Frans Sammut
Pubblikazzjoni: Bonfirraro Editore
Naħseb li wasal il-waqt li l-istorja tibda tkun interpretata b’mod aktar realista mingħajr ħafna sentimentaliżmu u patrijottiżmu. Il-ktieb ta’ Sammut donnu jimla dan il-vojt u jidher biċ-ċar li Sammut kien qed iħares `il quddiem u jħares lejn l-istorja minn lenti differenti minn dik li forsi aktarx imdorrijin biha. Għal diversi snin kien forsi meħtieġ li nigglorifikaw il-Kavallieri bħala l-ħakkiema u b’dan il-mod ngħollu anke lil pajjiżna. Sammut, hawn iħoss li għandu jieħu l-perspettiva tal-Maltin.
Il-ktieb ħareġ fi żmien tajjeb għaliex is-sena li għaddiet iċċelebrajna l-450 sena mill-Assedju l-kbir u naturalment din il-ġrajja storika. Dan l-espisodju Sammut ukoll jagħtih l-importanza tiegħu. Bħal f’xi kotba oħra tiegħu (m’ilux wisq għadni kif qrajt u ġibna f’din il-paġna, l-ktieb l-Edukazzjoni f’Malta li wkoll inħareġ mill-familja tiegħu) ninnotaw bir-razzjonaliżmu qawwi ta’ Frans Sammut li għazel dal-mod realistiku kif iħares lejn l-istorja. Wieħed japprezza l-fatt ukoll li dan is-sens realistiku joħroġ minkejja l-ħila unika ta’ Sammut bħala rumanzier li kif nafu tana bosta u bosta rumanzi, u anke hawn ninnotaw il-mod mexxej ħafna kif inhu miktub dan il-ktieb.
Sadattant, ta’ min ngħidu li l-Imħallef Paolo Grossi, li għamel id-daħla għall-ktieb, inħatar President tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Italja wara Alessandro Criscuolo li kien ilu jservi f’din il-kariga sa mill-2014. Din hija l-ħames l-ogħla kariga fl-istat Taljan u naħseb li dan biss jurina xi preġju ta’ ktieb għandna f’idejna.
Il-ġrajja tibda mit-twaqqif tal-Kavallieri fl-Art Imqaddsa, kważi elf sena ilu, u tibqa’ sejra nistgħu ngħidu hekk sa żminijietna, fejn il-Kavallieri għadhom jagħmlu ħafna ġid fost dawk l-aktar fil-bżonnn. Naraw fost oħrajn kil-Kavallieri tilfu ’l Malta, meta ħaduhielhom il-Franċiżi, u kif wara li tilfu ’l Malta għamlu snin twal mingħajr dar, sakemm fl-aħħar daħlu f’Palazzo Malta, Ruma, fejn għadhom sal-lum.
Il-ktieb, mogħni bi stampi l-ġmiel tagħhom, ġie mniedi nhar is-Sibt 7 ta’ Novembru f’nofsinhar matul il-Festival tal-Ktieb f’Dar il-Mediterran, bil-parteċipazzjoni, fost l-oħrajn, tal-Imħallef Giovanni Bonello u l-Professur Henry Frendo. Waqt li nħossni privileġġjat li għidt kelma żgħira dwar dan il-ktieb għażilt li bl-umilta’ kollha ngħaddi l-kelma propju lill-Imħallef Bonello u l-Professur Frendo.
Nitkellmu mal-Imħallef Giovanni Bonello
a) F’dal-ktieb jerġa’ joħrog ir-razzjonaliżmu qawwi ta’ Frans Sammut, li waqt li jikteb bi stil qisu ta’ rumanz dwar suġġett daqshekk għal qalb il-Maltin, xorta jżomm `il bogħod milli jpinġi lill-kavallieri bħallikieku xi korp bla tebgħa. Kemm taħseb li dal-approċċ imur kontra l-istorjografija kif ipprattikata f’Malta? Kemm taħseb li dal-ktieb hu differenti minn kotba oħrajn dwar il-kavallieri
T) Kulll kittieb tal-istorja, jrid jew ma jridx, jkun qed jikteb dwar l-istorja, imma dejjem kif iffiltrata mill-esperjenza personali u suġġettiva tiegħu innifsu, mill-kultura tiegħu, anke mill-preġudizzji tiegħu. Frans Sammut mhux eċċezzjoni. Kien bniedem passjonali, aktar mogħti għall-abjad u l-iswed, milli għall-griz. Dan il-karattru ta’ ftit kompromessi jidher fil-ħajja tiegħu u fil-letteratura tiegħu, meta s-suġġett huwa rumanz, u meta s-suġġet huwa l-kronaka storika.
b) Mill-kitbiet tiegħu jidher li Sammut huwa mnebbah mill-illuminiżmu aktar milli mir-Romantiċiżu li forsi ddomina r-rakkont tagħna tal-Assedju u l-Kavallieri. Kemm taħseb li dan ħalla l-marka tiegħu dwar il-ktieb?
T) L-Illuminizmu, fil-ħsieb u fl-azzjoni, kien l-ixprun ta’ Frans Sammut. L-Illuminiżmu u r-Romantiċizmu mhux bil-fors jeskludu lil xulxin, u f’Sammut nara wieħed inebbah lill-ieħor. Illum l-kitba tal-istorja timxi fuq kriterji analitiċi u oġġettivi, u fil-ktieb ta’ Sammut dwar l-Ordni ta’ San Ġwann, hemm sforz qawwi biex in-narrativa tkun oġġettiva. Dan ma jfissirx kitba impersonali jew mbegħeda mill-ego tal-kittieb.
c) Frans Sammut donnu jagħti l-importanza kemm lill-Insara u kemm lill-Misilmin. Fil- fatt ma jiddejjaq xejn lanqas li jsemmi n-nuqqasijiet tal-Kavallieri. Għaliex taħseb li għamel dan? X’taħseb li kienet it-teżi ta’ Sammut f’dal-ktieb?
T) Ktieb ta’ narrativa storika miktuba biex tipprova prekonċett tal-kittieb, jirrendi dak il-ktieb suspett u tnaqqas il-valur tiegħu. Kien ikun ħażin kieku Sammut ipprova jaħbi n-nuqqasijiet tal-Ordni ta’ San Ġwann jew tal-Kavallieri tiegħu. Kienu hemm u kienu bosta. Fi żmienijiet oħra, l-funzjoni tal-istorja kienet biex tigglorifika min għandu l-poter u tikkonsolida l-eserċizzju tal-poter – għalhekk kienet storja wisq aktar ċensurata milli hija illum. Sammut qatt ma kien dilettant taċ-ċensura, wisq inqas f’ kitba storika.
d) Sammut jagħti ħafna tagħrif dwar Malta u l-Maltin f’dal-ktieb: Donnu jrid li l-Maltin ikunu protagonisti daqs il-Kavallieri. Taqbel miegħu dal-metodu? Kemm taħseb li hu differenti minn ta’ awturi oħrajn li jirromantiċizzaw lill-Kavallieri u donnu jwarrbu lill-Maltin?
T) Anke din hija karatteristika tal-istorjografija moderna. Sa xi zmien ilu, l-istorja kienet iddur dwar rejiet, generali, papiet u politici ewlenija, waqt li illum il-protagonist huwa il-poplu. L-istorja tal-Ordni ta’ San Gwann, ghall 250 sena saret haga wahda mad-destin ta’ Malta u tal-Maltin, u ghalhekk Sammut ma setghax iwarrab dan il-fatt minghajr ma jiffalzifika l-istorja. Fl-istejjer antiki tal-Ordni tiehu l-impressjoni l-Kavallieri kienu jghixu fi gzira dezerta. Sammut ried jaghti xhiedha tal-fatt li, mill-1530 ‘l-quddiem, l-istorja tal-Ordni kienet dik li kienet, imhabba l-interazzjoni qawwija tal-kavallieri mal-poplu Malti.
e) Frans Sammut donnu jieħu żewġ pożizzjonijiet: waħda ta’ antipatija lejn l-ordni fl-aħħar żmien tiegħu imma waħda ta’ simpatija kbira lejn l-ordni tal-lum (li jgħin lill-morda, u allura mar lura lejn l-għeruq tiegħu, l-oriġini tiegħu). Għaliex taħseb li Frans Sammut ħa dil-pożizzjoni?
T) Għal bniedem magħġun bħal Frans Sammut, din kienet pożizzjoni inevitabbli. Ebda simpatija għal organizzazjoni despotika, fewdali, privileġġjata u anti demokratika. Simpatija lejn għaqda filantropika għas-servizz ta’ min hu fqir u batut. Hija ħaġa naturali fejn ixaqleb Frans Sammut.
f) Kemm taħseb li kienet idea tajba li Sammut kiteb bit-taljan? Kif tqabbel l-istil ta’ Frans Sammut bit-taljan kif tqabblu mal-istil ta’ Frans Sammut bil-Malti?
T) X’giegħal lill-Sammut jikteb bit-Taljan, ma nafx. Aktarx il-fatt li stejjer moderni tal-Ordni ta’ San Ġwann bl-Ingliż hemm diversi, imma bit-taljan huma skarsi sew. Dwar l-istil, jien naf lil Sammut l-aktar bħala kittieb ta’ ’fiction’ bil-malti, u għalhekk huwa diffiċli tagħmel paragun. It-Taljan tiegħu juri li kien jiġieh naturali, u ma hu imqanżah xejn.
g) Kemm taħseb li l-mod kif iħares lejn l-istorja Sammut għandu jidħol fis-sistemi edukattivi tagħna?
T) Jien ma nikkunsidrax ruħi espert fis-sistemi edukattivi, u għahekk ma nixtieqx nagħti ġudizzju. Imma, li jiżdied it-tagħlim tal-istorja fuq il-binarji adottati minn Sammut f’dan il-ktieb, jidhirli li jkun vantaġġ ovvju. Hemm tliet tagħlimiet f’dan l-ktieb: id-dixxiplina illuministika, l-oġġettivita’ storika u d-demokratizzazjoni tan-narrativa. Ma naħsibx li jista’ ikollok programm isbaħ.
Nitkellmu mal-Professur Henry Frendo
Il-ktieb “I Giovanniti – la Storia dei Cavalieri di Malta” (Bonifirraro Editore, Enna,2015) varajnih u ddiskutejnih waqt il-Fiera tal-Ktieb fl-Infermerija. Enna hi belt medjevali pittoreska f’nofs Sqallija fejn jien għamilt sentejn ngħallem l-istorja u l-politika tal-Mediterran fl-Universita’. Hu prestiġjuz li xogħol bħal dan minn awtur Malti ewlieni jiġi ppublikat hemmhekk minn dar editrici Taljana. Dan kuntatt rikk ma’ l-Italja li kien ħafna iżjed komuni fil-passat pero’ li bil-kolonjalizmu Ngliż prattikamemt intilef. Ħafna ‘professuri’ Maltin m’għadx għandhom kmand tat-Taljan, għalhekk iduru għal kliem misluf mill-Ingliż u mill-Amerikan kemm jistgħu, filwaqt li għal kliem Maltin assimilajti u nternalizzati mit-Taljan ikollhom bżonn dizzjunarji ħoxnin.
Is-sostituzzjoni furzata tat-Taljan mill-Ingliż ħolqot rottura fl-istorja letterarja u kulturali Maltija, liema tqaċċit Frans kien ferm konxju tiegħu. Għall-istess raġuni huwa oppona bis-sħiħ bidliet bla bżonn fil-grammatika u l-ortografija tal-Malti li kien hawn min ried jimponi. Tqaċċita oħra. Li ktieb ta’ storja Maltija jinkiteb bit-Taljan minn awtur Malti fl-2015 hu fatt storiku fih innifsu u jikkostitwixxi tberfila ta’ kontinwita’ letterarja u storika. It-Taljan li jikteb bih Frans m’hu xejn inqas mirqum mill-Malti u l-Ingliż tiegħu. Jagħmel gieħ lil studjużi kbar tal-Malti, kompris Vassalli, li huwa kiteb dwarhom wkoll. Sammut hu awtur versatili u dan rajnieh sa mis-snin sittin fi żmien il-Moviment Qawmien Letterarju meta hu ħareġ “Il-Gaġġa”, li wara nħadem f’film minn Mario Philip Azzopardi.
Il-ħruġ mill-gaġġa jinħass ukoll fl-istorjografija adottata f’I Giovanniti. Sammut iħares lejn żmien l-Ordni minn perspettiva Maltija mingħajr eloġji għall-Kavallieri, li kienu jirrappreżentaw Ordni Ewropew għani li f’ċertus ċens għamel lil Malta; imma li essenzjalment kien istituzzjoni fewdali, aristokratika, gwerriera, reliġjuża u u diskrimintorja fir-rigward tal-Maltin. Milordi u vassalli li kultant refgħu rashom.
Sammut hu nfluwenzat iżjed mill-illuminiżmu speċjalment dak Franċiż milli mir-Romantiċiżmu għalkemm l-istil tiegħu jaf ikun x’aktarx romantiku u mhux awstier. F’dan m’hemm l-ebda kontradizzjoni. Daqstant ieħor hu jinkorpora fl-istorja lill-iskjavi u Musulmani li minmnhom kien hawn eluf. Malta kellha wieħed mill-akbar swieq ta’ l-ilsiera fl-Ewropa, wara Livorno.
Huwa ma jiktibx dwar il-Kavallieri qishom il-Maltin ma kinux jeżistu. Anzi jinvolvihom kemm jista’.
L-istorja tiegħu lanqas tieqaf fit-tkeċċija ta’ l-0rdni minn Bonaparti imma tkopri t-trasformazzjoni ta’ dan l-Ordni minn wieħed gwerrier għal wieħed umanitarju fid-dinja. Fil-vjaġġi tiegħi jiena ltaqjt mas-salib ta’ Malta fejn l-inqas tobsor – f’Ghana u fiż-Żimbabwe, fl-iSvizzera u fil-Ġermanja. Għalhekk dan il-ktieb għandu validita’ universali: m’huwiex wieħed ristrett jew iżolat f’xi sens parrokkjali.
Illum mijiet ta’ eluf ta’ Taljani u ta’ kelliema tat-Taljan iżuru lil pajjiznajew jiġu f’kuntatt miegħu imma sikwiet dwar ġrajjietna fi lsienhom ma jsibu xejn ħlief xi kitba turistika superfiċjali għall-aħħar.
Permezz ta’ “I Giovanniti” jintlaħaq dan is-suq u jitkattar il-għarfien iżjed approfondit ta’ ġrajjietna u ta’ niesna tul iż-zmien.