L-Avukat Herbert Ganado

Sensiela Bejn Storja u Miti

Editor: Sergio Grech Pubblikazzjoni: Horizons

Din huwa it-tielet ktieb mis-sensiela “Bejn Storja u Miti”, l-ewwel wieħed dwar il-Perit Mintoff, imbagħad dwar Mons Victor Grech u issa għandna dan, dwar l-avukat Herbert Ganado.  Kien donnu mistenni li fost il-personaġġi li għamlu ġih lil dan il-poplu jkun hemm l-avukat Ganado, persuna interessanti mmens.  L-ispazju huwa limitat sabiex nesprimi l-ħsibijiet tiegħi, apparti l-fatt li kien xieraq li dan l-ispazju ngħaddih lir-riċerkaturi ta’ dan il-ktieb sabiex il-qarrejja jkollkom togħma ta’ xi nsibu f’dan il-ktieb.  Biss fil-fehma tiegħi Maltin bħal Ganado qatt ma beżgħu li jqumu għal interessi tagħhom u ta’ pajjiżna fi żmien fejn konna taħt il-kolonjalisti.  Waqt li nistgħu naqblu jew ma naqblux mal-fehmiet ta’ Ganado, napprezzaw il-fatt li dawn il-Maltin ta’ kultura (li ma kinetx inferjuri għal dik tal-Ingliżi) ma baxxewx rashom quddiem il-barrani, anke jekk dan swielhom biex batew personalment. Naturalment m’hemmx għalfejn ngħid li wieħed irid jara l-kuntest sew u ċertament li dan il-ktieb f’dan il-lat ma jonqosx għax ir-riċerkaturi għarfu sew li l-argumenti tagħhom huma msaħħan b’sorsi oħrajn jew bl-esperjenza personali tagħhom.  

Iżda ċertament l-aktar li l-Maltin nafu b’Herbert Ganado huwa għax-xogħol tiegħu “Rajt Malta tinbidel”.  Interessanti mmens li waqt li Ganado kiteb dwar kif ra Malta tinbidel issa hawn għandna dan ix-xogħol, jew aħjar ġabra ta’ xogħlijiet li kitbu dwaru.   Il-ħsieb wara dan il-ktieb nibet meta konferenza organizzata minn PoezijaPlus fl-2005 li fiha pparteċipaw numru ta’ kittieba fost oħrajn il-Professur Henry Frendo li ppresieda din is-serata, Carmelo Abela, Carmel Cassar, Maria Grech Ganado, Paul Saliba, Pio Spiteri u l-istess Sergio Grech (p.7).  Meta l-ktieb ġie materjalizzat, grazzi għall-viżjoni tal-pubblikaturi Horizons, kompla jespadi fuq temi bħal interdett permezz tal-kontribuzzjoni tal-istoriku Max Farrugia.   

Il-ktieb jagħti ħarsa ħolistika lejn l-avukat Ganado, permezz tal-kontribuzzjoni ta’ 12 il awtur li kitbu dwar aspetti differenti ta’ Ganado fosthom il-ħajja politika, letterarja, imma wkoll l-importanza tal-mużika u tal-qari fil-ħajja tiegħu.  Qed naraw allura għall-ewwel darba memorja kollettiva dwar dan il-patrijott Malti li jidhol fix-xena tal-pajjiz permezz tal-Knisja  billi kien ġej minn familja Kattolika.  Naraw kif fi żmien li kien editur tiegħu il-ġurnal “Leħen is-sewwa” qatt ma qala’ libell u dwar il-famuż editorjali “Dħalna f’Madrid” li kien ġie kkritikat li kein qed jieħu pożizzjoni favur Franco.  Naturalment naraw dwar l-episodju iebes tal-internament u kif jirritorna lura u jibda jimmilita fil-Partit Nazzjonalista.  Madankollu lanqas hawn ma jħossux komdu fil-Partit Nazzjonalista u ssiru anke kritika li ried itajjar lil Borg Olivier.  Fl-istess ħin kien ħadha qattha bla ħabel kontra l-integration u kien jibża’ wkoll li jekk jitla’ mMintoff idaħħal il-Komunista’.  Ta’ min jgħid li meta waqqaf il-Partit Demokratiku Nazzjonalista.  tella’ 4 siggijiet u tela’ minn 2 distretti. 

Dan huwa ktieb li żgur sab postu jew se jsib postu fl-ixkafef ta’ min iħobb jagħrbel l-istorja ta’ pajjiżna, li żgur huma ħafna.   F’isem it-Tora tkellimt ma’ numru ta’ kontributuri li ġentilment offrew li jaqsmu magħkom qarrejja ta’ din il-paġna ftit ħsibijiet u nissuġġerixxi li dawn il-kummenti esklussivi għal dan il-ġurnal mhux biss taqrawhom, imma din il-paġna żżommuha biswit il-ktieb ta’ Sergio Grech. 

L-Imħallef Giovanni Bonello 

Jekk f’ħajti iltqajt ma persuna straordinarja, din żgur kienet Herbert Ganado. Persuna li rnexxilha tkun konservattiva u rivoluzzjonarja fl-istess ħin, ta’ serjeta bla xquq, imma divertenti għall-aħħar, ta’ integrità kwazi opprimenti, imma tagħder id-dgħjufija tal-proxxmu – dak kien Herbert Ganado. 

Jien kelli l-fortuna li kont nafu sew u ħdimt ħafna miegħu fil-kamp politiku, għalkemm kien akbar minni tletin sena. Kien ħabib kbir ta’ missieri, u, billi kienu jħaddnu l-istess resistenza għad-dittatura kolonjali, spiccaw ikkalzrati u eżiljati fl-imkien. It-tbatija, l-ideali u l-persekuzzjoni inġusta aktar saħħu l-ħbiberija ta’ bejniethom. 

Ganado kien viżjonarju rivoluzjonarju u konservativ akkanit. Kien forsi l-ewwel wieħed f’Malta li ra d-destin tagħha fl-għaqda politika u ekonomika mal-Ewropa. Ried iħaddem id-dottrina soċjali l-aktar avvanzata tal-knisja, ta’ solidarjeta’ ma min kien fil-bżonn, dik li illum nidentifikaw ma’ Papa Frangisku. Kien kontra l-komuniżmu u s-socjaliżmu bla Alla, imma kien l-aktar qrib ta’ soċjalist nisrani li stajt tiltaqa’ miegħu. U fuq kollox kien jistmerr d-dittaturi, tax-xellug u tal-lemin. Dawk, fosthom, li ma kinux ikasbru l-valuri insara, kien jiddedikalhom inqas stmerrija.

Huwa kien oppona bil-kbir lill-Perit Mintoff meta dan ħareg bil-programm politiku li Malta ma tibqax nazzjon għal rasha, imma ssir biċċa waħda mal Gran Brittanja. Mintoff iġġieled b’entużjażmu kbir għal ħafna snin biex l-integration isseħħ, u sab l-akbar oppożizzjoni minn Ganado, sakemm l-integration sfaxxat. 

Meta Borg Olivier ħareg bl-għajta tal-indipendenza, Ganado oppona ukoll, u ħareg partit għal rasu. Mhux għax Ganado ried li Malta tibqa’ kolonja Ingliża – l-Ingliżi kienu firduh mill-familja, eżiljawh u qafluh f’kamp ta’ konċentrament f’nofs l-Afrika għal ħames snin sħaħ. Id-differenza ma’ Borg Olivier kienet waħda ta’ strateġija. Borg Olivier emmen li l-ewwel Malta tieħu l-indipendenza, u bl-indipendenza isaħħah l-ekonomija. Ganado kien jemmen li l-ewwel insaħħu l-ekonomija, u b’ekonomija b’saħħitha, nieħdu l-indipendenza. L-istorja tat tort lil Ganado u raġun lil Borg Olivier. Malli Malta ħadet l-indipendenza r-riżultat kien splużjoni ekonomika li Malta qatt ma kienet rat bħalha qabel. 

L-integrità ta’ Ganado kienet leġġendarja. Qatt ma għamel għall-flus anzi, l-politika faqqritu. Dejjem, ngħid dejjem, mexa skont ma qaltlu l-kuxjenza, qatt għax hekk kien jaqbel, qatt għax hekk kien popolari. Anke meta żbalja politikament, żbalja b’kuxjenza retta.

Il-battalji politiċi tiegħu jintesew, imma l-kitba tiegħu, le. Hu kien jitkellem bl-Ingliż, bit-Taljan u bil-Malti, it-tlieta perfetti, u naħseb li xi ftit bil-latin kien jinqala’ wkoll. Imma meta ddeċieda li jikteb il-memorji tiegħu, għażel li jiktibhom bil-Malti. U, bla esaġerazzjoni, għalija ħadd ma ħaddem il-lingwa Maltija bis-sengħa, bil-faċilità, u bin-naturalezza kif ħaddimha hu, qiesu missha bil-maġija. Hu ma kitibx opra letterarja, imma l-bijografija tiegħu hija quċċata tal-letteratura Maltija.

Max Farrugia

Meta bdejt  nikteb dwar Herbert Ganado fl-internament  kont nafu ftit fil-qasam reliġjuż u politiku u allura ridt nagħmel ħafna riċerka  mhux lokali biss imma anki barra minn Malta. Huwa ġie internat minħabba r-rabta li kellu fis-settur ġurnalistiku  mal-Leħen is-Sewwa. Dan  mhux u biss jgħidu imma hemm dokumenti li jixhdu dan. Tant kellu rabta qawwija ma’ dan il-ġurnal tal-Azzonji Kattolika, li saħanistra anki l-Papa kien talab u staqsa dwar l-internament tiegħu, u l-kundizzjonijiet li kien jinsab fihom. Huwa kien fost tal-ewwel li ġie internat u  tpoġġa bħal sħabu fil-Fortizza tas-Salvatur fil-Kalkara li wara li ġiet milquta mill-għadu ġie trasferit għal Ħabs ta’ Kordin, bi ksur tal-Konvenzjoni dwar l-internament u l-eżilju. Kien hawn li għin mhux lil sħabu biss biex jinstab post aħjar  imma anki lil xi internati barranin biex jinħelsu minn hemm ukoll. 

Meta ġie trasferit  għal Kunvent  ta’ Sant Agata  r-Rabat, kien wieħed minn dawk li ntefa’ għax-xogħol manwali sabiex jitħaffer xelter taħt il-katakombi  għas-sigura ta’ kulħadd. Wara xi xhur f’dan il-post  numru ta’ internati ġew illegalment eżiljati lejn l-Uganda u huwa kien wieħed minnhom.  F’dan il-post  invażat bil-mard u l-ġuħ huwa kompla jgħin mhux lil sħabu biss imma anki  oħrajn barranin li kienu internati ukoll. Dwar il-ħajja tiegħu u ta’ sħabu fl-Uganda  sirt nafha permess ta’ numru ta’ ittri li huwa kien jibgħat lil familjari u lil xi ħbieb tiegħu f’Malta, li għalkemm  ma jagħtux stampa ċara tal-ħajja vera minħabba li kienu jiġu ċensurati  għinu mhux ftit flimkien ma’ dokumenti oħra biex ninseġ dak li ġara. Fl-Uganada Ganado kien ta għajnuna kbira għax sħabu internati oħra  billi kien jikteb għan-nom tagħhom lill-familji dak li jgħidulu peress li xi wħud kienu illiterati, jgħin lil barranin permezz ta’ ittri  lil ufficjali tal-kamp, u jaħdem bħal ħaddiehor fil-ħajja ta’ kuljum. Imma nista’ ngħid li il-qofol tiegħu f’dan il-pajjiż daqshekk il-bogħod kien li jżomm kemm jista’ jkun lil sħabu fi spirtu reliġjuż billi  kien jorganizza attivitajiet reliġjużi ta’ spiss, u irranġa sabiex ikollhom saċerdot jieħu ħsiebhom. Għalkemm moħħu dejjem f’dak li kien qed jiġri Malta u l-Malta tiegħu huwa qatt ma qata’ qalbu li jerga’ lura f’pajjiżu wara l-gwerra kif fil-fatt ġara wara ħafna tbatijiet li ġġib magħha mhux il-gwerra biss imma anki l-firda tal-familja li huwa tant kien marbut magħha sal-aħħar ħinijiet ta’ ħajtu.  

Professur Henry Frendo 

Jien lil Herbet niftakru sew bħala personalita’ Furjaniża u nazzjonali, għalkemm kont għadni zgħir. Kien ukoll jiktibli rubrika settimanali fil-Ħajja, meta kont editur fil-bidu tas-snin sebgħin. Ġieli ħallasli xi erba’ pastizzi għand ta’ Londra wkoll (Il-London Confectionary ta’ Falzon kien fejn illum hemm l-APS, bieb ma’ bieb bieb ma’ fejn konna noqghodu, l-aqwa u l-ikbar kafe’ fil-Furjana). Kien jogħxa jirrakkonta u jien tant ieħor nisimgħu u nitgħallem minn għandu. Kien bniedem onest u struwit li jinteressah il-ġid komuni u l-ħajja pubblika, xempju tal-irġulija taqbel jew ma taqbilx miegħu. Herbert kellu wkoll l-ambizzjonijiet u r-riservi tiegħu (kemm dwar l-indipendenza  bikrija u t-tmexxija tal-PN kif ukoll dwar it-tendenzi politiċi-ideoloġiċi perikolużi ta’ Mintoff), kif urejt fil-bijografija tiegħi ta’ Borg Olivier (2005). Kien ‘well read’ dwar l-ekonomija politika, u ovvjament Kattioliku ferventi viċin il-Kurja u l-Arcisqof Gonzi. Il-Malti tiegħu kien wieħed popolari, mirqum u mexxej, mingħajr ħafna puriżmi, tant hu hekk li l-kitbiet tiegħu għandhom jinqraw sal-lum.  

Professur Oliver Friggieri

B’kotba ta’ tifkiriet bħal dan dwar Hebert Ganado, bniedem u politiku, Sergio Grech qiegħed jindika t-triq tan-nofs bejn l-istorja bħala dokument u l-Istorja bħala esperjenza. Il-volum dwar Ganado hu taħlita ta’ tifkiriet ta’ persuni li jafuh bħala persunaġġ daqs kemm bħala xi ħadd li huma rawh jieħu postu fl-arena politika. Personalitajiet ta’ għomor u mpenn differenti huma mlaqqgħin tajjeb ħafna minn Sergio Grech biex, bejn il-mit u l-ġrajja, kif jindika hu nnifsu, jiftaħ mogħdija li minnha jista’ jterraq kulħadd, l-aktar kull min jixtieq jara l-kitba tal-Istorja tieħu wiċċ aktar ‘uman’, kif ilu jingħad għal oqsma fejn is-seklu tagħna ħaseb li kulma hu akkademiku, xjentifiku, għandu jkun ukoll distakkat, kważi mingħajr ebda grad ta’ qrubija lejn il-kittieb u l-qarrej.


     Mertu ewlieni ta’ dan il-ġeneru li Sergo Grech qiegħed jiżviluppah tajjeb ħafna hu li jgħin fl-għarfien tal-persunaġġ pubbliku bħala persuna medja wkoll fiċ-ċirku personali, privat tiegħu. Min kien jaf lil Herbert Ganado bħalma stajt inkun nafu jien fl-ambjent tal-Furjana jista’ jgħix mill-ġdid is-sens ta’ dik l-era, mimlija kuntrasti, konfronti, u fuq kollox ċertezzi. B’xogħlijiet bħal dan u oħrajn bħalu Sergio Grech mhux biss qiegħed jgħin biex il-lingwa Maltija tissokta toħroġ mill-għeluq tal-Letteratura u timrah f’oqsma aktar ‘popolari’, iżda qiegħed ukoll jgħin biex l-Istorjografija Maltija tkompli miexja fid-direzzjoni ta’ Storja tal-Maltin, u mhux biss fid-direzzjoni ta’ Storja ta’ Malta. Minn dan il-ktieb toħroġ il-figura ħajja ta’ Kattoliku impenjat, ta’ Malti deċiz, u ta’ kelliem u kittieb li rnexxielu jbiddel il-qawwa tal-konvinzjonijiet tiegħu fi stil ta’ kitba elaborat, popolari u naturali. 

Maria Grech Ganado

Il-ktieb li fih Sergio Grech ġabar il-fehmiet diversi dwar iz-ziju qrajtu b’interess u pjacir kbir.  Tgħallimt ħafna affarjiet dwaru u l-ħidma tiegħu li ma kontx naf. Billi kont nafu minn eta’ żgħira, u konna noqogħdu kważi bieb ma bieb, hu naturali li n-nuċċali tiegħi kien differenti minn ta’ ħaddieħor, u dan nispjegah fil-kontribut tiegħi. Nafu raġel dħuli, bla ebda suppervja, ħassieb li bata waqt li kien internat, iżda ma jafx jobgħod, iħobb ħafna lil Malta u l-kultura li xtaq jaqsamha ma’ kulħadd. Dan jidher ċar fil-kontribuzzjonijiet li dehru fil-ktieb, speċjalment dawk li nkitbu minn min kien jaf liz-ziju mill-qrib.  

Kien hemm kitba waħda li ħsibtha kienet aktar interessata tarah bħala xempju ta’ elitiżmu snobbista mingħajr ma tikkonċentra fuq il-personaġġ tiegħu.  Veru li z-ziju kien reliġjuż kważi fanatiku u li, skont jien, dal-fatt ġegħlu jiżbalja fl-għażliet politiċi tiegħu, imma żgura wkoll li ma fehemx il-ħruxija, ħażen u krudelta’ tal-faxxiżmu kattoliku barra minn Malta. L-artiklu fil-ġabra li semmejt, jidher li bbażat fuq xi preġudizzju, kif kollha għadna forsi, jkun li jkun, u li  nipproġettawh fuq kull min m’hux  bħalna. Madankollu, dil-kitba negattiva sabet postha wkoll fil-ġabra, għax ftit kittieba biss ma kinux daħlu taz-ziju, u b’hekk jafu l-karattru tiegħu. Min ma kienx jafu seta’ jkun aktar oġġettiv, forsi, iżda mhux meta maħkum minn preġudizzju. Il-qarrej jista’ jiddeċiedi x’jaħseb hu stess, x’ħin jinduna bil-kuntrast bejn fehma u oħra billi jaqra l-ktieb.

Dr Simon Mercieca 

Herbert Ganado hu l-aktar kittieb kattoliku importanti tas-seklu għoxrin. Bil-kelma importanti, nifhem kittieb li ġej mid-dinja kattolika. Hemm oħrajn importanti daqsu u forsi aktar minnu, iżda żgur ma’ jaqgħux taħt din in-nomenklatura. Hu importanti għax-xogħol li għamel permezz ta’ Rajt Malta tinbidel, b’mod partikolari l-ewwel volum fejn tana snapshots sbieħ ħafna ta’ Malta, b’mod partikolari tal-Belt u l-Furjana fl-ewwel żewġ deċenni tas-seklu għoxrin. F’dak li hu ħsieb politiku, hu mexxa l-aġenda kattolika. Kien l-aħħar politiku kattoliku verament ta’ stoffa. Biss ġie ttradut. L-ewwel tradiment sar mill-istrutturi massoniċi f’pajjiżna, peress li hu kien ġej minn familja b’għeruq fondi f’dawn l-istrutturi. Minħabba li hu kien kattoliku konvint u ġenwin,  jirrinunzja għal dawn l-istrutturi u ma hemmx dubju li din kienet il-vera kawża tal-internament tiegħu. Warajh kien hemm dawn il-poteri moħbija. L-anqas l-Arċisqof Mauro Caruana, li kien Ingliż aktar mill-Ingliżi, ma seta’ jagħmel xejn quddiem din is-sitwazzjoni. Din hija parti mill-istudju tiegħi dwaru f’ dan il-ktieb. Imbagħad kien hemm l-izball li sar mill-Knisja fis-sittinijiet, li warrbet lil Ganado biex tmur wara l-Partit ta’ Pellegrini. Dan kien żball li gawdew minnu kemm il-Partit Laburista mmexxi minn Duminku Mintoff u dak Nazzjonalista ta’ Ġorg Borg Olivier. Bit-tmiem ta’ Ganado prattikament imut it-tielet partit politiku f’Malta u s-sistema tagħna issir bi-partitika għall-aħħar kif prattikament għada sal-lum. Fuq kollox, dan l-internament inġust jispjega għala Mabel Strickland u Herbert Ganado saru l-ikbar ħbieb wara l-gwerra. Strickland irrealizzat l-iżball li kien sar mill-familja tagħha u ppruvat tirkuprah. Saret l-ikbar ħabiba ta’ Ganado. Biss minn din il-ħbiberija ma gawdix Ganado, iżda politici, jew aħjar politiku partikolari, li wara li għall-ewwel fittex li jmur fil-Partit Laburista, mar fil-Partit ta’ Ganado u wara f’dak Nazzjonalista. Hawn qed nirreferi għall-politiku Guido Demarco. Biss din hija storja li tmur lil hinn minn dan l-istudju. 

Leave a Comment