Edward DeBono
Pubblikazzjoni: Kite
Edward de Bono huwa ħassieb Malti magħruf internazzjonalment għat-tijoriji tiegħu fil-qasam tal- ħsieb kreattiv. Magħruf għal diversi għodda li ħoloq fosthom il-famuzi Thinking Hats. Dawn il-“kpiepel” huma għodda li jgħinu biex wieħed imur Mela jekk, per eżempju, wieħed għandu t-tendenza li dejjem jopponi ideat ġdida, il-kpiepel jgħinuh biex jara wkoll l-element pożittiv ukreattiv ta’ din l-istess idea. Nies emozzjonali huma obbligati jkunu aktar “razzjonali” u viċi-versa. It-tijoriji ta’ De Bono għalhekk huma adottati minn diversi kumpaniji, gvernijiet u anke organizzazzjonijiet oħra minħabba li ‘il bogħod minn stili ta’ ħsieb tassoltu, u jesplora possibiltajiet oħra. X’hemm ġdid f’dan il-ktieb? Dan il-ktieb joffrielna għodda ġodda biex il-ħsieb isir aħjar u kif idea tista’ tiġi żviluppata biex tkun aħjar u twassal għal soluzzjonijiet u riżultati aħjar. Dan il-ktieb jitkellem fuq valuri għaliex bosta mid-deċiżjonijiet tagħna huma marbutin ma’ valuri. Għaldaqstant jibni fuq il-ħiliet li joffrielna De Bono fosthom dawk tal-ħsieb kreattivi u l-ħsieb laterali. De Bono ħtieġlu joħloq terminu ġdid “bonting” (p.19) li ġej mill-kliem bil-Latin, bonus (tajjeb, onest, nobbli, bżonnjuż, validu) jew bonum (ta’ siwi, utili, li joffri opportunita’). Irrid nagħmilha ċara li minkejja l-għerf ta’ De Bono, f’dan il-ktieb il-qarrej mhux se jsib diffikulta’ biex jifhem. L-awtur qed joffri għodda, sett ta’ ħiliet u għandu mod uniku u sistematiku ħafna kif jippreżenta l-ideat. Hemm xi ideat li jidhirli setgħu kienu mfissra f’aktar dettal, aktar milli msemmija
Kull ktieb li joħroġ ta’ Prof Edward De Bono jagħmlilna kburin bħala Maltin. Prof De Bono huwa persuna msemmi mad-dinja għat-tijoriji tal-ħsieb tiegħu. Wisq iktar inħossuna kburin li dan il-ktieb ġie pubblikat f’pajjiżna u minn dar tal-pubblikazzjoni Maltija, Kite. Fil-fatt it-tnedija ta’ dan il-ktieb saret fl-Uffiċju tal-Prim Ministru nhar il-Ġimgħa 15 t’April 2016.
Ħsieb differenti minn dak konvenzjonali
Il-bniedem huwa “annimal” li jaħseb u jitgħallem kif jaħseb. Dan il-ktieb jgħinna wkoll nitgħallmu niżviluppaw dan il-ħiliet kif naħsbu billi nżidu l-valur ta’ dak li nkunu qed nagħmlu. Fil-ħajja mhux kollox iswed u abjad, u l-bniedem jagħżel mhux dak li huwa tajjeb imma dak li huwa aktar tajjeb. F’każ bħal dan is-soluzzjoni mhux daqshekk faċli u jkollna allura nagħtu valur differenti. Nifhmu għalhekk li s-suġġett li qed jittratta De Bono m’huwiex wieħed faċli. Ovjament kienu bosta li tkellmu fuq valuri, imma De Bono hawn qed joffrielna għodda prattika u għodda li nistgħu nużaw. U sabiex nifhmu dan jagħmel użu minn diversi eżempji, kważi ripetittivi kif jgħid huwa stess, b’mod intenzjonat.
Mhux bonting biss hija l-kelma li ħoloq imma sabiex nifhmu l-valur differenti li nagħtu, ħoloq il-kelma ebne. Din il-kelma toħroġ mill-idea ta’ xi ħaġa eċċellenti imma mhux biżżejjed. Jista’ jkollna ideat tajbin, imma għalkemm tajbin ma jkunux biżżejjed.
Il-ħsieb konvenzjoniali jgħinna naħsbu u nargumentaw anke b’mod kritika u fuq kollox naslu biex noffru xi tip ta’ idea tajba. Ġaladarba ġiet preżentata idea m’hemmx għalfejn wieħed ifittex alternattivi. Għall-kuntrarju, f’dan il-ktieb naraw li huwa essenzjali li wieħed jgħarrex l-alternattivi. Idea mhux bilfors taqla’ idea oħra għaliex waħda tista’ tinbena fuq l-oħra.
Huwa biss bil-qawwa tal-immaniġazzjoni tagħna li nistgħu nagħtu valur. Naturalment waqt li qed nagħmlu dan dejjem irrid u niftakru li m’hemmx triq waħda. Dawn it-toroq alternattivi dejjem irridu nikkonsidrawhom sabiex nagħżlu l-aħjar waħda.
Nistgħu nagħtu valuri billi ntejbu dak li nkunu qed nagħmlu, inneħħu difetti, nsolvu problemi, nissimplifikaw, nippjanaw aħjar eċċ. Bonting huwa dwar dan imma wkoll li toħloq valuri ġodda. Valur nistgħu naraw kemm huwa relevanti wkoll skont is-saħħa tiegħu, il-preċiżjoni, ir-reazzjonijiet negattivi, u kemm iżomm postu f’ċirkostanzi differenti fost oħrajn.
Valuri differenti
Il-ktieb jiddefinixxi l-valuri differenti u dan għaliex il-valuri jiddependu skont iċ-ċirkostanzi u n-nies (p.87). Hemm tliet tipi ta’ valuri li kollha jiġu distinti permezz ta’ kuluri differenti.
Valuri bojod (White values), li jimplikaw it-tneħħija tan-negattitiva’; valuri sofor (yellow values) li jimplikaw il-valuri tant mistennija; u l-valuri lewn id-deheb (gold values) li jimplikaw valuri għola, aktar minn dawk mistennija.
Naturalment il-ħila kbira hija li tagħti valur pożittiv fejn m’hemmx. U l-ħtieġa ta’ din il-metodoloġija ġdida tinħoloq huwa minħabba dawn il-valuri ġodda u hemm vera se nsibu din l-għodda siewja. Jgħinna nibnu l-metodu pass pass fost oħrajn permezz ta’ kunċetti, nistħarrġu l-idea, nfittxu alternattivi, naraw kif nistgħu inbidlu u l-pratikalita’. Fuq kollox imbgħad niżviluppaw il-ħsieb. Bħala persuna li studjajt ix-xjenza, dawn fakkruni fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-iżvilupp ta’ sistemi u proġetti, imma bid-differenza waħda kbira li l-moħħ tal-bniedem huwa kreattiv. U niftakru li dawn l-ideat kollha huma mibnija fuq il-ħsieb laterali u l-ħsieb kreattiv, xi ħaġa li l-intelliġenza artifiċjali ma tilħaqx.
Konklużjonijiet u ħsibijiet
Ċertament li jekk sa minn ċkunithom it-tfal jitgħallmu jaħsbu u jkunu kreattivi, iħalli riżultati pożittivi ferm mhux biss fl-iskola imma anke wara fuq il-postijiet tax-xogħol. Dan il-ktieb kif rajtu jien, jibni fuq ta’ qablu imma jżid dan l-element tal-valuri.
Waqt li ppruvajt nagħti ħarsa lejn dan il-ktieb, irrid nistqarr magħkom li jiena wkoll qed nitgħallem, nifhem u nipprova napplika dawn il-ħsibijiet. Bl-ebda mod ma nħoss li jiena mgħarraf biżżejjed fit-tijoriji ta’ Edward De Bono.
F’isem it-Torċa għalhekk tkellimt ma’ Dr. Leonie Baldacchino, Ph.D.(Warw.) li hija d-Direttriċi tal-Isititut ta’ Edward De Bono fi ħdan l-Universita’ ta’ Malta.
Nagħlaq għalhekk b’dan il-ħsieb ta’ Dr. Leonie Baldacchino:
Il-Professur Edward de Bono huwa magħruf madwar id-dinja kollha bħala espert tal-kreattivita’, grazzi għall-bosta kontribuzzjonijiet li għamel f’dan il-qasam, fosthom il-ħsieb laterali, is-‘Six Thinking Hats’ u d-‘Direct Attention Thinking Tools’. F’dan l-aħħar ktieb tiegħu, de Bono jispjega li wieħed għandu juża l-ħsieb sabiex joħloq titjib u jżid il-valur f’oqsma differenti tal-ħajja. Għal dan it-tip ta’ ħsieb, de Bono ħoloq il-kelma ġdida ‘Bonting’. Din ġejja mill-kelma bil-Latin ‘bonum’ li tfisser ‘tajjeb’ (jew ‘tajba’).
Jien nemmen li dan it-tip ta’ ħsieb huwa ferm importanti, kemm fil-ħajja personali, kif ukoll fil-ħajja tan-negozju jew tax-xogħol. Ħafna nies għandhom tendenza li jħaddmu moħħhom b’mod kreattiv meta jiltaqgħu ma xi problema biss, fejn juzaw l-immaġinazzjoni u l-kreattivita’ biex ifittxu soluzzjoni. Iżda jekk wieħed ma juzax il-ħsieb għajr għal dan l-iskop, ikun qiegħed jaħli potenzjal intellettwali kbir. Nemmen li dejjem għandna naħsbu kif nistgħu ntejbu d-dinja ta’ madwarna, anki jekk kollox jidher li miexi ħarir, għaliex b’hekk inkunu nistgħu nisfruttaw opportunitajiet li jwasslu għal valur miżjud u kwalita’ ta’ ħajja aħjar.
Il-Professur de Bono jgħallem li l-kapaċita’ tal-ħsieb tista’ tiġi mħarrġa billi wieħed jitgħallem juża għodda sempliċi li jwasslu għal livell ogħla ta’ kreattivita’. Fl-1992 twaqqaf l-Istitut Edward de Bono ġewwa l-Universita’ ta’ Malta, fejn illum noffru diversi korsijiet ta’ taħriġ f’dan il-qasam, fosthom Diploma fil-Kreattivita’, Innovazzjoni u Intraprenditorija, Master fil-Kreattivita’ u Innovazzjoni, kif ukoll studju f’livell ta’ Dottorat. L-Universita’ tilqa’ applikazzjonijiet għad-Diploma u għall-Master sal-aħħar ta’ Settembru fuq is-sit www.um.edu.mt/apply. Kull min jixtieq iżjed informazzjoni dwar dawn il-korsijiet huwa mistieden iżur is-sit elettroniku tal-Istitut Edward de Bono www.um.edu.mt/create, jibgħat email fuq , jew iċempel fuq in-numru 2340 2434.