’das-Santwarju meqjuma f’kull żmien!
O Marija Int tajtna lil Ibnek
Hu r-rebħa, il-bidu, it-tmiem,
L-għadu ntrifes, bla dnub sabek tlellex,
Lejk induru Marija f’kull żmien!
(R)
Int Marija l-faraġ u s-sliem
F’das-Santwarju meqjuma f’kull żmien!
Fuqna żomm ħarstek ħelwa Marija
Fik it-tama u f’Ibnek Feddej,
Għalhekk ħalqek sabiħa, hekk safja
Għax Int Omm l-Iben t’Alla, l-Mulej!
(R)
Int Marija l-faraġ u s-sliem
F’das-Santwarju meqjuma f’kull żmien!
B’ħajr u glorja lil Alla u b’tislima lil Marija Immakulata, Omm Beltna