Awtur: Norbert Bugeja
Pubblikazzjoni: Midsea Books
Nistqarr li ftit li xejn naf dwar il-ħidma akkademika ta’ Dr Norbert Bugeja, imma dan il-ktieb ta’ poeżiji huwa ċertament eżerċizzju etnografiku fejn il-poeta bħal riċerkatur jinżel fil-qalba tal-irħula, jgħix l-esperjenza tal-poplu u lilna jagħtina rakkont hawnhekk fil-forma poetika ta’ dak li għix. U tabilħaqq dan il-ktieb iwasslilna kwadru wara kwadru mill-isbaħ, b’xenarji differenti minn lokalitajiet differenti. Forsi “kwadru” mhijiex l-aħjar kelma li stajt nuża għax il-poeżija ta’ Bugeja tappella għas-sensi kollha fejn ixomm ir-riħa tal-kafe’ (p.11) u tisma’ s-sejħa għat-talb mill-minaret tal-Moskea (p.8). Ta’ min napprezzaw iżda li vjaġġ poetiku li qed joħodna Bugeja mhuwiex wieħed imsawwar biss ma’ esperjenzi limitati tal-ħajja għalkemm dawn ukoll għandhom il-valur tagħhom. Imma hawnhekk għandna xenarji minn pajjiżi differenti, fosthom it-Tuneżija, t-Turkija, l-Marokk, Spanja u Malta u l-esperjenzi tal-popli. Dak li jagħmel lil Bugeja differenti minn xi awturi oħrajn li qrajt, huwa s-saħħa fl-osservazzjoni u l-preżentazzjoni tad-dettal. Nifhem li għalkemm dan jista’ jkun don u talent naturali tal-awtur, it-taħriġ tiegħu fir-riċerka għenu mhux ftit sabiex isaħħaħ din il-ħila. Mil-lat kważi empiriku il-pilastru metodoloġiku li jadotta huwa li l-karattri jsawwru l-istess poeżija u mhux biss jitkellem dwarhom, saħansitra l-istess ħitan u bini bla ħajja jingħata “vuċi”. Li sibt interessanti allura huwa li l-poeżija ta’ Bugeja m’hijiex sempliċiment interpretazzjoni fuq oġġett statiku, mhijiex bħal riflessjoni fuq tila, imma l-istess karattri jagħtu sinifikat lill-istess poeżija; tifsira ġdida li qed tinbena u mhux biss tiġi interpretata. Mill-banda l-oħra mil-lat poetiku ninnutaw li mill-istess postijiet l-awtur jislef ukoll il-metafora. Għaldaqstant anke l-metafora użata mhijiex neċessarjament dik użata f’diversi poeżiji bħal ngħidu aħna tar-riħ u tal-baħar li tant influwenzaw poeti. Bugeja iżda jimxi fit-toroq u jislet metafora minn dak li josserva.
Mill-qrib
M’hemmx dubju li l-qawwa ta’ dawn il-poeżiji qegħda fil-fatt ukoll li l-awtur vjaġġa u pinġa kwadru ta’ numru ta’ postijiet illi żar fosthom Alexandria, Istanbul, Valletta, Tangier, Marrakesh, Andalusia, Birgu, Beirut, Rome, Sanlucar de Barrameda, Montpellier, Catalunya. Dawn l-esperejnzi bnewh bil-kbir u r-riżultat qiegħed f’dawn il-poeżiji. Iżda kif għidt fl-introduzzjoni, Bugeja mhuwiex (għallinqas kif narah jien) vjaġġatur biss imma osservatur. U l-ħarsa tiegħu ma toħdux lejn l-attrazzjonijiet prinċipali tal-lokal imma lejn xi triq fil-ġenb jew fil-periferija tal-belt jew raħal li qajla nagħtu każ.
F’ “Ballad for a red headed poet” (p.3), ambjentata fi Franza fejn insibu numru ta’ Alġerin fost oħrajn li ġew transferiti lejn diversi rħula fosthom Lodève li x’aktarx għaliha tagħmel allużjoni din il-poeżija, it-tifla żgħira tistaqsi lil ommha “Why this wind, Maman? Why the darkeness?” Il-poeta jissaħħar bil-ġmiel imma jitnikket b’dak kollu li jeqred l-umanita’. Jibki ma’ persuni li warajhom hemm ġrajjiet li jmorru lura sekli twal. Josserva l-ħitan madwaru u bħal donnu minnhom jara d-dmugħ.
F’ “Cafe’ Jubilee’” (p.17) tistħajlek qed tara u tisma’ t-tifla bit-toppi taqbeż fil-bitħa tat-tfulija. Għaliex id-dettalji li jibni huma xi ħaġa impressjonanti f’dan il-ktieb u waqtiet kważi tistħajjilhom quddiemek. Anke hawn naraw kif jibni l-metafora minn dak li jara quddiemu, eżempju “tearful glass” u “woman draped in a Black waltz”.
Iżda waqt li jħares madwaru donnu jifhem anke lilu nnifsu u jirrifletti fuq l-identita’. Fil-poeżija “The last mile or two of love Okonedo” (p.32) juża frażijiet bħal “stateless” u “somewhere on the nails of the Atlantic”. Aktar tard “in search for each other”. Anke f’ “Requiem for the Remains” (p.46) ser nerġgħu naraw l-istess “stateless citizens”, “unfinished cities”.
Dawn il-poeżiji għalhekk mhumiex dwar pajjiżi u lanqas villaġġi. Huma dwar persuni bl-idenita’ kollha li ssawwarna. Kontra forsi dak li għandi tendenza naħseb jien, l-identita’ tagħmel il-persuna u l-ġrajja ma tistax titħassar. Fil-proċess ta’ integrazzjoni ma’ poplu, dan naħseb, għallinqas hekk irriflettejt, għandu jkun kruċjali, għaliex kif insibu f’dawn il-poeżiji l-memorja hija importanti hekk kif insibu “the ghosts within us” (p.41) li ma jħalluniex bi kwietna. Lill-bniedem ma tistax tifirdu mill-kultura tiegħu li sawritu għax bħal opera bla teatru, “an opera missing a theatre” (p.49)hekk il-bniedem fil-belt jew raħal li fih huwa biss barrani.
Ħarsa oġġettiva
Personalment nemmen li kull persuna anke f’eżerċizzju xjentifiku huwa suġġettiv, wisq iktar fl-arti. Madankollu rrid ngħid li Bugeja bil-mod kif iħalli l-karattri u l-bini, kif spjegajt diġa, jsawru l-ideat tiegħu, jidher ċar li għalkemm finalment kollox qed jgħaddi mill-perspettiva tal-awtur imma għandna stampa li tista’ tmur fl-istess post tal-awtur u terġa’ tarha.
F’kull post li jmur ma jimponix l-ideat tiegħu, imma dawn l-ideat jinbnew skont it-triq li jkun fiha, skont il-kuluri tal-bini li jara, skont il-misraħ li fih jistrieħ u jirrifletti. U dan huwa element ieħor interessanti li nara f’dawn il-poeżiji, fejn il-ħsieb qed jinbena ‘il ħin kollu, l-ideat qed jiġu ġġenerati mis-sitwazzjoni, aktar milli juża s-sitwazzjoni kif insibu f’poeti oħrajn. Minn ħarsa epistomoloġika Bugeja ma jħalli ebda influwenza fuq il-karattri, l-binjiet, l-ambjenti differenti li jiltaqa’ magħhom.
F’dak li jikteb imma m’hemmx imħuħ dojoq jew għajnejn b’xi għamad politiku jew reliġjuż. L-awtur ma jiddejjaq xejn li joħroġ is-senswalita’, għaliex wara kollox kif tista’ tkun oġġettiv u telimina parti mill-istess natura li hija importanti u relevanti. Jgħidilna ngħidu aħna:
“twenty-seven oranges, arms raised,
Look into our eyes, drunk with desire:
Two sinners sharing a last beer,
Two dark bulls embracing on the sand …” (Sunset on the Guadalquivir, p.2).
L-istess naraw fil-poeżija “La Virgen del Mayor Dolor” fejn f’kuntrast mal-ambjent Kattoliku, naraw iż-żina, u s-senswalita’. F’ “Mythodea” (p.9) jissaħħar quddiem il-qedem u jħossu bħal tifel ċkejken.
Konklużjoni
Il-kant-awtur Roger Waters fil-kanzunetta tiegħu “Home” jgħid:
“It could be clay and it could be sand
Could be desert
Could be a tract of arable land
Could be a house, could be a corner shop
Could be a cabin by a bend in the river
Could be something your old man handed down
Could be something you built on your own
Everybody got something he calls home”
Norbert Bugeja hawnhekk qed joħodna fi nħawi li xi wħud minna forsi qatt ma morna u jekk immorru forsi qajla nħarsu bl-istess pronfondita’ tal-awtur. Iżda bħal Roger Waters, il-lokalita’ jħares lejha bħala sfond tal-bniedem. Il-bniedem għandu rabta, għandu storja, għandu kultura u din hija d-dar tiegħu. Il-qawwa kbira u s-saħħa fl-osservazzjoni jidhirli li hija l-aktar element b’saħħtu f’dan il-ktieb. Il-qarrej se jiltaqa’ ma’ frażijiet mislutin minn ilsna differenti, ser jaqra dwar postijiet, bini u fuq kollox bnedmin li huma lkoll uniċi.
Poeżiji interessanti mmens.