Kilometri

Jonathan Balzan

Kilometri huwa t-tieni ktieb tal-atleta, attur u poeta Jonathan Balzan. L-isem naturalment huwa ispirat mill-atletika, billi l-awtur rebaħ bosta midalji f’din id-dixxiplina. Iżda metaforikament dawn huma l-“kilometri” li l-poeta mexa tul il-ħajja, li minkejja li huwa żagħżugħ huwa matur fil-ħsieb. Għaldaqstant terraq fil- “Vjal tal-Kalvarju” (p.50), u “għam għajjien” (p.40). L-awtur stess fid-daħla tiegħu jgħid li “għalkemm il-ħajja hi qasira, l-esperjenzi li niltaqgħu magħhom f’ħajjitna ma jieqfu qatt”. Imma lil hinn mill-metafora, jien ngħid ukoll li dan il-ktieb fih littiralment kilometri ta’ vjaġġi. L-awtur joħodna minn Marsaxlokk (p.3), g]al Amsterdam (p.2), Napli (p.8) u bosta postijiet oħrajn. Fejn ikun josserva u jaħseb. Jekk fiżikament ma jkunx fil-post l-awtur isegwi permezz tal-media, l-istess media li huwa wkoll jikkritika bħala riżultat tal-kummerċjaliżmu.

Waqtiet fakkarni fil-ktieb Amusing Ourselves to Death: Public Discourse in the Age of Show Business (1985) tal-edukatur u umanista Neil Postman, liema ktieb kien ta’ ispirazzjoni għall-album ta’ Roger Waters, Amused to Death. Balzan, bħal Postman jara l-umanita’ qabel it-teknoloġija u l-iżviluppi moderni. L-iżvilupp għandu jkun hemm għall-ġid tal-bniedem. Fil-biċċa l-kbira, dawn il-poeżiji jwasslu messaġġ soċjali. L-awtur jinqeda bil-pinna tiegħu sabiex jikkundanna l-materjaliżmu sfrenat li jwassal għal skjavitu’, faqar soċjali u mentali u konsumeriżmu eseġerat. Għall-kuntrarju, Balzan jiġri kilometri imma jsib ħin jieqaf, f’dinja mgħaġġla fejn ħadd m’għandu ħin għal ħadd, u jifli bir-reqqa kemm is-sabiħ u kemm l-ikrah madwaru.

Messaġġ soċjali.

Mhux li kien li d-dinja kienet titmexxa mill-poeti! Il-poeta huwa l-politiku ideali, u l-bidliet soċjali li bosta drabi għamel kienu dawk siekta imma li bidlu l-ħsieb tal-bniedem. Xi wħud kienu xrara li waslu għal rivoluzzjonijiet. Oħrajn huma rivoluzzjonijiet siekta u fit-tul, bħal dawk ta’ Balzan li l-għan ma jilħquhx billi jbiddlu xi dittatorjat jew xi gvern imma billi jippruvaw ibiddlu l-imħuħ. Jippruvaw ibiddlu l-egoiżmu f’altruwiżmu, u l-mibegħda f’imħabba għall-umanita’ u għall-ambjent ta’ madwaru. “F’Marsaxlokk” (p.3), waqt li jirrifletti fuq il-monumet li jfakkar it-tmiem tal-Gwerra Bierda, josserva li dan ma wassalx sabiex fid-dinja jkun hawn is-sliem li tant mixtieq. Mhux hekk biss imma flok il-firdiet bejn il-Lvant u l-Punent għandna firdiet bejn individwi, kummerċjaliżmu rappreżentat fil-poeżija minn żewġ entitajiet kummerċjali kbar li ġew ikkritikati minn bosta, u l-poeta jinqeda wkoll b’botta sottili għall-qerda ambjentali permezz tal-heavy fuel oil fil-powerstation ta’ Delimara. Jinnota wkoll l-individwaliżmu jkompli jikber permezz tat-teknoloġija li żżid l-iżolazzjoni billi saħansitra tnejn fuq mejda iħarsu lejn skrin flok jikkomunikaw bejniethom. Lanqas jista jifhem il-poeta, kif il-bniedem, bl-intelliġenza kollha tiegħu, jintilef fil-qerq u l-materjaliżmu fosthom is-sess bla imħabba għall-iskop ta’ qligħ tal-flus bħalma huwa il-prostituzzjoni (F’Amsterdam, p.2).

Il-poeżija “Logħba” (p.6) hija aktar qawwija u tinbena fuq il-prinċipju li s-soċjeta’ suppost liberali u ħielsa hija dominata u ħajjitna determinata mill-Kapitalisti l-kbar.
Jattaka l-“kapitalisti finazjarji
li bħal qarnita għandhom it-tentakli
iffiltrati f’kull rokna privata tal-eżistenza mondana tagħna.”

Tant ikiddu dan il-materjaliżmu lill-awtur li ma jiqafx biss fuq il-livell ta’ kritika. Iħares mhux biss madwaru imma lejh innifsu b’mod kważi skrupluż. Fil-poeżija “Jien m’iniex” (p.24) jgħid:
“Elf darba ttentajt
Nissielet mal-kurrenti materjalisti”.

Bħala missier saħansitra ma jixtieqx li bintu tara quddiemu din il-qerda ta’ din id-dinja. Hemm diżastri naturali imma mbagħad hemm ukoll il-qerda li qed inġibu aħna b’idejna. Fil-poeżija “Devastazzjoni” (p.9) jgħidilha:
“Ilbes in-nuċċali tax-xemx binti
U tarax id-diqa fuq wiċċ il-bniedem.”

Balzan iħoss ukoll li għandu jagħti ġih lil dawk il-bnedmin kbar li taw kontribut kbir sabiex fid-dinja jkun hawn is-sewwa u l-ġustizzja soċjali. Fosthom hemm Papa Franġisku (“Jorge Mario Bergoglio”, p.42) u l-poeta Palestinjan Mahmoud Darwix, magħruf bħala l-poeta tar-reżistenza (p.56).

Eżistenzjaliżmu

Il-profondita’ tal-pinna ta’ Balzan tidher ċar fil-mod kif iħares lejn l-istess eżistenza tagħna. Naturalment diġa rajna kif il-poeta mhux biss iwassal messaġġ minn barra imma jħares fid-dettal lejn il-qofol tal-problemi u kif jolqtu l-individwu. Imma minbarra dawk soċjali, u maħluqa mill-bniedem, din l-istess ħajja wkoll hija fija nfisha misterjuża. Il-mewt naturalment tibqa’ mistoqsija, u għaliex dan il-bniedem jitwieled sabiex imut. Diversi soluzzjonijiet jipprova jagħti sabiex iwieġeb għal din il-mistoqsija kbira tal-ħajja. Fin-niket, u fl-istess persuna li tħallina għal ħajja aħjar, il-poeta jifhem “traġitt ieħor” (“L-omm li tlift minn ħajtek”, p.28). Il-fidi tal-poeta, f’termini Nsara toħroġ aktar qawwi fil-poeżija “Lil nannti” (p.26), “u erħejtek ruħek solenni għand Dak”.

Lil bintu jagħtiha parir (“Lullaby lil binti”, p.44) sabiex tibqa’ ġenwna, sinċiera u tħobb l-imħabba vera. Fuq kollox ma tidħolx fin-nasba tal-egoiżmu u l-qerq sabiex wieħed jaħtaf kemm jista’ b’modi anki nġusti, l-istess egoiżmu u egoċentriżmu li kienu l-kawża tal-ewwel dnub li ispira lil-poeta. Jgħidilha:
“la ttebax ruħek moħmija bl-essenza t’Alla
Bil-gidma tal-ewwel tuffieħa qarrieqa.”

Konklużjonijiet

Fil-bidu tal-ktieb insibu żewġ analiżi letterarji ta’ Andrew Sciberras u Tarcisio Zarb li nissuġġerixxi li wieħed jaqrahom sew ukoll. Laqatni ħafna l-istil ta’ Balzan. Jissellef il-metafora mill-ħajja ta’ kuljum. Għaldaqstant hawn il-metafora ma tibqax biss dik tradizzjonali ngħidu aħna id-deżert, il-baħar, ir-riħ, imma jaf tkun it-te’ li jinqaleb “fuq il-qmis illamptata” (p.5) jew il-“pupi tas-suldati” (p.46). Jien ċert li Jonathan Balzan wara dawn il-“kilometri” se jkompli jterraq aktar “kilometri” jiġġieled kontra l-inġustizzji, kontra l-materjaliżmu sfrenat u favur l-umaniżmu u d-dinijita’ għaliex kif jgħid hu stess “Dan hu demmi jbaqbaq fil-vini” (p.61).

It-tnedija ta’ dan il-ktieb, se ssir b’koordinazzjoni mal-Għaqda Poeti Maltin nhar l-Erbgħa, 27 ta’ Lulju 2016, fis-7:30 ta’ filgħaxija fir-Razzett tal-Markiż, il-Mosta.

(Pagna Letterarja, It-Torċa, 24 ta’ Lulju 2016) — with Jonathan Balzan.

Leave a Comment